SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta' Lulju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE – Diploma ta' livell ta' edukazzjoni sekondarja miksuba minn Stat Membru ieħor – Aċċess għal edukazzjoni superjuri"
Fil-kawża C-65/03,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Martin, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent,
konvenut
li għandha għan li jiġi ddikjarat li billi r-Renju tal-Belġju ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li dawk li għandhom diplomi ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju maħruġa minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri organizzat mill-Komunità Franċiża tal-Belġju taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom iċ-ċertifikat ta' edukazzjoni sekondarja superjuri (ĊESS), ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li għandu skond l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, R. Schintgen u N. Colneric (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr Konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet, bis-saħħa ta' l-Artikolu 226 KE, rikors intiż sabiex jiġi ddikjarat, li billi ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li dawk li għandhom diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju maħruġa minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għat-tagħlim ta' livell superjuri organizzat mill-Komunità Franċiża tal-Belġju (iktar 'il quddiem il-"Komunità Franċiża") taħt l-istess kundizzjonijiet dawk li għandhom iċ-ċertifikat ta' edukazzjoni sekondarja superjuri (iktar 'il quddiem iċ-"ĊESS"), ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li għandu skond l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE.
Il-Qafas Ġuridiku
Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-Artikolu 12(1) KE:
"Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita."
3 L-Artikolu 149(1) u (2) KE jipprovdi:
"1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
2. L-azzjoni komunitarja għandha tkun immirata lejn:
[…]
– l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi r-[rikonoxximent] akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju;
[…]"
4 L-Artikolu 150 jipprovdi li:
"Il-Komunità għandha timplimenta politika ta' taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.
2. L-azzjoni komunitarja għandha jkollha l-mira li:
[…]
– tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u ta' min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażah;
[…]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 1(b) tad-Digriet Irjali ta' l-20 ta' Lulju 1971 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura biex tingħata ekwivalenza lil diplomi u ċertifikati ta' studju li sar barra mill-pajjiż (Moniteur belge tal-5 ta' Awwissu 1971, p. 9254, iktar 'il quddiem id-"digriet ta' l-1971") jipprovdi li:
"L-għoti ta' l-ekwivalenza prevista fl-Artikolu 1 tal-liġi tad-19 ta' Marzu 1971 ma jista', fl-ebda każ, ikollu bħala riżultat:
[…]
(b) li min jingħata tali ekwivalenza jingħata aċċess għal studji li m'għandux aċċess għalihom fil-pajjiż fejn inħareġ iċ-ċertifikat jew id-diploma".
6 Id-digriet tal-Gvern tal-Komunità Franċiża tat-3 ta' April 2003, li jemenda d-digriet ta' l-1971 (Moniteur belge tas-16 ta' Mejju 2003, p.26867, iktar 'il quddiem id-"digriet tat-3 ta' April 2003, li jemenda d-digriet ta' l-1971") żied ma' l-Artikolu 1(b) tad-digriet ta' l-1971 is-sentenza li ġejja: "Madankollu, is-subparagrafu b) ma japplikax għall-kwalifiki li jinħarġu minn Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea".
7 L-Artikolu 2 tad-digriet tal-Gvern tal-Komunità Franċiża tas-17 ta' Mejju 1999, li jistabbilixxi l-ekwivalenza bejn ċerti kwalifiki barranin li juru li ntemmu studji ta' livell sekondarju u ċ-ċertifikat uffiċjali ta' edukazzjoni sekondarja superjuri (Moniteur belge tal-25 ta' Settembru 1999, iktar 'il quddiem id-"digriet ta' l-1999"), jipprovdi li:
"Id-diplomi Lussemburgiżi li juru li ntemmu l-istudji ta' livell sekondarju, taħt is-sistema l-ġdida, mogħtija mis-sena skolastika 1993-1994 u li jinkludu waħda mill-frażijiet li ġejjin:
[…]
huma ddikjarati ekwivalenti għall-ċertifikat uffiċjali ta' tagħlim ta' livell sekondarju superjuri"
8 Id-digriet tal-Gvern tal-Komunità Franċiża tat-3 ta' April 2003, li jemenda d-digriet ta' l-1999 (Moniteur belge tal-15 ta' Mejju 2003, iktar 'il quddiem "id-digriet tat-3 ta' April 2003 li jemenda d-digriet ta' l-1999") ħassar, b'mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-digriet ta' l-1999.
Il-fatti li wasslu għal kawża
9 Billi kkunsidrat li d-dispożizzjoni tad-digriet ta' l-1971 li jirregola r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tad-diplomi mogħtija meta jintemmu l-istudji ta' livell sekondarju u l-aċċess għall-studji superjuri u universitarji fil-Komunità Franċiża kienu jmorru kontra l-Artikoli 12 KE, 149 KE u 150 KE, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. Wara li intimat lir-Renju tal-Belġju sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, fit-23 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji ħalli f'terminu ta' xahrejn minn din in-notifika jikkonforma ruħu ma' l-istess opinjoni.
10 Il-Gvern tal-Komunità Franċiża fil-Belġju għalhekk informa lill-Kummissjoni li, matul il-laqgħa tiegħu ta' l-20 ta' Diċembru 2001, huwa kien iddeċieda li jikkonforma ruħu mal-konklużjonijiet li waslet għalihom l-istess Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha. Hu informaha wkoll li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ kienet ser tiġi emendata sabiex tintemm id-diskriminazzjoni in kwistjoni u li l-miżuri neċessarji sabiex tiġi implementata l-imsemmija deċiżjoni kienu ser jittieħdu qabel tmiem is-sena akkademika 2001/2002.
11 Peress li l-Komunità Franċiża tal-Belġju ma weġbitx għaż-żewġ ittri ta' tfakkir tal-Kummissjoni, hija ressqet dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Argumenti tal-partijiet
12 Il-Kummissjoni tfakkar mis-sentenza tat-13 ta' Frar 1985, Gravier, (293/83, Ġabra p. 593), jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-aċċess tat-taħriġ vokazzjonali jaqgħu fl-iskop tat-Trattat. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kunċett ta' "taħriġ vokazzjonali" għandu jiġi mifhum b'mod wiesa' ħafna. Barra minn hekk skond l-Artikolu 149 KE, il-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni minn issa 'il quddiem huma rregolati mit-trattat.
13 Il-Kummissjoni ssostni li ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra li għandhom diplomi u kwalifiki li juru li temmu l-istudji ta' livell sekondarju fi Stati Membri oħra, u li jixtiequ jkollhom aċċess għat-tagħlim superjuri fil-Belġju (studji tal-mediċina, xjenza dentarja u veterinarja u inġinerija agrikola), għandhom jagħmlu u jgħaddu minn test ta' ħila, jekk ma jkunux jistgħu jagħtu prova bħala kundizzjoni supplementari, li huma jikkwalifikaw, fil-pajjiż tagħhom, biex jiġu ammessi f'università mingħajr ma jkollhom jagħmlu eżami ta' ammissjoni jew mingħajr xi kundizzjoni oħra biex jidħlu.
14 Hija ssostni li l-kundizzjoni supplementari mitluba għall-aċċess għat-tagħlim superjuri fil-Komunità Franċiża, safejn din tapplika biss għal dawk li għandhom diplomi miksuba fi Stat Membru ieħor, jista' jkollha effett akbar fuq iċ-ċittadini ta' dawn l-Istati Membri l-oħra milli fuq iċ-ċittadini Belġjani.
15 Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li din il-kundizzjoni supplementari, li għandha l-forma ta' eżami "ta' maturità" u li jrid isir biss minn dawk li kisbu diplomi fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi kundizzjoni ta' aċċess għat-tagħlim superjuri u universitarju fis-sens ta' l-imsemmija ġurisprudenza.
16 Il-Kummissjoni ssostni li din is-sistema toħloq diskriminazzjoni doppja, minn naħa kontra dawk li kisbu diplomi fl-Istati Membri l-oħra u, min-naħa l-oħra, fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra skond is-sistema skolastika li fiha kisbu d-diploma tagħhom li turi li temmu l-istudji ta' livell sekondarju.
17 Fir-risposta tad-difiża tiegħu, il-Gvern Belġjan iqis li, bl-adozzjoni taż-żewġ digrieti tat-3 ta' April 2003, li emenda d-digrieti ta' l-1971, ta' l-1999, huwa adotta l-miżuri neċessarji biex jiżgura li dawk li għandhom diplomi ta' tagħlim superjuri miksuba fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċeddu għat-tagħlim superjuri organizzat mill-Komunità Franċiża taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dawk li kisbu ċ-ĊESS.
18 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li fl-emendi leġiżlattivi li saru mill-awtoritajiet Belġjani jieħdu in konsiderazzjoni l-ilmenti tagħha biss għall-futur. Bosta studenti li kisbu diploma ta' tagħlim ta' livell sekondarju fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jaċċedu għat-tagħlim superjuri fil-Belġju diġà ġew ippenalizzati fil-passat mill- ksur tad-dritt Komunitarju li l-Kummissjoni qiegħda tilmenta dwaru fir-rikors tagħha. Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-rikors tal-Kummissjoni għaldaqstant għad fiha interess sabiex jiġi stabbilit il-bażi tar-responsabbiltà tar-Renju tal-Belġju fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk ir-rikors iqajjem punt ta' dritt importanti li l-Kummissjoni tixtieq li jiġi deċiż formalment mill-Qorti tal-Ġustizzja.
19 Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, is-sempliċi emenda tad-digriet ta' l-1971 kienet biżżejjed sabiex jintemm in-nuqqas li sar ilment dwaru u ma kienx neċessarju li jiġi emendat ukoll id-digriet ta' l-1999, li kien jiddikjara li d-diplomi Lussemburgiżi, li jingħataw meta jintemmu l-istudji ta' livell sekondarju, huma ekwivalenti għaċ-ĊESS. Il-Kummissjoni tippreċiża li fil-proċedura prekontenzjuża hija ma kinitx ifformulat ilment separat dwar is-sitwazzjoni speċifika ta' dawk li għandhom diplomi Lussemburgiżi. Ir-referenza għal din is-sitwazzjoni speċifika kienet intiża biss biex turi l-fatt li d-diskriminazzjoni fir-rigward ta' dawk li għandhom diploma li nkisbet fi Stat Membru ieħor kienet tiġi flimkien ma' diskriminazzjoni kontra ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra, skond l-Istat Membru li fih huma jkunu kisbu d-diploma ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju tagħhom.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
20 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat kif kienet meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-bidliet li seħħew wara ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, Ġabra p. I-1147, punt 23, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).
21 F'dan il-każ, id-digriet tat-3 April 2003, li jemenda d-digriet ta' l-1971 ġie biss adottat wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
22 Konsegwentement, din il-miżura ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami ta' dan ir-rikors.
23 Skond l-Artikolu 12(1) KE, fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta’ tat-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li jinkludi, kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza hija pprojbita.
24 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan, fis-seħħ meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-edukazzjoni superjuri organizzat mill-Komunità Franċiża, kinux konformi ma' din id-dispożizzjoni tat-Trattat.
25 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Gravier, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, il-kundizzjonijiet ta' aċċess għat-taħriġ vokazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat (ara wkoll is-sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 11; tas-27 ta' Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 42/87, Ġabra p. 5445, punt 7 u tas-7 ta' Lulju 1992, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-295/90, Ġabra p. I‑4193, punt 15). F'dan ir-rigward, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 149(2) jipprovdi espressament li l-azzjoni tal-Komunità hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-istudenti u ta' l-għalliema, anki billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi u tal-perijodi ta' studju. Barra minn hekk it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 150(2) jipprovdi li l-azzjoni tal-Komunità għandha tkun immirata biex tħaffef l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u biex tiffavorixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u tal-persuni li qed jitħarrġu u, b'mod partikolari, iż-żgħażagħ.
26 Fir-rigward ta' l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali, it-Trattat ma jipprovdix dispożizzjonijiet partikolari li għandhom, fir-rigward ta' l-Artikolu 12(1) KE, jiġu eżaminati fl-ewwel lok.
27 L-Artikolu 12(1) KE huwa għalhekk applikabbli għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għall-aċċess għall-edukazzjoni superjuri.
28 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, li l-projbizzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, stabbilita fl-Artikolu 12(1) KE hija espressjoni partikolari tagħha, tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji bbażati fuq iċ-ċittadinanza imma t-tipi kollha ta' diskriminazzjoni moħbija, bbażati fuq iċ-ċittadinanza li, bl-applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-3/88, Ġabra p. 4035, punt 8, u tas-16 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. I‑721, punt 13).
29 F'din il-kawża, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tpoġġi f'pożizzjoni żvantaġġata lil dawk li għandhom diplomi ta' edukazzjoni ta' livell sekondarju fi Stat Membru ieħor li mhux il-Belġju minħabba li dawn ma jistgħux jaċċedu, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li għandhom iċ-ĊESS jew id-diploma Lussemburgiża ekwivalenti, għall-edukazzjoni superjuri organizzata mill-Komunità Franċiża. Il-kriterju ta' distinzjoni użat jaħdem, b'mod prinċipali, għad-detriment taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra.
30 Ir-Renju tal-Belġju m'hu qiegħed iressaq l-ebda argument li jista' jiġġustifika dan il-kriterju.
31 Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li dawk li għandhom diplomi ta' edukazzjoni sekondarja li kisbu fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għall-edukazzjoni superjuri organizzata mill-Komunità Franċiża, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li għandhom iċ-ĊESS, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li għandu bis-saħħa ta' l-Artikolu 12 KE moqri flimkien ma' l-Artikoli 149 KE u 150 KE.
Fuq l-ispejjeż
32 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi
1) Billi ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li dawk li għandhom diplomi ta' edukazzjoni sekondarja li kisbu fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għall-edukazzjoni superjuri organizzata mill-Komunità Franċiża tal-Belġju, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li għandhom iċ- iċ-ċertifikat ta' edukazzjoni sekondarja superjuri (ĊESS), ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li għandu bis-saħħa ta' l-Artikolu 12 KE moqri flimkien ma' l-Artikoli 149 KE u 150 KE.
2) Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż.
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, l-1 ta Lulju 2004.
Reġistratur | | President tat-Tielet Awla |