SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Settembru 2010 (*)

“Politika komuni tas-sajd – Sajd fil-Mediterran – Regolament (KE) Nru 1626/94 – Artikolu 1(2) u (3) – Projbizzjoni tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ xbieki tas-sajd – Miżuri supplimentari jew li jmorru lil hinn mill-ħtiġijiet minimi ta’ dan ir-regolament adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament – Kundizzjonijiet ta’ validità”

Fil-Kawża C‑453/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2008, fil‑proċedura

Panagiotis I. Karanikolas et

vs

Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,

Nomarchiaki Aftodioikisi Dramas, Kavalas, Xanthis,

fil-preżenza ta’:

Alieftikos Agrotikos Synetairismos gri-gri nomou Kavalas (Makedonia),

Panellinia Enosi Ploioktiton Mesis Alieias (PEPMA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, A. Ó. Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. I. Karanikolas et, minn A. Charokopou, avukat,

–        għal Alieftikos Agrotikos Synetairismos gri-gri nomou Kavalas (Makedonia), minn M. Filippidou, avukat,

–        għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Tserepa‑Lacombe u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1626/94, tas-27 ta’ Ġunju 1994, li jesiġi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd fil-Mediterran (ĠU L 171, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2550/2000, tas-17 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 166, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1626/94”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn P. I. Karanikolas u 18-il sajjied ieħor, kif ukoll il-koperattiva tas‑sajd kostali ta’ Kavala, u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (il-Ministeru għall-Iżvilupp Agrikolu u l-Ikel) u Nomarchiaki Aftodioikisi Dramas, Kavalas, Xanthis (il-Prefettura għal Drama-Kavala-Xanthi) fir-rigward tar-rifjut tal-ħruġ ta’ permessi għas-sajd ibbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l- ħruġ ta’ permessi għas-sajd li jsir bl-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460) intitolat “Skop”, huwa ifformulat kif ġej:

“1.      Il-Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tkopri l-konservazzjoni, l‑amministrazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin, ta’ l-akwakultura, u tal‑proċessar u l-marketing ta’ prodotti tas-sajd u l-akwakultura meta dawn l‑attivitajiet jitwettqu fuq it-territorju ta’ Stati Membri jew f’ilmijiet tal‑Komunitàjew minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità jew, bla ħsara għar‑responsabbiltà ewlenija ta’ l-Istat tal-bandiera, minn ċittadini ta’ Stati Membri.

2.      Il-Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tiddisponi għal miżuri koerenti dwar:

(a)      konservazzjoni, amministrazzjoni u sfruttar ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin,

(b)      limitazzjoni ta’ l-impatt ambjentali tas-sajd,

(ċ)      kondizzjonijiet dwar l-aċċess għal ilmijiet u riżorsi,

(d)      politika strutturali u amministrazzjoni tal-kapaċità tal-flotta,

(e)      kontroll u infurzar,

(f)      akwakultura,

(g)      organizzazzjoni komuni tas-swieq, u

(h)      relazzjonijiet internazzjonali.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għanijiet”, jippreċiża:

“1.      Il-Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tapplika trattament kawt fit-teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin, biex jaħsbu għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt ta’ l‑attivitajiet tas-sajd fuq l-eko-sistemi tal-baħar. Għandha timmira lejn implimentazzjoni progressiva ta’ trattament bażat fuq eko-sistema fl‑amministrazzjoni ta’ żoni tas-sajd. Għandha timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet ta’ sajd effiċjenti f’industrija ta’ sajd u akwakultura ekonomikament vijabbli u kompetittiva[, li tipprovdi livell ta’ għajxien tajjeb lil dawk li jiddependu minn attivitajiet tas‑sajd u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interessi tal‑konsumaturi].

2.      Il-Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tiġi gwidata mill-prinċipji li ġejjin ta’ governanza tajba:

(a)      definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tal-Komunità, f’livelli nazzjonali u lokali;

(b)      proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bażat fuq pariri xjentifiċi sodi li jagħtu riżultati fil-ħinijiet mistennija;

(ċ)      involviment wiesgħa ta’ dawk kollha li għandhom xi interess fl-istadji kollha tal-politika mill-konċepiment sa’ l-implimentazzjoni;

(d)      konsistenza ma’ politika oħra tal-Komunità, b’mod partikolari ma’ politika ambjentali, soċjali, dwar żvilupp, saħħa u ħarsien tal-konsumatur.”

5        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Biex jikseb l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-Kunsill għandu jistabbilixxi miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-insegwiment ta’ attivitajiet tas-sajd.”

 Ir-Regolament Nru 1626/94

6        It‑tieni, ir‑raba’ u t‑tmien premessi tar‑Regolament Nru 1626/94 jipprovdu:

“Billi, madankollu, issa wasal iż-żmien sabiex jiġu rrimedjati l-problemi li preżentement jaffetwaw ir-riżorsi fil-Meditterran bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ treġġija armonizzata mfassla għal-dawn iċ-ċirkostanzi, billi jittieħed rendikont tar‑regolamenti eżistenti nazzjonali u jsiru aġġustamenti għal ta’ l-aħħar, kif meħtieġ sabiex jiġu mħarsa ħażniet, f’manjiera bilanċjata u, fejn xieraq b’mod progressiv;

[…]

Billi atrezzar li, jekk jintuża fil-Mediterran, jikontribwixxi eċċessivament għad‑degradazzjoni ta’ l-ambjent marittimu, jew għal tnaqqis ta’ ċerti ħażniet għandhom jiġu projbiti; billi parti miż-żona kostali għandha tkun riservata għall‑attrezzar selettiv użat minn sajjieda ta’ daqs żgħir […];

[…]

Billi miżuri nazzjonali supplimentari għal, jew li jmorru lill hinn mill-ħtiġijiet minimi ta’, is-sistema stabbilita b’dan ir-Regolament jew miżuri li jirregolaw ir‑relazzjonijiet bejn dawk involuti f’attivitajiet tas-sajd għandhom jibqgħu possibli; billi tali miżuri jistgħu jibqgħu mantenuti jew introdotti, bla ħsara għal reċensjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibilità tagħhom mal-liġi tal‑Komunità u l-konformità tagħhom mal-politika komuni fuq is-sajd”.

7        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull sajd u attivitajiet relatati li jsiru fi ħdan it-territorju tal-ilmijiet marittimi tal-Mediterran fuq il-lvant fil-linja 5° 36’ punent li jaqgħu taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri bl‑eċċezzjoni ta’ għadajjar u laguni. Għandu wkoll japplika fuq dawk l-attivitajiet li jsiru fil-Mediterran barra dawk l-ilmijiet tal-dgħajjes tal-Komunità.

2.      Stati Membri b’kosta fil-Meditteran jistgħu jibqgħu jilleġislaw fiż-żoni koperti mill-paragrafu 1, inklużi dawk ta’ żoni tas-sajd mhux kummerċjali, billi jadottaw miżuri li jissuplimentaw lil, jew imorru lill hinn mill-ħtiġijiet minimi ta’, is-sistema stabbilita b’dan ir-Regolament, kemm il-darba tali miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u f'konformità mal-politika komuni tas-sajd.

Meta jiġu addottati tali miżuri, Stati Membri għandhom joqgħodu attenti għall‑konservazzjoni ta’ speċi [u ambjenti fraġli jew pperikolati …]

3.      Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata […] b’kull pjanijiet li jintroduċu jew jemendaw konservazzjoni nazzjonali u miżuri ta’ treġġija [ġestjoni] ta’ riżorsi.”

8        L-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża:

“L-użu ta’ xbieki li jdawwru u tal-irmonk mitluqa minn dgħajsa u mħaddma mill‑plajja (tartaruni) għandu jkun ipprojbit mill-1 ta’ Jannar 2002 kemm-il darba il-Kunsill, b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi mod ieħor fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika li tipprova li l-użu tagħhom m’għandux impatt negattiv fuq riżorsi.”

9        L-Artikolu 3(1), (1a) u (4) tal-istess regolament jistabbilixxi:

“1.      L-użu ta’ xbieki ta’ tkarkir, tartaruni jew xbiek simili għandu jkun ipprojbit ’il ġewwa minn tliet mili nawtiċi mill-kosta jew fil-isobath ta’ 50 m meta dak il‑fond huwa milħuq f’distanza iqsar, irrispettivament mill-metodu tal-irmonk jew traxxinar, ħlief fejn derogazzjoni hija provduta f’leġislazzjoni nazzjonali fir‑rigward ta’ żona kostali ta’ tliet mili li testendi lill hinn mill-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru.

Madankollu, kull attrezar tas-sajd użat f’distanza mill-kosta ta’ inqas minn dak stipilat fl-ewwel subparagrafu w użat skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1994 jista’ jintuża sal-31 ta’ Diċembru 2002, kemm-il darba il-Kunsill, b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi mod ieħor fid-dawl ta’ tgġarif xjentifiku li jipprova li l-użu tagħhom m’għandux impatt negattiv fuq riżorsi.

1a. L-użu ta’ apparat tas-sajd taħt il-kondizzjonijiet tat-tieni sotto-paragrafu tal‑paragrafu 1 mhux permess, bl-eċċezzjoni tas-sajd li jsir bil-“gangui” sakemm l-Istat Membru involut ma jkunx daħħal miżuri li jiżguraw li għal dan is-sajd:

–        il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 mhix f’periklu,

–        is-sajd ma jfixkilx l-attivitajiet ta’ bastimenti li jużaw apparat ieħor mhux karkaruni, seines jew xbieki simili rmunkati,

–        is-sajd hu ristrett għal speċi speċifiċi li mhumiex soġġetti għal daqs ta’ ħatt minimu skond l-Artikolu 8,

–        is-sajd hu ristrett b'mod li l-qbid ta’ speċi msemmija fl-Anness IV ikun minimu,

–        il-bastimenti huma soġġetti għal permessi speċjali tas-sajd maħruġa skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar permessi ta’ sajd speċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 173].

Dawn il-miżuri għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2000.

[…]

4.      Għandu jkun ipprojbit li tarma kull tip ta’ xibka mdawwra l-ġewwa minn 300 m tal-kosta jew il-ġewwa minn isobath ta’ 30 m fejn tali fond huwa milħuq f’distanza iqsar.”

10      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1626/94 jippreċiża:

“Stati Membri għandhom jistabbilixxu restrizzjonijiet li jinvolvu l-karatteristiċi tekniċi ta’ t-tipi ewlieni ta’ attrezar bil-ħtiġiet minimi esiġiti fl-Anness II.”

11      Skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament, id-daqs minimu tax-xbieki għal xbieki li jdawru huwa limitat sa 800 m u l-waqgħa sa 120 m.

12      L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-użu u ż-żamma abbord ta’ xbieki ta’ tkarkir jew attrezar tal-irmonk, xbieki tal‑garġi jew xbieki li jdawru għandu jkun ipprojbit, kemm-il darba d-daqs tal‑malji f’dik il-parti tax-xibka li għandha l-iżgħar malji huwa ugwali għal jew aktar mill-iżgħar daqsijiet tal-malji elenkati fl-Anness III.

[…]”

13      L-Anness III tal-istess regolament jistabbilixxi li d-daqs minimu ta’ malji għal xbieki li jdawru huwa 14 mm.

14      Ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, tal-21 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 409, p. 11).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaddiet minn numru ta’ stadji sussegwenti.

16      Id-Digriet Irjali tal-15 ta’ Awwissu 1958, li jirregola s sajd li jsir bl-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru (FEK A’ 132) jawtorizza s-sajd tal-ispeċi kollha bl-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru waqt li fl-istess ħin jimponi daqs massimu ta’ tul u ta’ għoli għal dawn ix-xbieki kif ukoll daqs minimu għall-malji tagħhom. Dan id-digriet jippreċiża wkoll il-perijodi tas-sena kif ukoll il-ħinijiet li matulhom jistgħu jiġu użati dawn ix-xbieki.

17      Id‑Digriet Presidenzjali 587/1984 (FEK A’ 210) ipprovda sabiex il‑permessi kollha li kienu nħarġu lid‑dgħajjes għas‑sajd bi xbieki żgħar li jdawru ma jibqgħux validi wara l‑31 ta’ Diċembru 1986.

18      Id‑Digriet Presidenzjali 542/1985 (FEK A’ 191) ħassar id‑Digriet Presidenzjali 587/1984 u kkonferma it-tmiem tal-permessi għas-sajd bi xbieki żgħar li jdawru wara l‑31 ta’ Diċembru 1986. Barra minn dan, id‑Digriet Presidenzjali 542/1985 ipprojbixxa minn hemm ’il quddiem l‑ħruġ ta’ permessi għas‑sajd għad‑dgħajjes bi xbieki żgħar li jdawru.

19      Din il-miżura ta’ projbizzjoni kienet is-suġġett ta’ eżenzjoni temporanja. Fil-fatt, id-Digriet Presidenzjali 526/1988 (FEK A’ 237) eżenta mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 542/1985 il-permessi għas-sajd bix‑xbieki tal‑imsell għall‑imsella (Belone belone). Dawn il-permessi nħarġu biss għas-sajd tal‑imsella u tas-saury (Scomberesox saurus saurus) u jibqgħu suġġetti taħt ċertu kundizzjonijiet relatati mal-karatteristiċi tax-xbieki u tal-perijodi tas-sajd. Sussegwentement, id‑Digriet Presidenzjali 320/1997 (FEK A’ 224) ħassar id‑Digriet Presidenzjali 526/1988 mill‑31 ta’ Diċembru 1998 u stabbilixxa li minn dakinhar ’il quddiem il-ħruġ ta’ permessi għas‑sajd bix‑xbieki tal‑imsell kellu jiġi pprojbit u li l‑permessi kollha maħruġa għal dan il-għan ma kinux se jibqgħu validi wara din id-data.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni li l-għoti ta’ permessi għall-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru huwa pprojbit mill-1 ta’ Jannar 1987 għall‑ispeċji kollha ta’ ħut u li l-għoti ta’ permessi huwa biss possibbli għall‑imsella u s-saury bejn is-26 ta’ Ottubru 1988 u l-31 ta’ Diċembru 1998.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      L-attrezzar tas-sajd imsemmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija xibka żgħira li ddawwar. Dan it-tip ta’ xibka hija użata sabiex jinqabdu speċi pelaġiċi żgħar bħal kavalli jew sardin. It-teknika tikkonsisti f’li jdawru l-ħut bix-xibka u li tingħalaq il-parti ta’ isfel permezz ta’ ħbula tal-għeluq sabiex tinbidel f’borża li fiha jinżammu l-ħut imdawra. Fil-Greċja, jidher li numru ta’ xbieki żgħar li jdawru huma użati mis-sajjieda, jiġifieri dawk għas-sardin u għall-alosa kif ukoll dawk għall-imsella u għas-saury. Dawn tal-aħħar huma iqsar, inqas għolja u għandhom malji iżgħar. Barra minn dan, jeżistu tartaruni kbar użati għas-sajd tas-sardin, imsejħa “gri-gri”, li ma humiex koperti mill-projbizzjoni.

22      Fl-20 ta’ Mejju 2003, P. I. Karanikolas u 18-il sajjied professjonist u sid ta’ dgħajjes tas‑sajd oħra residenti f’Kavala, kif ukoll il-koperattiva tas-sajd kostali ta’ Kavala, li huma membri tagħha, talbu li jinħarġulhom permessi għas‑sajd tas‑sardin permezz ta’ xbieki żgħar li jdawru, bla ħsara għar‑restrizzjonijiet u l‑karatteristiċi tekniċi stipulati fir‑Regolament Nru 1626/94.

23      Din it-talba ġiet indirizzata lin-Nomarchiaki Aftodioikisi Dramas, Kavalas, Xanthis li talbet li tiġi informata dwar il-possibbiltà li tagħti tali permessi mingħand il-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon. Permezz tal-Att Nru 172603 tat-8 ta’ Awwissu 2003, id‑Direttorat tas‑Sajd Marittimu ta’ dan il‑Ministeru wieġeb li ma kienx possibbli li din it-talba tintlaqa’ minħabba fil‑miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkostitwixxi miżura supplimentari tas-sajd skont ir-Regolament Nru 1626/1994.

24      Dan l-att ġie nnotifikat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali permezz tal-Att Nru 19/760 tad-29 ta’ Awwissu 2003 ta’ din il-prefettura.

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talba quddiem il‑qorti tar-rinviju għall‑annullament tal‑atti Nri 172603 u 19/760.

26      L-Alieftikos Agrotikos Synetairismos gri-gri nomou Kavalas (Makedonia) (koperattiva agrikola tas‑sajd tas-sidien ta’ dgħajjes magħrufa “gri-gri” tar-reġjun ta’ Kavala) kif ukoll il-Panellinia Enosi Ploioktiton Mesis Alieias (PEPMA) (sindikat panelleniku tas-sidien ta’ dgħajjes għas-sajd mal-kosta) intervjenew fil‑kawża.

27      Is-Symvoulio tis Epikrateias jikkunsidra li l‑Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri supplimentari li huma iktar stretti minn dawk previsti mir‑Regolament Nru 1626/94 fiż‑żoni marittimi suġġetti għas‑sovranità tagħhom sabiex jiġu protetti speċi ta’ fawna marina li huma vulnerabbli jew mhedda. Dawn il‑miżuri ma humiex limitati għall‑istipular ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi iktar stretti għal attrezzar tas-sajd jew perijodi ta’ żmien, iżda jinkludu wkoll il‑projbizzjoni assoluta ta’ tip ta’ attrezzar tas-sajd. Għaldaqstant, din il-qorti tqis li l‑projbizzjonijiet fuq l‑użu tal‑attrezzar tas-sajd li kienu ġew imposti b’dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali adottati qabel id-dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 1626/94 ma humiex affettwati mid‑dispożizzjonijiet sussegwenti ta’ dan ir‑regolament, u li dawn il-projbizzjonijiet jibqgħu validi anki jekk l‑użu ta’ dan l‑attrezzar ma huwiex ipprojbit b’dan ir‑regolament.

28      Peress illi s-Symvoulio tis Epikrateias ma kinitx madankollu ċerta mill‑interpretazzjoni li għandha tingħata lir-Regolament Nru 1626/94, iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiema u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament […] Nru 1626/94, Stat Membru jista’ jadotta miżuri supplimentari li jikkonsistu fil-projbizzjoni assoluta ta’ attrezzar tas-sajd, li l-użu tiegħu, fil-prinċipju, huwa awtorizzat skont id‑dispożizzjonijiet [ta’ dan ir-]regolament?

2)      Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1626/1994, fiż-żona marittima ta’ Stat Membru b’kosta fil-Mediterran, jista’ jintuża attrezzar tas‑sajd mhux inkluż fost dak li hu indikat bħala, fil-prinċipju, ipprojbit fl‑Artikoli 2(3), 3(1) u 3(1a ) ta’ dan ir-regolament u li l-użu tiegħu kien ġie pprojbit qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament minn dispożizzjoni nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

29      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1626/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, tipprojbixxi l-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru meta, minn naħa, din il-miżura ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir‑regolament u, min‑naħa l-oħra, li dan ir-regolament ma jipprojbix l-użu ta’ dan it-tip ta’ xbieki.

30      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok li l-ewwel nett issir tfittxija dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1626/94 jippermettu ż‑żamma ta’ “miżuri li jissuplimentaw lil, jew imorru lill hinn mill-ħtiġijiet minimi [tas]-sistema”, stabbiliti minn dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament. It-tieni nett, u f’każ affermattiv, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjonijiet f’dan l-Artikolu 1(2).

31      F’dak illi jirrigwarda, l-ewwel nett, il-possibbiltà li jinżammu miżuri supplimentari wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1626/94, l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir‑regolament jippreċiża li l-Kummissjoni għandha tkun infurmata bil-pjanijiet kollha li jintroduċu jew jemendaw miżuri nazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ riżorsi. Jirriżulta minn interpretazzjoni litterali ta’ din id‑dispożizzjoni li l-obbligu ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda biss il‑miżuri nazzjonali adottati jew emendati wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir‑regolament u mhux dawk li jeżistu qabel din id-data.

32      Din l-interpretazzjoni hija msaħħa, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal‑konklużjonijiet tiegħu, mill-fatt li t-tieni premessa tar-Regolament Nru 1626/94 tippreċiża li għandha tiġi introdotta “sistema ta’ treġġija armonizzata mfassla għal-dawn iċ-ċirkostanzi, billi jittieħed rendikont tar‑regolamenti eżistenti nazzjonali”.

33      Huwa minnu li jirriżulta mit-tmien premessa ta’ dan ir-regolament li miżuri nazzjonali supplimentari jew li jmorru lill hinn mill-ħtiġijiet minimi tas-sistema stabbilita jistgħu jinżammu bla ħsara għal eżami mill-Kummissjoni tal‑kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni u tal-konformità tagħhom mal‑politika komuni fuq is-sajd

34      Madankollu, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minn naħa, meta hija fasslet ir-Regolament Nru 1626/94, hija kkunsidrat il-miżuri nazzjonali eżistenti u, min-naħa l-oħra, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ma affettwax l‑applikazzjoni tal-miżura ta’ projbizzjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill‑espożizzjoni tal-motivi għall‑proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), tal‑11 ta’ Diċembru 1992, li jarmonizza ċerti miżuri tekniċi fis-seħħ fil-Mediterran [COM(92) 533 finali, ĠU 1993, C 5, p. 6] li wassal għall-addozzjoni tar‑Regolament Nru 1626/94, li “abbażi ta’ madwar 400 test legali kkomunikati mill‑erba’ Stati Membri tal‑Mediterran, hija kienet għamlet studju komparattiv dwar id‑dispożizzjonijiet applikati għas‑sajd tal‑Mediterran bl‑għan li toħroġ sett ta’ regoli bażiċi biex jiġu implimentati fil‑livell Komunitarju”.

35      L-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1626/94 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament huwa mingħajr effett fuq il-validità ta’ miżura nazzjonali supplimentari adottata qabel dan id-dħul fis‑seħħ. Madankollu, huwa neċessarju li dawn il-miżuri jkunu konformi mal‑ħtiġijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 1(2).

36      It-tieni nett, f’dak illi jirrigwarda l-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala “miżura supplimentari” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1626/94, jirriżulta mill-ifformular ta’ din id-dispożizzjoni li l-Istati Membri b’kosta fil-Meditteran jistgħu jadottat miżuri supplimentari jew li jmorru lil hinn mill-ħtiġijiet minimi tas-sistema stabbilita b’dan ir-regolament, li huma kompatibbli mad-dritt tal‑Unjoni u konformi mal-politika komuni tas-sajd. Bl-adozzjoni ta’ dawn il‑miżuri, dawn l-Istati Membri joqogħdu attenti għall‑konservazzjoni ta’ speċi u ta’ ambjenti fraġli u pperikolati.

37      Sabiex tiddetermina jekk il-miżura ta’ projbizzjoni tal-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-ħtiġijiet tal‑Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1626/94, wieħed għandu l-ewwel nett ifittex jekk din it-tip ta’ xbieki huwiex jew le fost dawk li l-użu tagħhom huwa pprojbit minn dan ir-regolament. F’każ negattiv, sussegwentement għandu jiġi vverifikat jekk din il-miżura ta’ projbizzjoni tikkostitwixxix miżura li tmur lil hinn mill‑ħtiġijiet introdotti minn dan ir-regolament. Jekk dan ikun il-każ, huwa neċessarju, skont it-termini tal-Artikolu 1(2) li wieħed ifittex jekk din il-miżura hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jekk hijiex konformi mal-politika komuni tas-sajd u jekk, bl-adozzjoni tagħha, ir-Repubblika Ellenika qagħditx attenta għall‑konservazzjoni ta’ speċi u ta’ ambjenti fraġli u pperikolati.

38      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ix-xbieki żgħar li jdawru humiex jew le attrezzar tas-sajd li l-użu tagħhom huwa pprojbit bir-Regolament Nru 1626/94, jirriżulta mill-ifformular tal-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, b’dawn l-aħħar żewġ artikoli moqrija flimkien mal-Annessi II u III tal-istess regolament, li x‑xbieki żgħar li jdawru ma humiex suġġetti għal projbizzjoni assoluta, iżda għal sempliċi restrizzjonijiet għall-użu tagħhom. Minn dan jirriżulta li x-xbieki żgħar li jdawru ma humiex fost l-attrezzar li l-użu tagħhom huwa pprojbit bir-Regolament Nru 1626/94.

39      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni tal-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru jikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn mill-ħtiġijiet minimi tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1626/94, għandu jingħad li jirriżulta mill‑Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament li l-użu ta’ xbieki li jdawru huwa pprojbit ’il ġewwa minn 300 m tal-kosta jew ’il ġewwa minn isobath ta’ 30 m fejn tali fond huwa milħuq f’distanza iqsar. Għaldaqstant, l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir‑regolament, moqri flimkien mal-Anness II ta’ dan ir-regolament, jippreċiża li, f’dak illi jikkonċerna x-xbieki li jdawru, it-tul massimu tax-xbieki jkun ta’ 800 m u l‑waqgħa massima ta’ 120 m. Fl-aħħar nett, l‑Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1626/94, moqri flimkien mal-Anness III ta’ dan ir-regolament, jipprojbixxi l‑użu jew iż-żamma abbord ta’ xbieki li jdawru ta’ b’malji inqas minn 14 mm.

40      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1626/94, l-użu tax-xbieki li jdawru huwa awtorizzat bil-kundizzjoni li dan l‑attrezzar ikun użat jew ’il barra minn 300 m tal-kosta jew ’il barra minn isobath ta’ 30 m fejn tali fond huwa milħuq f’distanza iqsar, li t-tul massimu tax-xbieki jkun ta’ 800 m, li l-waqgħa massima tkun ta’ 120 m u li l-malji jkunu iktar minn 14 mm. Għalhekk, il-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ permess għall-użu ta’ xbieki żgħar li jdawru, ikun liema jkun il-post fejn jiġu użati, it-tul tax-xbieki, l-għoli tal‑waqgħa jew id-daqs tal-malji tagħhom, jikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn mill-ħtiġijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 1626/94, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir‑regolament.

41      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tal-konformità tagħha mal‑politika komuni tas-sajd, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jressqu numru ta’ argumenti. L-ewwel nett, huma jsostnu li s-sardin maqbud permezz tax-xbieki żgħar li jdawru jirrappreżentaw biss 6 sa 9 % tas-sardin kollu li jinqabad fir‑reġjun ta’ Kavala u li 30 dgħajsa biss jużaw tali xbieki f’dan ir-reġjun. Din il‑projbizzjoni tal-użu tax-xbieki żgħar li jdawru tapplika biss għad-dgħajjes iż‑żgħar u mhux għall-kbar, jiġiferi dawk ta’ iktar minn 14 m. Issa, id-dgħajjes iż‑żgħar li jistgħu biss jużaw ix-xbieki żgħar li jdawru, huwa mċaħħda minn kull possibbiltà li jistadu minħabba f’din il-projbizzjoni. Ir-raba’ premessa tar‑Regolament Nru 1626/94 jipprovdi li għandha tkun irriżervata parti mill-kosta għall‑attrezzar selettiv użat minn sajjieda ta’ daqs żgħir, li huwa l-każ tax-xbieki żgħar li jdawru. Sempliċi miżuri ta’ restrizzjoni tal-użu kienu jkunu ppreferuti. Fl-aħħar nett, din il-miżura ma hijiex limitata fiż-żmien, hija diskriminatorja fir-rigward tas-sajjieda li jużaw xbieki żgħar li jdawru u għandha effetti negattivi fuq l-attività tagħhom.

42      Il-Gvern Elleniku jsostni li x-xbieki żgħar li jdawru huma użati fiż-żona kostali li hija reġjun ta’ riproduzzjoni u ta’ żvilupp ta’ ċerti organiżmi akkwatiċi kif ukoll il-post ta’ ibernazzjoni ta’ ċerti ħut fosthom is-sardin. Issa, ix-xbieki żgħar li jdawru għandhom l-effett li jeqirdu dan l-ispazju fil-baħar u l-postijiet fejn jirriproduċu, li jaffettwa r-riżorsi tas-sajd. Ċerti speċi li jgħixu f’dawn iż-żoni huma mhedda b’estinzjoni anki jekk dan mhux il-każ tas-sardin. Dan il-gvern jippreċiża li l-projbizzjoni tas-sajd permezz ta’ xbieki żgħar li jdawru ma jostakolax l-iżvilupp tal-attività tas-sajd, ladarba din hija possibbli permezz ta’ attrezzar ieħor li għalihom jinħarġu permessi. Il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk iġġustifikata, xierqa u proporzjonata.

43      Il-Kummissjoni ssostni li sabiex tiżgura li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija kompatibbli mal-politika komuni tas-sajd fil-Mediterran, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk din il-miżura, minħabba n-natura assoluta tagħha, hijiex proporzjonata u effettiva għall-iskop ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni ta’ riżorsi akkwatiċi ħajjin. Għalhekk, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti ekonomiċi, soċjali, u ambjentali b’mod ekwilibrat. Għandha ssir verifika jekk nuqqas serju ta’ ħut kostali jiġi kkonstatat wara l‑adozzjoni tal-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk il‑projbizzjoni assoluta kienet l-unika għażla jew jekk miżuri oħra bħall‑prevenzjoni ta’ sajd frawdolenti jew il-limitu tal-qbid kinux ikunu wkoll effettivi. Fl-aħħar nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-operaturi ekonomiċi, jiġifieri s-sajjieda ż-żgħar tal-kosta u l-utenti tal-“gri-gri”, ġewx ittrattati b’mod ugwali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tipproċedi għal dawn il-verifiki fid-dawl tal‑elementi li tiddisponi minnhom.

44      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li l-projbizzjoni assoluta kienet tidher sproporzjonata fir-rigward tan-numru żgħir ta’ dgħajjes li jużaw ix-xbieki żgħar li jdawru u tal-perċentwali żgħira ta’ qabdiet tagħhom. Hija tqis li huwa biżżejjed li jiġi limitat l-użu ta’ dawn ix-xbieki għal numru żgħir ta’ dgħajjes u għal ċertu perijodu tas-sena. Jidher li huwa stabbilit li l-istokk tas-sardin mhux fil-periklu, iżda l-Kummissjoni ma tafx jekk speċi oħra ta’ ħut huma mhedda mis-sajd permezz tax-xbieki żgħar li jdawru. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li din il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet stabbilita fl-1985 u għalhekk huwa meħtieġ li din terġa’ tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl tal‑opinjonijiet xjentifiċi.

45      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, il‑“Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tapplika trattament kawt fit-teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin, biex jaħsbu għall‑isfruttar sostenibbli tagħhom u biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt ta’ l‑attivitajiet tas-sajd fuq l-eko-sistemi tal-baħar”.

46      Skont il-qorti tar-rinviju, id-Digriet Presidenzjali 587/1984 ġie adottat fuq il-bażi tal-Opinjoni 75 tal‑Kunsill tas‑Sajd, tat-12 ta’ April 1984. Jirriżulta minn din l‑opinjoni li l-projbizzjoni ta’ xbieki żgħar li jdawru kienet meqjusa bħala meħtieġ minħabba li dan l-attrezzar tas-sajd kien użat f’żona ta’ mil jew tnejn mill-kosta, żona fejn organiżmi tal‑baħar jiżviluppaw u jirriproduċu rwieħhom u fejn kien isir ukoll sajd b’attrezzar tas‑sajd ieħor, u dan wassal biex naqas l-istokk tal‑ħut. Bl-istess mod, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Elleniku matul is‑seduta, hija f’din iż-żona li jirriproduċu u jiżviluppaw ċerti organiżmi akkwatiċi u li jibernaw ċerti ħut bħas-sardin. Issa, ix-xbieki ż-żgħar li jdawru kienu użati għas-sajd ta’ din l-ispeċi ta’ ħut f’din iż-żona u dan l-użu effettivament seta’ jeqred l-ispazju fil-baħar. Il-projbizzjoni ta’ dan l-attrezzar kienet maħsuba sabiex tipprevjeni l-qerda jew l-estinzjoni tar-riżorsi ta’ dan ir-reġjun tal-kosta.

47      Jirriżulta minn dawn l-ispjegazzjonijiet li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ġiet adottata mhux biex sabiex jiġi protett l-istokk tas-sardin, iżda bil-għan li jiġi ppreżervat ambjent fraġli u ekosistema tal-baħar. Il-fatt li perċentwal żgħir biss tal-għadd totali ta’ sardin maqbud fir-reġjun ta’ Kavala seħħ permezz ta’ xbieki żgħar li jdawru ma huwiex sinjifikattiv sabiex tevalwa l‑validità ta’ din il-miżura ta’ projbizzjoni.

48      Jidher, għalhekk, li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-approċċ prekawzjonali li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom japplikaw meta jadottaw miżuri sabiex jipproteġu u jikkonservaw riżorsi akkwatiċi ħajjin, għall-esplojtazzjoni sostenibbli tagħhom jew sabiex inaqqsu l‑impatt tas‑sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar.

49      Madankollu, sabiex din il-miżura ta’ projbizzjoni tkun kompatibbli mad-dritt tal‑Unjoni u konformi mal-politika komuni tas-sajd, din għandha tosserva l‑prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni, li huma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jsibu l-espressjoni tagħhom fil-qasam tal‑agrikoltura, inkluż is-sajd, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) KE (ara s‑sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, Ġabra, p. I‑2689, punt 53).

50      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa neċessarju li l-miżura ta’ projbizzjoni tkun adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq (ara s-sentenza Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

51      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Billi din il-miżura tistabbilixxi projbizzjoni assoluta, għandhom jiġu mfittxa miżuri, b’mod partikolari, li jkunu ta’ restrizzjoni fuq l-użu ta xbieki żgħar li jdawru matul ċerti staġuni jew f’ċerti ħinijiet tal‑ġurnata kif ukoll li l-limitazzjoni tan-numru tal-permessi maħruġa ma kienx ikun biżżejjed sabiex jintlaħaq il-preżervazzjoni tal-ekosistema taż-żona tal-kosta.

52      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jitfakkar li dan il‑prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod simili sakemm differenza bħal din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C‑44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46).

53      Għandu jitfakkar li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarada l-permessi għas-sajd b’ċertu tip ta’ xibka u ma tagħmilx differenza bejn kategoriji differenti ta’ utenti ta’ dan l-attrezzar tas-sajd. Bħala tali, din il‑miżura ma tidhirx li fiha dispożizzjonijiet diskriminatorji diretti.

54      Kien argumentat matul is-seduta li d-dgħajjes iż-żgħar tas-sajd kostali jużaw biss xbieki żgħar li jdawru u l-ebda attrezzar ieħor u li din il-miżura ta’ projbizzjoni għaldaqstant tiċħdilhom kull opportunità ta’ sajd.

55      Madankollu, iċ-ċirkustanza li grupp partikolari jintlaqat b’iktar qawwa milli ieħor b’miżura ta’ regolament ma jimplikax neċessarjament li dawn huma sproporzjonati jew diskriminatorji, meta din il-miżura tkun intiża sabiex tirregola b’mod globali problema ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

56      F’dan ir‑rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1626/94 tipprovdi li għandu jiġi rriżervat parti miż-żona tal-kosta għall-attrezzar selettiv użat minn sajjieda ta’ daqs żgħir, ma huwiex ta’ ostakolu, b’mod konformi ma’ din il-premessa, sabiex ikun ipprojbit l-attrezzar li l-użu tiegħu jikkontribwixxi b’mod eċċessiv għad-degradazzjoni tal-ambjent tal-baħar.

57      Sa fejn il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ta’ natura li tiċħad lil kategorija ta’ sajjieda mill-attività tas-sajd, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk hemm differenzi oġġettivi bejn il-“gri-gri” u x-xbieki żgħar li jdawru, dwar il-karatteristiċi tagħhom u l-użu tagħhom, u li dawn id-differenzi jiġġustifikaw il-projbizzjoni ta’ dawn tal-aħħar u mhux ta’ dawk l-ewwel imsemmija.

58      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija li r-risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1626/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ma jaffettwax il-validità ta’ miżura supplimentari nazzjonali ta’ projbizzjoni adottata qabel dan id-dħul fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix tali miżura kemm-il darba din il-projbizzjoni tkun kompatibbli mal‑politika komuni tas-sajd, li tali miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex u li ma tippreġudikax il-prinċipju tat‑trattament ugwali, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1626/94, tas-27 ta’ Ġunju 1994, li jesiġi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas‑sajd fil-Mediterran kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2550/2000, tas-17 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ma jaffettwax il-validità ta’ miżura supplimentari nazzjonali ta’ projbizzjoni adottata qabel dan id-dħul fis-seħħ u, min‑naħa l-oħra, ma jipprekludix tali miżura kemm-il darba din il‑projbizzjoni tkun kompatibbli mal-politika komuni tas-sajd, li tali miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex u li ma tippreġudikax il-prinċipju tat-trattament ugwali, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.