SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Laħam tal-ġemel iffriżat li ma joriġinax minn faċilità ta’ trobbija – Klassifikazzjoni fis-subintestatura 0208 90 40 (laħam tal-kaċċa selvaġġa) jew 0208 90 95 (Oħrajn)”

Fil-Kawża C-559/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Deli Ostrich NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Schiemann, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deli Ostrich NV, minn K. Spagnoli, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B. Burggraaf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), b’mod partikolari tas-subintestaturi 0208 90 40 u 0208 90 95.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deli Ostrich NV (iktar ’il quddiem “Deli Ostrich”) u l-Belgische Staat, irrappreżentat mill-Federale Overheidsdienst Financiën, Douane en Accijnzen (Dipartiment pubbliku federali tal-finanzi, tad-dwana u tas-sisa), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-laħam tal-ġemel iffriżat li ġej mill-Awstralja.

 Il-kuntest ġuridiku

 In-NM

3        Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87. Il-verżjoni tan-NM applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 1549/2006.

4        In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ merkanzija, imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, imwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-Sistema Armonizzata tad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288).

5        L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, iddedikata għar-regoli ġenerali, il-Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi kif ġej:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill‑prinċipji li ġejjin:

1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall‑ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il‑klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l‑intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu [fis-subintestaturi ta’ intestatura] għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli [is-subintestaturi] u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

6        It-tieni parti tan-NM fiha klassifikazzjoni tal-merkanzija f’oqsma, kapitoli, intestaturi u subintestaturi.

7        It-Taqsima I ta’ din il-Parti intitolata “Annimali ħajjin; prodotti minn annimali”, tinkludi l-Kapitolu 2 li huwa intitolat “Laħam u ġewwieni li jittiekel”, li fih tinsab l-intestatura 0208 ifformulata kif ġej:

“0208          Laħam u ġewwieni li jittiekel ieħor, frisk, imkessaħ jew friżat

[…]

0208 90 - oħrajn:

0208 90 10 - ta’ ħamiem domestiku

                  - ta’ kaċċa, ħlief fniek jew liebri:

0208 90 20 - tas-summien

0208 90 40 - oħrajn

0208 90 55 - laħam tal-foki

0208 90 60 - ta’ renni

0208 90 70 - saqajn taż-żrinġijiet

0208 90 95 - oħrajn”.

8        Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tħejji noti ta’ spjega tan-NM, li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9        In-noti ta’ spjega li kienu fis-seħħ, fid-data li fiha seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, huma dawk li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Frar 2006 (C 50, p. 1). Fir-rigward tas-subintestatura 0208 90 40, dawn jipprovdu:

“Dan is-subtitlu jinkludi l-laħam u ġewwieni li jittiekel ta’:

1.      tjur bil-fer; ċriev mhux tqal, ċriev żgħar, kamoxxi jew izard (Rupicapra rupicapra), elk, antilop mogħża, antilopi, għażżiela, orsijiet u kanguri;

2.      tjur bir-rix; ħamiem salvaġġ, wiżż salvaġġ, papri slavaġ, perniċi, faġani, gallini, bekkaċċ, faġan (grouse), ortolani u nagħmiet

Il-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ annimali ġeneralment oġġetti għal kaċċa u sparar (faġani, ċriev mhux tqal, nagħmiet, eċċ.) jibqgħu klassifikati bħala laħam u ġewwieni li jittiekel ta’ annimali slavaġ anki meta annimali bħal dawn trabbew fi priġunerija.

Il-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ renni huwa eskluż minn dak is-subtitlu (subtitlu 02089060). Madanakollu, il-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ ċerti speċi ta’ renni (eż. karibú) huma klassifikati f’dan is-subtitlu sakemm tingħata prova li dan il-laħam u ġewwieni li jittiekel ġew minn annimali li għexu fis-salvaġġ u li kienu kkaċċjati.

Dan is-subtitlu ma jkoprix il-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ fniek slavaġ (Oryctolagus cuniculus) jew liebri, li jaqgħu f’subtitlu 02081090.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Fit-22 ta’ Ottubru 2007, il-kumpannija DHL Global Forwarding NV (iktar ’il quddiem “DHL”), ippreżentat lill-kantoor der douane en accijnzen te Antwerpen (uffiċċju tad-dwana u sisa ta’ Antwerpen) b’dikjarazzjoni għar-rilaxx għall-konsum ta’ 660 il-kaxxa tal-kartun ta’ biċċiet mingħajr għadma ta’ laħam tal-ġemel iffriżat. Deli Ostrich kienet imniżżla, fl-imsemmija dikjarazzjoni, bħala d-destinatarja ta’ din il-merkanzija. Dan il-laħam tal-ġemel ġie ddikjarat abbażi tas-subintestatura 0208 90 95 tan-NM.

11      Mal-imsemmija dikjarazzjoni DHL kienet annettiet ċertifikat veterinarju tal-awtorità Awstraljana kompetenti, tal-10 ta’ Settembru 2007, li kienet tindika li l-laħam tal-ġemel inkwistjoni kien joriġina minn annimali slavaġ u li ġew maqtula.

12      Fit-12 ta’ Diċembru 2007, DHL, fuq istruzzjoni ta’ Deli Ostrich, ippreżentat talba għar-rimbors ta’ ċertu ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni, minħabba l-fatt li l-imsemmija merkanzija kienet ġiet iddikjarata abbażi tas-subintestatura 0208 90 40 tan-NM. Peress li din it-talba, kif ukoll ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn Deli Ostrich ġew miċħuda, din tal-aħħar ressqat kawża quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerpen).

13      Il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-ebda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestaw li l-laħam inkwistjoni ġej minn annimali li ma humiex iġmla mrobbija. Madankollu, Deli Ostrich issostni li huma annimali slavaġ, filwaqt li l-Federale Overheidsdienst Financiën, Douane en Accijnzen jikkunsidra li l-kriterju rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja għandu jiġi bbażat fuq il-fatt li huma annimali li normalment jinqabdu permezz tal-kaċċa, li ma huwiex il-każ tal-iġmla.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-NM dwar il-prodotti li ġejjin mill-annimali, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[T]aħt liema kodiċi tariffarju ta’ dazji fuq l-importazzjoni, applikabbli fil-mument tad-dikjarazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi kklassifikat il-laħam tal-iġmla, li f’din il-kawża, b’mod inkontestabbli ma trabbewx filwaqt li kienu maqbudin?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Deli Ostrich tqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċizjoni preliminari. Fl-opinjoni tagħha, id-domanda magħmula hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali , u mhux fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun qed tisma’ l-kawża u li trid tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, Ġabra p. I10115, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir‑rwol ewlieni tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward (ara s-sentenzi, tas-16 ta’ Lulju 2009, Pärlitigu, C‑56/08, Ġabra p. I‑6719, punt 23, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, Ġabra p. I-4401, punt 24).

18      Fil-kawża preżenti, mill-proċess jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tinkiseb interpretazzjoni tan-NM u, b’mod iktar preċiż, kjarifikazzjoni tal-kriterji li jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ merkanzija f’waħda mis-subintestaturi li huma parti mill-intestatura 0208 tan-NM, sabiex tiġi solvuta l-kawża li tressqet quddiem din il-qorti.

19      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-laħam tal-iġmla, li ma joriġinax minn faċilità ta’ trobbija, għandux jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 0208 90 40 tan-NM, bħala (“laħam tal-kaċċa selvaġġa”) jew 0208 90 95 tan-NM (“Oħrajn”).

21      Skont Deli Ostrich u l-Kummissjoni, in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-laħam tal-iġmla inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 0208 90 40 tan-NM, li jirrigwarda l-“laħam tal-kaċċa selvaġġa”. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan isostni, min-naħa l-oħra, li dan il-laħam għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 0208 90 95 tan-NM.

22      F’dan ir rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi, kif iddefiniti mill-kliem tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Paderborner Brauerei Haus Cramer, C‑196/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill‑Kummissjoni jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma huma legalment vinkolanti (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2010, Roeckl Sporthandschuhe, C‑123/09, Ġabra p. I‑4065, punt 37, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, X, C‑423/09, Ġabra p. I-10821, punt 16).

24      MIn-naħa l-oħra, ittra ta’ kap ta’ diviżjoni tal-Kummissjoni, bħal dik tad-29 ta’ April 1997, tal-kap tad-Direttorat Ġenerali “Dwana u taxxi indiretti” (DG XXI) tal-Kummissjoni, li tirrispondi għal domanda tal-Federale Overheidsdienst Financiën, Douane en Accijnzen dwar il-klassifikazzjoni tal-laħam tal-ġemel, invokata mill-Gven Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, hija nieqsa mill-portata li għandhom l-imsemmija noti ta’ spjega.

25      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-laħam tal-ġemel ma huwa previst b’mod espliċitu la mill-kliem tal-intestaturi u tas-subintestaturi tan-NM, la min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu ta’ din tal-aħħar, u lanqas min-noti ta’ spjega dwar is-subintestatura 0208 90 40 tan-NM.

26      Fil-fatt, l-imsemmija nota ta’ spjega tippreċiża li “[i]l-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ annimali li, ġeneralment, huma suġġetti għal kaċċa u sparar […] jibqgħu kklassifikati bħala laħam u ġewwieni li jittiekel ta’ annimali slavaġ, anki meta annimali bħal dawn trabbew fi priġunerija”. Madankollu, minn din il-preċiżazzjoni ma jirriżultax li huma biss il-laħam u l-ġewwieni li jittiekel ta’ annimali li, ġeneralment, huma suġġetti għal kaċċa li jistgħu jiġu kklassifikati f’din is-subintestatura.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 3 tas-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1973, Witt (149/73, Ġabra p. 1587), il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-laħam tar-renni li jista’ joriġina minn annimali slavaġ jew domestiċi, osservat li t-terminu “laħam tal-kaċċa selvaġġa”, fit-tifsira komuni tiegħu, jipprevedi l-kategoriji tal-annimali li jgħixu fi stat selvaġġ u li huma suġġetti għall-kaċċa.

28      Fl-istess punt tal-imsemmija sentenza Witt, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, indikat li l-awtoritajiet doganali jistgħu leġittimament jeżiġu provi konklużivi dwar il-fatt li l-annimali li l-laħam tagħhom huwa ddikjarat mill-importatur bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura relattiva għall-laħam tal-kaċċa selvaġġa jippreżentaw in-natura ta’ laħam tal-kaċċa selvaġġa, sabiex b’hekk ikun possibbli li l-laħam jiġi kklassifikat b’mod differenti skont jekk jiġix minn annimali slavaġ jew domestiċi tal-istess speċi.

29      Fir-rigward tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi li jippermettu li l-laħam tal-ġemel jiġi kklassifikat fis-subintestatura 0208 90 40 tan-NM bħala “laħam tal-kaċċa selvaġġa”, il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinsab b’hekk fil-kwistjoni ta’ jekk il-laħam, li l-klassifikazzjoni tiegħu hija inkwistjoni, joriġinax minn annimali li kienu jgħixu fi stat selvaġġ u li kienu suġġetti għal kaċċa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali adita bil-kawża.

30      Fil-kawża preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li l-laħam inkwistjoni joriġina minn iġmla li ma trabbewx fi priġunerija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, elementi fattwali li jikkonfermaw li parti kbira mill-popolazzjoni tal-iġmla fl-Awstralja reġgħu qed jgħixu fi stat selvaġġ u li dawn huma effettivament is-suġġett ta’ qbid regolari b’mod partikolari għall-finijiet li jiġu ttrasfromati fi prodotti tal-ikel, fatti li minnhom, jekk ikun il-każ, jista’ jiġi preżunt li l-laħam inkwsitjoni ġej minn iġmla li kienu suġġetti għall-kaċċa.

31      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-laħam tal-iġmla għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 0208 90 40 bħala “laħam tal-kaċċa selvaġġa” jekk l-iġmla li minnhom joriġina dan il-laħam kienu jgħixu fi stat selvaġġ u jekk kienu suġġetti għall-kaċċa.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-laħam tal-iġmla għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 0208 90 40 bħala “laħam tal-kaċċa selvaġġa” jekk l-iġmla li minnhom joriġina dan il-laħam kienu jgħixu fi stat selvaġġ u jekk kienu suġġetti għall-kaċċa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.