Appell ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2012 mir-Repubblika Franċiża kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) tas-16 ta' Diċembru 2011 fil-Kawża T-488/10, Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-115/12 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues u N. Rouam, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta' Diċembru 2011, fil-Kawża T-488/10, fl-intier tagħha,
tiddeċiedi hija stess b'mod finali l-kawża billi tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 5229, tat-28 ta' Lulju 2010, dwar it-tneħħija parzjali tal-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), abbażi ta' dokument uniku ta' programmazzjoni tal-objettiv 1 għal intervent strutturali Komunitarju fir-reġjun ta' Martinique fi Franza, jew terġa' tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] , meta kklassifikat il-benefiċċji fiskali mogħtija lill-imsieħba, lill-persuni fiżiċi tas-soċjetajiet f'isem kollettiv li investew fil-kuntratt għal xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u ta' estensjoni tal-villaġġ ta' vaganza tal-Club Méditerranée-Les Boucaniers bħala sussidji diretti fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
Permezz tal-ewwel parti ta' dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat li l-miżuri ta' benefiċċju fiskali setgħu jiġu kklassifikati bħala sussidji fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/37/KEE.
Permezz tat-tieni parti ta' dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat li benefiċċju fiskali kellu natura diretta fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/37/KEE peress li dan il-benefiċċju kien ingħata speċifikament minħabba l-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni, minkejja li ma ngħata la lis-sid il-kostruzzjoni, la lill-persuna responsabbli mis-sorveljar tal-ħaddiem u lanqas lill-operatur jew lill-proprjetarju tal-istabbiliment inkwistjoni.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni u meta sostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, skont il-Gvern Franċiż, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni billi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-għan ġenerali tal-villaġġ ta' vaganza tal-Club Méditerranée-Les Boucaniers, u mhux fuq in-natura tax-xogħlijiet imwettqa, biex tiddetermina jekk il-kuntratt għal xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u ta' estenzjoni ta' dan il-villaġġ ta' vaganza kienx jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/37/KEE.
Permezz ta-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/34/KE meta kklassifikat il-kuntratt għal xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u ta' estenzjoni tal-villaġġ ta' vaganza tal-Club Méditerranée-Les Boucaniers bħala kuntratt li jirrigwarda x-xogħlijiet ta' bini relatat mal-faċilitajiet intiżi għal sports, rekreazzjoni u divertiment fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
Permezz tal-ewwel parti ta' dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat li l-kunċett ta' faċilitajiet intiżi għal sports, rekreazzjoni u divertiment fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/34/KE kellu jiġi interpretat f'sens wiesgħa, bħala li ma kienx ristrett għall-faċilitajiet intiżi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tradizzjonali tal-kollettivi pubbliċi, jiġifieri għall-ħtiġijiet kollettivi tal-utenti.
Permezz tat-tieni parti ta' dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat li l-kunċett ta' kuntratti għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/34/KE kellu jiġi interpretat b'mod indipendenti mill-kunċett ta' kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta' din id-direttiva u li, għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/34/KE meta kkunsidrat li l-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni f'din il-kawża kien jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni filwaqt illi, skont il-Gvern Franċiż, dan il-kuntratt ma kellux interess ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti.
____________1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163