Rikors ippreżentat fis-26 ta' April 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija
(Kawża C-198/12)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf, O. Beynet, S. Petrova)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija
Talbiet
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1. tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija tikser l-obbligi tagħha li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha fis-suq kapaċità massima, fi kliem ieħor, servizzi ta' trażmissjoni virtwali ta' gass f'sens oppost, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 14(1) u 16(1) u (2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 .
2. tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni tfittex li jiġi kkonstatat nuqqas min-naħa tar-Repubblika tal-Bulgarija milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 14(1) u 16(1) u (2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, li jissosstitwixxu rispettivament l-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005, imħassar.
L-imsemmija obbligi huma dawk li ġejjin:
- obbligu li tiġi żgurata għall-parteċipanti kollha fis-suq kapaċità massima, fi kliem ieħor, servizzi ta' trażmissjoni virtwali ta' gass f'sens oppost skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 14(1) u 16(1) u (2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.
Skont l-awtoritajiet Bulgari, in-nuqqas li jitwettaq l-obbligu ċċitat iktar 'il fuq, li tiġi żgurata l-kapaċità massima, huwa dovut għan-nuqqas ta' interkonnessjoni fiżika bejn is-sistema ta' tranżitu u s-sistema nazzjonali ta' trażmissjoni ta' gass tar-Repubblika tal-Bulgarija, flimkien mad-differenzi fis-sistema legali tagħhom.
Bħala ġustifikazzjoni oħra għan-nuqqas li jitwettaq l-obbligu iċċitat iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Bulgari jinvokaw l-eżistenza ta' tliet ftehim intergovernattivi attwalment fis-seħħ, konklużi fl-1986 u fl-1989 bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Gvern tal-USSR.
Il-Kummissjoni ssostni li jekk il-kuntratt kummerċjali tas-27 ta' April 1998, konkluż bejn OOO Gazprom u Bulgartransgaz EAD abbażi tal-konvenzjonijiet internazzjonali iċċitati iktar 'il fuq, jikkostitwixxi ostakolu għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta' tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kapaċità massima, il-Bulgarija għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 351(2) TFUE, li tuża l-mezzi xierqa kollha sabiex telimina tali inkompatibbiltà possibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
____________1 - Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, p. 36).