Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-23 ta' April 2012 - Italia Zuccheri SpA u CO.PRO.B vs AGEA u Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali
(Kawża C-188/12)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Italia Zuccheri SpA u Cooperativa Produttori Bieticoli rl (CO.PRO.B)
Konvenuti: Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali
Domandi preliminari
L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta' Frar 2006
2 u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006, tas-27 ta' Ġunju 2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kliem "faċilitajiet ta' produzzjoni" ma jinkludux il-faċilitajiet użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-ħażna, l-ippakkjar jew l-imballaġġ taz-zokkor għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu u li, għalhekk, fil-każ ta' faċilitajiet bħal ma huma s-silos, għandha ssir analiżi tagħhom skont il-każ sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-faċilitajiet humiex konnessi mal-"linja ta' produzzjoni" jew jekk humiex konnessi ma' attivitajiet oħra, differenti mill-produzzjoni?
L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006, tas-27 ta' Ġunju 2006, b'mod partikolari, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-faċilitajiet - bħas-silos - użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-ħażna, l-ippakkjar jew l-imballaġġ taz-zokkor esklużivament għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, peress li huwa indipendenti miċ-ċiklu produttiv, jidħlu fl-ambitu tal-faċilitajiet imsemmija mill-Artikolu 4(1)(c) u mhux taħt is-subartikoli (a) u (b) tal-istess artikolu, skont it-test u l-għanijiet tar-Regolament Nru 320/2006 u tar-Regolament Nru 968/2006, b'mod partikolari l-premessa 4 tiegħu?
Sussidjarjament, fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta' Frar 2006 u tar-regoli u prinċipji superjuri tad-dritt primarju Ewropew, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006, tas-27 ta' Ġunju 2006 huwa invalidu fejn jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fost il-faċilitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b) tas-subartikolu 1 tal-istess artikolu, anki dawk użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-ħażna, għall-ippakkjar jew għall-imballaġġ taz-zokkor għal finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, peress li huwa evidenti li l-għan segwit mir-Regolament 320/2006 huwa dak li jnaqqas il-kapaċità produttiva tal-impriża li topera fl-industrija taz-zokkor u mhux dak li jipprekludi l-possibbiltà li wieħed ikun jista' jopera fis-settur tas-sempliċi kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, billi jintuża zokkor miksub abbażi ta' kwoti ta' produzzjoni ta' faċilitajiet jew impriżi oħra?
B'mod ulterjorment sussidjarju, madankollu, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta' Frar 2006 u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) [Nru 968/2006], tas-27 ta' Ġunju 2006, huma validi skont ir-regoli u l-prinċipji superjuri tad-dritt primarju Ewropew, fejn jiġu interpretati fis-sens li fil-kunċetti ta' "faċilitajiet ta' produzzjoni" jew "marbuta direttament mal-produzzjoni" jinkludu dawk użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-ħażna, l-ippakkjar jew l-imballaġġ taz-zokkor għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu?
____________1 - ĠU L335M, p. 292 - ĠU L 322M, p. 183