Rikors ippreżentat fil-31 ta' Ottubru 2007 - Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-398/07)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
tannulla d-deċizjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Lulju 2007, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE (każ COMP/38.784 - Wanadoo España vs Telefónica)
tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors preżenti huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni ta' l-4 ta' Lulju 2007, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE (każ COMP/38.784 - Wanadoo España vs Telefónica), li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet fuq Telefónica, S.A., in solidum ma' Telefónica de España S.A.U., multa ta' EUR 151 875 000 minħabba ksur ta' l-Artikolu 82 KE. Skond il-Kummissjoni, fil-perijodu Settembru 2001-Diċembru 2006, l-imsemmija kumpanniji applikaw tariffi inġusti għall-provvista ta' servizzi bl-ingrossa u bl-imnut għal aċċess għall-broadband.
In sostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent iressaq l-argumenti segwenti:
ksur ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni previst fl-Artikoli 10 KE u 7(2), tad-Direttiva 2002/21/KE
1, safejn il-Kummissjoni ma tatx lill-Awtorità regolatorja nazzjonali Spanjola l-possibbiltà li tikkollabora sabiex jiġu eżaminati l-mezzi sabiex tinstab is-soluzzjoni l-aktar effettiva possibbli għall-allegat ksur imwettaq.
ksur ta' l-Artikolu 82 KE minħabba żbali manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward tan-natura indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa, tal-kalkolu ta' l-ispejjeż u l-effetti, fuq il-kompetituri u l-konsumaturi, ta' l-aġir ta' Telefónica.
applikazzjoni ultra vires ta' l-Artikolu 82 KE, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa l-qafas regolatorju fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fis-seħħ fi Spanja, u b'hekk tbiddel l-ekwilibriju bejn ir-regolamentazzjoni ex ante u dik normativa fil-qasam tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' koerenza bejn ir-riżultati miksuba mill-Kummissjoni u l-esperjenza internazzjonali u r-realtà tas-suq Spanjol; li waqqfet lill-Awtorità regolatorja nazzjonali Spanjola milli ssegwi l-għanijiet stabbiliti mill-imsemmi qafas regolatorju u nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' speċifiċità.
ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, peress li d-deċiżjoni ikkontestata timplika bdil fil-ħsieb, ex post, tal-qafas regolatorju ex ante.
ksur tal-prinċipju ta' l-aspetattivi leġittimi fir-rigward ta' l-operatur ippenalizzat u fil-konfront ta' l-operaturi l-oħra ta' l-imsemmi suq minħabba l-fatt li kien biddlu l-qafas regolatorju f'materja li kienet ġiet irregolata mill-Kummissjoni tas-suq tat-Telekomunikazzjoni.
____________1 - - Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, p. 33).