SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

21 ta' Ġunju 1974 (*)

"Dritt ta' stabbiliment"

Fil-kawża C-2/74,

Li għandha bħala suġġett talba taħt l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE mill-Conseil d’Etat tal-Belġju intiża sabiex fil-kawża pendenti quddiem din il-Qorti

Jean Reyners

vs

l-Istat Belġjan


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn R. Lecourt, President, A. M. Donner u M. Sørensen, Presidenti ta' Awla, R. Monaco, J. Mertens de Wilmars, P. Pescatore (Relatur), H. Kutscher, C. Ó Dálaigh u A. J. Mackenzie Stuart, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Mayras,

Reġistratur: A. Van Houtte,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, 7 ta' Mejju 1974,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Mejju 1974,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 1973, li waslet fir-reġistru tal-Qorti fid-9 ta’ Jannar 1974, il-Conseil d’Etat tal-Belġju ressaq żewġ domandi, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 52 u 55 tat-Trattat KEE, li jirrigwardaw id-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward tal-prattika tal-professjoni ta’ avocat.

2       Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn ċittadin Olandiż, li għandu lawrea fid-dritt li tagħtih aċċess għall-professjoni ta’ avukat fil-Belġju, li ġie eskluż minn din il-professjoni minħabba n-nazzjonalità tiegħu, b'riżultat tad-digriet irjali ta’ l-24 ta’ Awwissu 1972 dwar it-titolu u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat (moniteur Belge 1970, P. 9060).

 Dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE.

3       Il-Conseil d’Etat jistaqsi jekk l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE huwiex, sa minn tmiem il-perijodu tranżitorju, “dispożizzjoni direttament applikabbli” u dan minkejja n-nuqqas tad-direttivi previsti fl-Artikoli 54(2) u 57(1) tat-Trattat.

4       Il-gvernijiet tal-Belġju u ta' l-Irlanda sostnew, għal raġunijiet li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jaqblu, li l-Artikolu 52 ma jistax jiġi meqjus li għandu effett bħal dan.

5       Meħud fil-kuntest tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment, li jsir riferiment espress għalih bil-kliem “fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt”, dan l-Artikolu, minħabba l-kumplessità tas-suġġett, jikkostitwixxi biss l-espressjoni ta’ prinċipju sempliċi, li l-implementazzjoni tiegħu hija neċessarjament suġġetta għal numru ta’ dispożizzjonijiet komplementari, kemm komunitarji kif ukoll nazzjonali, previsti mill-Artikoli 54 u 57.

6       L-għamla magħżula mit-Trattat għal dawn l-atti ta' implementazzjoni - l-istabbiliment ta’ “programm ġenerali”, implementat, min-naħa tiegħu, permezz ta' numru ta' direttivi - tikkonferma n-nuqqas ta' effett dirett ta' l-Artikolu 52.

7       Mhumiex il-qrati li għandhom jeżerċitaw poter diskrezzjonali rriżervat għall-istituzzjonijiet leġiżlattivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

8       Dan l-argument huwa sostnut, fis-sustanza tiegħu, mill-gvernijiet Brittaniku u tal-Lussemburgu, kif ukoll mill-Ordre National des Avocats de Belgique, parti intervenjenti fil-kawża prinċipali.

9       Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, min-naħa tiegħu, josserva li kull ma hu involut fil-każ tiegħu hija diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità minħabba li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-professjoni ta’ avukat li mhumiex applikabbli għaċ-ċittadini Belġjani.

10     F’dan ir-rigward l-Artikolu 52 jikkostitwixxi dispożizzjoni ċara u kompluta, li tista' tipproduċi effett dirett.

11     Filwaqt li l-gvern Ġermaniż sostnut, fis-sustanza, mill-gvern Olandiż, ifakkar is-sentenza mogħtija minn din il-Qorti fis-16 ta’ Ġunju 1966 fil-kawża 57/65, Luetticke (Ġabra 1966, p .1966 , p 293 ), huwa jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet, li jimponu fuq l-Istati Membri obbligu li dawn għandhom iwettqu f'terminu partikolari, isiru direttament applikabbli meta, ma' tmiem ta' dan it-terminu, l-obbligu ma jkunx ġie sodisfatt.

12     Fi tmiem il-perijodu tranżitorju, l-Istati Membri għaldaqstant ma jkollhomx aktar il-possibbiltà li jżommu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, billi l-Artikolu 52 għandu, sa minn din id-data, in-natura ta’ dispożizzjoni li hija, fiha nfisha, kompluta u legalment perfetta.

13     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il- “programm ġenerali” u d-direttivi previsti mill-Artikolu 54 kellhom biss importanza għall-perijodu tranżitorju, billi l-libertà ta’ stabbiliment kienet ġiet kompletament milħuqa fit-tmiem ta' tali perijodu.

14     Il-Kummissjoni, minkejja d-dubji li għandha fuq is-suġġett ta’ l-effett dirett tad-dispożizzjoni suġġetta għall-interpretazzjoni - kemm minħabba r-riferiment tat-Trattat għall- “programm ġenerali” u għad-direttivi ta' implementazzjoni, kif ukoll minħabba l-kontenut ta’ ċerti direttivi ta’ liberalizzazzjoni li diġà ġew adottati, li ma jilħqux, fir-rigward ta' kull aspett, l-ugwaljanza ta’ trattament perfetta - tikkunsidra madankollu li l-Artikolu 52 għandu, ta' l-anqas, effett dirett parzjali safejn huwa speċifikament jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet abbażi ta' nazzjonalità.

15     L-Artikolu 7 tat-Trattat, li jagħmel parti mill- “prinċipji” tal-Komunità, jipprovdi li, fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, "kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita".

16     L-Artikolu 52 jiżgura l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġenerali fil-qasam speċifiku tad-dritt ta’ stabbiliment.

17     Bil-kliem “fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt”, l-Artikolu 52 jirreferi għall-kapitolu kollu li jirrigwarda d-dritt ta’ stabbiliment u jeħtieġ, għaldaqstant, li jkun interpretat f’dan il-kuntest ġenerali.

18     Wara li jindika li r-“restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu aboliti progressivament matul il-perijodu tranżitorju ”, l-Artikolu 52 jesprimi l-prinċipju gwida f'dan il-qasam billi jipprovdi li l-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha "taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiżta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess ”.

19     Sabiex dan l-għan jintlaħaq b'mod progressiv matul il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 54 jipprovdi għat-tfassil, mill-Kunsill, ta’ “programm ġenerali” u, għall-implementazzjoni ta’ dan il-programm, ta' direttivi intiżi sabiex tiġi milħuqa l-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ l-attivitajiet differenti kkonċernati.

20     Barra minn dawn il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni, l-Artikolu 57 jipprovdi għal direttivi intiżi biex jassiguraw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ lawrei, ċertifikati u titoli oħra u, b’mod ġenerali, il-koordinament tal-liġijiet fil-qasam ta' l-istabbiliment u l-eżerċitar ta’ attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

21     Jidher minn dan ta’ hawn fuq li, fis-sistema tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment, il- “programm ġenerali” u d-direttivi previsti mit-Trattat huma intiżi sabiex iwettqu żewġ funzjonijiet, l-ewwel waħda li hija l-eliminazzjoni ta’ ostakli biex tintlaħaq il-libertà ta’ stabbiliment matul il-perijodu tranżitorju, u t-tieni waħda li tikkonsisti fl-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri, ta' numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà bil-għan li jiffavorixxu l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fil-Komunità fil-qasam ta’ l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom.

22     Dan it-tieni għan li jkopri, minn naħa, xi dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(3) dwar, b'mod partikolari, il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri u l-aġġustament ta’ proċeduri u prattiċi amministrattivi u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 57.

23     L-effett tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta’ din is-sistema.

24     Ir-regola tat-trattament nazzjonali hija waħda mid-dispożizzjonijiet legali fundamentali tal-Komunità.

25     Bħala riferiment għal numru ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi effettivament applikati mill-pajjiż ta’ stabbiliment liċ-ċittadini tiegħu stess, din ir-regola tista', essenzjalment, tkun direttament invokata miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha.

26     Billi jistabbilixxi li l-libertà ta’ stabbiliment għandha titwettaq fi tmiem il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 52 b’hekk jimponi obbligu li jintlaħaq riżultat preċiż, li t-twettiq tiegħu kellu jkun iffaċilitat, imma li mhux dipendenti fuq, l-implementazzjoni ta’ programm ta’ miżuri progressivi.

27     Il-fatt li din il-progressjoni ma ġietx irrispettata jħalli l-obbligu nnifsu intatt meta jiskadi t-terminu previst sabiex tali obbligu jiġi sodisfatt.

28     Din l-interpretazzjoni hija konformi ma' l-Artikolu 8 (7) tat-Trattat li jipprovdi li l-egħluq tal-perijodu tranżitorju għandu jikkostitwixxi d-data finali għad-dħul fis-seħħ tal-korp kollu tar-regoli pprovduti, u għat-twettiq ta' l-operazzjonijiet kollha involuti fit-twaqqif tas-suq komuni.

29     Wieħed ma jistax jinvoka, kontra effett bħal dan, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jadotta d-direttivi previsti fl-Artikoli 54 u 57 jew anki l-fatt li wħud mid-direttivi effettivament adottati ma laħqux għal kollox l-għan ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni stabbilit mill-Artikolu 52.

30     Wara li jiskadi l-perijodu tranżitorju, id-direttivi previsti mill-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment, saru superfluwi għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tar-regola tat-trattament nazzjonali, billi din issa hija kkonfermata mit-Trattat innifsu, b’effett dirett.

31     Madankollu, dawn id-direttivi ma tilfux ir-rilevanza kollha billi huma għad għandhom kamp ta' applikazzjoni importanti fil-qasam tal-miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-libertà ta’ l-istabbiliment.

32     Għaldaqstant id-domanda magħmula għandha tiġi mwieġba fis-sens li, minn tmiem il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 52 tat-Trattat huwa dispożizzjoni li hija direttament applikabbli u dan minkejja n-nuqqas eventwali, f'qasam partikolari, tad-direttivi previsti fl-Artikoli 54(2) u 57(1) tat-Trattat.

 Dwar l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu Artikolu 55 tat-Trattat KEE

33     Il-Conseil d’Etat jitlob, barra minn dan, li jiġi ppreċiżat dak li wieħed għandu jifhem, fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55, b'“attivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika”.

34     Din id-domanda tirrigwarda, aktar preċiżament, jekk, f'professjoni bħal dik ta’ avukat, huma biss dawk l-attivitajiet li huma inerenti għal din il-professjoni li huma konnessi ma' l-eżerċitar ta’ awtorità pubblika, li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment, jew jekk il-professjoni kollha kemm hi hija eskluża minħabba l-fatt li din tinkludi attivitajiet konnessi ma' l-eżerċitar ta’ din l-awtorità.

35     Il-gvern tal-Lussemburgu u l-Ordre National des Avocats de Belgique jikkunsidraw li l-professjoni ta’ avukat kollha kemm hi hija eskluża mir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment, minħabba li din il-professjoni hija konnessa, b'mod essenzjali, mal-funzjonament tas-servizz pubbliku ta’ l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

36     Din is-sitwazzjoni tirriżulta kemm mill-organizzazzjoni legali ta' l-avukatura, li tinvolvi numru ta’ kundizzjonijiet stretti ta' ammissjoni u ta' dixxiplina, kif ukoll mill-funzjonijiet imwettqa mill-avukat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja meta l-parteċipazzjoni tiegħu hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, obbligatorja.

37     Dawn l-attivitajiet, li jagħmlu l-avukat awżiljarju indispensabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jiffurmaw korp sħiħ u koerenti b'elementi li ma jistgħux ikunu mifruda minnu.

38     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, min-naħa tiegħu, isostni li, l-aktar l-aktar, ċerti attivitajiet tal-professjoni ta’ avukat huma konnessi ma' l-eżerċitar ta’ awtorità pubblika u li dawn biss għalhekk għandhom jaqgħu taħt l-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 55 għall-prinċipju tal-libertà ta' stabbiliment.<0}

39     Il-gvernijiet Ġermaniż, Belġjan, Brittaniku, Irlandiż u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu l-eċċezzjoni li tinstab fl-Artikolu 55 bħala limitata għal dawk l-attivitajiet biss, fid-diversi professjonijiet ikkonċernati, li huma effettivament konnessi ma' l-eżerċitar ta’ awtorità pubblika, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-prattika normali tal-professjoni.

40     Madankollu hemm differenzi bejn il-gvernijiet imsemmija fir-rigward tan-natura ta’ l-attivitajiet li huma eżenti, b'dan il-mod, mill-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, minħabba l-organizzazzjoni differenti tal-professjoni legali minn Stat Membru għal ieħor.

41     Il-gvern Ġermaniż, b'mod partikulari, jikkunsidra li, minħabba l-parteċipazzjoni obbligatorja ta' l-avukat f’ċerti proċeduri ġudizzjarji, speċjalment fil-qasam kriminali jew ta' dritt pubbliku, hemm konnessjonijiet li huma tant mill-qrib bejn il-professjoni ta’ avukat u l-eżerċizzju ta’ l-awtorità ġudizzjarja li, ta' l-anqas, setturi kbar ta' din il-professjoni għandhom jiġu eżentati minn din il-liberalizzazzjoni.

42     Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment ma japplikawx għal “attivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika [...] sa fejn jirrigwarda dak l-Istat".

43     Fid-dawl tan-natura fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment u tar-regola tat-trattament nazzjonali fis-sistema tat-Trattat, id-derogi ammessi mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55 ma jistgħux jingħataw portata li teċċedi l-għan li għalih kienet ġiet inkluża din il-klawżola ta’ eċċezzjoni.

44     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55 għandu jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu l-aċċess ta' dawk li mhumiex ċittadini għal karigi li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, li huma konnessi ma' waħda mill-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li huma previsti mill-Artikolu 52.

45     Din il-ħtieġa hija sodisfatta totalment meta l-esklużjoni ta’ dawn iċ-ċittadini hija limitata għal dawk l-attivitajiet li, meħudha waħidhom, jikkostitwixxu konnessjoni diretta u speċifika ma' l- eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

46     Estensjoni ta’ l-eċċezzjoni permessa mill-Artikolu 55 għal professjoni sħiħa hija ammissibbli biss fil-każijiet fejn attivitajiet bħal dawn ikunu marbuta ma' din il-professjoni b’tali mod li l-liberalizzazzjoni ta’ l-istabbiliment tirriżulta fl-impożizzjoni, fuq l-Istat Membru kkonċernat, ta' obbligu li jippermetti l- eżerċizzju, anki b'mod okkażjonali, minn persuni li mhumiex ċittadini, ta' funzjonijiet li huma ta' l-awtorità pubblika.

47     Din l-estenzjoni, min-naħa l-oħra mhijiex possibbli meta, fil-qafas ta’ professjoni indipendenti, l-attivitajiet li jistgħu jkunu konnessi ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jkunu jikkostitwixxi element li jista' jiġi separat mill-attività professjonali in kwistjoni kollha kemm hi.

48     Fin-nuqqas ta’ xi direttiva adottata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 57 sabiex jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw, b'mod partikolari, il-professjoni ta’ avocat, il-prattika ta’ din il-professjoni tibqa' rregolata mil-liġi ta' l-Istati Membri differenti.

49     Il-possibbiltà ta’ l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment previsti fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55 għandha għalhekk tiġi evalwata separatament, għal kull Stat Membru, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-organizzazzjoni u l-prattika ta’ din il-professjoni.

50     Din l-evalwazzjoni għandha madankollu tqis in-natura komunitarja tal-limiti imposti mill-Artikolu 55 għall-eċċezzjonijiet li huma permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat tiġi kompromessa minn dispożizzjonijiet unilaterali ta’ l-Istati Membri.

51     Attivitajiet professjonali jinvolvu kuntatti, anki regolari u essenzjali, ma' qrati, u saħansitra parteċipazzjoni, anki obbligatorja, fil-funzjonament tagħhom, ma jikkostitwixxux, bħala tali, konnessjoni ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

52     B'mod partikolari l-attivitajiet l-aktar tipiċi tal-professjoni ta’ avukat, bħal ma huma l-konsultazzjoni u l-assistenza legali kif ukoll ir-rappreżentazzjoni u d-difiża tal-partijiet fil-Qorti, anki meta l-intervent jew l-assistenza ta’ l-avukat hija obbligatorja jew hija s-suġġett ta' esklużività stabbilita mil-liġi, ma tistax tiġi meqjusa bħala konnessjoni ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

53     Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet iħalli d-diskrezzjoni ta’ l-awtorità ġudizzjarja u l-libertà ta’ l-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju intatti.

54     Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda li saret għandha tkun li l-eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55 għandha tkun ristretta għal dawk l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 52 li, minnhom infushom, jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

55     Li din il-kwalifika ma tista' tingħata, fl-ebda każ, fil-kuntest ta’ professjoni liberali bħal dik ta’ avukat, lil attivitajiet bħalma huma l-konsultazzjoni u l-assistenza legali jew ir-rappreżentanza u d-difiża tal-partijiet f’Qorti, anki jekk it-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet huwa s-suġġett ta' obbligu jew ta' esklużività stabbilita mil-liġi.

 Fuq l-ispejjeż

56     L-ispejjeż sostnuti mill-gvern tar-Renju tal-Belġju, mill-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-gvern ta’ l-Irlanda, mill-gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mill-gvern tar-Renju ta’ l-Olanda, mill-gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mill-Kummissjoni tal-Komunitàjiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura.

57     Peress li din il-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma matul il-kawża quddiem il-Conseil d'Etat, huwa l-istess Conseil d'Etat li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Bi tweġiba għad-domandi lilha magħmula mill-Conseil d’Etat tal-Belġju, section d’administration, troisième chambre, b’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 1973, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Minn tmiem il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 52 tat-Trattat huwa dispożizzjoni li hija direttament applikabbli u dan anki fin-nuqqas, f'qasam partikolari, tad-direttivi previsti fl-Artikoli 54(2) u 57(1) tat-Trattat.

2)      L-eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 55 għandha tkun ristretta għal dawk l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 52 li, minnhom infushom, jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika; din il-kwalifika ma tistax tingħata, fil-kuntest ta’ professjoni liberali bħal dik ta’ avukat, lil attivitajiet bħalma huma l-konsultazzjoni u l-assistenza legali jew ir-rappreżentanza u d-difiża tal-partijiet f’Qorti, anki jekk it-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet huwa s-suġġett ta' obbligu jew ta' esklużività stabbilita mil-liġi.

Lecourt

Donner      Sørensen      Monaco

 

      Mertens de Wilmars

 

Pescatore

Kutscher      Ó Dálaigh

 

      Mackenzie Stuart

 

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Ġunju 1974.


A. Van Houtte

 

      R. Lecourt

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.