SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tat-28 ta' Marzu 2000 (*)

"Il-Konvenzjoni ta’ Brussell – Eżekuzzjoni ta' sentenzi – Ordni pubblika"

Fil-kawża C-7/98,

li għandha bħala suġġett talba mressqa mill-Bundesgerichtshof (Il-Ġermanja) skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiemha, bejn

Dieter Krombach

u

André Bamberski,

dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, imsemmija iktar 'il fuq (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u ─ test emendat ─ p. 77) u mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. C. Moitinho de Almeida, D. A. O. Edward, L. Sevón u R. Schintgen, Presidenti ta' Awla, P. J. G. Kapteyn, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, G. Hirsch, P. Jann (Relatur) u H. Ragnemalm, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Saggio,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sur Bamberski, minn H. Klingelhöffer, Rechtsanwalt, f'Ettlingen,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, Regierungsdirektor fil-Ministeru Federali tal-Ġustizzja, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger, Assistent Direttur fid-Direttorat Legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u R. Loosli-Surrans, Chargée de Mission fl-istess direttorat, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. L. Iglesias Buhigues, Konsulent Legali, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, Membru ta' l-Avukatura ta' Brussell,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni fis-seduta tat-2 ta' Marzu 1999,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Settembru 1999,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet ta' l-4 ta’ Diċembru 1997, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar, il-Bundesgerichtshof, bis-saħħa tal-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, għamel tliet domandi dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, imsemmija iktar 'il fuq (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u ─ test emendat ─ p. 77) u mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1, iktar ‘il quddiem il-‘‘Konvenzjoni’’).

2       Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Bamberski, li jgħix fi Franza, u s-Sur Krombach, li jgħix fil-Ġermanja, fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Kontraenti, ta’ sentenza mogħtija fit-13 ta’ Marzu 1995 mill-Cour d'Assises ta’ Pariġi (Franza) fejn is-Sur Krombach ġie ordnat iħallas lis-Sur Barberski, ir-rikorrent fi proċedimenti ċivili, kumpens fl-ammont ta’ FRF 350 000.

 Il-Konvenzjoni

3       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1, il-Konvenzjoni “hija applikabbli għal materji ċivili u kummerċjali irrispettivament mill-qorti jew mit-tribunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, ir-regola prinċipali, stabbilita fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tipprovdi li l-persuni domiċiljati fi Stat Kontraenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija quddiem il-qrati ta' dak l-Istat. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 jipprojbixxi lil rikorrent milli jibbaża fuq ċerti regoli ta' ġurisdizzjoni eżorbitanti, b'mod partikolari, għal dak li jikkonċerna lil Franza, dawk ibbażati fuq in-nazzjonalità li jirriżultaw mill-Artikoli 14 u 15 tal-Kodiċi Ċivili.

5       Il-Konvenzjoni tistabbilixxi ukoll xi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali. B’hekk, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni jipprovdi li:

“Il-konvenut domiċiljat fi Stat Kontraenti jista' jiġi mfittex fi Stat Membru ieħor:

[…]

(4) fir-rigward ta' talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu jew restituzzjoni bbażata fuq att li jagħti bidu għal proċedimenti kriminali, quddiem il-qorti adita b'dawn il-proċedimenti, safejn dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni taħt il-liġi tagħha sabiex tisma l-proċedimenti ċivili’’. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, ir-regola prinċipli, stabbilita fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tipprovdi li s-sentenzi mogħtija fi Stat Kontraenti u li huma eżekuttivi għandhom jiġi eżegwiti fi Stat Kontraenti ieħor wara li, fuq talba tal-parti kkonċernata, is-sentenza tiġi ddikjarata eżekuttiva hemmhekk.

7       Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34 “it-talba ma tistax tiġi miċħuda ħlief għal waħda mir-raġunijiet ipprovduti fl-Artikoli 27 u 28”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Il-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni jipprovdi li:

“Is-sentenzi ma jiġux rikonoxxuti:

(1)      jekk ir-rikonoxximent huwa kuntrarju għall-ordni pubblika ta’ l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni jippreċiża li:

“Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragrafu, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta' l-Istat ta' oriġini ma tistax tiġi kkontrollata; it-test ta' l-ordni pubblika msemmi fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 ma jistax jiġi applikat għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     L-Artikolu 29 u t-tielet paragrafu ta' l-Arikolu 34 tal-Konvenzjoni jipprovdu li:

“Sentenza mogħtija minn qorti barranija qatt ma tista' tiġi riveduta fir-rigward tal-mertu tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     L-Artikolu II tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni (iktar ‘il quddiem il-“Protokoll”), li, skond l-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni, jifforma parti sħiħa minnha, jipprovdi li:

“Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, persuni domiċiljati fi Stat Kontraenti u li jsiru proċedimenti kontrihom fil-qrati kriminali ta' Stat Kontraenti li mhumiex ċittadini tiegħu għal reat li jikkommettu involontarjament jistgħu jiġu difiżi minn persuni awtorizzati li jagħmlu dan, anki jekk ma jidhrux quddiem il-qorti personalment.

Madankollu, il-qorti adita tista' tordna li l-persuna kkonċernata tidher quddiemha; fil-każ li l-persuna ma tidhirx quddiem il-qorti, is-sentenza mogħtija fi proċedimenti ċivili mingħajr ma l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tippreżenta d-difiża tagħha tista' ma tiġix rikonoxxuta jew eżegwita fl-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali

12     Is-Sur Krombach kien is-suġġett ta' investigazzjoni fil-Ġermanja wara l-mewt ta' tifla ta' 14-il sena ta' nazzjonalità Franċiża. Din l-investigazzjoni ma tkomplietx.

13     Fuq ilment tas-Sur Bamberski, missier it-tifla, inbdiet investigazzjoni fi Franza, wara li l-qrati Franċiżi ddikjaraw li kellhom ġurisdizzjoni minħabba n-nazzjonalità Franċiża tal-vittma. Fit-tmiem ta’ din l-investigazzjoni, is-Sur Krombach, permezz ta' sentenza tax-Chambre d'Accusation tal-Cour d'Appel ta' Pariġi, ntbagħat quddiem il-Cour d'Assises ta’ Pariġi.

14     Is-Sur Krombach ġie nnotikat b'din is-sentenza u bil-fatt li missier il-vittma kkostitwixxa ruħu bħala parti ċivili. Għalkemm, is-Sur Krombach intalab li jidher quddiem il-qorti personalment, huwa ma kienx preżenti għas-seduta. Għalhekk, il-Cour d'Assises ta' Pariġi applikat il-proċedura tal-kontumaċja, skond l-Artikoli 627 et seq tal-Kodiċi Franċiż tal-Proċedura Kriminali. B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 630 ta' dan il-Kodiċi, li jipprovdi li akkużat ma jistax ikun irrappreżentat mill-avukat tiegħu jekk ikun kontumaċi, il-Cour d'Assises tat is-sentenza tagħha mingħajr ma semgħet lid-difensuri tas-Sur Krombach.

15     Permezz ta' sentenza tad-9 ta’ Marzu 1995, il-Cour d'Assises iddikjarat lis-Sur Krombach ħati ta’ vjolenza li kkawżat il-mewt involontarja u kkundannatu għal piena ta’ ħmistax-il sena ħabs. Permezz ta' sentenza tat-13 ta’ Marzu 1995, il-Cour d'Assises iddeċidiet dwar it-talba ċivili u ordnat lis-Sur Krombach, li reġa' kien kontumaċi, iħallas lis-Sur Bamberski kumpens ta’ FRF 350 000.

16     Fuq talba tas-Sur Bamberski, il-President tas-Sezzjoni Ċivili ta’ Landgericht Kempten (Il-Ġermanja), li kellha ġurisdizzjoni ratione loci, iddikjara li s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1995 kienet eżekuttiva fil-Ġermanja. Peress li l-Oberlandesgerichtli ċaħdet l-appell imressaq mis-Sur Krombach kontra dik id-deċiżjoni, dan ta’ l-aħħar ressaq appell dwar punt tad-dritt (Rechtsbeschwerde) quddiem il-Bundesgerichtshof fejn sostna li quddiem il-qorti Franċiża ma kellux il-possibbiltà li jiddefendi ruħu b'mod effettiv kontra l-kundanna tiegħu.

17     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jistgħu jikkonċernaw l-ordni pubblika fis-sens tal-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, meta, fir-rigward ta' persuna domiċiljata fi Stat Kontraenti (l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Brussell), l-Istat ta' orġini jibbaża l-ġurisdizzjoni tiegħu unikament fuq in-nazzjonalità tal-vittma (kif previst fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3)?

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      Il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza (l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Brussell) tista', fil-kuntest ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27, tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti kriminali ta' l-Istat ta' oriġini ma ppermettietx li d-debitur jiġi difiż minn avukat fil-proċedimenti ċivili li saru fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali (Artikolu II tal-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1968 dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell), minħabba li huwa, domiċiljat fi Stat Kontraenti ieħor, kien akkużat b'reat volontarju u ma deherx personalment?

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

3)      Il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza, fil-kuntest ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, tista' tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq in-nazzjonalità tal-vittma biss (ara l-ewwel domanda iktar 'il fuq) u li barra minn hekk, hija rrifjutat li l-akkużat jiġi rrappreżentat minn avukat (ara t-tieni domanda iktar 'il fuq)?”

 Osservazzjonijiet preliminari

18     Permezz ta' dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja x'inhi l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta' "ordni pubblika ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza" skond il-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni.

19     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Konvenzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita, safejn ikun possibbli, il-moviment liberu tas-sentenzi billi tistabbilixxi proċedura ta' eżekuzzjoni li hija rapida u sempliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C-414/92, Ġabra p. I-2237, punt 20, u tad-29 ta’ April 1999, Coursier, C-267/97, Ġabra p. I-2543, punt 25).

20     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-proċedura tikkostitwixxi sistema awtonoma u kompluta, indipendenti mis-sistemi legali ta' l-Istati Kontraenti, u li l-prinċipju ta' ċertezza legali fis-sistema Komunitarja kif ukoll l-għanijiet tal-Konvenzjoni skond l-Artikolu 220 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 293 tal-KE), li fuqu hija bbażata, jeżiġu applikazzjoni uniformi, fl-Istati Kontraenti kollha, tar-regoli tal-Konvenzjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Awissu 1995, SISRO, C-432/93, Ġabra p. I-2269, punt 39).

21     Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dan għandu jiġi interpretat b'mod strett peress li jikkostitwixxi ostaklu għat-twettiq ta' l-għanijiet fundamentali tal-Konvenzjoni (sentenza Solo Kleinmotoren, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). Fir-rigward, b'mod iktar preċiż, ta' l-użu tal-klawsola ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan għandu jsir biss f'każijiet eċċezzjonali (sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, 145/86, Ġabra p. 645, punt 21, u ta' l-10 ta’ Ottubru 1996, Hendrikman u Feyen, C-78/95, Ġabra p. I-4943, punt 23).

22     Għalhekk, filwaqt li l-Istati Kontraenti, bħala prinċipju, jibqgħu liberi, bis-saħħa tar-riżerva fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, li jiddeterminaw, skond il-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi ta' l-ordni pubblika, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni.

23     Għaldaqstant, filwaqt li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut ta' l-ordni pubblika ta' Stat Kontraenti, madankollu hija għandha tikkontrolla l-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta' Stat Kontraenti jista' jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Kontraenti ieħor.

24     F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi rrilevat, peress li l-Konvenzjoni ġiet konkluża fuq il-bażi ta' l-Artikolu 220 tat-Trattat u fil-kuntest definit minnu, id-dispożizzjonijiet tagħha huma marbutin mat-Trattat (sentenza tal-10 ta’ Frar 1994 Mund & Fester, C-398/92, Ġabra p. I-467, punt 12).

25     Skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-ħarsien tagħhom (ara, b'mod partikolari, l-Opinjoni 2/94 tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 33). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ispirazzjoni mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll minn gwida pprovduta minn strumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw fir-rigward tagħhom jew li adirixxew għalihom. F'dan ir-rigward, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali hija ta' importanza partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18).

26     B'hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, prinċipju li huwa ispirat minn dawn id-drittijiet fundamentali (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I 8417, punti 20 u 21, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Olanda u Van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98 P, li għadhom ma ġewx ippublikati fil-Ġabra, punt 17).

27     L-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li wara emenda sar l-Artikolu 6(2) UE) ikkonsolida din il-ġurisprudenza. Skond din id-dispożizzjoni, ‘‘L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet [tal-Bniedem] u [ta]l-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.’’

28     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari.

 Fuq l-ewwel domanda

29     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-klawsola ta' ordni pubblika li tinsab fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza tistax, fir-rigward ta' konvenut domiċiljat f'dak l-Istat, tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq in-nazzjonalità tal-vittma ta' reat.

30     Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 tagħha, il-Konvenzjoni tapplika għal deċiżjonijiet mogħtija f'materja ċivili minn qorti kriminali (sentenza tal-21 ta’ April 1993, Sonntag, C-172/91, Ġabra p. I-1963, punt 16).

31     Fis-sistema tal-Konvenzjoni, ħlief għal ċerti każijiet imsemmija b'mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 28, li l-ebda wieħed minnhom ma jikkorrispondi għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-qorti li tintalab teżegwixxi sentenza ma tistax tivverifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta' l-Istat ta' oriġini. Dan il-prinċipju fundamentali, li huwa stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni, huwa msaħħaħ bid-dikjarazzjoni speċifika, fit-tieni sentenza ta' l-istess paragrafu, li “it-test ta' l-ordni pubblika msemmi fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 ma jistax jiġi applikat għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni”.

32     Minn dan isegwi li l-ordni pubblika ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza ma tistax topponi għar-rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor unikament minħabba li l-qorti ta' oriġini ma tkunx irrispettat r-regoli tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni.

33     Fid-dawl tat-termini ġenerali li fihom huwa miktub it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li dikjarazzjoni bħal din tapplika, bħala prinċipju, anki fil-każ li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini żbaljatament tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha, fir-rigward ta' konvenut domiċiljat fl-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza, fuq regola li tirreferi għal kriterju ta' nazzjonalità.

34     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza ma tistax, fir-rigward ta' konvenut domiċiljat f'dak l-Istat, tieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klawsola ta' ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha unikament fuq in-nazzjonalità tal-vittma ta' reat.

 Fuq it-tieni domanda

35     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tal-klawsola ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza tistax, fir-rigward ta' konvenut domiċiljat f'dan l-Istat u akkużat b'reat volontarju, tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' orġini rrifjutat li lil dan ta' l-aħħar tagħtih il-possibbiltà li jiġi difiż mingħajr ma jidher quddiemha personalment.

36     Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, billi jipprojbixxu r-reviżjoni tal-mertu ta' sentenza mogħtija minn qorti barranija, l-Artikolu 29 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni, jipprojbixxu lill-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti ta' l-Istat ta' oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza ma tistax tivverifika l-eżattezza ta' l-evalwazzjonijiet ta' dritt u ta' fatt li jkunu saru mill-qorti ta' l-Istat ta' oriġini.

37     Jista' jsir rikors għall-klawsola ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor jolqtu s-sistema legali ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza b'mod inaċċettabbli, peress li jikser prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi mħarsa l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta' sentenza mogħtija minn qorti barranija, il-ksur għandu jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta' regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew ta' dritt rikonoxxut bħala fundamentali f'din is-sistema legali.

38     Fir-rigward tad-dritt ta' persuna li tiġi difiża, li tagħmel riferiment għalih id-domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan jokkupa post importanti ħafna fl-organizzazzjoni u fil-mod kif jitmexxa smigħ xieraq u huwa fost id-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

39     B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedam diġà ddeċidiet diversi drabi li fi proċedimenti kriminali d-dritt ta' l-akkużat, għalkemm mhux assolut, li jiġi difiż minn avukat, u jekk ikun hemm bżonn, wieħed appuntat mill-qorti, huwa wieħed mill-elementi fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq u l-akkużat ma jitlifx il-benefiċċju ta' dan id-dritt għaliex ma jkunx preżenti għas-seduti (ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Poitrimol vs Franza tat-23 ta’ Novembru 1993, serje A nru 277-A; Pelladoah vs L-Olanda tat-22 ta’ Settembru 1994, serje A nru 297 B, u Van Geyseghem vs Il-Belġju, tal-21 ta’ Jannar 1999, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Reports).

40     Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali ta' l-Istat Kontraenti għandha d-dritt li tikkunsidra li r-rifjut li tinstema d-difiża ta’ akkużat li ma jkunx preżenti għas-seduti jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta' dritt fundamentali.

41     Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà għall-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza li tieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward tal-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, vjolazzjoni bħal din fid-dawl tal-kliem ta' l-Artikolu II tal-Protokoll. Dan ta' l-aħħar, li jinvolvi estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni għall-qasam kriminali minħabba l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mis-sentenza ta' qorti kriminali f'materji ċivili jew kummerċjali (sentenza tas-26 ta' Mejju 1981, Rinkau, 157/80, Ġabra p. 1391, punt 6), jirrikonoxxi d-dritt ta' persuna li tiddefendi lilha nnifisha mingħajr ma tidher personalment quddiem il-qrati kriminali ta' Stat kontraenti għall-persuni li ma jkunux ċittadini ta' dan l-Istat u domiċiljati fi Stat Kontraenti, fil-każ biss li jkunu akkużati b'reat involontarju. Din il-limitazzjoni ġiet interpretata fis-sens li l-Konvenzjoni kjarament tipprova teskludi lill-persuni akkużati b'reat li l-gravità tiegħu tiġġustifika dan, mill-benefiċċju li persuna tiġi difiża mingħajr ma tkun preżenti personalment.

42     Madankollu, minn ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-prinċipji mfakkra fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedimenti miftuħa kontra persuna u li tista' twassal għal miżura li taffettwa lil dik il-persuna b'mod negattiv, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi assigurat anki fin-nuqqas ta’ regoli li jkopru l-proċedimenti in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni, C-135/92, Ġabra p. I-2885, punt 39, u ta' l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21).

43     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, anki jekk il-Konvenzjoni hija intiża sabiex tassigura s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproċi tas-sentenzi tal-qrati jew tribunali, dan l-għan ma jistax jintlaħaq billi jiġu mdgħajfa d-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier, 49/84, Ġabra p. 1779, punt 10).

44     Minn dawn l-iżviluppi fil-ġurisprudenza, jirriżulta li r-rikors għall-klawsola ta' l-ordni pubblika għandu jiġi kkunsidrat bħala possibbli f'każijiet eċċezzjonali fejn il-garanziji stabbiliti fil-liġi ta' l-Istat ta' oriġini u fil-Konvenzjoni nnifisha ma jkunux suffiċjenti sabiex jħarsu lill-konvenut minn vjolazzjoni manifesta tad-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu quddiem il-qorti ta' oriġini, kif rikonoxxut mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, l-Artikolu II tal-Protokoll ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza milli tieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini rrifjutat tisma d-difiża ta' l-akkużat, akkużat b'reat volontarju, unikament għaliex ma kienx preżenti għas-seduti.

45     Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza tista', fir-rigward ta' konvenut domiċiljat fit-territorju tiegħu u akkużat b'reat volontarju, tieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward tal-klawsola ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, il-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini ma ppermettietx lil dan ta' l-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu li jiġi difiż mingħajr ma jidher quddiemha personalment.

 Fuq it-tielet domanda

46     Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

47     L-ispejjeż inkorsi mill-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof, permezz ta' digriet ta' l-4 ta’ Diċembru 1997, taqta' u tiddeċiedi li:

Il-punt 1 ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għandha tiġi interpretata bil-mod segwenti:

1)      Il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza ma tistax, fir-rigward ta' konvenut domiċiljat f'dak l-Istat, tieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klawsola ta' ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 ta' l-imsemmija Konvenzjoni, il-fatt biss li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq in-nazzjonalità tal-vittma ta' reat.

2)      Il-qorti ta' l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta' sentenza tista', fir-rigward ta' konvenut domiċiljat fit-territorju tiegħu u akkużat b'reat volontarju, tieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward tal-klawsola ta' l-ordni pubblika prevista fil-punt 1 ta' l-Artikolu 27 ta' l-imsemmija Konvenzjoni, il-fatt li l-qorti ta' l-Istat ta' oriġini ma ppermettietx lil dan ta' l-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu li jiġi difiż mingħajr ma jidher personalment.

Rodríguez Iglesias

Moitinho de Almeida

Edward

Sevón

Schintgen

Kapteyn

Gulmann

Puissochet

Hirsch

Jann

 

      Ragnemalm

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-28 ta' Marzu 2000.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.