SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

ta' l-10 ta' April 1984 (*)

"Trattament ugwali bejn l-iġiel u n-nisa – Aċċess għall-impjieg"

Fil-kawża C-14/83

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti taħt l-artikolu 177 tat-trattat KEE mill-Arbeitsgericht de Hamm intiża biex tikseb, fil-kawża fl-ismijiet

Sabine Von Colson

u

Elisabeth Kamann

vs

Il-Land Nordhein-Westfalen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, J. Mertens de Wilmars, President, T. Koopmans, K. Bahlmann, President ta' Awla, Y. Galmot, P. Pescatore, Mackenzie Stuart, A. O'Keeffe, G. Bosco, O. Due, U. Everling , C. Kakouris, Imħallfin

Avukat Ġenerali: S. Rozes,

Reġistratur: H. A. Rühl, administrateur principal

tagħti l-preżenti

Sentenza

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva 76/207 tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, mat-taħriġ u l-promozzjoni professjonali, u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40).

1       B'digriet tas-6 ta' Diċembru 1982, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Jannar 1983, l-Arbeitsgericht de Hamm ressqet, bis-saħħa ta' l-artikolu 177 tat-trattat KEE, diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva 76/207 tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, mat-taħriġ u l-promozzjoni professjonali, u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-mori tal-kawża bejn żewġ assistenti soċjali ggradwati, Sabine von Colson u Elisabeth Kamann, u l-Land de Nordhrein Westfalen. Jirriżulta mill-motivazzjoni tad-digriet ta' rinviju li l-istituzzjoni penitenzjarja ta' Werl, li hija rriżervata għal priġunieri rġiel biss u mmexxija mill-Land ta' Nordrhein Westfalen, irrifjutat li timpjega lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba raġunijiet marbutin mas-sess tagħhom. Jidher li l-uffiċjali inkarigati mir-reklutaġġ immotivaw ir-rifjut li jimpjegaw lir-rikorrenti minħabba l-problemi u r-riskji marbutin ma' l-ingaġġ ta' kandidati nisa f'istituzzjonijiet ta' din ix-xorta u għal-dawn ir-raġunijiet ippreferew kandidati rġiel, li kellhom inqas kwalifiki.

3       Il-qorti nazzjonali, wara li kkunsidrat li d-diskriminazzjoni kienet ġiet ippruvata, qieset li l-unika sanzjoni għal diskriminazzjoni mwettqa fi proċess ta' reklutaġġ, skond il-liġi Ġermaniża, kienet il-kumpens għall-"ħsara lill-fiduċja", (Vertrauensschaden), jiġifieri l-ħsara li ssir lill-kandidati ddiskriminati bil-fatt li jemmnu li r-rapport ta' l-impjieg jista' jiġi stabbilit mingħajr diskriminazzjoni. Tali kumpens huwa previst fl-artikolu 611a (2), tal-BGB.

4       Bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, min iħaddem huwa marbut, fil-każ ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg, "għal danni bl-imgħax għall-ħsara li l-ħaddiem ibati bil-fatt li emmen in buona fede li vjolazzjoni bħal din (tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament) ma kinitx sejra tkun ta' xkiel għall-istabbiliment ta' relazzjoni ta' xogħol". Dan l-artikolu hu intiż li jagħti effett lid-direttiva tal-Kunsill 76/207 hawn fuq imsemmija.

5       B'konsegwenza, il-qorti nazzjonali rriteniet illi skond il-liġi Ġermaniża hija setgħet biss tordna r-rimbors ta' l-ispejjeż tal-vjaġġ indikati mir-rikorrenti von Colson fl-okkażjoni tal-kandidatura tagħha għall-impjieg (7,20 DM), u li kellha tiċħad il-kapijiet l-oħra tar-rikors tar-rikorrenti.

6       Madankollu, sabiex tiffissa r-regoli ġuridiċi applikabbli fuq livell komunitarju fil-każ ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg, il-qorti nazzjonali għamlet is-segwenti domandi lil din il-Qorti:

"1) Jirriżulta, mid-dispożizzjonjiet tad-direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, mat-taħriġ u l-promozzjoni professjonali, u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) illi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess waqt l-aċċess għall-impjieg (nuqqas ta' konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol minħabba s-sess tal-kandidat / preferenza lill-kandidat ieħor minħabba s-sess tiegħu) għandha tiġi ssanzjonata billi min qed iħaddem, awtur tad-diskriminazzjoni, jiġi obbligat jikkonkludi kuntratt ta' xogħol mal-kandidat iddiskriminat?

2) Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fil-prinċipju:

a)       Is-sanzjoni li tinsab fl-obbligu li "jiġi konkluż kuntratt ta' xogħol" hija applikabbli, barra milli meta jiġi ppruvat li min iħaddem ikun ħa effettivament id-deċiżjoni tiegħu b'mod suġġettiv a bażi ta' kriterji marbuta mas-sess, ukoll meta jista' jiġi ppruvat li l-kandidat iddiskriminat huwa oġġettivament - skond kriterji aċċettabbli - iktar ikkwalifikat biex jeżerċita x-xogħol in kwistjoni mill-kandidat l-ieħor li miegħu jkun ġie konkluż il-kuntratt?

b)      L-obbligu li jiġi impjegat il-kandidat iddiskriminat minn min iħaddem jibqa' anki jekk, wara li jkun ġie ppruvat li huwa jkun ħa d-deċizjoni tiegħu b'mod suġġettiv abbażi ta' kriterji marbuta ma' sess, il-kandidat iddiskriminat u dak li jkun ġie ppreferut oġġettivament ikollhom l-istess kwalifiki?

ċ)      Fl-aħħar, il-kandidat iddiskriminat jista' jinvoka d-dritt li jiġi impjegat anki jekk huwa jkun oġġettivament inqas ikkwalifikat mill-kandidat li jkun ġie magħżul, meta jiġi ppruvat li min iħaddem kien, sa mill-bidu eskludieħ suġġettivament mill-għażla abbażi ta' kriterji aċċettabbli, minħabba s-sess tiegħu?

3)       Fil-każ illi, għad-domandi 2 a) u 2 ċ) is-soluzzjoni tiddependi mill-kwalifiki oġġettivi tal-kandidat:

Din il-kwistjoni taqa' kompletament taħt id-diskrezzjoni ta' l-imħallef, u liema huma l-kriterji u r-regoli tal-proċedura applikabbli f'dak li jikkonċerna l-provi u l-oneru tal-prova sabiex din tiġi stabbilita?

4)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Fil-każ li, meta jkun hemm iżjed minn żewġ kandidati għall-istess xogħol, u aktar minn persuna waħda tkun ġiet eskluża mill-bidu skond kriterji aċċettabbli minħabba raġunijiet marbutin mas-sess tagħhom, għandha kull waħda minn dawn il-persuni d-dritt li titlob li jiġi konkluż magħha kuntratt ta' xogħol?

F'dan il-każ, għandu t-tribunal jagħżel hu stess bejn il-kandidati ddiskriminati? Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domanda magħmula fl-ewwel paragrafu, liema sanzjoni oħra tagħti l-liġi?

5)      Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Liema għandha tkun, skond id-dispożizzjonijiet tad-direttiva 76/207/KEE, is-sanzjoni għal diskriminazzjoni kkonstatata waqt l-aċċess għall-impjieg?

F'dan ir-rigward, hemm lok li ssir distinzjoni skond id-domandi 2 a) u 2 ċ)?

6)      Id-direttiva 76/207/KEE, fl-interpretazzjoni li tagħtiha l-Qorti tal-Ġustizzja b'risposta għad-domandi hawn magħmula, hija direttament applikabbli fir-"Repubblika Federali tal-Ġermanja?"

7       Dawn id-domandi huma intiżi prinċipalment biex ikun magħruf jekk id-direttiva 76/207 timponix fuq l-Istati Membri li jipprovdu għall-konsegwenzi ġuridiċi jew sanzjonijiet partikolari fil-każ ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għax-xogħol (domandi 1 u 5) u jekk l-individwi jistgħux, jekk ikun il-każ, jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva quddiem il-qrati nazzjonali fin-nuqqas tat-traspożizzjoni tagħha fl-ordni ġuridiku nazzjonali fiż-żmien previst (domanda 6).

a)      Fuq l-ewwel domanda

8       Bl-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali titlob sostanzjalment jekk id-direttiva 76/207 timponix li diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għall-impjieg għandha tkun issanzjonata bl-obbligu impost fuq min iħaddem, bħala l-awtur tad-diskriminazzjoni, li jagħmel kuntratt ta' xogħol mal-kandidat iddiskriminat.

9       Skond il-qorti nazzjonali, jirriżulta mill-preamboli u mill-istess test tad-direttiva illi din timponi obbligu għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet legali mogħnija b'sanzjonijiet effettivi. Fil-fehma tagħha, huwa biss il-kumpens in natura, li jikkonsisti fl-assunzjoni fl-impjieg tal-persuni ddiskriminati, li huwa effettiv.

10     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-artikolu 611a(2) tal-BGB, bil-fatt li jillimita d-dritt ta' kumpens għall-ħsara lill-fiduċja (Vertrauensschaden) biss, eskluda l-possibbiltà ta' kumpens skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt. Id-direttiva 76/207 tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri approprjati maħsuba biex jevitaw id-diskriminazzjoni fil-futur. Għalhekk, għandu jitqies li almenu l-artikolu 611a(2) m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni. Il-konsegwenza ta' dan tkun illi min iħaddem ikun obbligat li jikkonkludi kuntratt ta' xogħol mal-kandidat iddiskriminat.

11     Il-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt li jagħraf il-ħtieġa ta' traspożizzjoni effikaċi tad-direttiva, itenni l-fatt li kull Stat Membru, bis-saħħa ta' l-artikolu 189(3) tat-trattat KEE, għandu l-jedd għal marġni ta' diskrezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw fil-każ ta' vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament. Dan il-gvern isostni wkoll illi t-tribunali Germaniżi jistgħu, bis-saħħa tad-dritt privat nazzjonali, u billi josservaw il-kontenut tad-direttiva, jelaboraw soluzzjonijiet adegwati li jissodisfaw kemm il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll l-interessi tal-partijiet kollha. Fl-aħħar nett, skond il-gvern, ikun biżżejjed biex jiġi rrispettat il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament jekk ikun hemm konsegwenza ġuridika perċettibbli, u din m'għandhiex tkun prevista ħlief meta l-kandidat iddiskriminat ikun iżjed ikkwalifikat mill-oħrajn biex iwettaq ix-xogħol in kwistjoni, imma mhux fil-każ li l-kandidati jkollhom l-istess kwalifiki.

12     Il-gvern Daniż hu tal-fehma li d-direttiva ħalliet deliberatament lill-Istati Membri l-għażla tas-sanzjonijiet, skond is-sitwazzjoni nazzjonali u s-sistemi ġuridiċi tagħhom. Huwa opportun li l-Istati Membri jissanzjonaw il-vjolazzjonijiet tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament bl-istess mod li jissanzjonaw vjolazzjonijiet analogi tar-regoli nazzjonali f'dawk l-oqsma relatati li mhumiex irregolati mid-dritt komunitarju.

13     Il-gvern tar-Renju Unit huwa wkoll tal-fehma li huwa f'idejn l-Istati Membri li jagħżlu liema provvedimenti jidhrilhom xierqa sabiex jiggarantixxu li l-obbligi li joħorġu mid-direttiva jkunu osservati. Id-direttiva ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar liema provvedimenti għandhom jieħdu l-Istati Membri u d-domandi mressqa quddiem il-Qorti juru minnhom nfushom u b'mod evidenti d-diffikultajiet iffaċċjati fl-għażla ta' provvedimenti adatti.

14     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hi tal fehma li jekk id-direttiva kienet maħsuba li tħalli lill-Istati Membri l-għażla u l-iffissar tas-sanzjonijiet, it-traspożizzjoni tagħha għandha madankollu tkun effikaċi fir-rigward tar-riżultat tagħha. Il-prinċipju ta' traspożizzjoni effikaċi tad-direttiva jeżiġi li s-sanzjonijiet għandhom ikunu maħsuba b'mod li jikkostitwixxu kumpens adegwat għall-kandidat iddiskriminat, u mod kif titqiegħed pressjoni fuq min iħaddem biex dan jieħu bis-serjeta' u jirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss dritt għal kumpens għall-ħsara lill-fiduċja mhux biżżejjed biex tiggarantixxi r-rispett ta' dan il-prinċipju.

15     Skond it-tielet inċiż ta' l-artikolu 189, "id-direttivi jkunu jorbtu lil kull Stat Membru li għalih ikunu indirizzati, sa fejn jirrigwarda r-riżultat li għandu jintlaħaq, iżda għandhom iħallu l-kwistjonijiet ta' forma u mezzi fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali". Jekk huwa veru li dan il-provvediment iħalli lill-Istati Membri l-għażla ta' forom u mezzi li jiżguraw l-implementazzjoni tad-direttiva, din l-għażla tħalli madankollu bla mittiefes l-obbligu ta' kull Stat destinatarju li jieħu, fil-kuntest ta' l-ordni ġuridiku nazzjonali tiegħu, dawk il-provvedimenti kollha meħtieġa biex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva, in konformità ma' l-għan tagħha.

16     Huwa opportun għalhekk li tiġi eżaminata d-direttiva 76/207 bl-iskop li jiġi deċiż jekk din timponix fuq l-Istati Membri li jipprovdu konsegwenzi ġuridiċi jew sanzjonijiet speċifiċi fil-każ ta' vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament waqt l-aċċess għall-impjieg.

17     Din id-direttiva għandha l-għan li jiġi implementat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa filwaqt li tiġi żgurata, b´mod partikolari, l-ugwaljanza effettiva ta' opportunitajiet fl-aċċess għall-impjieg lill-ħaddiema taż-żewġ sessi. Għal dan il-għan, l-artikolu 2 jiddefinixxi l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u l-limitazzjonijiet tiegħu, waqt li l-artikolu 3(1) jispeċifika l-portata tiegħu preċiżament f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg. L-artikolu 3(2)a, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitħassru dawk il-provvedimenti leġiżlattivi, regolamentari u amminstrattivi jmorru kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament.

18     L-artikolu 6 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jdaħħlu fl-ordni ġuridiku intern tagħhom il-miżuri meħtiega biex jippermettu lil kull min iħoss ruħu leż minn diskriminazzjoni, "li jinforza d-drittijiet tiegħu ġuridikament". Isegwi minn din id-dispożizzjoni illi l-Istati Membri huma obbligati jieħdu dawk il-miżuri li jkunu effikaċi biżżejjed biex jilħqu l-għan tad-direttiva u li jagħmlu mezz li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu invokati effettivament mill-persuni kkonċernati fit-tribunali nazzjonali. Miżuri bħal dawn jistgħu, per eżempju, jinkludu dispożizzjonijiet li jeżiġu li min ħaddem jimpjega lill-kandidat iddiskriminat jew li jiżguraw kumpens pekunjarju adegwat, imsaħħah, jekk ikun il-każ, b'sistema ta' ammendi. Huwa opportun madankollu li jingħad illi d-direttiva ma timponix sanzjoni speċifika iżda tħalli lill-Istati Membri fil-liberta' li jagħżlu bejn soluzzjonijiet differenti adatti biex jilħqu l-għan tagħha.

19     Konsegwentement, hemm lok li jingħad b'risposta għall-ewwel domanda li d-direttiva 76/207 ma timponix li diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess waqt l-aċċess għall-impjieg għandha tkun issanzjonata b'obbligu fuq min iħaddem li jagħmel kuntratt ta' impjieg mal-kandidat iddiskriminat.

b)      Fuq id-domandi 2 sa 4

20     Peress illi d-domandi 2 sa 4 kienu magħmula biss fil-każ li min iħaddem ikun obbligat jimpjega lill-kandidat iddiskriminat, allura m'huwiex il-każ li jingħatawlhom risposta.

ċ)      Fuq il-ħames u s-sitt domandi

21     Bil-ħames domanda, il-qorti nazzjonali titlob fis-sustanza lil din il-Qorti jekk hux possibbli li wieħed jippreżumi mid-direttiva sanzjoni oħra fil-każ ta' diskriminazzjoni barra dik ta' konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol. Is-sitt domanda hija intiża taċċerta jekk id-direttiva, skond l-interpretazzjoni li għandha tingħata, tistax tiġi invokata mill-persuni leżi fil-qrati nazzjonali.

22     F'dan ir-rigward, huwa l-każ li jingħad li ugwaljanza effettiva ta' opportunitajiet ma tistax tintlaħaq mingħajr sistema ta' sanzjonijiet adegwati. Tali konsegwenza tirriżulta mhux biss mill-għan ta' l-istess direttiva iżda b'mod iktar partikolari mill-artikolu 6 tagħha li, filwaqt li jagħti dritt ta' rikors għall-qrati lill-kandidati għall-impjieg li lilhom tkun saret diskriminazzjoni, jagħraf fuq kollox l-eżistenza ta' drittijiet li jistgħu jiġu invokati fi proċeduri ġudizzjarji.

23     Għalkemm applikazzjoni sħiħa tad-direttiva ma timponix, bħalma ntqal fir-risposta għall-ewwel domanda, forma speċifika ta' sanzjoni fil-każ ta' vjolazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, din għandha madankollu tinftiehem li s-sanzjoni għandha tkun tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi. Barra minn hekk, għandha verament ikollha, fil-konfront ta' min iħaddem, effett dissważiv. Jirriżulta għalhekk illi meta l-Istat Membru jagħżel li jippenalizza vjolazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni permezz ta' kumpens dan għandu jkun f'kull każ adegwat għad-dannu soffert.

24     Jidher għalhekk illi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-drittijiet għall-kumpens ta' persuni li jkunu sofrew diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg għal ammont purament simboliku, bħal, per eżempju, ir-rimbors ta' l-ispejjeż tal-kandidatura tagħhom, mhijiex konformi ma' l-eżiġenzi ta' traspożizzjoni effikaċi tad-direttiva.

25     In-natura tas-sanzjonijiet previsti fir-Repubblika Federali Germaniża fil-każ ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg, u b'mod partikolari, il-kwistjoni jekk ir-regolament tal-artikolu 611a(2) tal-BGB jeskludix il-possibbiltà ta' kumpens li joħroġ mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, ġie ttrattat fit-tul quddiem din il-Qorti. F'dan ir-rigward, il-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt il-proċedura orali, sostna illi dan l-artikolu ma jeskludix neċessarjament l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt fi kwistjoni ta' kumpens. Hija biss kompetenza tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fuq dan il-punt ta' interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

26     Huwa opportun madankollu li jiġi preċiżat illi l-obbligu ta' l-Istati Membri, li joħroġ minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom bis-saħħa ta' l-artikolu 5 tat-Trattat li jieħdu dawk il-miżuri kollha ġenerali jew partikolari meħtieġa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta' dan l-obbligu, huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha ta' l-Istati Membri kif ukoll fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji, dejjem skond il-kompetenzi tagħhom. Isegwi għalhekk illi, b'applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, u partikolarment tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali maħruġa speċifikament biex jimplementaw id-direttiva 76/207, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tat-test u ta' l-għanijiet tad-direttiva biex tilħaq ir-riżultat previst fl-artikolu 189(3).

27     Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, id-direttiva ma tinkludi - f'dak li għandu x'jaqsam ma' sanzjonijiet fil-każ ta' diskriminazzjoni - ebda obbligu inkundizzjonat u speċifiku biżżejjed li jista' jiġi invokat minn individwu, fin-nuqqas ta' miżuri adottati għall-implementazzjoni fil-ħin, bl-intenzjoni li jingħata rimedju speċifiku bis-saħħa tad-direttiva meta tali rimedju ma jkunx previst jew permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

28     Huwa l-każ madankollu li jiġi ppreċiżat lill-qorti nazzjonali li waqt li d-direttiva 76/207 tħalli f'idejn l-Istati Membri sabiex jissanzjonaw il-vjolazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-liberta' li jagħżlu fost is-soluzzjonijiet differenti adatti biex jilħqu l-għan tagħha, timplika f'kull każ li jekk Stat Membru jagħżel li jissanzjona l-vjolazzjoni tal-projbizzjoni in kwistjoni permezz ta' kumpens, dan dejjem għandu jkun adegwat fil-konfront tad-dannu sofferti sabiex jiżgura l-effikaċja u l-effett dissważiv tagħha, u għalhekk irid imur lil hinn minn kumpens purament simboliku, bħal, per eżempju, is-sempliċi rimbors ta' l-ispejjeż ikkawżati mill-kandidatura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti, lil-liġi nazzjonali li tapplika d-direttiva, fil-limiti tal-marġni ta' diskrezzjoni mogħti lilha, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konformi ma' l-eżiġenzi tad-dritt komunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

29     L-ispejjeż tal-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tad-Danimarka u tar-Renju Unit u dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali għandha n-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

taqta' u tiddeċiedi dwar id-domandi mressqa quddiemha mill-Arbeitsgericht de Hamm, bid-digriet tas-6 ta' Diċembru 1982, u tiddikjara:

1)      Id-direttiva 76/207 ma timponix illi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess waqt l-aċċess għall-impjieg trid tiġi ssanzjonata bl-obbligu impost fuq min iħaddem, bħala awtur tad-diskriminazzjoni, li jikkonkludi kuntratt ta' xogħol mal-kandidat li ġie ddiskriminat.

2)      F'dak li għandu x'jaqsam mas-sanzjoni ta' diskriminazzjoni, id-direttiva ma tinkludi ebda obbligu ikkundizzjonat u speċifiku biżżejjed li jista' jiġi invokat minn individwu, fin-nuqqas ta' miżuri adottati għall-implementazzjoni fil-ħin, bl-intenzjoni li jingħata kumpens speċifiku bis-saħħa tad-direttiva meta tali rimedju ma jkunx previst jew permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3)      Għalkemm id-direttiva 76/207 tħalli, f'idejn l-Istati Membri li jissanzjonaw il-vjolazzjoni ta' projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-liberta' li jagħżlu bejn soluzzjonijiet differenti adatti biex jilħqu l-għan tagħha, hija timplika f'kull każ illi jekk Stat Membru jagħżel li jissanzjona l-vjolazzjoni tal-projbizzjoni in kwistjoni permezz ta' kumpens, dan dejjem għandu jkun adegwat fil-konfront tad-danni sofferti, sabiex jiżgura l-effikaċja u l-effett dissważiv tagħha, u għalhekk irid imur lil hinn minn kumpens purament simboliku, bħal, per ezempju, is-sempliċi rimbors ta' l-ispejjeż ikkawżati mill-kandidatura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti, lil-liġi nazzjonali li tapplika d-direttiva, fil-limiti tal-marġni ta' diskrezzjoni mogħti lilha, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konformi ma' l-eżiġenzi tad-dritt komunitarju.

Mertens de Wilmars

Koopmans

Bahlmann

Galmot

Pescatore      Mackenzie Stuart

O'Keeffe

Bosco      Due

Everling

 

      Kakouris

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 10 ta' April, 1984

P. Heim

 

      J. Mertens de Wilmars

Ir-Reġistratur                                                                Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.