SENTENZA TAL-QORTI TAL-GUSTIZZJA

14 ta' Ottubru 1970 (*)

"Ftehim Ewropew dwar Trasport fuq it-Toroq"

Fil-kawża C-22/70,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tal-proċedimenti tal-Kunsill, ta’ l-20 ta’ Marzu 1970, li jirrigwardaw in-negozjati u l-konklużjoni, mill-Istati Membri tal-KEE, tal-ftehim ewropew li jikkonċerna x-xogħol ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fi trasport internazzjonali fuq it-toroq,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Gerald Olivier, Assistent Direttur Ġenerali tas-servizz ġuridiku tagħha, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju tal-konsulent legali tagħha, Emile Reuter, 4 Boulevard Royal,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentat minn Ernst Wohlfart, konsulent legali għall-Kunsill u Direttur-Ġenerali tas-Segretarjat-Ġenerali, bħala aġent, assistit minn Jean-Pierre Puissocher, Direttur tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta’ J. N. Van Den Houten, direttur tas-servizz guridiku tal-Bank Ewropew ta’ l-Investimenti, 2 Place de Metz,

konvenut,

IL-QORTI TAL-GUSTIZZJA,

komposta minn R. Lecourt, President, A.M. Donner u A.Trabucchi, Presidenti ta' Awla, R. Monaco, J. Mertens De Wilmars, P. Pescatore (Relatur) u H. Kutscher, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Dutheillet de Lamothe,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 1970, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet talbet l-annullament tal-proċedimenti tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 dwar in-negozjar u l-konklużjoni, minn Stati Membri tal-Komunità, fil-kuntest tal-Kummissjoni ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għal l-Ewropa, tal-ftehim Ewropew li jikkonċerna x-xogħol ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali fuq it-toroq (AETR).

2       Bħala eċċezzjoni preliminari, il-Kunsill eċċepixxa li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-proċedimenti in kwistjoni m'humiex att li l-legalità tiegħu tista' tkun is-suġġett ta' eżami skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat.

3       Biex tittieħed deċiżjoni dwar dan il-punt, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat liema awtorità kienet, fid-data relevanti, kompetenti li tinnegozja u tikkonkludi l-AETR.

4       Il-portata ġuridika tal-proċedimenti tinbidel skond jekk dawn humiex meqjusa li jikkostitwixxu l-eżerċizzju ta’ poteri mogħtija lill-Komunità, jew, jekk dawn humiex meqjusa li jikkostitwixxu affermazzjoni ta' koordinazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ l-eżerċizzju tal-poteri tagħhom li żammew.

5       Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibilità, għalhekk, huwa meħtieġ li l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk, fid-data tal-proċedimenti in kwistjoni, il-kompetenza li jiġi nnegozjat u konkluż l-AETR kinitx tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri.

 1 - Fuq il-kwistjoni preliminari

6       Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 75 tat-Trattat, li ta lill-Komunità l-poteri ddefiniti f’termini wiesa' bil-għan li tkun tista' tiġi implementata l-politika komuni tat-trasport, għandu jkun applikabbli kemm għar-relazzjonijiet barranin u kif ukoll għal miżuri interni fil-qasam maħsub.

7       Hija ssostni li l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni jkun kompromess jekk il-poteri li hi tipprovdi, partikolarment dak li tieħu “provvedimenti oħra xierqa”, skond it-tifsira tas-subparagrafu (1)(c) ta’ l-Artikolu ċċitat, ma jestendux għall-konklużjoni ta’ ftehim ma' pajjiżi terzi.

8       Anki jekk, kif inhu argumentat, dan il-poter ma kienx oriġinarjament ikopri l-qasam kollu tat-trasport, huwa kellu t-tendenza li jsir ġenerali u esklużiv kif u meta l-politika komuni tiġi implementata f’dan il-qasamf.

9       Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, isostni li la darba l-Komunità għandha biss il-poteri li ngħataw lilha, kompetenza biex tidħol fi ftehim ma' pajjiżi terzi ma tistax tiġi assunta fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fit-Trattat.

10     B'mod aktar partikolari, l-Artikolu 75 jirrigwarda biss il-miżuri interni tal-Komunità, u ma jistax jiġi interpretat li jawtoriżża l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

11     Anki li kieku kien mod ieħor, kompetenza bħal din ma tistax tkun ġenerali u esklużiva, imma l-aktar tista' tkun f'kompetizzjoni ma' dik ta’ l-Istati Membri.

12     Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat li jirrigwardaw in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-politika tat-trasport - kategorija li fiha, essenzjalment, jidħol l-AETR - wieħed għandu jirreferi għas-sistema ġenerali tal-liġi komunitarja fil-qasam tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.

13     L-Artikolu 210 jipprovdi li “il-Komunità għandha tippossjedi l-kapaċità ġuridika”.

14     Din id-dispożizzjoni, mqegħda fil-bidu tas-sitt parti tat-Trattat, iddedikata għal “dispożizzjonijiet ġenerali u finali”, tfisser li fir-relazzjonijiet barranin tagħha, il-Komunità tgawdi mill-kapaċità li tistabbilixxi rabtiet kontrattwali ma' pajjiżi terzi fl-oqsma kollha ta’ l-obbjettivi definiti fl-ewwel parti tat-Trattat, li s-sitt parti tissupplementa.

15     Sabiex tiġi ddeterminata, f’każ partikolari, il-kompetenza tal-Komunità li tikkonkludi ftehim internazzjonali, wieħed għandu jikkunsidra kemm is-sistema sħiħa tat-Trattat u kif ukoll id-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha.

16     Tali kompetenza tirriżulta mhux biss minn attribuzzjoni espliċita mit-Trattat - kif inhu l-każ ta’ l-Artikoli 113 u 114 għal ftehim dwar tariffi u dwar kummerċ u ta’ l-Artikolu 238 għal ftehim ta’ assoċjazzjoni - imma tista' tirriżulta wkoll minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u minn miżuri adottati, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

17     B'mod partikolari, kull darba li l-Komunità, bil-għan li timplementa politika komuni kif maħsuba fit-Trattat, tadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu regoli komuni, indipendentement mill-għamla li jistgħu jieħdu, l-Istati Membri ma jkollhomx aktar id-dritt, billi jaġixxu individwalment jew anki kollettivament, li jidħlu għal obbligi ma' pajjiżi terzi li jaffettwaw dawk ir-regoli.

18     Fil-fatt, kif u meta dawn ir-regoli komuni jiġu adottati, il-Komunità biss tkun tistà tassumi u twettaq l-obbligi kontrattwali lejn pajjiżi terzi li jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni kollu tas-sistema legali tal-Komunità.

19     Għaldaqstant, fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, is-sistema ta’ miżuri interni tal-Komunità ma tistax tiġi sseparata minn dik ta’ relazzjonijiet barranin.

20     Fl-Artikolu 3(e), l-introduzzjoni ta’ politika komuni fil-qasam tat-trasport hija speċifikament imsemmija fost l-obbjettivi tal-Komunità.

21     Skond l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom, minn naħa waħda, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jassiguraw it-twettieq ta’ l-obbligi li joriġinaw mit-Trattat jew li jirriżultaw minn azzjoni ta' l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tfixkel ir-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet tat-Trattat.

22     Jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jinqraw flimkien, jirriżulta li safejn regoli tal-Komunità jkunu adottati għar-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, jassumu obbligi li jistgħu jaffettwaw dawn ir-regoli jew li jistgħu jibdlu l-portata tagħhom.

23     Skond l-Artikolu 74, l-għanijiet tat-Trattat fl-oqsma tat-trasport għandhom jintlaħqu fil-kuntest ta’ politika komuni.

24     Għal dan il-għan, , l-Artikolu 75(1) jinkariga lill-Kunsill jistabbilixxi regoli komuni u biex jieħu “kull miżura oħra opportuna”.

25     Skond it-termini tal-paragrafu (a) ta’ l-istess dispożizzjoni, dawn ir-regoli komuni huma applikabbli “għat-trasport internazzjonali minn jew għat-territorju ta’ Stat Membru jew għaddej mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri”.

26     Din id-dispożizzjoni tikkonċerna wkoll, għall-parti tal-vjaġġ li jseħħ fit-territorju tal-Komunità, it-trasport minn u lejn pajjiżi terzi.

27     Għalhekk hi tassumi li l-kompetenza tal-Komunità testendi għal relazzjonijiet li joriġinaw mil-liġi internazjonali, u għalhekk timplika l-ħtieġa, fil-qasam in kwistjoni, ta' ftehim mal-pajjiżi terzi kkonċernati.

28     Għalkemm l-Artikoli 74 u 75 ma jagħtux espressament lill-Komunità kompetenza li tikkonkludi ftehim internazzjonali, l-adozzjoni, fil-25 ta’ Marzu 1969, tar-regolament tal-Kunsill nru 543/69 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport fuq it-toroq (ġu l 77, p. 49 ) kellu madankollu l-effett neċessarju li jagħti lill-Komunità l-kompetenza biex tikkonkludi ftehim ma pajjiżi terzi li jirrigwardaw is-suġġett irregolat mill-istess regolament.

29     Din l-attribuzzjoni ta’ kompetenza hija aktar minn hekk irrikonoxxuta espressament mill-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi regolament, li jipprovdi li “l-Komunità għandha tidħol f’negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament”.

30     Peress illi s-suġġett ta’ l-AETR jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament nru 543/69, il-Komunità kellha l-kompetenza li tinnegozja u li tikkonkludi l-ftehim in kwistjoni sa minn meta l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ.

31     Din il-kompetenza tal-Komunità teskludi l-possibiltà ta' kompetenza f'kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, peress illi kull pass meħud barra mill-kuntest ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità jkun inkompatibbli ma' l-unità tas-suq komuni u ma' l-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju.

32     Il-kwistjoni ta’ l-ammissibilità għandha tiġi riżolta fid-dawl ta' din il-pożizzjoni legali.

 2 - Fuq l-ammissibilità tar-rikors

33     L-ammissibilità tar-rikors hija kkontestata mill-Kunsill għal diversi raġunijiet, ibbażati fuq in-natura tal-proċedimenti in kwistjoni, u sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ interess tal-Kummissjoni fil-materja, fuq l-attitudni preċedenti tagħha, u fuq il-fatt li r-rikors kien tardiv.

 (A) Raguni bbażata fuq in-natura tal-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970

34     Il-Kunsill isostni li l-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 ma jikkostitwixxux att, skond it-tifsira ta' l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ Artikolu 173, li l-legalità tiegħu tista' tiġi mistħarrġa.

35     Fil-fatt, dawn il-proċedimenti, la bl-għamla tagħhom u lanqas bl-għan jew il-kontenut tagħhom, ma huma regolament, deċiżjoni jew direttiva skond l-Artikolu 189.

36     Fir-realtà dawn ma kienu xejn ħlief konċertazzjoni politika bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-Kunsill li, bħala tali, ma ħolqot l-ebda dritt, ma imponiet l-ebda obbligu u ma mmodifikat l-ebda pożizjoni legali.

37     Din id-definizzjoni hija aktar partikolari minħabba li fil-każ ta’ kwistjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-ammissibilità għandha tiġi evalwata b'mod partikolarment rigoruż.

38     Skond l-Artikolu 173, il-qorti għandha d-dmir li tistħarreġ il-legalità “ta’ atti tal-Kunsill..... iżda mhux tar-rakkomandazzjonijiet jew ta' l-opinjonijiet”.

39     Press li huma esklużi biss mill-iskop ta’ rikors għal annullament, miftuħ għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet, ir-“rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet” - li skond l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 189 m'humiex vinkolanti - l-Artikolu 173 jittratta bħala atti li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti, il-miżuri kollha addottati mill-istituzzjonijiet, li huma intiżi li jipproduċu effett ġuridiku.

40     L-għan ta’ dan ir-rikors huwa li jassigura, kif jipprovdi l-Artikolu 164, l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat.

41     Ikun kuntrarju għal dan l-obbjettiv li jiġu interpretati b'mod strett il-kundizzjonijiet għall-ammissibiltà tar-rikors billi tiġi limitata l-portata tiegħu sempliċement għall-kategoriji ta' miżuri kkontemplati fl-Artikolu 189.

42     Rikors għal annullament għandu għaldaqstant ikun disponibbli fir-rigward tal-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement min-natura jew l-għamla tagħhom, li għandhom l-għan li jipproduċu effett ġuridiku.

43     In-natura tal-proċedimenti in kwistjoni għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel.

44     Waqt il-laqgħa ta’ l-20 ta’ Marzu 1970, il-Kunsill, wara skambju ta’ opinjonijiet bejn il-Membri tiegħu u r-rappreżentant tal-Kummissjoni, wasal għal numru ta’ “konklużjonijiet” dwar l-attitudni li għandha tittieħed mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri fin-negozjati deċiżivi fuq l-AETR.

45     Dawn il-proċedimenti kienu jirrigwardaw essenzjalment l-obbjettiv tan-negozjati u l-proċedura tan-negozjati.

46     F’dak li jirrigwarda l-obbjettiv li għandu jintlaħaq, il-Kunsill iddeċieda fuq pożizjoni ta’ negozjati bil-għan li jkun hemm adattament ta' l-AETR għad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-Komunità, ħlief għal ċerti derogi mir-regolament, li kellhom ikunu aċċettati mill-Komunità.

47     Wara li kkunsidra l-obbjettiv hekk stabbilit, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaqlu, fil-mument opportun u skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 75 tat-Trattat, il-proposti meħtieġa sabiex jiġi emendat ir-regolament nru 543/69.

48     F’dak li jirrigwarda l-proċedura tan-negozjati, il-Kunsill iddeċieda, skond il-linji ta' kondotta adottati fil-laqgħat preċedenti tiegħu, li n-negozjati għandhom jitwettqu u konklużi mis-sitt Stati Membri, li jkunu saru partijiet kontraenti ta’ l-AETR.

49     Matul in-negozjati u waqt il-konklużjoni tal-ftehim, l-Istati jkunu qed jaġixxu b’azzjoni komuni u jkunu qed jikkoordinaw kontinwament il-pożizzjonijiet tagħhom skond il-proċedura normali f’assoċjazzjoni stretta ma' l-istituzzjonijiet komunitarji; id-delegazzjoni ta’ l-Istat Membru li għandu l-presidenza tal-Kunsill tkun qed taġixxi bħala l-kelliem.

50     Ma jidhirx, mill-minuti, li l-Kummissjoni qajmet xi oġġezzjonijiet għad-definizzjoni, mill-Kunsill, ta’ l-obbjettiv tan-negozjati.

51     Min-naħa l-oħra, din fil-fatt kienet għamlet riżerva espliċita rigward il-proċedura tan-negozjati, billi ddikjarat li hi tikkunsidra l-pożizzjoni adottata mill-Kunsill bħala mhux konformi mat-Trattat, u b'mod aktar partikolari ma' l-Artikolu 228.

52     Mill-premess isegwi li l-proċedimenti tal-Kunsill kienu jittrattaw suġġett li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Komunità, u li għaldaqstant, l-Istati Membri ma setgħux jaġixxu barra mill-kuntest ta’ l-istituzzjonijiet komuni.

53     Għalhekk jidher li, safejn huma jikkonċernaw l-obbjettiv tan-negozjati kif iddefinit mill-Kunsill, il-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 ma setgħux kienu sempliċement l-espressjoni jew il-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni volontarja, imma kellhom l-għan li jistabbilixxu linja ta' kondotta li torbot kemm l-istituzzjonijiet u kif ukoll l-Istati Membri, intiża fl-aħħar nett sabiex tiġi riflessa fit-tenur tar-regolament.

54     Fil-parti tal-konklużjonijiet tiegħu li jirrigwardaw il-proċedura tan-negozjati, il-Kunsill adotta dispożizzjonijiet li setgħu jidderogaw f’ċerti ċirkustanzi mill-proċedura prevista fit-Trattat għal dak li jikkonċerna n-negozjati ma' pajjiżi terzi u l-konklużjoni ta’ ftehim.

55     Għalhekk, il-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 kellhom effetti ġuridiċi preċiżi kemm fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri u kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet.

 (b) Raġunijiet sussidjarji dwar l-ammissibilità

56     Il-Kunsill isostni li l-analiżi tal-konsegwenzi li jista' jkun hemm bl-annullament tal-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970, tikkonferma t-teżi li dawn il-proċedimenti kienu nieqsa minn kull effett ġuridiku.

57     Tali annullament jikkanċella l-konstatazzjoni ta' koordinazzjoni bejn Stati Membri, imma ma jaffettwax la r-realtà ta’ din il-koordinazzjoni u lanqas l-azzjoni sussegwenti ta’ dawn l-Istati fil-kuntest tan-negozjati fuq l-AETR.

58     Għaldaqstant, l-azzjoni tal-Kummissjoni, peress li ma tistax tilħaq l-għan tagħha, hija nieqsa mill-interess.

59     Skond l-Artikolu 174, “jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara [l-att] in kwistjoni bħala null”.

60     F'dak il-każ, il-proċedimenti tal-Kunsill għandhom jiġu meqjusa bħala ineżistenti safejn kienu ġew annullati mill-Qorti. Il-partijiet fil-kawża għandhom ikunu mqiegħda lura fis-sitwazzjoni oriġinali tagħhom, u għandhom jikkunsidraw mill-ġdid il-kwistjonijiet in kwistjoni sabiex isibu soluzzjoni għalihom skond id-dritt komunitarju.

61     Għaldaqstant l-interess tal-Kummissjoni li ssegwi l-azzjoni tagħha ma jistax jiġi kkontestat.

62     Il-Kunsill jerġa jsostni li l-Kummissjoni m'għandhiex aktar id-dritt li taġixxi, minħabba li l-Kummissjoni nnifisha hija responsabbli għas-sitwazzjoni in kwistjoni, peress illi hi kienet naqset milli tieħu, fil-mument opportun, il-miżuri neċessarji sabiex tippermetti li l-poteri tal-Komunità jiġu eżerċitati, billi tissottometti proposti addatti lill-Kunsill.

63     Peress illi l-kwistjonijiet imressqa quddiem il-Qorti mill-Kummissjoni jikkonċernaw l-istruttura istituzzjonali tal-Komunità, l-ammissibilità tar-rikors ma tistax tkun tiddependi fuq omissjonijiet jew żbalji preċedenti tar-rikorrent.

64     Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ l-eċċezzjonijiet imqajma mill-Kunsill jaqgħu taħt l-eżami tal-mertu tal-kawża.

65     Finalment, il-Kunsill jallega li r-rikors huwa tardiv, abbażi tal-fatt li l-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 ma għamlu xejn ħlief iddikjaraw mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fil-laqgħat preċedenti tal-Kunsill, li l-aħħar waħda minnhom seħħet fis-17 u fit-18 ta’ Marzu 1969.

66     Madankollu il-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 ma jistgħux jiġu meqjusa bħala sempliċi konferma tal-proċedimenti preċedenti, minħabba li r-regolament nru 543/69 tal-25 ta’ Marzu 1960 biddel b'mod deċiżiv l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna s-suġġett innifsu tan-negozjati.

67     Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikors huwa ammissibbli.

 3 - Fuq il-mertu tal-kawża

68     Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-validità tal-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 fuq il-bażi li dawn kienu jinvolvu l-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b'mod aktar partikolari ta’ Artikoli 75, 228 u 235 għal dak li jikkonċerna d-distribuzzjoni ta’ poteri bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, u konsegwentement, id-drittijiet li l-Kummissjoni kellha teżerċita fin-negozjati dwar l-AETR.

 (A) Raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ Artikoli 75 u 228.

69     Il-Kummissjoni ssostni li fid-dawl tal-kompetenza mogħtija lill-Komunità permezz ta’ l-Artikolu 75, l-AETR kellu jiġi nnegozjat u konkluż mill-Komunità skond il-proċedura komunitarja kif iddefinita fl-Artikolu 228 (1).

70     Għalkemm il-Kunsill jista', bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiddeċiedi f’kull każ jekk ikunx prattiku li jikkonkludi ftehim ma' pajjiżi terzi, huwa m'għandux diskrezzjoni li jiddeċiedi jekk jipproċedix permezz ta’ kanali intergovernattivi jew dawk tal-Komunità.

71     Billi ddeċieda li jipproċedi permezz ta’ kanali intergovernattivi, dan għamilha impossibbli għall-Kummissjoni li twettaq id-dmir tagħha li t-Trattat fdalha fil-kuntest tan-negozjati ma' pajjiżi terzi.

72     Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fit-Trattat li huma applikabbli għan-negozjati u l-implementazzjoni tal-ftehim in kwistjoni, ir-regoli applikabbli għandhom jittieħdu mit-tenur ġenerali ta’ dawk l-Artikoli tat-Trattat li jirrigwardaw in-negozjati magħmula fuq l-AETR.

73     Id-distribuzzjoni ta’ poteri bejn l-istituzzjonijiet komunitarji sabiex jinnegozjaw u jimplementaw l-AETR għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-politika komuni tat-trasport u kif ukoll dawk li jirregolaw il-konklużjoni ta’ ftehim mill-Komunità.

74     Skond it-termini ta’ l-Artikolu 75 (1), huwa l-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jikkonsulta l-kumitat ekonomiku u soċjali u l-assemblea, li għandu jipprovdi d-dispożizzjonijiet xierqa, sew jekk b’regolament jew b’mod ieħor, għall-implementazzjoni tal-politika komuni tat-trasport.

75     Skond l-Artikolu 228 (1), meta ftehim ikunu jridu jiġu konklużi ma' pajjiż terz jew numru ta' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjoni internazzjonali, dawn il-ftehim għandhom jiġu nnegozjati mill-Kummissjoni u konklużi mill-Kunsill, salv għal xi kompetenzi aktar estensivi li setgħu kienu mgħotija lill-Kummissjoni.

76     Sussidjarjament, la darba n-negozjati seħħew taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 116 għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll. Skond it-termini ta’ dan il-paragrafu, mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju 'il quddiem, l-Istati Membri m'għandhomx “jieħdu ħlief azzjoni komuni fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ natura ekonomika”, l-implementazjoni ta’ din l-azzjoni komuni għalhekk taqa' taħt il-kompetenza tal-Kunsill, li jiddeċiedi abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni.

77     Jekk dawn id-dispożizzjonijiet varji jinqraw flimkien, huwa ċar li kull darba li kwistjoni tirrigwarda suġġett li jaqa' taħt politika komuni, l-Istati Membri huma marbuta li f’kull każ jaġixxu b'mod konġunt sabiex iħarsu l-interessi tal-Komunità.

78     Dan ir-rekwiżit ta’ azzjoni konġunta kien fil-fatt osservat fil-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970, li ma jistax jagħti lok għal xi kritika f’dan ir-rigward.

79     Barra minn hekk, isegwi minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha, u partikolarment mill-Artikolu 228 (1), li d-dritt li wieħed jikkonkludi l-ftehim kien jappartjeni lill-Kunsill.

80     Il-Kummissjoni min-naħa tagħha kienet meħtieġa taġixxi b’żewġ metodi, l-ewwel nett billi teżerċita d-dritt tagħha li tagħmel proposti, kif jirriżulta mill-Artikolu 75 (1) u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 116, u, it-tieni nett, fil-kwalità tagħha bħala negozjatur skond it-termini ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 228 (1).

81     Madankollu, din id-distribuzjoni ta’ poteri bejn l-instituzjonijiet kienet biss tintalab fil-każ ta' negozjati li kienu seħħew fil-mument meta l-għoti tal-kompetenza lill-Komunità kienet effettiva, kemm jekk permezz tat-Trattat innifsu u kif ukoll jekk bis-saħħa ta' miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet.

82     F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li verżjoni minn tal-bidu ta’ l-AETR kienet ġiet ippreparata fl-1962, f’perijodu meta, minħabba fin-nuqqas ta' żvilupp suffiċjenti tal-politika komuni tat-trasport, il-kompetenza li jiġi konkluż il-ftehim kien mogħti lill-Istati Membri.

83     L-istadju tan-negozjati li waqthom seħħew il-proċedimenti in kwistjoni ma kellux il-għan li jħejji ftehim ġdid, imma sempliċement li jagħmel, fil-verżjoni stabbilita fl-1962, l-emendi li kienu meħtieġa sabiex jippermettu r-ratifikazzjoni tal-ftehim mill-partijiet kontraenti kollha.

84     In-negozjati dwar l-AETR huma għalhekk ikkaratterizzati bil-fatt li l-oriġini tagħhom u parti konsiderevoli tax-xogħol mwettaq fi ħdan il-Kummissjoni ekonomika ta’ l-Ewropa seħħet qabel ma l-kompetenza kienet ġiet mogħtija lill-Komunità bħala riżultat tar-regolament nru 543/69.

85     Jidher għalhekk li fl-20 ta’ Marzu 1970 il-Kunsill aġixxa fir-rigward ta' sitwazzjoni fejn hu ma kienx aktar igawdi mil-libertà sħiħa li jiddisponi fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, li kienu qed jieħdu sehem fl-istess negozjati.

86     F'dan l-istadju tan-negozjati, li jiġi propost lill-pajjiżi terzi kkonċernati li issa kien hemm distribuzjoni ġdida tal-kompetenzi fil-Komunità seta' jfixkel l-eżitu b’suċċess tan-negozjati, kif fil-fatt kien ġie rrikonoxxut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni waqt il-proċedimenti tal-Kunsill.

87     F’tali sitwazzjoni ż-żewġ istituzzjonijiet li l-poteri tagħhom kienu direttament ikkonċernati, jiġifieri, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kellhom jilħqu ftehim bejniethom, skond l-Artikolu 15 tat-Trattat ta’ April 1965 li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej, dwar il-metodi xierqa ta’ kooperazzjoni bil-għan li jassiguraw bl-iktar mod effettiv il-ħarsien ta’ l-interessi tal-Komunità.

88     Jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ Marzu 1970 li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda użu formali tad-dritt li tissottometti proposti kif jipprovdu l-Artikoli 75 u 116.

89     L-anqas ma talbet l-applikazzjoni sempliċi ta’ l-Artikolu 228 (1) f’dak li jirrigwarda d-dritt tagħha li tinnegozja.

90     Għandu jiġi ritenut li, fit-twettiq tan-negozjati u bil-konklużjoni tal-ftehim simultanjament skond il-mod deċiż mill-Kunsill, l-Istati Membri aġixxew, u komplew jaġixxu, fl-interess ta’ u f’isem il-Komunità konformement ma' l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 5 tat-Trattat.

91     Għalhekk, meta ddeċieda, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jadotta azzjoni konġunta ta' l-Istati Membri, il-Kunsill ma kienx naqas mill-obbligi tiegħu imposti fuqu mill-Artikoli 75 u 228.

92     F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-raġuni għandha tiġi miċħuda.

 (B) Raġunijiet oħra invokati mill-Kummissjoni (Artikolu 235; nuqqas ta' indikazzjoni tar-raġunijiet)

93     Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li minħabba ħtiġiet konnessi ma' l-implementazzjoni tal-politika komuni tat-trasport, il-Kunsill, peress li kien naqas milli jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq l-Artikolu 75, kellu għall-inqas jagħmel użu mill-poteri mogħtija lilu mill-Artikolu 235.

94     Min-naħa tiegħu, il-Kunsill isostni li, la darba kienet possibbli azzjoni konġunta ta' l-Istati Membri, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li juża din id-dispożizzjoni u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma ħadet l-inizjattiva li tippreżenta proposta għal dan l-effett, bħal ma huwa meħtieġ skond id-dispożizzjoni iċċitata.

95     Għalkemm l-Artikolu 235 jippermetti lill-Kunsill li jieħu l-“passi xierqa” kollha anki fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin, dan ma joħloqx xi obbligu imma jagħti lill-Kunsill għażla, li n-nuqqas li din tiġi eżerċitata ma jistax jaffettwa l-validità ta’ proċedimenti.

96     Din ir-raġuni għalhekk għandha tiġi miċħuda.

97     Il-Kummissjoni tibqa' issostni li l-proċedimenti kkontestati ma kinux jindikaw il-bażi legali li fuqħom kienu fondati u ma pprovdew l-ebda indikazzjoni ta’ raġunijiet.

98     Dawn ir-rekwiżiti, imposti mill-Artikolu 190 fir-rigward ta' regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, ma jistgħux jiġu estiżi għal miżuri ta’ natura speċjali bħal ma huma l-proċedimenti ta’ l-20 ta’ Marzu 1970.

99     Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fix-xogħol attwali tal-Kunsill tagħti lill-Kummissjoni l-garanziji legali kollha li l-Artikolu 190 huwa intiż li jassigura lit-terzi affettwati mill-miżuri msemmija hemmhekk.

100   Għaldaqstant dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuql-ispejjeż

101   Skond l-Artikolu 69(2) tar-regoli tal-proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

102   Fil-każ preżenti l-ebda parti ma talbet l-ispejjeż.

103   Il-partijiet għalhekk għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud;

2)      Il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Lecourt

Donner

Trabucchi

Monaco

Mertens de Wilmars

Pescatore

 

      Kutscher

 

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 31 ta' Marzu, 1971

A. Van Houtte

 

      R. Lecourt

Reġistratur

 

      President      


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.