SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

4 ta' Diċembru 1974 (*)

"Ordni pubblika"

Fil-kawża C-41/74,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, miċ-Chancery Division tal-High Court of Justice ta' l-Ingilterra, bl-iskop li tingħata, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti, bejn

Yvonne Van Duyn

vs

Home Office

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE u ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta' Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. (ĠU ta' l-4 ta' April 1964, p. 850).

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn R. Lecourt, President, C. Ó Dálaigh, A.J. Mackenzie Stuart, Presidenti ta' Awla, A. M. Donner, R. Monaco, J. Mertens de Wilmars, P. Pescatore, H. Kutscher, M. Sørensen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Mayras,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B'deċiżjoni tal-Vice-Chancellor ta’ l-1 ta’ Marzu 1974, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju, iċ-Chancery Division tal-High Court of Justice ta’ l-Ingilterra, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, tagħmel tliet domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' rikors imressaq kontra l-Home Office minn mara ta’ nazzjonalità Olandiża li ġie rrifjutat lilha l-permess li tidħol fir-Renju Unit biex taħdem bħala segretarja maċ-Church of Scientology.

3       Dan ir-rifjut sar skond il-politika tal-Gvern tar-Renju Unit fir-rigward ta' l-imsemmija organizzazzjoni, li jqis li l-attivitajiet tagħha huma ta' periklu għas-soċjetà.

 Fuq l-ewwel domanda

4       Permezz ta' l-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE huwiex applikabbli direttament fis-sens li jagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu infurzati fil-qrati ta’ Stat Membru.

5       Fl-Artikolu 48 (2) u (3) hemm ipprovdut li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa assigurat minn meta jiskadi l-perijodu ta' tranżizzjoni u dan jimplika "l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol".

6       Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu obbligu preċiż fuq l-Istati Membri li ma jeħtieġx l-adozzjoni ta' miżura oħra, la mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lanqas mill-Istati Membri, u li ma jħallilhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-implementazzjoni tagħhom.

7       Il-paragrafu 3, filwaqt li jiddefinixxi d-drittijiet li jġib miegħu l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jagħmel riżerva fir-rigward tal-limitazzjonijiet ġġustifikati minħabba raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika u ta' saħħa pubblika.

8       Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-riżerva tista' tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, b'mod li l-possibbiltà għal Stat Membru li jagħmel użu minn din ir-riżerva ma tfixkilx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 48, li jiggarantixxu l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, milli jagħtu lill-individwi drittijet li huma jistgħu jinfurzaw fil-qorti u li għandhom jiġu protetti mill-qrati nazzjonali.

9       Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda affermattiva.

 Fuq it-tieni domanda

10     Permezz tat-tieni domanda il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk id-Direttiva tal-Kunsill 64/221, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, hijiex applikabbli direttament fis-sens li tagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu infurzati fil-qrati ta’ Stat Membru.

11     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika dispożizzjoni tad-direttiva li hija rilevanti f'dan il-każ hija dik li tinsab fl-Artikolu 3(1), li tipprovdi li "il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta' ordni pubblika jew sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu [k]konċernat".

12     Ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 189 tat-Trattat jiddistingwi bejn l-effetti tar-regolamenti, tad-direttivi u tad-deċiżjonijiet, u għalhekk għandu jiġi preżunt li l-Kunsill, meta adotta direttiva minflok regolament, kellu l-ħsieb li dan l-att ikollu effett differenti minn dak ta’ regolament u li konsegwentement mhuwiex applikabbli direttament.

13     Madankollu, jekk bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 189, ir-regolamenti huma applikabbli direttament u, konsegwentement, minħabba n-natura tagħhom jistgħu jipproduċu effetti diretti, dan ma jfissirx li kategoriji oħra ta’ atti msemmija f’dan l-artikolu ma jista' qatt ikollhom effetti simili.

14     Ikun inkompattibli mas-setgħa vinkolanti li l-Artikolu 189 jattribbwixxi lid-direttiva, li tiġi eskluża, fil-prinċipju, il-possibbiltà li l-obbligu impost mid-direttiva jiġi invokat minn dawk ikkonċernati.

15     B'mod partikolari meta, permezz ta' direttiva, l-awtoritajiet Komunitarji jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li jsegwu imġiba partikolari, l-effett utli ta’ tali att jiddgħajjef jekk l-individwi ma jitħallewx jibbażaw ruħhom fuqu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom u jekk dawn ta' l-aħħar jiġu mfixkla milli jieħduh in kunsiderazzjoni bħala element tad-dritt Komunitarju.

16     L-Artikolu 177, li jawtorizza lill-qrati nazzjonali li jirreferu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta' l-atti kollha ta' l-istituzzjonijiet, mingħajr distinzjoni, barra minn hekk jimplika li dawn l-atti jistgħu jiġu invokati mill-individwi fil-qrati nazzjonali.

17     Huwa neċessarju li f’kull każ jiġi eżaminat jekk in-natura, l-iskema ġenerali u l-kliem tad-dispożizzjoni in kwistjoni jistgħux jipproduċu effetti diretti fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-individwi.

18     Filwaqt li jipprovdi li l-miżuri ta' ordni pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-imġiba personali ta' l-individwu kkonċernat, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221 huwa intiż li jillimita s-setgħa diskrezzjonali li l-liġi nazzjonali ġeneralment tattribwixxi lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-dħul fil-pajjiż u t-tkeċċija ta' ċittadini barranin.

19     Minn naħa, id-dispożizzjoni tipprovdi obbligu li mhuwiex suġġett għal ebda eċċezzjoni jew kundizzjoni u li, min-natura tiegħu stess, ma jeħtieġ l-intervent ta’ ebda att, la minn naħa ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità u lanqas mill-Istati Membri.

20     Min-naħa l-oħra, peress li b’hekk l-Istati Membri huma obbligati, meta jimplementaw klawżola li tidderoga minn wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat favur l-individwi, li ma jeħdux in kunsiderazzjoni fatturi indipendenti mill-imġiba personali, iċ-ċertezza legali għall-persuni kkonċernati teħtieġ li dawn ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dan l-obbligu, għalkemm dan ikun ġie stabbilit f’att leġiżlattiv li m'għandux effett dirett fl-intier tiegħu.

21     Jekk it-tifsira u l-portata eżatta tad-dispożizzjoni jqajmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu riżolti mill-qrati billi jieħdu in kunsiderazzjoni l-proċedura prevista fl-Artikolu 177 tat-Trattat.

22     Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221 tal-25 ta' Frar 1964, jagħti drittijiet lil individwi li jistgħu jiġi infurzati fil-qrati ta' Stat Membru u li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

 Fuq it-tielet domanda

23     Bit-tielet domanda l-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li:

"Meta Stat Membru jwettaq l-obbligu tiegħu li jibbaża miżura, adottata għal raġunijiet ta' ordni pubblika, esklużivament fuq l-imġiba personali ta' l-individwu kkonċernat, huwa intitolat li jieħu in kunsiderazzjoni:

(a)    il-fatt li l-individwu hu jew kien membru ta' xi grupp jew organizzazzjoni li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa mill-Istat Membru bħala kuntrarji għall-interess ġenerali iżda li mhumiex illegali f’dak l-Istat;

(b)    il-fatt li l-individwu jkollu l-intenzjoni li jaħdem f'dak l-Istat Membru fi ħdan tali grupp jew organizzazzjoni, fil-każ li ebda restrizzjoni ma tkun ġiet imposta fuq iċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li jkunu jixtiequ jkollhom xogħol simili ma' tali grupp jew organizzazzjoni."

24     Jeħtieġ li, l-ewwel nett, f'dan ir-rigward jiġi eżaminat jekk sħubija fi grupp jew f'organizzazzjoni tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi imġiba personali skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221.

25     Għalkemm is-sħubija ta' persuna fil-passat, ġeneralment, ma tistax tiġġustifika rifjut tad-dritt ta' moviment liberu fil-Komunità lil din il-persuna, madankollu, sħubija fil-preżent, li tirrifletti parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-grupp jew ta' l-organizzazzjoni kif ukoll identifikazzjoni ma' l-għanijiet u l-intenzjonijiet ta' l-istess, tista' tiġi meqjusa bħala att volontarju tal-persuna kkonċernata u, konsegwentement, bħala parti mill-imġiba personali tagħha fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata.

26     Din it-tielet domanda tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni in kwistjoni, meqjusa mill-Istat Membru bħala kuntrarji għall-interess ġenerali, madankollu mhumiex pprojbiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

27     F´dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ ordni pubblika fil-kuntest Komunitarju, partikolarment, bħala ġustifikazzjoni għal deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi interpretat strettament, b'tali mod li l-portata tiegħu ma tkunx tista' tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr ma tkun suġġetta għal kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

28     Madankollu, iċ-ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ordni pubblika jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u minn perijodu għal ieħor, u huwa għalhekk neċessarju li, f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jingħataw ċerta diskrezzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat.

29     Minn dan isegwi li Stat Membru, li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu iddefinixxew, b'mod ċar, il-pożizzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni partikolari billi jiġu kklassifikati bħala li jikkostitwixxu periklu għas-soċjetà, u li jkunu ħadu miżuri amministrattivi biex jiġġieldu kontra dawn l-attivitajiet, mhuwiex obbligat, sabiex ikun jista' jibbaża ruħu fuq il-kunċett ta' ordni pubblika, li jipprojbixxihom bil-liġi, jekk tali miżura ma tkunx ikkunsidrata bħala xierqa fiċ-ċirkustanzi.

30     Fl-aħħar nett, id-domanda tqajjem il-problema dwar jekk Stat Membru jistax, għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, jipprojbixxi lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor milli jeżerċita xogħol bi qligħ fi ħdan grupp jew organizzazzjoni fit-territorju tiegħu, filwaqt li ebda restrizzjoni simili ma tkun imposta fuq iċ-ċittadini tiegħu.

31     F’dan ir-rigward, it-Trattat, filwaqt li jinkorpora l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema mingħajr diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, fl-Artikolu 48(3) jissuġġetta d-drittijiet li jirriżultaw minnu għal riżerva li tistabbilixxi limitazzjonijiet iġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

32     Id-drittijiet li huma suġġetti għal din ir-riżerva jinkludu, fost l-oħrajn, bis-saħħa tad-dispożizzjoni ċċitata aktar 'il fuq, id-dritt li jiġu aċċettati offerti ta’ impjieg effettivament magħmula, id-dritt ta' moviment liberu fit-territorju ta' Stati Membri għal dan l-iskop, u d-dritt ta' residenza f´wieħed mill-Istati Membri għall-iskop ta' impjieg.

33     Għalhekk l-effett tar-riżerva msemmija huwa li l-aċċess għat-territorju ta' Stat Membru, u r-residenza f´dan it-territorju, jistgħu jiġu rrifjutati lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor f´kull każ fejn din ir-riżerva hija applikabbli.

34     Barra minn hekk, huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali, li ma jistax jiġi preżunt li huwa injorat mit-Trattat tal-KEE fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li Stat Membru ma jistax jiċħad liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jkollhom ir-residenza tagħhom hemmhekk.

35     Minn dan isegwi li Stat Membru jista', għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, jekk iqis li huwa neċessarju, jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor il-benefiċċju tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-każ ta' l-eżerċizzju ta' impjieg anki jekk l-Istat Membru ma jimponix restrizzjonijiet simili fuq iċ-ċittadini tiegħu stess.

36     Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, li jimponi restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba l-ordni pubblika, jista' jieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta' l-imġiba personali ta’ l-individwu kkonċernat, il-fatt li l-individwu jkun membru ta' xi grupp jew organizzazzjoni li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa mill-Istat Membru bħala li jikkostitwixxu periklu għas-soċjetà minkejja li mhumiex ipprojbiti f’dak l-Istat, u dan anki jekk ebda restrizzjoni ma tkun ġiet imposta fuq iċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw xogħol simili għal dak li ċittadin ta' Stat Membru ieħor jixtieq jeżerċita fil-qasam ta' dawn l-istess gruppi jew organizzazzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

37     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet, in-natura ta' kwistjoni mqajma waqt il-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

B'risposta għad-domandi magħmula mill-High Court of Justice permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta’ Marzu 1974, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 48 tat-Trattat KEE għandu effett dirett fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ l-Istati Membri u jikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni tal-miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin u li huma ġġustifikati fuq il-bażi ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, jagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu infurzati fi Stat Membru u li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

3)      L-Artikolu 48 tat-Trattat KEE u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, li jimponi restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba l-ordni pubblika, jista' jieħu in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta' l-imġiba personali ta’ l-individwu kkonċernat, il-fatt li l-individwu jkun membru ta' xi grupp jew organizzazzjoni li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa mill-Istat Membru bħala li jikkostitwixxu periklu għas-soċjetà minkejja li mhumiex ipprojbiti f’dak l-Istat, u dan anki jekk ebda restrizzjoni ma tkun ġiet imposta fuq iċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw xogħol simili għal dak li ċittadin ta' Stat Membru ieħor jixtieq jeżerċita fil-qasam ta' dawn l-istess gruppi jew organizzazzjonijiet.

Lecourt

Ó Dálaigh      Mackenzie Stuart

Donner

Monaco

Mertens de Wilmars

Pescatore

Kutscher

Sørensen

A. Van Houtte

 

      R. Lecourt

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż