SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

8 ta' April 1976 (*)

"Ħlas indaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa"

Fil-kawża C-43/75,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-"Cour du Travail" ta' Brussell, intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiemha fl-ismijiet,

Gabrielle Defrenne, li kienet ħostess ta' l-ajru, b'indirizz għan-notifika fi Brussell Jette,

vs

Societe Anonyme Blege de Navigation Aerienne Sabena, li għandha s-sede tagħha fi Brussell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, R. Lecourt, President, H. Kutscher u A. O'Keeffe, Presidenti ta' Awla, A. M. Donner, J. Mertens de Wilmars, P. Pescatore u M. Sørensen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Trabucci,

Reġistratur: A. Van Houtte

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' April 1975, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Mejju segwenti, il-"Cour du Travail" ta' Brussell ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, żewġ domandi dwar l-effett u l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 119 tat-Trattat, li jikkonċerna l-prinċipju ta' ħlas indaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa, għall-istess xogħol.

2       Dawn id-domandi kienu tqajmu fil-kuntest ta' kawża bejn ħostess ta' l-ajru u min jimpjegaha, SA Sabena, dwar kumpens mitlub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt illi hija kienet, bejn il-15 ta' Frar 1963 u l-1 ta' Frar 1966, in kwantu ħaddiema ta' sess femminili, batiet, fil-qasam tal-ħlas, diskriminazzjoni meta mqabbla mal-kollegi tagħha ta' sess maskil, hija u twettaq l-istess xogħol bħala "steward".

3       Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li x-xogħol ta' ħostess ta' l-ajru huwa identiku għal dak ta' "steward" u li l-eżistenza ta' diskriminazzjoni fil-qasam tal-ħlas, matul il-perijodu msemmi, għad-detriment tal-ħostess ta' l-ajru mhijiex, f'dawn iċ-ċirkustanzi qed tiġi kkontestata.

 Fuq l-ewwel domanda (effett dirett ta' l-Artikolu 119)

4       Bl-ewwel domanda qed jiġi mistoqsi jekk l-Artikolu 119 tat-Trattat "jintroduċix bih innifsu direttament, fid-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru, il-prinċipju tal-ħlas indaqs għall-ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol" u jekk għaldaqstant "jagħtix, indipendentement minn kull dispożizzjoni nazzjonali, id-dritt lill-ħaddiema li jibdew proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali sabiex dan il-prinċipju jiġi osservat".

5       Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, qed jiġi mistoqsi mil-liema data dan l-effett għandu jiġi rrikonoxxut.

6       Ir-risposta għal din l-aħħar parti ta' l-ewwel domanda ser tingħata flimkien mar-risposta għat-tieni domanda.

7       Il-kwistjoni ta' l-effett dirett ta' l-Artikolu 119 għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tan-natura tal-prinċipju ta' ħlas indaqs, ta' l-għan li din id-dispożizzjoni trid tilħaq u tal-post li din għandha fl-iskema tat-Trattat.

8       L-Artikolu 119 għandu żewġ għanijiet.

9       Minn naħa, fid-dawl tad-differenza fil-livell ta' evoluzzjoni tal-liġijiet soċjali fid-diversi Stati Membri, l-għan ta' l-Artikolu 119 huwa li jiġi evitat li fil-kompetizzjoni intrakomunitarja, l-impriżi stabbiliti fi Stati li effettivament implementaw il-prinċipju tal-ħlas indaqs ikunu żvantaġġati, mil-lat tal-kompetizzjoni meta mqabbla ma' l-impriżi stabbiliti fi Stati li għadhom ma eliminawx id-diskriminazzjoni f'dak li jikkonċerna s-salarji għad-detriment tal-ħaddiema nisa.

10     Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni taqa' taħt l-għanijiet soċjali tal-Komunità, li mhijiex biss unjoni ekonomika, iżda għandha fl-istess ħin tassigura, permezz ta' azzjoni komuni, il-progress soċjali u t-titjib kostanti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-popli Ewropej, kif enfasizzat fil-preambolu tat-Trattat.

11     Dan l-għan huwa enfasizzat permezz ta' l-inklużjoni ta' l-Artikolu 119 fil-kapitolu ddedikat lill-politika soċjali, li d-dispożizzjoni preliminari tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 117, tisħaq fuq "il-ħtieġa li jippromwovu t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema b' mod li jippermetti l-parifikazzjoni f'livelli dejjem ogħla ta' dawn il-kundizzjonijiet".

12     Minn dan l-għan doppju, ekonomiku u soċjali, jirriżulta li l-prinċipju tal-ħlas indaqs jifforma parti mis-sisien tal-Komunità.

13     Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni tispjega għaliex it-Trattat ippreveda l-implementazzjoni sħiħa ta' dan il-prinċipju sa mit-tmiem ta' l-ewwel stadju tal-perijodu ta' tranżizzjoni.

14     Għaldaqstant, fl-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, mhuwiex possibbli li argument ikun ibbażat fuq id-dewmien u r-reżistenzi li fixklu l-implementazzjoni effettiva ta' dan il-prinċipju essenzjali f'ċerti Stati Membri.

15     B'mod iktar partikolari, ir-rabta ta' l-Artikolu 119 mal-kuntest ta' l-ugwaljanza tal-kundizzjonjiet tax-xogħol fis-sens tal-progress, tippermetti li tiġi mwarrba l-oġġezzjoni bbażata fuq il-fatt li dan l-Artikolu jista' jiġi rrispettat b'mod ieħor milli biż-żieda tas-salarji l-iktar baxxi.

16     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 119, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw u li jżommu "l-prinċipju ta' ħlas indaqs għall-istess xogħol bejn ħaddiema rġiel u nisa".

17     L-ewwel u t-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu jżidu ċertu preċiżazzjonijiet relatati mal-kunċetti ta' ħlas u ta' xogħol, użati fl-ewwel paragrafu.

18     Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li ssir distinzjoni, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni globali ta' l-Artikolu 119, bejn, minn naħa, diskriminazzjonijiet diretti u evidenti, li jistgħu jiġu kkonstatati biss bl-għajnuna tal-kriterji ta' identiċità tax-xogħol u ta' ħlas indaqs li jinsabu fl-Artikolu ċċitat, u, min-naħa l-oħra, diskriminazzjonijiet indiretti u moħbija li jistgħu jiġu identifikati biss permezz ta' dispożizzjoniet ta' implementazzjoni iktar espliċiti, ta' natura komunitarja jew nazzjonali .

19     Effettivament ma jistax ma jiġix irrikonoxxut li implementazzjoni sħiħa ta' l-għan li l-Artikolu 119 jrid jilħaq, permezz ta' l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjonijiet kollha, diretti jew indiretti, bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel, mhux biss fir-rigward ta' impriżi individwali, iżda anki ta' oqsma sħaħ ta' l-industrija kif ukoll ta' l-ekonomija globali, tista' timplika, f'ċerti każijiet, id-determinazzjoni ta' kriterji li l-implementazzjoni tagħhom teħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri komunitarji u nazzjonali adegwati.

20     Dan ir-raġunament huwa iktar u iktar inkonfutabbli peress illi l-atti komunitarji dwar din il-kwistjoni, li ser issir referenza għalihom fir-risposta għat-tieni domanda, jimplementaw l-Artikolu 119 fis-sens illi jestendu l-kriterju strett ta' l-"istess xogħol", skond, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 100 dwar il-Hlas Indaqs ta' l-Organizzazjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 1951, li t-tieni Artikolu tagħha jittratta dwar il-ħlas indaqs għal xogħol "ta' l-istess valur".

21     Fost id-diskriminazzjonijiet diretti, li jistgħu jiġu kkonstatati biss b'referenza għall-kriterji mogħtija mill-Artikolu 119, għandhom jiġu inklużi, b'mod partikolari, dawk li joriġinaw minn dispożizzjonijiet ta' natura leġiżlattiva jew minn ftehim kollettivi tax-xogħol, peress illi tali diskriminazzjonijiet jistgħu jiġu osservati fuq il-bażi ta' analiżi purament legali.

22     Dan huwa wkoll l-istess fil-każ ta' ħlas mhux indaqs ta' ħaddiema rġiel u ta' ħaddiema nisa għall-istess xogħol, imwettaq fl-istess stabbiliment jew dipartiment, privat jew pubbliku.

23     F'tali sitwazzjoni – hekk kif juru l-konstatazzjonjiet stess tas-sentenza tar-rinviju - il-Qorti tinsab f'pożizzjoni li tistabbilixxi l-elementi kollha ta' fatt li jippermettulha tikkunsidra jekk ħaddiema mara tirċevix ħlas inferjuri għal dak ta' ħaddiem raġel, li jkun qed iwettaq xogħol identiku.

24     Madankollu, f'tali ipoteżi, l-Aritkolu 119 jista' jiġi applikat direttament u jista' għaldaqstant jagħti, fir-rigward ta' individwi, drittijiet li l-qrati għandhom iħarsu.

25     Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jiġi applikat il-prinċipju tal-ħlas indaqs, bħala regola ġenerali, sempliċiment jirriproduċu essenzjalment il-kliem ta' l-Artikolu 119 f'dak li jikkonċerna d-diskriminazzjonijiet diretti, fil-każ ta' xogħol li jkun l-istess.

26     F'dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Belġjana hija partikolarment illustrattiva, peress illi l-Artikolu 14 tad-Digriet Rjali Numru 40 dwar ix-xogħol tan-nisa, ta' l-24 ta' Ottubru 1967, sempliċement jafferma d-dritt tal-ħaddiema kollha ta' sess femminili, li jressqu, quddiem il-qorti kompetenti, azzjoni intiża sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta' ħlas indaqs ta' l-Artikolu 119, li għalih huwa sempliċiment jagħmel referenza.

27     Il-kliem użat fl-Artikolu 119 ma jistax jiġi invokat kontra din il-konklużjoni .

28     Qabel kollox, ma jistax jiġi bbażat argument, kontra l-effett dirett, fuq l-użu li dan l-Artikolu jagħmel mil-kelma 'prinċipju', peress illi, fil-lingwa tat-Trattat, din l-espressjoni hija preċiżament użata sabiex tenfasizza n-natura fundamentali ta' ċerti dispożizzjonijiet, hekk kif jirriżulta, per eżempju, mit-titolu mogħti lill-ewwel parti tat-Trattat, iddedikata għall-‘prinċipji', u mill-Artikolu 113, li jgħid li l-politika kummerċjali tal-Komunità hija bbażata fuq ‘prinċipji uniformi'.

29     Jekk tiġi mnaqqsa l-importanza ta' dan il-kunċett, sal-punt li dan jiġi mnaqqas għal-livell ta' indikazzjoni vaga, is-sisien stess tal-Komunità u l-koerenza tar-relazzjonijiet esterni tagħha jkunu, għaldaqstant, indirettament effettwati.

30     L-anqas m'huwa possibbli li jiġi bbażat argument fuq il-fatt li l-Artikolu 119 isemmi espliċitament biss l-"Istati Membri".

31     Għaldaqstant, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa kkonstatat f'kuntesti oħra, il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat huma formalment indirizzati lill-Istati Membri ma jeskludix li ċerti drittijiet jistgħu jiġu mogħtija fl-istess ħin, lill-individwi kollha interessati li l-obbligi hawn imsemmija jiġu osservati.

32     Mit-test stess ta' l-Artikolu 119 jirriżulta li dan jimponi fuq l-Istati obbligu mandatorju li jintlaħaq riżultat f´terminu ddeterminat.

33     L-effettività ta' din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi effetwata mill-fatt li l-obbligu impost mit-Trattat ma ġiex osservat minn ċerti Stati Membri u li l-istituzzjonijiet komuni ma rreaġixxewx biżżejjed kontra dan in-nuqqas ta' teħid ta' azzjoni.

34     Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju jkun hemm riskju li l-ksur tad-dritt isir prinċipju ta' interpretazzjoni, pożizzjoni li l-Qorti ma tistax tieħu mingħajr ma tpoġġi lilha nnifisha f'kontradizzjoni mal-kompitu li ġie mogħti lilha mill-Artikolu 164 tat-Trattat.

35     Fl-aħħar nett, billi jirreferi għal 'kull Stat Membru', l-Artikolu 119 jikkunsidra lil dawn l-Istati fl-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet tagħhom li jistgħu b'mod utli jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs.

36     Kuntrarjament għal dak li ġie sostnut fil-kors tal-proċedimenti, din id-dispożizzjoni mhux biss sempliċement qed tirreferi l-kwistjoni lill-kompetenza ta' l-awtoritajiet leġiżlattivi nazzjonali.

37     Ir-referenza ta' l-Artikolu 119 għal "kull Stat Membru" ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata bħala li teskludi l-intervent tal-Qorti, b'applikazzjoni diretta tat-Trattat.

38     Barra minn hekk, lanqas ma tista' tiġi aċċettata l-oġġezzjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-applikazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tal-prinċipju tal-ħlas indaqs, ikollha bħala effett li tbiddel dak li l-partijiet qablu fuqu permezz ta' atti li jaqgħu taħt l-awtonomija privata jew professjonali, bħal m'huma l-kuntratti individwali u l-ftehim kollettivi tax-xogħol.

39     Peress li l-Artikolu 119 huwa ta' natura imperattiva, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa hija imposta mhux biss fir-rigward ta' azzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, iżda hija estiża wkoll għall-ftehim kollha intiżi sabiex jirregolaw b'mod kollettiv ix-xogħol imħallas, kif ukoll għall-kuntratti bejn individwi.

40     Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-prinċipju tal-ħlas indaqs ta' l-Artikolu 119 jista' jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali u li dawn għandhom l-obbligu li jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-individwi, b'mod partikolari fil-każ ta' diskriminazzjonijiet li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew minn ftehim kollettivi tax-xogħol, kif ukoll fil-każ ta' ħlas mhux indaqs ta' ħaddiema nisa u ta' ħaddiema rġiel għall-istess xogħol, meta dan ix-xogħol jiġi mwettaq fl-istess stabbiliment jew dipartiment, pubbliku jew privat.

 Fuq it-tieni domanda (implementazzjoni ta' l-Artikolu 119 u kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri )

41     Permezz tat-tieni domanda qed jiġi mistoqsi jekk l-Artikolu 119 sarx "applikabbli fil-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri peremzz ta' miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-Komunità" jew jekk għandhiex "tiġi rrikonoxxuta, f'dan il-kuntest, il-kompetenza eżklużiva tal-leġiżlatur nazzjonali".

42     Skond dak li huwa indikat iktar 'il fuq, jeħtieġ li din il-kwistjoni tiġi amalgamata mal-punt dwar mil-liema data l-effett dirett ta' l-Artikolu 119 għandux jiġi rrikonoxxut.

43     Fid-dawl ta' dawn il-problemi kollha, jeħtieġ li fl-ewwel lok tiġi stabbilita l-kronoloġija ta' l-atti adottati fil-kuntest komunitarju sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tad-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha qed tiġi diskussa.

44     Skond ta' l-Artikolu 119 innifsu, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs kellha tkun uniformement assigurata l-iktar tard sat-tmiem ta' l-ewwel stadju tal-perijodu ta' tranżizzjoni.

45     Mill-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni jirriżulta madankollu li, fl-implementazzjoni ta' dan il-prinċipju, hemm diverġenzi u diskrepanzi notevoli bejn l-Istati differenti.

46     Għalkemm f'ċerti Stati Membri, il-prinċipju kien diġà implementat fil-biċċa l-kbira tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, kemm permezz ta' dispożizzjonijiet kostituzzjonali u leġiżlattivi espressi, kif ukoll permezz ta' prattiċi soċjali stabbiliti mill-ftehim kollettivi tax-xogħol, l-implementazzjoni sħiħa ta' tali prinċipju ġiet imdewma f'ċerti Stati oħra.

47     Fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri, fit-30 ta' Diċembru 1961, lejliet id-data ta' skadenza stabbilita mill-Artikolu 119, adottaw riżoluzzjoni dwar l-ugwaljanzja tal-ħaddiema rġiel u nisa, intiża sabiex tippreċiża f'ċerti aspetti l-kontenut materjali tal-prinċipju tal-ħlas indaqs, filwaqt li ttawwal l-implementazzjoni tiegħu skond pjan mifrux fuq perijodu ta' żmien.

48     Skond din ir-riżoluzzjoni, kull diskriminazzjoni, diretta u indiretta, kellha tkun kompletament eliminata sal-31 ta' Diċembru 1964 .

49     Mill-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, jirriżulta li numru kbir minn fost l-Istati Membri tal-bidu madankollu ma rrispettawx it-termini ta' din ir-riżoluzzjoni u li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ġiet mġiegħla, fil-kuntest tad-dmirijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 155 tat-Trattat, tlaqqa' lir-rappreżentanti tal-gvernijiet u lis-sieħba soċjali sabiex tiġi studjata din is-sitwazzjoni u jiġu mħejjija l-miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu l-progress lejn it-twettiq sħiħ ta' l-għan stabbilit mill-Artikolu 119 .

50     Dan ix-xogħol wassal għat-tħejjija ta' rapporti suċċessivi dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri oriġinali, li l-aktar wieħed reċenti fosthom, li jirrikapitola l-fatti kollha, tat-18 ta' Lulju 1973.

51     Fl-għeluq ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tibda, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat, proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li sa din id-data kienu għadhom ma wettqux l-obbligi imposti mill-Artikolu 119, mingħajr, madankollu, dan l-avviż ma kellu konsegwenzi.

52     Wara xi skambji simili li saru ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-ġodda, il-Kummissjoni, fir-rapport tagħha tas-17 ta' Lulju 1974, iddikjarat li, mill-1 ta' Jannar 1973, l-Artikolu 119 huwa totalment applikabbli f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn l-Istati u li dawn jinsabu għalhekk, minn din id-data, fl-istess sitwazzjoni li jinsabu fiha l-Istati Membri oriġinali.

53     Il-Kunsill, bil-għan li jgħaġġel l-implementazzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 119, adotta, fl-10 ta' Frar 1975, id-Direttiva Nru 75/117 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irgiel u għan-nisa (Ġu Nru l 45, p.19).

54     Din id-direttiva tippreċiża,f'ċerti aspetti, il-portata materjali ta' l-Artikolu 119 u tipprovdi, barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet intiżi, essenzjalment, sabiex itejbu l-protezzjoni ġurisdizzjonali tal-ħaddiema eventwalment milquta minn nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs stabbilit mill-Artikolu 119.

55     L-Artikolu 8 ta' din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri terminu ta' sena sabiex idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi adatti.

56     Jirriżulta mill-kliem espress ta' l-Artikolu 119 li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa kellha tiġi assigurata bis-sħiħ u irreversibbilment fid-data li fiha jiskadi l-ewwel stadju tal-perijodu tat-tranżizzjoni, jiġifieri l-1 ta' Jannar 1962 .

57     Ir-riżoluzzjoni ta' l-Istati Membri tat-30 ta' Diċembru 1961, bla ħsara għall-effetti li hija seta' kellha in kwantu kienet intiża li tiffavorixxi u tgħaġġel l-implementazzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 119, ma setgħetx tbiddel it-terminu ta' żmien stabbilit mit-Trattat.

58     Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi, emenda fit-Trattat tista' ssir biss permezz ta' reviżjoni li għandha ssir skond l-Artikolu 236.

59     Barra minn hekk, minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet tranżitorji, il-prinċipju ta' l-Artikolu 119 huwa kompletament applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' adeżjoni, jiġifieri l-1 ta' Jannar 1973.

60     Din is-sitwazzjoni ġuridika ma setgħetx tiġi mibdula permezz tad-Direttiva Numru 75/117 li, adottata fil-kuntest ta' l-Artikolu 100 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, għandha bħala għan li tiffavorixxi, permezz ta' numru ta' miżuri li għandhom jiġu adottati fuq livell nazzjonali, l-applikazzjoni korretta ta' l-Artikolu 119, speċjalment sabiex jiġu eliminati diskriminazzjonijiet indiretti, mingħajr ma tista', madankollu, tnaqqas l-effikaċja ta' dan l-Artikolu jew tbiddel l-effett tiegħu fiż-żmien.

61     Għalkemm l-Artikolu 119 huwa indirizzat direttament lill-Istati Membri billi jimponilhom l-obbligu li jassiguraw fi żmien stipulat u li sussegwentement iżommu l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs, tali obbligu assunt mill-Istati ma jeskludix il-kompetenza tal-Komunità f'dan il-qasam.

62     Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta' kompetenza tal-Komunità tirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 119 jagħmel parti mill-għanijiet tat-Trattat fil-kuntest tal-"politika soċjali", suġġett tat-Titolu III, li ddaħħal fit-tielet parti, iddedikata lill-"politika tal-Komunità".

63     Fin-nuqqas ta' kull riferiment espress, mill-Artikolu 119 għall-funzjonijiet li eventwalment għandhom jiġu eżerċitati mill-Komunità għall-implementazzjoni tal-politika soċjali, għandu jsir riferiment għas-sistema ġenerali tat-Trattat u għall-mezzi li huwa stabbilixxa, kif previsti mill-Artikoli 100, 155 u jekk ikun il-każ, 235.

64     Ebda dispożizzjoni ta' applikazzjoni, kemm jekk adottata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, ma tista' tostakola madankollu l-effett dirett ta' l-Artikolu 119, kif ġie indikat fir-risposta għall-ewwel domanda.

65     Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 119 kellha tkun kompletament assigurata mill-Istati Membri oriġinali mill-1 ta' Jannar 1962, jiġifieri l-bidu tat-tieni stadju tal-perijodu ta' tranżizzjoni, u mill-Istati Membri ġodda mill-1 ta' Jannar 1973, data tad-dħul fis-seħħ.

66     L-ewwel waħda minn dawn id-dati ma ġietx immodifikata mir-riżoluzzjoni ta' l-Istati Membri tat-30 ta' Dicembru 1961 .

67     Id-Direttiva tal-Kunsill Numru 75/117 hija bla ħsara għall-effett dirett ta' l-Artikolu 119, kif ġie indikat fir-risposta għall-ewwel domanda, u t-terminu stabbilit minn din id-direttiva m'għandux effett fuq id-dati ta' skadenza ddeterminati, rispettivament, mill-Artikolu 119 tat-Trattat KEE u mit-Trattat ta' adeżjoni.

68     Anki fl-oqsma li fihom l-Artikolu 119 ma jkollux effett dirett, wieħed m´għandux jinterpreta din id-dispożizzjoni bħala li tirriżerva kompetenza esklużiva lil-leġiżlatur nazzjonali għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs, peress illi tali implementazzjoni tista' tirriżulta, fejn iqum il-bżonn, minn kombinazzjoni ta' dispożizzjonijiet komunitarji u nazzjonali.

 Dwar l-effett ta' din is-sentenza fiż-żmien

69     Il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit ġibdu l-attenzjoni għall-konsegwenzi ta' natura ekonomika li jistgħu jirriżultaw mir-rikonoxximent, mill-Qorti, ta' l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 119, minħabba li t-teħid ta' tali pożizzjoni jista' jqajjem, f'diversi setturi ta' l-ekonomija, talbiet li jmorru lura għad-data li minnha dan l-effett ikun beda.

70     Fid-dawl tan-numru kbir ta' persuni kkonċernati, tali talbiet, li huma imprevedibbli għall-impriżi, jistgħu jkollhom effetti serji fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, sal-punt li jwasslu lil xi wħud minnhom għall-falliment.

71     Għalkemm il-konsegwenzi prattiċi ta' kull deċiżjoni ġudizzjarja għandhom jiġu meqjusa bir-reqqa, wieħed ma jistax madankollu jasal sabiex inaqqas l-oġġettività tad-dritt u sabiex jikkomprometti l-applikazzjoni futura tiegħu minħabba r-riperkussjonijiet li deċiżjoni ġudizzjarja jista' jkollha fuq il-passat .

72     Madankollu, fil-preżenza ta' l-imġiba ta' diversi Stati Membri u ta' l-opinjonijiet tal-Kummissjoni mressqa ripetutament għall-konoxxenza tas-setturi rilevanti, jeħtieġ li jittieħed eċċezzjonalment in kunsiderazzjoni l-fatt li l-partijiet ikkonċernati ġew imġiegħla, matul perijodu twil, iżommu prattiċi li jmorru kontra l-Artikolu 119, għalkemm ma kinux għadhom ipprojbiti mid-dritt nazzjonali tagħhom.

73     L-iżball mill-Kummissjoni, li ressqet, fir-rigward ta' l-Istati Membri kkonċernati, rikorsi għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 119, minkejja t-twissijiet mogħtija, kien tali li jagħti impressjoni żbaljata f'dak li jikkonċerna l-effetti ta' l-Artikolu 119.

74     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta' konoxxenza tal-livell globali li fuqu l-ħlas kien ġie stabbilit, kunsiderazzjonijiet imperattivi ta' ċertezza legali li jikkonċernaw l-interessi kollha in kwistjoni, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jimpedixxu bħala regola li terġa' titqajjem id-diskussjoni fuq il-ħlas tal-passat.

75     B'konsegwenza ta' dan, l-effett dirett ta' l-Artikolu 119 ma jistax jiġi invokat in sostenn ta' talbiet relattivi għal perijodi ta' ħlas li seħħew qabel id-data ta' din is-sentenza, ħlief f`dak li jikkonċerna l-ħaddiema li preċedentement ressqu azzjoni legali jew għamlu talba ekwivalenti.

 Fuq l-ispejjeż

76     L-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ressqet osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja , ma jistgħux jitħallsu lura.

77     Peress li ll-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża priċipali, in-natura ta' kwistjoni pendenti quddiem il-"Cour du Travail" ta' Brussell, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi li sarulha mill-"Cour du Travail" ta' Brussell, permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' April, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-prinċipju ta' ħlas indaqs ta' l-Artikolu 119 jista' jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali u dawn għandhom l-obbligu li jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-individwi, b'mod partikolari fil-każ ta' diskriminazzjonijiet li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew minn ftehim kollettivi tax-xogħol, kif ukoll fil-każ ta' ħlas mhux indaqs ta' ħaddiema nisa u ta' ħaddiema rġiel għall-istess xogħol, meta dan ix-xogħol jiġi mwettaq fl-istess stabbiliment jew dipartiment, pubbliku jew privat.

2)      L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 119 kellha tkun kompletament assigurata mill-Istati Membri oriġinali mill-1 ta' Jannar 1962, jiġifieri l-bidu tat-tieni stadju tal-perijodu ta' tranżizzjoni, u mill-Istati Membri ġodda mill-1 ta' Jannar 1973, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' adeżjoni. L-ewwel waħda minn dawn id-dati ma ġietx immodifikata mir-riżoluzzjoni ta' l-Istati Membri tat-30 ta' Dicembru 1961.

3)      Id-Direttiva tal-Kunsill Numru 75/117 hija bla ħsara għall-effett dirett ta' l-Artikolu 119, kif ġie indikat fir-risposta għall-ewwel domanda, u t-terminu stabbilit minn din id-direttiva m'għandux effett fuq id-dati ta' skadenza ddeterminati, rispettivament, mill-Artikolu 119 tat-Trattat KEE u mit-Trattat ta' adeżjoni.

4)      Anki fl-oqsma li fiħom l-Artikolu 119 ma jkollux effett dirett, wieħed m´għandux jinterpreta din id-dispożizzjoni bħala li tirriżerva kompetenza esklużiva lil-leġiżlatur nazzjonali għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ħlas indaqs, peress illi tali implementazzjoni tista' tirriżulta, fejn iqum il-bżonn, minn kombinazzjoni ta' dispożizzjonijiet komunitarji u nazzjonali.

5)      Ħlief għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema li preċedentement ressqu azzjoni legali jew għamlu talba ekwivalenti, l-effett dirett ta' l-Artikolu 119 ma jistax jiġi invokat in sostenn ta' talbiet relattivi għal perijodi ta' ħlas li seħħew qabel id-data ta' din is-sentenza.

LeCourt

Kutscher

O'Keeffe

Donner

Mertens de Wilmars

Pescatore

 

      Sørensen      

 

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 8 ta' April 1976

A. Van Houtte

 

      R. LeCourt

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.