SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

21 ta' Settembru 1989 (*)

"Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Regolament nru 17 – Perkwiżizzjoni - Dritt fundamentali ta' l-invjolabbiltà tad-dar – Motivazzjoni – Ħlas ta' ammendi perjodici – Vizzji proċedurali"

Fil-kawżi magħquda C-46/87 u C-227/88

Hoechst AG, kumpannija taħt il-liġi Ġermaniża, stabbilita fi Frankfurt-am-Main, irrappreżentata minn H. Hellmann, avukat fl-Avukatura ta' Kolonja, b'indirizz ghan-notifika fl-uffiċċju ta' M. Loesch, 8 Rue Zithe, fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata mill-kunsillier ġuridiku tagħha, N. Koch, bħala aġent, b'indirizz ghan-notifika, fl-uffiċċju ta' G. Kremlis, membru tas-servizz ġuridiku tagħha, fil-Lussemburgu, Centre Wagner,

konvenuta,

li għandha bħala suggett rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, meħuda mill-kawżi IV/31.865 - PVC u IV/31.866 - politilin:

–       tal-15 ta’ Jannar 1987 [K(87)19/5], dwar perkwiżizzjoni taħt l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962 (ĠU 13, p. 204),

–       tat-3 ta’ Frar 1987 [K(87)248], li timponi piena ta' ammenda perjodika skond l-Artikolu 16 tar-Regolament 17,

–       tas-26 ta’ Mejju 1988 [K(88)928], li tiffissa l-ammont definittiv ta’ din l-ammenda perjodika skond l-Artikolu 16 tar-Regolament 17,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn O. Due, President, T. Koopmans, R. Joliet, T. F. O'Higgins u F. Grévisse, Presidenti ta' Awla, Sir Gordon Slynn, G. F. Mancini, C. N. Kakouris, F. A. Schockweiler, J. C. Moitinho de Almeida, G. C. Rodríguez Iglesias, M. Díez de Velasco u M. Zuleeg, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mischo,

Reġistratur: B. Pastor, Amministratur

wara li rat ir-rapport tas-seduta u wara s-seduta tat-8 ta' Diċembru 1988,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta' Frar 1989,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 1987 u l-5 ta’ Awwissu 1988, Hoechst AG ressqet żewġ kawżi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 173(2) tat-Trattat KEE, għall-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, meħudin fil-kawżi IV/31.865 - PVC u IV/31.866 – politilin, skond ir-Regolament 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962 [l-ewwel regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 13, p. 204)]. L-ewwel rikors jirrigwarda d-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 1987 [K(87)19/5], dwar perkwiżizzjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17, u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 1987 [K(87)248], li timponi piena ta' ammenda perjodika skond l-Artikolu 16 tar-Regolament 17. It-tieni rikors isemmi d-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 1988 [K(88)928], li tiffissa l-ammont definittiv ta' l-ammenda perjodika skond l-Artikolu 16 tar-Regolament 17.

2       Bis-saħħa ta’ informazzjoni li ppermettitielha tassumi l-eżistenza ta’ akkordji jew ta' prattiċi miftiehma dwar l-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kwota ta’ kunsinni ta’ PVC u ta’ politilin bejn ċerti produtturi u fornituri ta’ dawn is-sustanzi fi ħdan il-Komunità, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq perkwiżizzjoni f'diversi intrapriżi, fosthom ir-rikorrenti, u adottat fir-rigward ta’ din ta’ l-aħħar id-deċiżjoni kkontestata msemmija hawn qabel tal-15 ta’ Jannar 1987 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' verifika").

3       F-20, fit-22 u fit-23 ta’ Jannar, il-Kummissjoni ppruvat tipproċedi għall-verifika in kwistjoni, iżda r-rikorrenti rrifjutat li tissottometti ruħha għar-raġuni li din kienet tikkonsisti f'perkwiżizzjoni illegali tal-post. Ir-rikorrenti tennet il-pożizzjoni tagħha fir-risposta li bagħtet permezz ta’ telex li bih il-Kummissjoni talbitha tissottometti ruħha għal perkwiżizzjoni taħt piena ta’ ammenda perjodika ta’ 1000 ECU kull jum ta' dewmien. Il-Kummissjoni adottat għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata tat-3 ta’ Frar 1987, hawn fuq imsemmija, li biha imponiet il-ħlas ta' ammenda perjodika msemmija hawn fuq (iżjed 'il-quddiem id-"deċiżjoni li imponiet il-piena").

4       Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 1987, l-Amtsgericht Frankfurt am Main irrifjuta t-talba tal-Bundeskartellamt (l-awtorità Ġermaniża kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni), li kienet intalbet tagħti l-għajnuna tagħha skond ir-Regolament 17, biex tikseb mandat ta’ perkwiżizzjoni, għar-raġuni li ebda element ta’ fatt li jista' jiġġustifika l-eżistenza ta’ akkordji jew prattiċi miftiehma ma ġew mogħtija lilha.

5       B'digriet tas-26 ta’ Marzu 1987, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma laqax it-talba tar-rikorrenti intiża li tikseb is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta' verifika u tad-deċiżjoni li imponiet il-piena.

6       Fil-31 ta’ Marzu 1987, il-Bundeskartellamt kiseb mandat ta’ perkwiżizzjoni mill-Amtsgericht Frankfurt am Main, mogħti direttament f’isem il-Kummissjoni. Din ipproċediet għall-perkwiżizzjoni fit-2 u t-3 ta’ April 1987.

7       Wara li tat lir-rikorrenti l-opportunità li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha u wara li semgħet il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti, il-Kummissjoni ffissat ammenda definittiva ta’ 55000 ECU, jiġifieri 1000 ECU kull jum, li bdiet tiddekorri mis-6 ta’ Frar sa l-ewwel ta’ April 1987 magħduda, bis-saħħa tad-Deċiżjoni kkontestata tas-26 ta’ Mejju 1988, hawn fuq imsemmija (iżjed 'il-quddiem id-"deċiżjoni li tiffissa l-ammenda").

8       Għal stampa iktar wiesgħa ta’ l-iżviluppi qabel il-kawża, l-iżvolġiment tal-proċedura kif ukoll tal-motivi u ta' l-argumenti tal-partijiet, qed isir riferiment għar-Rapport tas-Seduta. Dawn l-elementi ta' l-inkartament huma msemmija biss safejn huwa neċessarju għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti.

 Fuq id-deċiżjoni ta' verifika

9       Ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti kontra d-deċiżjoni ta' verifika, li jallegaw li l-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħat mogħtija lilha għall-verifika, in-nuqqas ta' motivazzjoni u l-irregolarità tal-proċedura.

a) Dwar is-setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni

10     Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali safejn tawtorizza l-uffiċjali tal-Kummissjoni jieħdu miżuri li hi tikkwalifika bħala perkwiżizzjoni, liema miżuri mhumiex previsti fl-Artikolu 14 tar-Regolament 17 u li għalhekk jiksru d-Drittijiet Fundamentali rrikonoxxuti fil-liġi Komunitarja. Hija żżid li, jekk id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li tattribwixxi s-setgħat lill-Kummissjoni għal perkwiżizzjoni, dan ikun illegali minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mad-Drittijiet Fundamentali, li l-ħarsien tagħhom jeżiġi li perkwiżizzjoni tista’ ssir biss b’mandat ġudizzjarju ta’ perkwiżizzjoni minn qabel.

11     Il-Kummissjoni ssostni li s-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament 17 ikopru l-miżuri li, taħt il-liġi ta’ ċerti Stati Ewropej, jirriżultaw mill-kunċett ta' perkwiżizzjoni. Madankollu hi tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja mqajma minħabba d-Drittijiet Fundamentali, kundizzjonijiet li hi ma tikkontestax bħala prinċipju, jiġu sodisfatti sakemm id-destinatarji tad-deċiżjoni ta' verifika jkollhom il-possibbiltà, fuq naħa waħda, li jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti, u fuq in-naħa l-oħra, li jitolbu s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni permezz ta’ digriet provviżorju li jippermetti lill-Qorti tivverifika fi żmien qasir jekk il-verifiki ordnati humiex ta’ natura arbitrarja jew le. Dan it-tip ta’ stħarriġ ikun ekwivalenti għal mandat ġudizzjarju minn qabel.

12     Quddiem din il-kwistjoni, huwa importanti li jiġi rrilevat, qabel ma tiġi eżaminata n-natura u l-portata tas-setgħat ta' verifika tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 14 tar-Regolament 17, li dan l-Artikolu ma jistax jinfiehem b’mod li jagħti riżultati li jkunu inkompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari mad-Drittijiet Fundamentali.

13     Fil-fatt, skond ġurisprudenza konsistenti, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tiżgura l-osservanza tagħhom, konformement mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati membri kif ukoll l-istrumenti internazzjonali, li għalihom l-Istati membri kkooperaw jew huma firmatarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta’ Mejju 1974, Nold, 4/73, Ġabra. p. 491). Il-Konvenzjoni Ewropea li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ta’ l-4 ta’ Novembru (iżjed il-quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem"), hija ta’ importanza partikolari f’dan ir-rigward (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651).

14     Għandu jingħad li sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 14 tar-Regolament 17, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-protezzjoni tad-dritt għad difiza, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin, 322/81, Ġabra. p. 3461, punt 7).

15     Għandu jiġi indkat li, jekk huwa veru li, f'din is-sentenza, il-Qorti rrilevat li d-dritt għad-difiża għandu jiġi rrispettat fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għal pieni, huwa neċessarju li jiġi evitat li dawn id-drittijiet jiġu kompromessi irrimedjabbilment waqt il-proċeduri ta’ stħarriġ preliminari, fosthom, b'mod partikolari, il-verifiki, li jistgħu jkunu deċisivi għall-istabbiliment tal-prova tan-natura illegali ta’ l-imġiba ta’ l-intrapriżi tali li jkunu responsabbli għalihom.

16     Għaldaqstant, jekk ċerti drittijiet ta’ difiża ma jikkonċernawx il-proċeduri kontenzjużi li jsegwu wara l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, drittijiet oħra, bħalma hu d-dritt għar-rappreżentanza legali u n-natura pprivileġġjata ta’ komunikazzjoni bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (irrikonoxxut mill-Qorti fis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S, 155/79, Ġabra p. 1575), għandhom jiġu rrispettati mill-bidu ta' verifika preliminari.

17     Peress li r-rikorrenti invokat ukoll l-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt fundamentali ta’ l-invjolabbiltà tad-dar, għandu jiġi osservat li jekk ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt għal dak li jirrigwarda d-dar privata ta’ persuni fiżiċi huwa neċessarju fl-ordinament ġuridiku Komunitarju bħala prinċipju komuni għad-dritt ta' l-Istati membri, dan mhuwiex applikabbli għall-intrapriżi, għaliex is-sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati membri għandhom diverġenzi kbar bejniethom f’dak li jirrigwarda n-natura u l-grad ta’ protezzjoni għall-fondi kummerċjali kontra l-interventi ta' l-awtoritajiet pubbliċi.

18     L-ebda konklużjoni differenti ma għanda tingħata lill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li "kull persuna għandħa d-dritt għal-protezzjoni tal-ħajja privata tagħha u tal-familja tagħha, tad-domiċilju u tal-korrispondenza tagħha". L-għan tal-protezzjoni ta’ dan l-Artikolu jirrigwarda l-iskop ta’ l-iżvilupp tal-libertà personali tal-bniedem u għaldaqstant ma jistax jiġi estiż għall-fondi kummerċjali. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem f’dan ir-rigward.

19     Ma jistax jonqos li, fis-sistemi ġuridiċi kollha ta’ l-Istati membri, l-intervent ta' l-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ta’ l-attività privata ta’ kull persuna, kemm jekk hi fiżika jew morali, għandu jkollu bażi legali u jrid jiġi ġġustifikat b'raġunijiet stipulati fil-liġi u li dawn is-sistemi jipprovdu, konsegwentement, anki jekk b’modi diversi, protezzjoni minn interventi arbirarji jew spoporzjonati. L-eżiġenza ta’ tali protezzjoni għadha tiġi rrikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti kkonfermat il-kompetenza ta' stħarriġ tagħha fir-rigward tan-natura eventwalment eċċessiva tal-verifiki effettwati mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-Trattat KEFA (Sentenza ta' l-14 ta’ Diċembru 1962, San Michele et, 5 sa 11 u 13 sa 15/62, Ġabra. p. 859).

20     Huwa għalhekk fid-dawl tal-prinċipji ġenerali mfakkra hawn fuq li għandhom jiġu eżaminati n-natura u l-portata tas-setgħat ta’ verifika mogħtija lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament 17.

21     Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jawtorizza lill-Kummissjoni twettaq il-verifiki neċessarji għand intraprizi u għaqdiet ta’ intraprizi u tippreċiża li, "għal din il-fini, l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom is-setgħat imsemmija hawnhekk:

a) eżami tal-kotba u dokumenti professjonali oħra;

b) prelevament ta' kopji jew estratti ta' kotba u dokumenti professjonali;

c) mistoqsijiet bil-fomm fil-post;

d) aċċess f’kull fond, art, u mezzi ta’ trasport ta’ l-intrapriżi."

22     Il-paragrafi 2 u 3 ta’ l-istess Artikolu jipprevedu li l-verifiki jistgħu jiġu eżegwiti taħt mandat miktub jew skond deċiżjoni li tobbliga lill-intrapriżi li jissottomettu lilhom nfushom għaliha. Hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti, il-Kummissjoni għandha l-għażla bejn iż-żewġ possibbilitajiet, skond in-natura partikolari ta’ kull każ (Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic, 136/79, Ġabra p. 2033). Kemm il-mandati bil-miktub kif ukoll id-deċiżjonijiet għandhom jindikaw il-finijiert u l-iskop tal-verifika. Hi x’inhi l-proċedura segwenti, il-Kummissjoni hija obbligata li tinforma minn qabel l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat membru li fuq it-territorju tiegħu tkun ser issir il-verifika, awtorità li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(4), għandha tiġi kkonsultata qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta' verifika.

23     Skond il-paragrafu 5 ta’ l-istess Artikolu, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jkunu megħjuna fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom minn uffiċjali ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat membru li fuq it-territorju tiegħu tkun qed issir il-verifika. Din l-għajnuna tista’ tingħata fuq talba kemm ta’ din l-awtorità, kif ukoll dik tal-Kummissjoni.

24     Fl-aħħar nett, skond il-paragrafu 6, l-għajnuna ta’ l-awtoritajiet nazzjonali hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-verifika meta intrapriża topponi li din titwettaq.

25     Hekk kif il-Qorti indikat fis-sentenza, hawn qabel imsemmija, tas-26 ta’ Ġunju 1980 (punt 20), jirriżulta mis-sebgħa u mit-tmien premessi tar-Regolament 17 li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament għandhom bħala għan li jippermettulha li teżegwixxi d-dmir tagħha, mogħti lilha mit-Trattat KEE, li tiżgura r-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dawn ir-regoli għandhom, bħala funzjoni, kif stipulat mir-raba' inċiż tal-premessi tat-Trattat, mill-Artikolu 3(f), u mill-Artikoli 85 u 86, li tiġi evitata li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta, kontra l-interess ġenerali, ta' l-intrapriżi individwali u dak tal-konsumaturi. L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament 17 jikkontribwixxi b'hekk għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni kif maħsuba mit-Trattat u r-rispett tiegħu huwa imperattivament neċessarju għall-impriżi. It-tmien premessa, hawn fuq imsemmija, tippreċiża li, għall-dawn il-finijiet, il-Kummissjoni għandha jkollha, f’kull parti tas-suq komuni, is-setgħa li teżiġi tagħrif u li tipproċedi għall-verifiki "li huma meħtieġa" biex tosserva u titfa’ dawl fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 85 u 86, hawn fuq imsemmija.

26     Kemm il-finalità tar-Regolament 17 kif ukoll is-setgħat elenkati u mogħtija lill-uffiċjali tal-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-istess regolament, juru li l-verifiki jistgħu jkollhom portata wiesgħa ħafna. F’dan ir-rigward, id-dritt ta' aċċess f’kull post, art u mezz ta’ trasport ta’ l-intrapriżi juri importanza partikolari safejn dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn il-provi normalment jinsab, jiġifieri fil-fondi kummerċjali ta’ l-intrapriżi.

27     Dan id-dritt ta' aċċess ikun inutli li kieku l-uffiċjali tal-Kummissjoni kellhom jillimitaw ruħhom jitolbu d-dokumenti jew l-inkartamenti li huma jistgħu jkunu kapaċi jiddentifikaw minn qabel b'mod preċiż. Dan id-dritt jimplika, bil-kontra, il-fakultà li tfittex elementi ta’ informazzjoni diversi li mhux magħrufa jew identifikati kompletament. Mingħajr din is-setgħa, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tiġbor l-elementi ta' informazzjoni meħtieġa għall-verifika fil-każ li tkun qed taffaċċja nuqqas ta’ kollaborazzjoni jew ukoll atteġġament li jostakola minn-naħa ta’ l-intrapriżi interessati.

28     Jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament 17 jattribwixxi b’dan il-mod setgħat wiesgħa ta’ verifika, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ natura li tassigura d-drittijiet ta’ l-intrapriżi interessati.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, l-obbligu impost tal-Kummissjoni li tindika l-fini u l-iskop tal-verifika. Dan l-obbligu huwa kundizzjoni fundamentali, bl-iskop mhux biss li tindika n-natura ġġustifikata tal-verifika li għandha ssir fi ħdan l-intrapriżi interessati, iżda wkoll li biha l-intrapriżi jkunu jistgħu jifhmu l-iskop tad-dmir tagħhom li jikkollaboraw, filwaqt li jżommu d-dritt għad-difiża.

30     Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju tas-setgħat għall-verifika tal-Kummissjoni jvarjaw skond il-proċedura magħżula mill-Kummissjoni, skond l-atteġġament ta’ l-intraprizi interessati kif ukoll l-intervent ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.

31     L-Artikolu 14 tar-Regolament 17 jirrigwarda l-ewwel nett il-verifiki mwettqa bil-kollaborazzjoni ta’ l-intrapriżi interessati, kemm jekk b’mod volontarju, fil-każ ta’ mandat bil-miktub għall-verifika, kemm jekk bis-saħħa ta’ obbligu li jaqa’ taħt deċiżjoni ta' verifika. F’din l-aħħar ipoteżi, li hija dik ta' dan il-każ, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom, fost affarijiet oħra, il-fakultà li jaraw id-dokumenti li huma jitolbu biex jaraw, li jidħlu fil-fondi li jagħżlu u li jiġu murija l-kontenut ta’ l-għamara li huma jindikaw. Minn naħa l-oħra, huma ma jistgħux jinfurzaw l-aċċess għall-fondi jew għall-għamara, lanqas li jġiegħlu l-ħaddiema ta’ l-intrapriżi jagħtuhom dan l-aċċess, u lanqas li jwettqu l-perkwiżizzjoni mingħajr il-permess ta’ dawk li jmexxu l-intrapriża.

32     Is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-Kummissjoni taffaċċja oppożizzjoni min-naħa ta’ l-intrapriżi interessati. F’dan il-każ, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu, a bażi ta’ l-Artikolu 14(6), ifittxu, mingħajr il-kollaborazzjoni ta’ l-intrapriżi, kull element ta’ informazzjoni neċessarju għall-verifika bl-għajnuna ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, li huma marbuta jagħtu l-assistenza tagħhom neċessarja sabiex titwettaq il-missjoni tagħhom. Għalkemm din l-għajnuna hija meħtieġa biss fil-każ ta’ meta l-intrapriza turi l-oppożizzjoni tagħha, għandu jintqal li din l-għajnuna tista’ ukoll tiġi mitluba bħala miżura preventiva, sabiex tipprevjeni oppożizzjoni mingħand l-intrapriża.

33     Jirriżulta mill-Artikolu 14(6), li hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat membru li jirregola l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna ta’ l-awtoritajiet nazzjonali lill-uffiċjali tal-Kummissjoni għandha tingħata. F’dan ir-rigward, l-Istati membri huma meħtieġa li jassiguraw li l-azzjoni tal-Kummissjoni hija effettiva filwaqt li tipproteġi l-prinċipji ġenerali msemmija hawn qabel. F’dawn il-limiti, għalhekk, hija l-liġi nazzjonali li tiddefinixxi l-modi proċedurali xierqa biex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-intrapriżi.

34     Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tkun bi ħsiebha twettaq, bl-għajnuna ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, miżuri għal verifika, mhux bbażati fuq il-kollaborazzjoni ta’ l-intrapriżi interessati, hija meħtieġa tipproteġi l-garanziji proċedurali kif stipulati fil-liġi nazzjonali.

35     Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-enti, kompetenti bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, tiddisponi mill-elementi kollha meħtieġa sabiex teżerċita l-kontroll tagħha kif suppost. Għandu jintqal li din l-enti - kemm jekk ġudizzjarja jew le – ma tistax f’dan ir-rigward tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess għall-ħtieġa tal-verifika ordnata mill-Kummissjoni, liema evalwazzjoni de facto u de jure mhijiex sottomessa għal ebda kontroll ta’ legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa l-oħra, huwa fl-ambitu tas-setgħat tal-korp nazzjonali li jeżamina, wara li jkun osserva l-awtentiċità tad-deċiżjoni ta’ verifika, jekk il-miżuri ta’ infurzar humiex arbitrarji jew eċċessivi billi jitqies is-suġġett tal-verifika u jassigura r-rispett tar-regoli nazzjonali fl-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

36     Fid-dawl ta’ dak li ġie msemmi hawn qabel, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri li d-deċiżjoni ta' verifika kkontestata awtorizzat lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jeżegwixxu ma jeċċedux is-setgħat tagħhom kif disposti taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament 17. Fil-fatt, l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni msemmija sempliċement jimponi l-obbligu fuq ir-rikorrenti li "jawtorizza lill-uffiċjali mibgħuta mill-Kummissjoni li jidħlu fil-fondi tagħha matul il-ħinijiet normali tal-ftuħ ta’ l-uffiċċji, li juri għall-ispezzjoni u li jħallu jittieħdu kopji tad-dokumenti professjonali relattivi mal-verifika, mitluba mill-uffiċjali msemmija, u li jipprovdu immedjatament l-ispjegazzjonijiet kollha li dawn jistgħu jitolbu."

37     Huwa veru li, fil-kors tal-proċedura quddiem il-Qorti, il-Kummissjoni sostniet li l-uffiċjali jkunu intitolati jipproċedu, fil-kuntest tal-verifiki, għal perkwiżizzjoni mingħajr l-għajnuna ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u mingħajr ir-rispett tal-garanziji proċedurali pprovduti mil-liġi nazzjonali. Madankollu, in-natura żbaljata ta’ din it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament 17 ma tistax tirrendi illegali deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

38     L-argument, għaldaqstant, li jallega li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha dwar il-verifiki għandu jiġi miċħud.

b) Fuq il-motivazzjonijiet

39     Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ verifika tikser l-Artikolu 190 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17 għar-raġuni li din hija nieqsa mill-preċiżjoni, b'mod partikolari dwar il-finijiet u l-iskop tal-verifika.

40     Jaqbel li jiġi mfakkar li, kif il-Qorti diġa kienet iddeċidiet fis-sentenza hawn fuq imsemmija tas-26 ta’Ġunju 1980 (National Panasonic, punt 25), l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17 jiddefinixxi huwa stess l-elementi essenzjali tal-motivazzjoni għad-deċiżjoni ta' verifika billi jistipola li din għandha tindika l-finijiet u l-iskop tal-verifika, tiffissa d-data ta’ meta din għandha tibda u tindika l-ammendi stipulati fl-Artikolu 15(1)(c), u fl-Artikolu 16(1)(d), kif ukoll l-appell quddiem il-Qortu tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni.

41     Kif diġa ntqal hawn fuq, l-eżiġenza għall-Kummissjoni li tindika l-finijiet u l-iskop tal-verifika jikkostitwixxu garanzija fundamentali tad-dritt għad-difiża ta’ l-intrapriżi interessati. Konsegwentement, l-iskop ta’ l-obbligu li tiddikjara l-motivazzjoni għall-verifika ma tistax tiġi ristretta skond kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-verifika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit li, jekk hu veru li l-Kummissjoni m’hijiex meħtieġa tikkomunika lid-destinatarju, fir-rigward ta' deċiżjoni ta' verifika, kull informazzjoni li hi jkollha dwar il-ksur allegat jew li tagħmel analiżi legali ddettaljata dwar dan il-ksur, hi trid iżda, tindika ċarament il-fatti allegati li hi tkun bi ħsieba tinvestiga.

42     Għandu jintqal li, jekk il-motivazzjoni għad-deċiżjoni ta' verifika kkontestata hija miktuba f’termini favorevoli ħafna li jkunu jridu jiġu ppreċiżati u li għalhekk jistgħu jiġu kkritikati għal din ir-raġuni, hija minkejja dan għandha l-elementi suffiċjenti meħtieġa mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17. Fil-fatt, id-deċiżjoni in kwistjoni tirreferi b’mod partikolari għall-informazzjoni li tissuġġerixxi l-eżistenza u l-applikazzjoni ta’ akkordji jew ta’prattiċi miftiehma bejn ċerti produtturi u fornituri tal-PVC u ta’ politilin (inkluż, imma mhux limitat għal LdPE) fil-KEE, dwar il-prezzijiet, kwantitajiet jew il-mira tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Hija tirrileva li dawn l-akkordji jew prattiċi jikkostitwixxu ksur gravi ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Skond l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni in kwistjoni, ir-rikorrenti hija obbligata tissottometti ruħha għal verifika dwar il-parteċipazzjoni probabbli f’dawn l-akkordji jew prattiċi miftiehma u, konsegwentement, li tippermetti l-aċċess għall-uffiċjali tal-Kummissjoni fil-fondi tagħha, li tipproduċi u li tippermetti li jittieħdu kopji għall-finijiet tal-verifika tad-dokumenti professjonali rrelatati ma' l-istħarriġ.

43     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li jallega li l-motivazzjonijiet huma insuffiċjenti għandha tiġi miċħuda.

c) Dwar il-proċedura ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni

44     Huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta' verifika kkontestata ġiet adottata biss wara l-proċedura, imsejħa ta’ delegazzjoni tas-setgħat, li tawtorizza, b'deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 1980, lill-membru inkarigat mill-qasam tal-kompetizzjoni jadotta, f’isem u taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, deċiżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 17, sabiex jordna lill-intrapriżi li jissottmettu ruħhom għall-verifiki. Fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 1986 (AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, Ġabra. p. 2585), il-Qorti diġa kienet iddeċidiet li din id-deċiżjoni ta’ delegazzjoni tas-setgħat ma tiksirx il-prinċipju tar-responsabbiltà kolleġjali ddikjarat fl-Artikolu 17 tat-Trattat ta’ Inkorporazzjoni.

45     Ir-rikorrenti tqis li hu neċessarju li l-Qorti teżamina l-legalità tal-proċedura tad-delegazzjoni tas-setgħat li hi tqis li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege. Hi ssostni, fil-fatt, li l-Kummissjoni, sempliċiment permezz ta’ miżura interna amministrattiva, immodifikat l-elementi kostitwenti ta’ ksur li jistgħu jwasslu għal-ammenda kif inhu stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament 17, peress li wara d-deċiżjoni hawn fuq msemmija tal-5 Novembru 1980, dan il-ksur huwa kkostitwit mir-rifjut li wieħed jissottometti ruħu għall-verifika ordnata minn membru uniku tal-Kummissjoni, u mhux, kif kien qabel, mill-Kummissjoni bħala korp kolleġjali.

46     F’dan ir-rigward, hemm lok jintqies li, għalkemm huwa minnu li l-kundizzjonijiet li fihom wieħed jeħel ammenda skond l-Artikolu 15 tar-Regolament 17 ma jistgħux jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni msemmija m'għandhiex la bħala għan u lanqas bħala effett li ddaħħal din l-emenda. Fil-fatt, sakemm is-sistema ta' awtorizzazzjoni tas-setgħat ta' verifika ma tiksirx il-prinċipju ta' kolleġjalità, id-deċiżjonijiet meħuda fuq din l-awtorizzazjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 15 tar-Regolament 17.

47     L-argument sottomess li jallega li l-proċedura kienet irregolari għandu għalhekk jiġi miċħud.

48     Minħabba li l-ebda mill-argumenti mqajma kontra d-deċiżjoni ta' verifika ma jista’ jiġi milqugħ, it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

 Dwar id-deċiżjoni li imponiet il-piena

49     Skond ir-rikorrenti, l-adozzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-piena hija vvizzjata bi ksur tal-kundizzjonijiet proċedurali essenzjali minħabba li l-Kummissjoni ddeċidiet mingħajr ma semgħet qabel l-intrapriża interessata u mingħajr ma kkonsultat mal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti.

50     Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm vjolazzjoni tal-kundizzjonijiet proċedurali essenzjali għaliex is-smiegħ u l-konsultazzjoni msemmija seħħu qabel ma ġiet iffissata definittivament il-piena.

51     Għandu jiġi rrilevat li s-smiegħ tal partijiet interessati sabiex "issir magħrufa l-pożizzjoni tagħhom fuq l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni", hija meħtieġa skond l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 17, qabel l-adozzjoni ta' diversi deċiżjonijiet, fosthom dawk stipulati fl-Artikolu 16, dwar il-pieni.

52     Dan is-smiegħ jikkostitwixxi parti essenzjali tad-dritt għad-difiża. Huwa, fil-fatt, neċessarju sabiex "jiġi żgurat id-dritt ta' l-intrapriżi u l-għaqdiet ta’ intrapriżi li jippreżentaw l-osservazzjonijiet dwar il-punti kollha mqajma mill-Kummissjoni li hi tkun bi ħsiebha tressaq kontrihom fid-deċiżjonijiet tagħha" [(it-tielet premessa tar-Regolament 99/63 tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-smiegħ previst fl-Artikolu 19(1) u (2), tar-Regolament 17 tal-Kunsill (ĠU 127, p. 2268)].

53     Fir-rigward tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti, l-Artikolu 16, hawn qabel imsemmi, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li "d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(3) sa (6), huma applikabbli". Dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw is-setgħat, il-kompożizzjoni u l-proċedura ta' konsultazzjoni tal-Kumitat in kwistjoni.

54     Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament 99/63, diġà msemmi, "qabel ma tikkonsulta l-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti, il-Kummissjoni għandha tipproċedi għal smigħ skond l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 17. Din id-dispożizzjoni tikkonferma li s-smiegħ ta’ l-intrapriżi interessati u l-konsultazzjoni tal-kumitat huma meħtieġa fl-istess sitwazzjonijiet.

55     Sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx meħtieġa li tisma’ r-rikorrenti u li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv imsemmi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-piena, għandu jiġi mfakkar li l-iffissar ta' pieni skond l-Artikolu 16 tar-Regolament 17 jinvolvi neċessarjament żewġ fażijiet. Fil-fatt, fl-ewwel deċiżjoni, imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-istess Artikolu, il-Kummissjoni tagħti piena bbażata fuq ċertu numru ta' ġranet ta' dewmien li jibda jiddekorri minn data li hi tiffissa. Din id-deċiżjoni, li ma tiffissax l-ammont totali ta' l-ammenda perjodika, ma tistax tiġi eżegwita. L-ammont jiġi ffissat biss bis-saħħa ta’ deċiżjoni oħra.

56     Għalhekk, il-ħtieġa tas-smigħ ta’ l-interessat u tal-konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti tkun sodisfatta ladarba kemm is-seduta u kemm il-konsultazzjoni jsiru qabel l-iffissar definittiv ta' l-ammenda perjodika, b’tali mod li kemm l-intrapriża interessata kif ukoll il-Kumitat Konsultattiv ikunu f’qagħda li jfissru effettivament il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-punti kollha mqajma mill-Kummissjoni u li hi tkun bi ħsieba tikkunsidra sabiex tordna l-ħlas ta' ammenda perjodika u tiffissa l-ammont definittiv.

57     Barra minn hekk, il-kundizzjoni, li tipproċedi għas-smigħ u għall-konsultazzjoni minn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-piena fuq intrapriża li tirrifjuta li tissometti ruħha għall-verifika jfisser li d-data ta’ l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni tiġi posposta, u għaldaqstant, tkun qed taffettwa serjament l-effikaċja tad-deċiżjoni ta' verifika.

58     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-piena ma kinitx ivvizzjata minn ksur tal-kundizzjonijiet proċedurali essenzjali. It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni hija għalhekk miċħuda.

 Dwar id-deċiżjoni li tiffissa l-ammenda

59     Skond ir-rikorrenti, l-ammont definittiv ta' l-ammenda perjodika, ffissat mid-deċiżjoni kkontestata tas-26 ta’ Mejju 1988, għandu jiġi mnaqqas għal żewġ raġunijiet.

60     Hi ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kellha teskludi mill-kalkolu tagħha t-tul tal-proċedura għall-miżuri provviżorji quddiem il-Qorti, li biha r-rikorrenti kienet talbet is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' verifika. Hi tiddikkjara li l-Kummissjoni tkun qed tikkontradixxi ruħha, safejn tkun qalet li kienet disposta li ddewwem l-eżekuzzjoni ta' tali deċiżjoni sakemm il-Qorti tkun iddeċidiet fuq il-kwistjoni.

61     F’dan r-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li d-dikjarazzjoni magħmula għal din ir-raġuni mill-Kummissjoni fil-kors tal-proċedura kienet tirrigwarda biss il-pożizzjoni li hi tkun ser tadotta fil-każ jekk, skond l-argument li hi ssostni, it-talba għas-sospensjoni provviżorja quddiem il-Qorti tiġi milqugħa bħala mezz xieraq ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-verifiki ordnati mill-Kummissjoni. Din id-dikjarazzjoni għaldaqstant ma għandha l-ebda konsegwenza f’dan il-każ fir-rigward ta' l-iffissar definittiv ta’ l-ammont ta' l-ammenda perjodika.

62     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet li l-ammont definittiv huwa spoporzjonat, għaliex hi aġixxiet biss skond l-interessi superjuri li jikkorrisondi mal-garanzija ta' proċedura istruttorja skond il-liġijiet u l-ordinament kostituzzjonali.

63     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti mhux biss opponiet il-miżuri partikulari, li, skond hi, eċċedew is-setgħat mogħtija lill-uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda wkoll irrifjutat li tikkollabora b’kull mod għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' verifka li kienet indirizzata lilha.

64     Din l-imġiba hija inkompatibbli mal-ħtieġa li kull suġġett tad-dritt Komunitarju iħares l-effikaċja totali ta' l-atti ta’ l-istituzzjonijiet sakemm il-Qorti ma tkunx iddikjarathom invalidi, kif ukoll l-obbligu li s-suġġett għandu jħares l-eżegwibbiltà tagħhom sakemm il-Qorti ma tkunx iddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżuri msemmija (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, Gabra. p. 623, punt 5) u, għalhekk, ma tistax tiġi ġġustifikata b'interessi ġuridiċi superjuri.

65     Jidher li mill-punti kollha kkunsidrati mill-Qorti ma hemmx lok biex jiġi mnaqqas l-ammont ta' l-ammenda perjodika. It-talba hija għalhekk miċħuda.

66     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal preċedentement li r-rikorsi għandom jiġu miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

67     Kif inhu stipulat fl-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dan ikun intalab. Peress li r-rikorrenti tilfet, gġandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

taqta' u tgħid:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Due

Koopmans

Joliet

O'Higgins

Grévisse

Slynn

Mancini

Kakouris

Schockweiler

Moitinho de Almeida

 

      Rodríguez Iglesias

Diez de Velzsco

 

      Zuleeg

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Settembru, 1989.

J. G. Giraud

 

      O. Due

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.