SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tat-30 ta' Novembru 1995 (*)

“Avukati”

Fil-kawża C-55/94,

li għandha bħal suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE mill-Consiglio Nazionale Forense (L-Italja), u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Reinhard Gebhard

u

Consiglio dell'Ordine degli Avvocati e Procuratori di Milano

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, p. 17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. N. Kakouris, D.A.O. Edward (Relatur) u G. Hirsch, Presidenti ta’ Awla, G. F. Mancini, F. A. Schockweiler, J.C. Moitinho de Almeida, P. J. G. Kapteyn, C. Gulmann, J. L. Murray, P. Jann, H. Ragnemalm u L. Sevón, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H.A. Ruehl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sur Reinhard Gebhard, minn Reinhard Gebhard, Rechtsanwalt, Massimo Burghignoli, avukat fil-qorti ta’ Milan, Jim Penning, avukat fil-qorti tal-Lussemburgu u Fabrizio Massoni, avukat fil-qorti ta’ Brussell,

–       għall-Consiglio dell'Ordine degli Avvocati e Procuratori di Milano, mill-Professur Bruno Nascimbene, avukat,

–       għall-Gvern Elleniku, minn Evi Skandalou, membru tad-Dipartiment Legali Speċajli għall-Kwistjonijiet Legali Komunitarji tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u Stamatina Vodina, ġurista, riċerkatriċi f’dak id-Dipartiment, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn Alberto José Navarro González, Direttur Ġenerali tal-Koordinazzjoni Legali u Istituzzjonali Komunitarja, u Miguel Bravo-Ferrer Delgado, abogado del Estado fid-Dipartiment tal-Kwistjonijiet Legali Komunitarji, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn Philippe Martinet, Segretarju ta’ l-Affarijiet Barranin fid-Direttorat ta’ l-Affarijiet Legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u Catherine de Salins, Deputat Direttur f’dak id-Direttorat, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Stephen Braviner, tat-Treasury Solicitor’s Department, bħala aġent, u Daniel Bethlehem, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn Marie-José Jonczy, konsulent legali, u Enrico Traversa, membru tas-Servizz Legali, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Reinhard Gebhard, irrappreżentat minn Massimo Burghignoli, tal-Consiglio dell' Ordine degli Avvocati e Procuratori di Milano, irrappreżentat minn Bruno Nascimbene, tal-Gvern Grieg, irrappreżentat minn Evi Skandalou u Stamatina Vodina, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn Miguel Bravo-Ferrer Delgado, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn Marc Perrin de Brichambaut, Direttur ta’ l-Affarijiet Legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, u Philippe Martinet, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat minn Pier Giorgio Ferri, avvocato dello Stato, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn Stephen Braviner u Daniel Bethlehem, u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Marie-José Jonczy u Enrico Traversa, fis-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 1995,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta’ l-20 ta’ Ġunju 1995,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 1993, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 1994, il-Consiglio Nazionale Forense ressaq, skond Artikolu 177 tat-Trattat KE, żewġ domandi għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, 1977, p. 17).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinarja mibdija mill-Consiglio dell' Ordine degli Avvocati e Procuratori di Milano (Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati u Prokuraturi ta’ Milan, iktar ’il quddiem "il-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan") kontra s-Sur Gebhard, li huwa akkużat li ma osservax l-obbligi tiegħu skond il-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, dwar il-libertà ta’ l-avukati li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej li jipprovdu servizzi (GURI Nru 42 tat-12 ta’ Frar 1982) billi huwa eżerċita attività professjonali fl-Italja fuq bażi permanenti fl-uffiċċju legali mwaqqaf minnu u billi kien juża t-titolu ta’ "avvocato".

3       Mill-proċess u mill-informazzjoni mogħtija bħala risposta għad-domandi bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li s-Sur Gebhard, ċittadin Ġermaniż, kien awtorizzat jipprattika l-professjoni ta’ "Rechtsanwalt" fil-Ġermanja mit-3 ta’ Awwissu 1977. Huwa membru ta’ l-avukatura ta’ Stuttgart, fejn huwa "kollaboratur indipendenti" f’uffiċċju legali (Buerogemeinschaft) għalkemm m’għandux uffiċċju proprju tiegħu fil-Ġermanja.

4       Is-Sur Gebhard ilu jgħix l-Italja minn Marzu 1978, fejn huwa jgħix ma’ martu, ta’ nazzjonalità Taljana, u t-tlett itfal tiegħu. Is-salarju tiegħu huwa ntaxxat kollu kemm hu fl-Italja, il-pajjiż ta’ residenza tiegħu.

5       Is-Sur Gebhard ilu jeżerċita attività professjonali fl-Italja mill-1 ta’ Marzu 1978, għall-ewwel bħala kollaboratur ("con un rapporto di libera collaborazione") f’uffiċċju ta’ avukati li jippratikkaw f’assoċjazzjoni f’Milan, u sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 1980 sal-bidu tas-sena 1989, bħala membru assoċjat ("associato") ta’ dan l-uffiċċju. Ma saret l-ebda kritika fuqu fir-rigward ta’ l-attivitajiet tiegħu fi ħdan dan l-uffiċċju.

6       Fit-30 ta’ Lulju 1989, is-Sur Gebhard fetaħ uffiċċju legali għal rasu f’Milan li fih "avvocati" u "procuratori" Taljani jaħdmu f’kollaborazzjoni miegħu. Bħala risposta għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-Sur Gebhard qal illi huwa kien jinkarigahom minn żmien għal żmien biex jaġixxu fi proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu klijenti Taljani fl-Italja.

7       Is-Sur Gebhard jiddikjara li l-attività li jeżerċita fl-Italja hija essenzjalment waħda li ma tinvolvix kwistjonijiet kontenzjużi; huwa jassisti u jirrappreżenta persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż (attività li tirrappreżenta 65% tad-dħul tiegħu) u jirrappreżenta persuni li jitkellmu bit-Taljan fil-Ġermanja u l-Awstrija (attività li tirrappreżenta 30% tad-dħul tiegħu). Il-5% li jibqa’ jikkonċerna assistenza lill-professjonisti Taljani li l-klijenti tagħhom ikunu affaċċjati bi problemi dwar id-dritt Ġermaniż.

8       Numru ta’ professjonisti Taljani, fosthom "avvocati" Taljani li magħhom is-Sur Gebhard kien assoċjat sa l-1989, ressqu lment mal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan. Huma lmentaw li għamel użu mit-titolu ta’ "avvocato" fuq l-ittri tiegħu li hu kien juża għal skopijiet professjonali, li huwa deher direttament quddiem il-Pretura u t-Tribunale di Milano billi uża t-titolu ta’ "avvocato" u li huwa pprattika l-attività professjonali tiegħu mis-"Studio Legale Gebhard".

9       Wara li, fid-19 ta’ Settembru 1991, il-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan ipprojbixxa lis-Sur Gebhard milli juża t-titolu ta’ "avvocato", il-Kunsill iddeċieda li jiftaħ proċeduri dixxiplinarji kontrih għar-raġuni li huwa ma osservax l-obbligi tiegħu skond il-Liġi Nru 31/82 billi eżerċita attività professjonali fl-Italja fuq bażi permanenti fl-uffiċċju legali tiegħu u għamel użu mit-titolu ta’ "avvocato" .

10     Fl-14 ta’ Ottubru 1991 is-Sur Gebhard talab lill-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan sabiex jiddaħħal fir-reġistru tal-membri ta’ l-avukatura. Din it-talba kienet ibbażata fuq id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU L 19, 1989, p. 16) u fuq il-fatt li huwa kien wettaq perijodu ta’ taħriġ ta’ għaxar snin fl-Italja. Ma jidhirx illi l-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ħa xi deċiżjoni formali fuq dik it-talba.

11     Il-proċeduri dixxiplinarji bdew fid-19 ta’ Settembru 1991 u spiċċaw b’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 1992 li permezz tagħha l-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan impona fuq is-Sur Gebhard il-piena ta’ sospensjoni ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività professjonali tiegħu (sospensione dell' esercizio dell' attività professionale) għal sitt xhur.

12     Is-Sur Gebhard appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio Nazionale Forense, u għamilha ċara, madankollu, illi huwa kien qiegħed jappella wkoll kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba tiegħu li huwa jiddaħħal fir-reġistru. B’mod partikolari, huwa argumenta fl-appell tiegħu li d-Direttiva 77/249 tagħtih id-dritt li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu mill-uffiċċju legali tiegħu f’Milan.

13     Id-Direttiva 77/249 tapplika għall-attivitajiet ta’ avukati li jinvolvu l-għoti ta’ servizzi. Din tgħid illi avukat li jipprovdi servizzi għandu jadotta t-titolu professjonali użat fl-Istat Membru li minnu huwa joriġina, espress fil-lingwa jew waħda mil-lingwi ta’ dak l-Istat, b’indikazzjoni ta’ l-organizzazzjoni professjonali li biha huwa awtorizzat jipprattika jew il-qorti li quddiemha għandu d-dritt li jipprattika skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat (Artikolu 3).

14     Id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-attivitajiet li jirrigwardaw ir-rappreżentazzjoni u d-difiża ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem awtoritajiet pubbliċi u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet l-oħra kollha.

15     Meta jkun qiegħed iwettaq attivitajiet li jinvolvu rappreżentazzjoni u difiża, l-avukat għandu josserva r-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru li qiegħed jilqgħu, bla ħsara għall-obbligi tiegħu fl-Istat Membru li minnu huwa joriġina (Artikolu 4(2)). Fir-rigward ta’ l-attivitajiet l-oħra kollha, l-avukat jibqa’ suġġett għall-kundizzjonijiet u r-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru li minnu huwa joriġina, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli, ikun xi jkun is-sors tagħhom, li jirregolaw il-professjoni fl-Istat Membru li qiegħed jilqgħu, speċjalment dawk li jikkonċernaw l-inkompattibbilta ta’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ avukat ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra f’dak l-Istat, is-sigriet professjonali, relazzjonijiet ma’ avukati oħra, il-projbizzjoni li l-istess avukat jassisti partijiet li għandhom interessi opposti għal xulxin, u l-pubbliċità (Artikolu 4(4)).

16     L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 77/249 jgħid illi "L-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru li jospita taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ xi kondizzjonijiet li jeħtieġu residenza, jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali, f’dak l-Istat."

17     Id-Direttiva 77/249 ġiet implementata fl-Italja mil-Liġi Nru 31/82, u l-Artikolu 2 tagħha jgħid dan li ġej:

"(Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri awtorizzati jipprattikaw bħala avukati fl-Istat Membru minn minnu joriġinaw) huma awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet professjonali ta’ avukat fuq bażi temporanja ("con carattere di temporaneità") fir-rigward ta’ kwistjonijiet kontenzjużi jew le skond il-modalitajiet stabbiliti f’dan it-titolu.

Għall-iskopijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali msemmija fil-paragrafu preċedenti, mhuwiex permess it-twaqqif, fit-territorju tar-Repubblika, ta’ uffiċċju legali jew ta’ uffiċċju prinċipali jew sekondarju."

18     F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio Nazionale Forense ssospenda l-proċedimenti u stieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari:

"(a) fir-rigward ta’ jekk l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, dwar il-libertà ta’ l-avukati li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea li jipprovdu servizzi (il-liġi li timplementa d-Direttiva KEE tat-22 ta’ Marzu 1977), dispożizzjoni li tipprojbixxi 'it-twaqqif fit-territorju tar-Repubblika ta’ uffiċċju legali, kemm bħala stabbiliment prinċipali jew sekondarju', huwiex kompatibbli mar-regoli stabbiliti minn dik id-Direttiva, peress li fid-Direttiva ma hemmx referenza għall-fatt illi l-ftuħ ta’ uffiċċju legali jista’ jkun interpertat li jirrifletti l-intenzjoni, ta’ l-avukat in kwistjoni, li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu, mhux fuq bażi temporanja jew okkazzjonali, iżda fuq bażi regolari;

(b) fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet humiex ta’ natura temporanja, fir-rigward tan-natura kontinwa u regolari tas-servizzi pprovduti mill-avukat li jippratika skond is-sistema indikata fl-imsemmija Direttiva."

19     Fid-dawl tal-kliem tad-domandi preliminari, għandu jiġi mfakkar illi skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tieħu deċiżjonijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Qorti hija kompetenti biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-kriterji kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jgħinuha biex tiddetermina l-kwistjoni ta’ kompatibbilità għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Belgapom, C-63/94, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 7).

20     Għandu jiġi osservat qabel kollox li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Komunità, li jmur fi Stat Membru ieħor tal-Komunità sabiex iwettaq attività ekonomika hemmhekk hija rregolata jew mill-kapitolu tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, jew mill-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment jew mill-kapitolu dwar is-servizzi. Dawn il-kapitoli jeskludu wieħed lill-ieħor.

21     Peress li d-domandi mressqa jikkonċernaw essenzjalment il-kunċetti ta’ "stabbiliment" u "għoti ta’ servizzi", il-kapitolu dwar il-ħaddiema jista’ jiġi eliminat għax mhuwiex rilevanti għal dan il-każ.

22     Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar is-servizzi huma sekondarji għal dawk tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment inkwantu, fl-ewwel lok, il-kliem ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 59 jassumi illi min jipprovdi u min jirċievi s-servizz ikkonċernat huma "stabbiliti" f’żewġ Stati Membri differenti u, fit-tieni lok, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 60 jispeċifika li d-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi japplikaw biss jekk dawk dwar id-dritt ta’ stabbiliment ma’ japplikawx. Huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ "stabbiliment".

23     Id-dritt ta’ stabbiliment, previst fl-Artikoli 52 sa 58 tat-Trattat, huwa rikonoxxut kemm fir-rigward ta’ persuni legali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 58 kif ukoll fir-rigward tal-persuni fiżiċi, ċittadini ta’ Stat Membru fil-Komunita. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti, dan id-dritt jinkludi l-aċċess għal kull tip ta’ attività ta’ xogħol ta’ persuna għal rasha fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, kif ukoll id-dritt li jiġu kkostitwiti u mmexxija impriżi u li jiġu stabbiliti aġenziji, fergħat u kumpanniji sussidjarji.

24     Minn dan isegwi li persuna tista’ tkun stabbilita, skond it-tifsira tat-Trattat, f’aktar minn Stat Membru wieħed, u dan, partikolarment fil-każ tal-kumpanniji, permezz tat-twaqqif ta’ aġenziji, fergħat u kumpanniji sussidjarji (Artikolu 52) u, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ membri tal-professjonijiet, billi joħolqu t-tieni bażi professjonali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Klopp, 107/83, Ġabra p. 2971, punt 19).

25     Il-kunċett ta’ stabbiliment skond it-tifsira tat-Trattat huwa għaldaqstant wiesa' ħafna, u jippermetti lil ċittadin tal-Komunita jipparteċipa, fuq bażi stabbli u kontinwa, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu u li jaqla’ profitt minn din l-attività, u b’hekk jikkontribbwixxi għall-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunita fil-qasam ta’ l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2-74, Ġabra p. 631, punt 21).

26     Min-naħa l-oħra, meta xi ħadd li jipprovdi servizzi jmur fi Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar is-servizzi, partikolarment, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, jgħid illi hu għandu jeżerċita l-attività tiegħu hemm fuq bażi temporanja.

27     Hekk kif qal l-Avukat Ġenerali, in-natura temporanja ta’ l-attivitajiet in kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mhux biss fid-dawl ta’ kemm idum l-għoti tas-servizz, iżda wkoll tar-regolarita, tal-frekwenza jew tal-kontinwità tiegħu. Il-fatt illi l-għoti ta’ servizzi huwa temporanju ma jfissirx illi min jipprovdi s-servizzi, skond it-tifsira tat-Trattat, ma jistax ikollu xi forma ta’ infrastruttura fl-Istat Membru li qiegħed jilqgħu (inkluż uffiċċju jew kmamar fejn issir konsultazzjoni) sakemm din l-infrastruttura hija neċessarja għall-iskopijiet tat-twettiq tas-servizzi in kwistjoni.

28     Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik tas-Sur Gebhard illi, bħala ċittadin ta’ Stat Membru, iwettaq attività professjonali fuq bażi stabbli u kontinwa fi Stat Membru ieħor fejn huwa joffri s-servizzi tiegħu minn bażi professjonali stabbilita, fost oħrajn, lil ċittadini ta’ dak l-Istat. Dan iċ-ċittadin jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment u mhux taħt dawk dwar għoti ta’ servizz.

29     Il-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Milan sostna li persuna bħas-Sur Gebhard ma tistax titqies, għall-iskopijiet tat-Trattat, li hija "stabbilita" fi Stat Membru, f’dan il-każ l-Italja, salv jekk dan huwa membru ta’ l-għaqda professjonali ta’ dak l-Istat jew, għall-inqas, jeżerċita l-attività tiegħu b’kollaborazzjoni jew f’assoċċjazzjoni ma’ persuni li huma membri ta’ dik l-għaqda.

30     Dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

31     Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment jirrigwardaw id-dritt li persuna tibda attività u teżerċitaha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47). Sħubija f’għaqda professjonali tista’ tkun kundizzjoni għall-fatt li persuna tibda attività u għall-eżerċizzju tagħha u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi l-istabbiliment stess.

32     Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni jekk huwiex possibbli għal ċittadin ta’ Stat Membru li jeżerċita d-dritt tiegħu li jistabbilixxi ruħu u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt għandhom ikunu ddeterminati fid-dawl ta’ l-attivitajiet li hu għandu l-intenzjoni li jeżerċita fit-territorju ta’ l-Istat Membru li qiegħed jilqgħu.

33     Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 52, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tkun eżerċitata skond il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna tistabbilixxi ruħha għaċ-ċittadini tiegħu stess.

34     F’każ illi l-attivitajiet speċifiċi in kwistjoni ma huma suġġetti għal ebda leġiżlazzjoni fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’ lill-persuna, b’mod li ċittadin ta’ dak l-Istat Membru m’għandu jissodisfa ebda kwalifika speċifika sabiex jeżerċithom, ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ l-ewwel Stat u li jeżerċita dawn l-attivitajiet hemmhekk.

35     Madankollu, il-fatt li persuna tibda ċerti attivitajiet għal rasha u teżerċithom jista’ jiġi suġġettat għall-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, iġġustifikati mill-interess pubbliku, bħal regoli li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, kwalifiki, etika professjonali, sorveljanza u responsabbilità (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1977, Thieffry, 71/76, Ġabra p. 765, punt 12). Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu b’mod partikolari jistipulaw illi l-eżerċizzju ta’ attività partikolari hija riżervata, skond il-każ, għal min għandu diploma, ċertifikat jew kwalunkwe evidenza oħra ta’ kwalifika formali, għal persuni li jappartjenu għal għaqda professjonali jew persuni suġġetti għal regoli jew sorveljanza partikolari. Dawn jistgħu jistabbilixxu wkoll il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ titoli professjonali bħal dak ta’ "avvocato".

36     Fejn kull persuna li tibda jew teżerċita attività speċifika hija suġġetta għal kundizzjonijiet bħal dawn fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li għandu l-intenzjoni li jwettaq dik l-attività, għandu bħala regola jissodisfhom ukoll. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 57 jgħid illi l-Kunsill għandu jadotta direttivi, bħad-Direttiva 89/48, iċċitata iktar ’il fuq, intiżi, minn naħa, għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali u, min-naħa l-oħra, għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

37     Madankolla, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat anqas attraenti għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: għandhom ikunu applikati b’mod mhux diskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi fl-interess pubbliku; għandhom ikunu adattati biex jiggarantixxu l-kisba ta’ l-għan li huma jfittxu li jilħqu u m’għandhomx immorru oltri dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32).

38     Bl-istess mod, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-għerf u l-kwalifiki li diġà nkisbu mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C-340/89, Ġabra p. I-2357, punt 15). Konsegwentement, huma għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-ekwivalenza tad-diplomi (ara s-sentenza Thieffry, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 27) u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom iqabblu l-għerf u l-kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma’ dawk tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

39     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-Consiglio Nazionale Forense għandha tkun li:

–       in-natura temporanja ta’ l-għoti ta’ servizzi, kif previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tul ta’ żmien tiegħu, tar-regolarità, tal-frekwenza u tal-kontinwità tiegħu;

–       min jipprovdi s-servizzi, skond it-tifsira tat-Trattat, jista’ jkollu, fl-Istat Membru li qiegħed jilqgħu, l-infrastruttura neċessarja għall-iskopijiet tat-twettiq tas-serivizzi in kwistjoni;

–       ċittadin ta’ Stat Membru li jwettaq attività professjonali fuq bażi stabbli u kontinwa fi Stat Membru ieħor, fejn huwa joffri s-servizzi tiegħu minn bażi professjonali stabbilita, fost oħrajn, liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment u mhux taħt dawk dwar l-għoti ta’ servizzi;

–       il-kwistjoni jekk huwiex possibbli għal ċittadin ta’ Stat Membru li jeżerċita d-dritt tiegħu li jistabbilixxi ruħu u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt għandhom ikunu ddeterminati fid-dawl ta’ l-attivitajiet li hu għandu l-intenzjoni li jeżerċita fit-territorju ta’ l-Istat Membru li qiegħed jilqgħu;

–       f’każ illi l-fatt li persuna tibda attività speċifika ma huwa suġġett għal ebda leġiżlazzjoni fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’ lill-persuna, ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ l-ewwel Stat u li jeżerċita din l-attività hemmhekk. Min-naħa l-oħra, f’każ li kull persuna li tibda jew teżerċita attività speċifika hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li għandu l-intenzjoni li jwettaq dik l-attività, għandu bħala regola jissodisfhom ukoll;

–       madankollu, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat anqas attraenti għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: għandhom ikunu applikati b’mod mhux diskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi fl-interess pubbliku; għandhom ikunu adattati biex jiggarantixxu l-kisba ta’ l-għan li huma jfittxu li jilħqu u m’għandhomx imorru oltri dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb;

–       bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-ekwivalenza tad-diplomi u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom iqabblu l-għerf u l-kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma’ dawk tal-persuna kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

40     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet Taljan, Elleniku, Spanjol, Franċiż u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Fuq it-talbiet magħmula lilha mill-Consiglio Nazionale Forense, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 1993, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      In-natura temporanja ta’ l-għoti ta’ servizzi, kif previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tul ta’ żmien tiegħu, tar-regolarità, tal-frekwenza u tal-kontinwità tiegħu.

2)      Min jipprovdi s-servizzi, skond it-tifsira tat-Trattat, jista’ jkollu, fl-Istat Membru li qiegħed jilqgħu, l-infrastruttura neċessarja għall-iskopijiet tat-twettiq tas-serivizzi in kwistjoni.

3)      Ċittadin ta’ Stat Membru li jwettaq attività professjonali fuq bażi stabbli u kontinwa fi Stat Membru ieħor, fejn huwa joffri s-servizzi tiegħu minn bażi professjonali stabbilita, fost oħrajn, liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment u mhux taħt dawk dwar l-għoti ta’ servizzi.

4)      Il-kwistjoni jekk huwiex possibbli għal ċittadin ta’ Stat Membru li jeżerċita d-dritt tiegħu li jistabbilixxi ruħu u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt għandhom ikunu ddeterminati fid-dawl ta’ l-attivitajiet li hu għandu l-intenzjoni li jeżerċita fit-territorju ta’ l-Istat Membru li qiegħed jilqgħu.

5)      F’każ illi l-fatt li persuna tibda attività speċifika ma huwa suġġett għal ebda leġiżlazzjoni fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’ lill-persuna, ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ l-ewwel Stat u li jeżerċita din l-attività hemmhekk. Min-naħa l-oħra, f’każ li kull persuna li tibda jew teżerċita attività speċifika hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet fl-Istat Membru li qiegħed jilqa’, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li għandu l-intenzjoni li jwettaq dik l-attività, għandu bħala regola jissodisfhom ukoll.

6)      Il-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat anqas attraenti għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: għandhom ikunu applikati b’mod mhux diskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi fl-interess pubbliku; għandhom ikunu adattati biex jiggarantixxu l-kisba ta’ l-għan li huma jfittxu li jilħqu u m’għandhomx imorru oltri dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb.

7)      L-Istati Membri għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-ekwivalenza tad-diplomi u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom iqabblu l-għerf u l-kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma’ dawk tal-persuna kkonċernata.

Rodríguez Iglesias

Kakouris      Edward

Hirsch

Mancini

Scockweiler

Moitinho de Almeida

Kapteyn

Gulmann

Murray

Jann

Ragnemalm

Sevón

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 1995.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.