SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

22 ta' Mejju 1990 (*)

"Kompetenza tal-Parlament Ewropew li jressaq rikors għal annullament"

Fil-kawża C-70/88,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Francesco Pasetti Bonbardella u J. Campinos, bħala aġenti, jurisconsultes, assistiti minn M. Christian Pennera u Johann Schoo, membri tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Kirchberg,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentat minn M. Raffaello Fornasier, Direttur Ġenerali tas-Servizz Ġuridiku, u minn B. Schloh, Conseiller juridique, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-Uffiċċju ta' Jörg Käser, Direttur fid-Direttorat ta' l-Affarijiet Ġuridiċi tal-Bank Ewropea għall-Investiment, 100, Blvd. Konrad Adenauer,

konvenut,

sostnut minn,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn J. Gensmantel, tat-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fis-sede ta' l-A,baxxata tar-Renju Unit, 14, Boulevard Roosevelt, fil-Lussemburgu,

u minn,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Van Ackere-Pietri, conseiller juridique, u J. Grünwald, membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fl-uffiċċju ta' G. Kremlis, membru tas-servizz ġuridiku, Centre Wagner, Kirchberg

partijiet intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn O Due, President, Sir Gordon Slynn, CN Kakouris, FA Schockweiler u M Zuleg, Presidenti ta' Awla, GF Manċini, R Joliet, JC Moitinho de almeida u GC Rodriguez, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Van Gerven,

Reġistratur:D. Louterman, Amministratriċi Prinċipali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 1988, il-Parlament Ewropej, bis-saħħa ta' l-Artikolu 146 tat-Trattat KEEA u l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, talab li jiġi annullat ir-regolament tal-Kunsill (Euratom) nru 3954/87 tat-22 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi l-livelli massimi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ammissibbli għall-prodotti ta’ l-ikel u l-għalf, wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (ĠU 1987, L 371, p. 11).

2       L-imsemmi regolament, li hu bbażat fuq l-Artikolu 31 tat-Trattat KEEA, jistabbilixxi l-livelli massimi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ammissibbli għall-prodotti ta’ l-ikel u l-għalf li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li tista’ twassal, jew tkun li wasslet għal livelli sostanzjali ta’ kontaminazzjoni radjoattiva fi prodotti ta’ l-ikel u l-għalf. Il-prodotti ta’ l-ikel u l-għalf li jkollhom livelli ta’ tniġġis ogħla minn dak permess, kif stabbilit b'att adottat skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati.

3       Waqt l-abbozzar tar-regolament ikkontestat, il-Parlament Ewropew, li ġie kkonsultat mill-Kunsill skond l-Artikolu 31 tat-Trattat KEEA, wera n-nuqqas ta' qbil mal-bażi legali adottata mill-Kummissjoni u talabha tissottometti proposta ġdida bbażata fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat KEE. Peress li l-Kummissjoni ma laqgħatx din it-talba, il-Kunsill adotta r-regolament nru. 3954/87 abbażi ta’ l-Artikolu 31 tat-Trattat KEEA. Minħabba f'hekk, il-Parlament ressaq ir-rikors preżenti għall-annullament ta’ l-imsemmi regolament.

4       Il-Kunsill ressaq eċċezzjoni ta’ inammissabbilità taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 91(1), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u talab lill-Qorti tagħti deċiżjoni fuq din l-eċċezzjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu.

5       In sostenn ta' din l-eċċezzjoni, fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, il-Kunsill irrefera għall-mument fis-sentenza tas-27 ta' Settembru 1988, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill, "Komitoloġija" (302/87, Ġabra p. 5615), li ma kinitx għada ngħatat, li fiha argumenti simili għal dak imressaq in sostenn ta' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà fil-kawża 302/87. Fis-seduta, li nżammet fil-5 ta' Ottubru 1989, il-Kunsill kien sostna li l-kwistjoni dwar il-kompetenza tal-Parlament Ewropew li jressaq rikors għal annullament kienet ġiet maqtugħa mill-Qorti b'mod ċar fis-sentenza tas-27 ta' Settembru u li, għaldaqstant, il-preżenti rikors kien inammissibbli.

6       Il-Parlament Ewropew talab li din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda. Huwa sostna li l-kawża preżenti kienet tinkludi element ġdid in relazzjoni mal-kawża 302/87. Il-Qorti kienet irrilevat, fil-fatt, bħala ġustifikazzjoni tar-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-kompetenza tal-Parlament Ewropew li jressaq rikors għal annullament, li kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 155 tat-Trattat KEE, li tiżgura li l-prerogattivi tal-Parlament jiġu rrispettati u li tressaq rikorsi għal annullament li jistgħu jkunu neċessarji għal dak il-għan. Issa, il-kawża preżenti turi li l-Kummissjoni ma tistax tinħeles minn din ir-responsabbiltà, sa fejn hi tkun ibbażat il-proposta tagħha fuq bażi ġuridika differenti minn dik li tkun meqjusa xierqa mill-Parlament. Konsegwentement, huwa ma jkunx jista' joqgħod fuq il-Kummissjoni biex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu b'rikors għal annullament.

7       Il-Parlament Ewropew żied li l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta' l-att ikkontestat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rifjut impliċitu li taġixxi, u li dan ir-rifjut jippermetti lill-Parlament jressaq rikors abbażi ta' nuqqas ta' aġir. Barra minn hekk, il-ħarsien tal-prerogattivi tiegħu permezz ta' rikorsi minn individwi jkun kompletament aleatorju u b'hekk bla effett.

8       Għalhekk, hemm vojt ġuridiku li l-Qorti għandha timla billi tirrikonoxxi lill-Parlament Ewropew id-dritt li jressaq rikors għal annullament sa fejn huwa neċessarju li jiġu ssalvagwardati l-prerogattivi tiegħu stess.

9       Permezz ta' digriet tat-13 ta' Lulju 1988, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-konvenut. Filwaqt li talbet li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, il-Kummissjoni, waqt is-seduta, talbet lill-Qorti tiċħad l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Kunsill. Barra minn hekk, permezz ta' digriet tat-18 ta' Jannar 1989, ir-Renju Unit ġie ammess jintervjeni in sostenn tal-konvenut. Ir-Renju Unit ma għamel l-ebda talba fir-rigward ta' l-ammissibbiltà tar-rikors.

10     Qiegħed isir riferiment għar-Rapport tas-Seduta għal rendikont iżjed wiesgħa tal-fatti tal-kawża, l-andament tal-proċedura kif ukoll is-sottomissjonijiet u l-argumenti mressqa mill-partijiet. Dawn l-elementi ser ikunu msemmija hawn isfel biss meta jkun neċessarju għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja..

11     Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li peress li l-att ikkontestat huwa bbażat fuq dispożizzjoni tat-Trattat KEEA, l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament ta' dan l-att għandu jiġi eżaminat fir-rigward ta' l-imsemmi Trattat.

12     Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 1988, imsemmija iktar 'il fuq, il-Parlament ma għandux dritt iressaq rikors għal annullament taħt id-disppożizzjonijiet ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE jew ta' l-Artikolu 146 tat-Trattat KEEA, li fis-sustanza huma identiċi.

13     Fil-fatt, min-naħa, fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 173 jew ta' l-Artikolu 146, il-Parlament mhuwiex imsemmi fost l-istituzzjonijiet li jistgħu, ma' l-Istati Membri, iressqu rikors għal annullament kontra kull att ta' istituzzjoni oħra.

14     Min-naħa l-oħra, peress li l-Parlament mhuwiex persuna legali, huwa ma jistax iressaq rikors quddiem il-Qorti taħt it-tieni inċiż ta' l-istess Artikoli, liema sistema kienet tkun, fi kwalunkwe każ, inadatta għal rikors għal annullament imressaq mill-Parlament.

15     Fl-istess sentenza tas-27 ta' Settembru 1988, wara li indikat ir-raġunijiet għalfejn il-Parlament ma kellux il-kompetenza jressaq rikors taħt l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, il-Qorti fakkret li varji rimedji fid-dritt kienu disponibbli biex jiżguraw il-ħarsien tal-prerogattivi tal-Parlament. Kif osservat l-imsemmija deċiżjoni, mhux talli l-Parlament igawdi d-dritt li jressaq rikors għal nuqqas ta' aġir, iżda t-Trattati jipprovdu mezzi sabiex atti, adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni mingħajr ma jkunu ttieħdu in kunsiderazzjoni l-prerogattivi tal-Parlament, jiġu sottomessi lill-Qorti biex jintalab l-annullament tagħhom.

16     Madankollu, iċ-ċirkustanzi u l-argumenti invokati fil-kawża preżenti jindikaw li l-varji rimedji fid-dritt ipprovduti kemm fit-Trattat KEEA u fit-Trattat KEE, ikunu kemm ikunu effettivi u diversi, jistgħu jirriżultaw ineffettivi jew inċerti.

17     L-ewwel nett, rikors ta’ nuqqas ta' aġir ma jistax iservi sabiex tiġi kkontestata l-bażi legali ta' att ġà adottat.

18     It-tieni nett, is-sottomissjoni ta' rinviju għal domanda preliminari li jirrigwarda l-validità ta' tali att jew azzjoni minn naħa ta' Stati jew individwi għall-annullament ta' dak l-att, toħroġ minn kontinġenzi sempliċi li fuqhom il-Parlament ma jkunx jista' jafda.

19     Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-prerogattivi tal-Parlament jiġu rrispettati, dan l-obligu ma jistax imur lil hinn milli jippreġudika l-pożizzjoni tagħha stess u tressaq rikors għal annullament li l-istess Kummissjoni tkun tqis li huwa infondat.

20     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-eżistenza ta' diversi rimedji ġuridiċi mhumiex suffiċjenti biex jiggarantixxu, b'ċertezza, f'kull ċirkustanza, l-annullament ta' att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li ma jirrikonoxxix il-prerogattivi tal-Parlament.

21     Dawn il-prerogattivi jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-bilanċ istituzzjonali maħluqa mit-Trattati. It-Trattati, fil-fatt, waqqfu sistema ta' tqassim tal-kompetenzi fost il-varji istituzzjonijiet tal-Komunità, li tassenja lil kull isitituzzjoni r-rwol tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u t-twettiq tad-dmirijiet mogħtija lilhom.

22     L-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali tfisser li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-poteri tagħha b'osservanza tal-poteri ta' l-istituzzjonijiet l-oħra. Din teżiġi wkoll li kull vjolazzjoni ta' din ir-regola, jekk tiġri, tkun tista' tiġi ppenalizzata.

23     Il-Qorti, li għandha, bis-saħħa tat-Trattati, tiggarantixxi l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, għandha b'hekk tiżgura ż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali u, konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-osservanza tal-prerogattivi tal-Parlament, meta tintalab tagħmel hekk minn din ta' l-aħħar, permezz ta' rimedju ġuridiku adatt għall-għanijiet li l-Parlament irid jilħaq.

24     Fit-twettiq ta' dan l-inkarigu, il-Qorti, ċertament, ma tistax tinkludi l-Parlament fost l-istituzzjonijiet li jistgħu jressqu rikors taħt l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE jew l-Artikolu 146 tat-Trattat KEEA, mingħajr ma tiġġustifika dan b'interess ta' azzjoni.

25     Madankollu, hu d-dmir tal-Qorti li tiżgura li d-dispożizzjonijet tat-Trattati li jirrigwardaw il-bilanċ istituzzjonali jiġu applikati kompletament u li l-prerogattivi tal-Parlament, bħal dawk ta' l-istituzzjonijiet l-oħra, ma jiġux imminati mingħajr ma l-Parlament ikollu rimedju legali, fost dawk previsti fit-Trattati, li jkun jista’ jiġi eżercizzat b'ċertezza u b'mod effettiv.

26     In-nuqqas, fit-Trattati, ta' kull dispożizzjoni li tipprevedi d-dritt ta' rikors għal annullament lill-Parlament jista' tikkostitwixxi lakuna proċedurali, iżda ma jistax jipprevali fuq l-interess fondamentali marbut maż-żamma u l-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali pprovdut fit-Trattati kostituttivi tal-Komunitajiet Ewropej.

27     Konsegwentement, rikors għal annullament imressaq mill-Parlament kontra att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni huwa ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-imsemmi rikors ikun intiż biss biex jissalvagwarda l-prerogattivi tiegħu u li jkun ibbażat biss fuq argumenti li jirrigwardaw il-ksur tagħhom. B'din ir-riżerva, ir-rikorsi għal annullament tal-Parlament għandhom ikunu suġġetti għar-regoli previsti mit-Trattati fir-rigward tar-rikorsi għal annullament imressqa mill-istituzzjonijiet l-oħra.

28     Fost il-prerogattivi tal-Parlament hemm, fil-każijiet previsti mit-Trattati, il-parteċipazzjoni fl-abbozzar ta' atti leġiżlattivi, u b'mod partikolari, il-partreċipazzjoni fil-proċedura ta' kooperazzjoni prevista fit-Trattat KEE.

29     Fil-kawża preżenti, il-Parlament isostni li r-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq l-Artikolu 31 tat-Trattat KEEA, li jipprovdi li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat biss meta l-imsemmi regolament ikun ibbażat fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat KEE, li jeżiġi l-implementazzjoni tal-proċedura għall-kooperazzjoni mal-Parlament.

30     Il-Parlament jikkonkludi minn dan li l-għażla mill-Kunsill tal-bażi ġuridika għar-regolament ikkontestat wassal għal vjolazzjoni tal-prerogattivi tiegħu bill ċaħħdu mill-possibbiltà, li l-proċedura ta’ kooperazzjoni tagħti, ta' parteċipazzjoni fl-abbozzar ta' l-att b'mod iktar intensiv u attiv milli fil-kuntest ta' proċedura ta' konsultazzjoni.

31     Peress li l-Parlament qed jinvoka vjolazzjoni tal-prerogattivi tiegħu, li tirriżulta mill-għażla tal-bażi ġuridika ta' l-att ikkontestat, joħroġ minn dak kollu li ntqal li li l-azzjoni preżenti hija ammissibbli. L-eċċezzjoni ta' inammissibiltà mressqa mill-Kunsill għandha għalhekk tiġi miċħuda u l-proċedura għandha titkompla għall-eżami tal-mertu tal-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

32     L-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

1)      L-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Kunsill hija miċħuda

2)      Il-proċedura għandham titkompla fir-rigward tal-mertu.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati

Due

Slynn

Kakouris

Schockweiler

Zuleeg

Mancini

Joliet

Moitinho de Almeida

Rogríquez Iglesias

Moħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Mejju 1990

J. G. Giraud

 

      O. Due

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.