SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

29 ta' Ottubru 1980 (*)

"Iżoglukożju – kwoti ta' produzzjoni"

Fil-kawża C-138/79,

li għandha bħala suggett rikors għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1293/79, tal-25 ta' Ġunju 1979 (ĠU L 162, p. 10), safejn dan ir-regolament, billi jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru. 1111/77, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-iżoglukożju, jiffissa kwota bażika fil-konfront tar-rikorrenti,

Il-kumpannija Roquette Fréres, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Lestrem (Departement de Pas-de-Calais), irrappreżentata mill-Assistent Direttur Ġenerali tagħha, Gérard Rousseaux, assistit minn Marcel Veroone, soċju f'Veroone-Freyria-Letartre-Paillusseau-Hoste-Dutat, soċjetà ta' avukati fl-avukatura ta' Lille, b'indirizz għan-notifika fl-uffiċċju ta' M. Loesch, avukat, ta' 2, Rue Goethe,

rikorrenti,

sostnuta minn,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tiegħu, Francesco Pasetti-Bombardella, assistit minn Roland Bieber, Amministratur Prinċipali fid-dipartiment ġuridiku tal-Parlament, u mill-professur Pierre Henri Teitgen, b'indirizz għan-notifika fis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew,

parti intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentat minn Daniel Vignes, direttur fid-dipartiment legali, assistit minn Arthur Brautigam u Hans-Joachim Glaesner, bħala koaġenti, minn Hans-Jurgen Rabe, membru ta' l-avukatura ta' Hamburg, mill-professur Jean Boulouis, dekan onorarju ta' l-Universitė de droit, d'economie et de sciences sociales ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika għand Douglas Fontein, direttur tad-Dipartiment dwar Affarijiet Legali tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, 100, boulevard Konrad Adenauer, Kirchberg,

konvenut

sostnut minn,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata mill-konsulent legali tagħha, Peter Gilsdorf, bħala aġent, assistit minn Jacques Delmoly, membru tad-dipartiment legali, b'indirizz għan-notifika għand il-konsulent legali tagħha, Mario Cervino, Bâtiment Jean Monnet, Kirchberg, Lussemburgu,

parti intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Komposta minn H. Kutscher, President, P. Pescatore u T. Koopmans, Presidenti ta' Awla, J. Mertens de Wilmars, Mackenzie Stuart, A. O’Keefe, G. Bosco, A. Touffait u O. Due, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Reischl,

Reġistratur: A. Van Houtte

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ rikors reġistrat fir-Reġistru tal-Qorti fil-31 ta’ Awwissu 1979, ir-rikorrenti, kumpannija Franċiża li timmanifattura, inter alia, l-iżoglukożju, talbet lill-Qorti tiddikajara bħala invalidu l-iffissar ta’ kwota ta' produzzjoni li tirriżulta, għar-rikorrenti, mill-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1293/79 tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 1979, li jemenda r-Regolament Nru. 1111/77 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-iżoglukożju (ĠU L 162, p. 10, b’corrigendum fil-ĠU L 176, p. 37). Minn eżami tar-rikors jirriżulta li dan fil-fatt huwa talba għall-annullament tar-Regolament Nru. 1293/79 safejn dan jiffissa kwota ta’ produzzjoni ta' l-iżoglukożju fil-konfront tar-rikorrenti.

2       Sabiex isostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti, minbarra numru ta' motivi sostantivi, tinvoka motiv formali li jirrigwarda l-annullament tal-kwota ta' produzzjoni tagħha ffissata mill-imsemmi regolament minħabba li l-Kunsill adotta dan ir-regolament mingħajr ma kien irċieva l-opinjoni tal-Parlament Ewropew kif preskritt Artikolu 43(2) tat-Trattat KEE, fatt li jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura fis-sens ta’ l-Artikolu 133 ta' l-imsemmi Trattat.

3       B’digriet tas-16 ta’ Jannar 1980, il-Qorti ammettiet l-intervent tal-Parlament sabiex isostni t-talbiet tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura. B’digriet tat-13 ta’ Frar 1980, hija ammettiet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kunsill.

4       Min-naħa tiegħu, il-Kunsill sostna li kemm ir-rikors kif ukoll l-intervent favur ir-rikorrenti kienu inammissibbli. Alternattivament, huwa talab li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

5       Qabel jiġu eżminati l-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u l-motivi invokati mir-rikorrenti, hemm lok li tiġi mfakkra, fil-qosor, l-istorja ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kif ukoll il-kontenut tiegħu.

6       B’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1978 mogħtija fil-kawżi magħquda 103 u 145/77 (Royal Scholten Honig (Holdings) Ltd. vs Intervention Board for Agricultural Produce; Tunnel Refineries Ltd. vs Intervention Board for Agricultural Produce, Ġabra 1978, p. 2037), il-Qorti ddeċidiet li r-Regolament tal-Kunsill Nru. 1111/77, tas-17 ta’ Mejju 1977, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-iżoglukożju (ĠU L 134, p. 4), ma kienx validu safejn l-Artikoli 8 u 9 tiegħu jistabbilixxu imposta fuq il-produzzjoni ta' l-iżoglukożju ta’ 5 unitajiet tal-kontijiet għal kull 100 kilogramm ta’ materja niexfa matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-sena tas-suq taz-zokkor 1977/78. Il-Qorti kkonstatat, fil-fatt, li s-sistema mwaqqfa permezz ta' l-imsemmija artikoli imminat il-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali (f’dan il-każ bejn il-produtturi taz-zokkor u l-produtturi ta' l-iżoglukożju) li tiegħu l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 40(3) tat-Trattat tikkostitwixxi espressjoni speċifika. Il-Qorti, madanakollu, żiedet li s-sentenza tagħha kienet tħalli lill-Kunsill il-fakultà li jieħu l-miżuri necessarji kollha, kompatibbli mal-liġi komunitarja, sabiex jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq tad-dolċifikanti.

7       Fis-7 ta’ Marzu 1979, wara li ngħatat din is-sentenza, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal emenda tar-Regolament Nru. 1111/77. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 1979, li waslet għand il-Parlament fit-22 ta’ Marzu, il-Kunsill talab lil din l-istituzzjoni għall-opinjoni tagħha skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 43(2) tat-Trattat. Fl-imsemmija ittra l-Kunsill kiteb, b'mod partikolari li:

"Din il-proposta tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1978 sakemm l-arranġamenti ġodda għas-suq tad-dolċifikanti jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 1980 … peress li r-regolament għandu jibda' jiġi applikat minn Lulju 1979, il-Kunsill jawgura li l-Parlament ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-proposta matul is-sessjoni tiegħu ta’ April."

8       L-urġenza tal-konsultazzjoni mitluba fl-ittra tal-Kunsill kienet tirriżulta mill-fatt li t-test tal-proposta ta' regolament kellu essenzjalment l-għan, sabiex tkun evitata nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament bejn il-produtturi taz-zokkor u dawk ta' l-iżoglukożju, li jissuġġetta l-produzzjoni ta' iżoglukożju għal regoli simili ma' dawk li jeżistu fil-każ tal-produzzjoni taz-zokkor sat-30 ta’ Ġunju 1980, fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill Nru. 3330/74 tad-19 ta’ Diċembru 1974 (ĠU L 369, p. 1). B’mod partikolari, din il-proposta kienet tistabbilixxi arranġamenti tranżitorji sa din id-data, sistema ta' kwoti ta’ produzzjoni għall-iżoglukożju, li kellhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 1979, id-data tal-bidu tas-sena tas-suq taz-zokkor.

9       Il-President tal-Parlament irrefera immedjatament din il-konsultazzjoni lill-Kumitat dwar l-Agrikoltura sabiex dan jeżaminaha fil-fond, kif ukoll lill-Kumitat dwar il-Baġit, għall-opinjoni tiegħu. Il-Kumitat dwar il-Baġit bagħat l-opinjoni tiegħu lill-Kumitat dwar l-Agrikoltura fl-10 ta’ April 1979. Fid-9 ta’ April 1979, il-Kumitat dwar l-Agrikoltura adotta proposta għal riżoluzzjoni tar-relatur tiegħu. Ir-rapport u l-abbozz tar-riżoluzzjoni adottati mill-Kumitat dwar l-Agrikoltura ġew diskussi mill-Parlament matul is-seduta ta' l-10 ta’ Mejju 1979. Fis-seduta tiegħu tal-11 ta’ Mejju 1979, il-Parlament ċaħad il-proposta għal riżoluzzjoni u rreferiha lura lill-Kumitat dwar l-Agrikoltura biex tiġi eżaminata mill-ġdid.

10     Is-sessjoni parlamentari ta’ bejn is-7 u l-11 ta’ Mejju 1979 kellha tkun l-aħħar waħda qabel is-seduta kostituttuva tal-Parlament elett b'suffraġju universali dirett skond l-Att dwar l-Elezzjoni tad-Deputati fl-Assemblea b’suffraġju universali dirett fis-17 ta’ Lulju 1979. L-Uffiċċju tal-Parlament, fil-laqgħa tiegħu ta' l-1 ta’ Marzu 1979, kien fil-fatt iddeċieda li ma jipprovdix għal sessjoni supplementari bejn is-sessjonijiet ta’ Mejju u ta' Lulju. Huwa kien madankollu ippreċiża li :

"L-Uffiċju Estiż …

- iqis madankollu li fil-każ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li hu neċessarju li jipprovdu għal perijodu ta' sessjoni supplementari, huma jkunu jistgħu, skond l-Artikolu 1(4) tar-Regoli tal-Proċedura, jitolbu li jiġi kkonvokat il-Parlament; hu mifhum li sessjoni bħal din tkun biss iddedikata għall-eżami tar-rapporti li ġew ippreparati wara konsultazzjonijiet urġenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Fil-laqgħa tiegħu ta' l-10 ta’ Mejju 1979, l-Uffiċju kellu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu f'dawn il-kliem:

" - Jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu meħuda matul il-laqgħa msemmija aktar 'il fuq li matulha kien iddeċieda li ma jipprovdix għal perijodu ta' sessjoni supplementari bejn l-aħħar seduta tal-Parlament preżenti u seduta kostituttuva tal-Parlament elett b'suffraġju universali dirett, filwaqt li jqis madankollu li fil-każ li l-maġġoranza tal-membri effettivi tal-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jixtiequ li jinżamm perijodu ta' sessjoni supplementari, huma jkunu jistgħu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regoli tal-Proċedura, jitolbu li jiġi kkonvokat il-Parlament;

- Jiddeċiedi, barra minn dan li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 139 tat-Trattat KEE, fil-każ li l-President ikollu quddiemu talba bħal din, l-Uffiċju Estiż għandu jiltaqa’ sabiex jikkunsidra kif għandu jittrattaha."

11     Fil-25 ta’ Ġunju 1979, il-Kunsill adotta, mingħajr ma kien irċieva l-opinjoni mitluba, ir-regolament propost mill-Kummissjoni, li b’hekk sar ir-Regolament Nru. 1293/79, li jemenda r-Regolament Nru. 1111/77. It-tielet riferiment fil-preambolu tar-Regolament Nru. 1293/79 isemmi l-konsultazzjoni ta' l-Assemblea. Madanakollu l-Kunsill innota n-nuqqas ta’ opinjoni tal-Parlament permezz ta' l-osservazzjoni, fit-tielet premessa tal-preambolu, li l-Assemblea, li ġiet ikkonsultata fis-16 ta’ Marzu 1979 fuq il-proposta tal-Kummissjoni, ma tatx l-opinjoni tagħha fuq tali proposta fis-sessjoni tagħha ta’ Mejju u rreferiet il-kwistjoni għall-opinjoni ta' l-Assemblea l-ġdida.

12     Il-Qorti qed tintalab li tannulla r-Regolament Nru. 1293/79 safejn dan jemenda r-Regolament Nru. 1111/77.

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

13     Skond il-Kunsill, ir-rikors hu inammissibbli minħabba illi hu indirizzat kontra regolament mingħajr ma l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 173(2) tat-Trattat ma huma sodisfatti. Il-miżura kkontestata allegatament ma tikkostitwixxix deċiżjoni meħuda fil-forma ta’ regolament u ma tikkonċerna r-rikorrenti la direttament u lanqas individwalment. Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi ġabra ta’ deċiżjonijiet individwali, fosthom waħda meħuda fir-rigward tagħha, u li jikkonċernaha direttament u individwalment.

14     Skond l-Artikolu 9(1), (2), u (3) tar-Regolament Nru. 1111/77, kif emendat mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru. 1293/79:

"(1) Għandha tiġi allokata kwota bażika għal kull impriża stabblilita fil-Komunità li tipproduċi l-iżoglukożju għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 8(1).

Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3, il-kwota bażika ta’ kull impriża kkonċernata għandha tkun ekwivalenti għad-doppju tal-produzzjoni tagħha, stabbilita, skond dan ir-regolament, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 1978 u t-30 ta’ April 1979.

(2) Kull impriża li għandha kwota bażika għandha tiġi allokata wkoll kwota massima ekwivalenti għall-kwota bażika tagħha mmultiplikata b’koeffiċjent. Dan il-koeffiċjent huwa dak stabbilit abbażi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 3330/74 għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1979 u t-30 ta’ Ġunju 1980.

(3) Il-kwota bażika msemmija fil-paragrafu (1) għandha tiġi, jekk ikun il-każ, korretta b'mod li l-kwota massima stabbilita skond il-paragrafu (2) :

- ma taqbiżx il-85%

- ma tinżilx taħt il-65%

tal-kapaċita’ produttiva teknika annwali ta' l-impriża in kwistjoni."

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

15     Skond l-Artikolu 9(4), il-kwoti bażiċi stabbiliti skond il-paragrafi (1) u (3) huma attribwiti individwalment lil kull impriża, kif stipulat fl-Anness II. Dan l-Anness, li huwa parti integrali mill-Artikolu 9, jipprovdi li l-kwota bażika tar-rikorrenti hija ta' 15 887 tunnellata.

16     Minn dan jirriżulta li l-istess Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru. 1111/77 (hekk kif ġie emendat mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru. 1293/79), flimkien ma’ l-Anness II, japplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) sa (3), lil kull waħda mill-impriżi in kwistjoni li huma d-destinatarji ta' l-imsemmi regolament u li huma, b'dan il-mod, ikkonċernati direttament u individwalment. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru. 1293/79 jikkostitwixxi miżura li, fil-konfront tagħha, l-impriżi kkonċernati, li huma produtturi ta' iżoglukożju, jistgħu iressqu rikors għal annullament skond l-Artikolu 173(2) tat-Trattat.

 Dwar l-ammissibbiltà ta' l-intervent tal-Parlament

17     Il-Kunsill iqajjem dubju dwar il-possibbiltà ta' intervent volontarju tal-Parlament f'kawża pendenti quddiem il-Qorti. Fil-fehma tal-Kunsill, setgħa ta’ intervent ta' dan it-tip hija simili għal dritt ta’ azzjoni quddiem il-Qorti li l-Parlament ma jgawdix taħt it-Trattat. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jinnota b'mod partikolari li l-Artikolu 173 tat-Trattat ma jsemmix il-Parlament fost l-istituzzjonijiet li għandhom dritt li jressqu rikors għal annullament u li Artikolu 20 ta' l-Istatut tal-Qorti ma jsemmihx fost l-istituzzjonijiet mistiedna sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 177.

18     L-Artikolu 37 tal-istatut tal-Qorti jipprovdi li:

"Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jintervjenu f’[kawżi] quddiem il-Qorti.

L-istess dritt għandu jkun miftuħ għal kull persuna oħra li tistab[b]ilixxi interess fir-riżultat ta’ xi [kawża] sottomess lill-Qorti, ħlief f’[kawżi] bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Komunità jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Komunità.

Sottomissjonijiet magħmu[la] f’applikazzjoni għal intervent għandhom ikunu limitati għas-sostenn tas-sottomissjonijiet ta’ waħda mill-partijiet."

19     L-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li l-istituzzjonijet kollha tal-Komunità jgawdu mill-istess dritt ta’ intervent. L-eżercizzju ta' dan id-dritt ma jistax jiġi limitat għal xi waħda minnhom, mingħajr ma tiġi mminata l-pożizzjoni istituzzjonali ta' tali instituzzjoni kif intiża mit-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1).

20     Sussidjarjament, il-Kunsill jallega li anki kieku d-dritt tal-Parlament li jintervjeni kellu jiġi aċċettat, dan id-dritt ikun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ interess li tittieħed azzjoni. Interess bħal dan jista’ jkun bla dubju preżunt, iżda dan ma jwaqqafx lill-Qorti milli, jekk ikun il-każ, tivverifika jekk fil-fatt jeżistix. F'din il-kawża, fil-fehma tal-Kunsill, verifika bħal din għandha twassal lill-Qorti sabiex tikkonstata li l-Parlament m'għandu l-ebda interess fir-riżoluzzjoni tal-kawża.

21     Dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inkompatibbli ma’ l-Artikolu 37 ta' l-Istatut tal-Qorti. Fil-fatt, għalkemm it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 37 ta' l-Istatut tal-Qorti jipprovdi li persuni oħra barra mill-Istati u l-istituzzjonijiet jistgħu biss jintervjenu f’kawża quddiem il-Qorti jekk jistabbilixxu li għandhom interess fir-riżultat tagħha, id-dritt ta' intervent ta' l-istituzzjonijiet, u għaldaqstant tal-Parlament, taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 37 mhuwiex suġġett għall-imsemmija kundizzjoni.

 Dwar il-ksur tat-trattament ugwali

22     Hekk kif ġie mfakkar aktar 'il fuq, il-Qorti fis-sentenza tagħha ċċitata aktar 'il fuq, mogħtija fil-kawżi magħquda 103 u 145/77, iddikjarat li r-Regolament Nru. 1111/77 kien jikser il-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza. Il-Qorti fil-fatt ikkonstatat li, filwaqt li l-produtturi taz-zokkor u ta' dawk ta' l-iżoglukożju kienu f'sitwazzjonijiet komparabbli, imposta li kienet manifestament mhux ugwali kienet qed tiġi imposta fuq il-manufatturi ta' l-iżoglukożju. Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Kunsill, permezz tar-Regolament Nru. 1293/79, emenda r-Regolament Nru. 1111/77 billi introduċa sistema ta’ kwoti għall-iżoglukożju li kienet direttament ispirata mis-sistema eżistenti fil-qasam taz-zokkor.

23     Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament il-ġdid jikser il-prinċipju ta' ugwaljanza. Fil-fehma tagħha l-imsemmi regolament japplika fl-istess ħin regoli simili għal sitwazzjonijiet differenti kif ukoll iżomm fis-seħħ bejn iż-żewġ sistemi differenzi li jwasslu għal trattament mhux ugwali ta’ sitwazzjonijiet identiċi.

24     Il-fatt stess li r-rikorrenti temmen li tista' tippreżenta ż-żewġ argumenti fl-istess ħin juri l-kumplessità ta’ sitwazzjoni li fiha s-swieq ta' l-iżoglukożju u taz-zokkor huma komparabbli mingħajr ma huma verament identiċi.

25     Meta l-implementazzjoni mill-Kunsill tal-politika ta' l-agrikultura tal-Komunità timplika l-ħtieġa li tiġi evalwata sitwazzjoni ekonomika kumplessa, is-setgħa diskrezzjonali li għandu ma tapplikax esklussivament għan-natura u l-portata tal-miżuri li għandhom jittieħdu iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta' informazzjoni bażika fis-sens, b’mod partikolari, li l-Kunsill jista' jibbaża ruħu, jekk ikun il-każ, fuq konstatazzjonijiet globali. Fl-eżami ta' l-eżerċizzja ta’ setgħa bħal din, il-Qorti għandha tillimita ruħha għall-eżami ta’ jekk hijiex ivvizjata b'xi żball manifest jew jekk tikkostitwixxix abbuż ta’ poter jew jekk l-awtorità in kwistjoni ma eċċedietx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

26     Kien il-Kunsill li – fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni ta' l-iżoglukożju kienet tikkontribwixxi għal żieda fil-ħażniet żejda taz-zokkor u li kien possibbli għall-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq it-tali produzzjoni – jieħu, fil-kuntest tal-politika agrikola, il-miżuri li jqis utli filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni s-similarità u l-interdependenza taż-żewġt iswieq kif ukoll in-natura speċifika tas-suq ta' l-iżoglukożju.

27     Dan huwa aktar minnu minħabba li, ikkonfrontat bil-problema delikata b'riżultat tal-konsegwenzi tal-produzzjoni ta' l-iżoglukożju fuq il-politika dwar iz-zokkor tal-Komunità, il-Kunsill kellu jimplementa, f'terminu qasir, leġiżlazzjoni tranżitorja għal suq ġdid li kien għadu fi stadju ta' żvilupp sħiħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ġiex ippruvat li, billi adotta r-Regolament Nru. 1293/79, il-Kunsill eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

 Dwar il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità

28     Fil-fehma tar-rikorrenti, il-kwota allokata lilha fl-Anness II tar-Regolament Nru. 1111/77 hija assolutament inadegwata. L-iffissar tal-kwota skond il-produzzjoni ta' bejn l-1 ta' Novembru 1978 u t-30 ta' April 1979 ma jieħu in kunsiderazzjoni la l-varjazzjonijiet skond l-istaġuni u lanqas il-fatt li, matul il-perijodu in kwistjoni, il-produzzjoni kienet ġiet limitata minħabba l-inċertezza li fiha sabet ruħha r-rikorrenti kemm fir-rigward tas-sistema li kienet ser tkun applikata mill-Komunità wara s-sentenza tal-Qorti fil-kawżi ċċitati aktar 'il fuq, kif ukoll fir-rigward tal-pożizzjoni ta' l-awtoritajiet Franċiżi li aċċettaw biss l-użu ta' l-iżoglukożju b'digriet tad-9 ta’ Awwissu 1979. Il-korrezzjoni possibbli tal-kwoti skond il-kapaċità teknika annwali hija ta' żvantaġġ għal impriżi li, bħar-rikorrenti, kienu pposponew kull investiment ġdid sakemm il-pożizzjoni tiġi ċċarata. Dawn il-kwoti jirrendu kull kompetizzjoni illużorja.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-iffissar ta' kwoti bbażati fuq perijodu ta’ riferiment huwa proċedura abitwali fid-dritt komunitarju u dan huwa approprjat meta jikkonċerna l-kontroll tal-produzzjoni f’settur partikolari. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma ressqet provi li jikkoroboraw l-affermazzjoni tagħha li hija llimitat il-produzzjoni tagħha. Għandu jiġi osservat ukoll li, f'kull każ, wara li ngħatat is-sentenza ċċitata aktar 'il fuq, l-imposta, kif oriġinarjament prevista, ma setgħatx tibqa' tiġi applikata.

30     F’kull każ, wieħed ma jistax jistenna li l-Kunsill jikkunsidra raġunijiet, għażliet kummerċjali u l-politika interna ta’ kull impriża individwali meta jadotta miżuri ta’ interess ġenerali sabiex jiġi evitat li produzzjoni bla kontroll ta' iżoglukożju tippreġudika l-politika dwar iz-zokkor tal-Komunità.

31     Fl-aħħar nett, peress li r-rikorrenti ma utilizzatx il-kwota kollha li ġiet allokata lilha għall-perijodu li jikkorrispondi għas-sena tas-suq taz-zokkor, hija ma tistax tilmenta dwar limitazzjoni fil-possibilitajiet tagħha li tikkompeti minħabba din l-istess kwota.

 Dwar il-vjolazzjoni tar-rekwiżiti essenziali tal-proċedura

32     Ir-rikorrenti u l-Parlament, fl-intervent tagħhom, isostnu li, minħabba li r-Regolament Nru. 1111/77, fil-verżjoni emendata tiegħu, ġie adottat mill-Kunsill mingħajr ma ġiet irrispettata l-proċedura ta' konsultazzjoni prevista mill-Artikolu 43(2) tat-Trattat, dan għandu jitqies bħala null abbażi ta’ ksur tar-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura.

33     Il-konsultazzjoni prevista mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 43(2), kif inhu l-każ ta’ dispożizzjonijiet paralleli tat-Trattat, tikkostitwixxi l-mezz li jippermetti lill-Parlament jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess leġiżlattiv tal-Komunità. Din il-kompetenza tirrappreżenta element essenzjali fil-bilanċ istituzzjonali stabbilit fit-Trattat. Hija tirrifletti, għalkemm b'mod limitat, fuq il-livell tal-Komunità, prinċipju demokratiku fundamentali li l-popli għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva. Id-debita konsultazzjoni tal-Parlament fil-każijiet previsti fit-Trattat tikkostitwixxi formalità essenzjali li, jekk ma tiġix irrispettata, twassal għan-nullità tal-miżutra kkonċernata.

34     F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li r-rispett ta' dan ir-rekwiżit jimplika li l-Parlament ikun esprima l-opinjoni tiegħu. Dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi kkunsidrat li jiġi sodisfatt b’sempliċi talba mill-Kunsill għal opinjoni. Għalhekk il-Kunsill kellu tort meta, fost ir-riferimenti fil-preamblu tar-Regolament Nru. 1293/79, inkluda l-konsultazzjoni ta' l-Assemblea.

35     Il-Kunsill ma kkontestax li l-konsultazzjoni tal-Parlament hija rekwiżit essenzjali tal-proċedura. Madankollu, huwa jsostni li, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, il-Parlament, minħabba l-imġiba tiegħu stess, għamilha impossibili li dan l-imsemmi rekwiżit jiġi sodisfatt u għalhekk ma jistax jinvoka l-ksur ta' tali rekwiżit.

36     Bla ħsara għall-kwistjonijiet ta’ prinċipju mqajma minn dan l-argument tal-Kunsill, hu suffiċjenti li jiġi nnotat li, f'dan il-każ, fil-25 ta’ Ġunju 1979, id-data ta' l-adozzjoni, mill-Kunsill, tar-Regolament Nru. 1293/79 li emenda r-Regolament Nru. 1111/77, mingħajr l-opinjoni tal-Parlament, il-Kunsill ma kienx għadu eżawrixxa l-possibilitajiet kollha li jieħu l-opinjoni, minn qabel, tal-Parlament. L-ewwel nett, il-Kunsill ma talabx l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ urġenza prevista mir-regolament intern tal-Parlament minkejja li għamel użu, fl-istess żmien, minn din l-istess fakultà f’setturi oħra u fir-rigward ta' abbozzi oħra ta’ regolamenti. Barra minn dan, il-Kunsill seta’ għamel użu mill-possibbiltà li għandu, taħt l-Artikolu 139 tat-Trattat, li jitlob sessjoni straordinarja ta' l-Assemblea, u dan aktar u aktar minħabba li l-Uffiċċju tal-Parlament ġibed l-attenzjoni tiegħu għal din il-possibbiltà fl-1 ta’ Marzu u fl-10 ta’ Mejju 1979.

37     Minn dan jirriżulta li fin-nuqqas ta' opinjoni tal-Parlament skond l-Artikolu 43 tat-Trattat, ir-Regolament Nru. 1293/79 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru. 1111/77, għandu jiġi annullat bla ħsara għas-setgħa tal-Kunsill li, wara din is-sentenza, jieħu kull miżura xierqa skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 176 tat-Trattat.

 Fuq l-ispejjeż

38     Skond Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

39     La r-rikorrenti u lanqas il-partijiet intervenjenti ma talbu li l-Kunsill jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż. Minn dan jirriżulta li għalkemm il-Kunsill tilef, hemm lok li kull parti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-Regolament Nru. 1293/79 (ĠU L 162, p. 10, b'korriġendum fil-ĠU L 176, p. 37), li jemenda r-Regolament Nru. 1111/77 (ĠU L 134, p. 4), huwa annullat.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kutscher

Pescatore

Koopmans

Mertens de Wilmars

Mackenzie Stuart

O’Keeffe

Bosco

Touffait

Due

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 29 ta' Ottubru, 1980


A. Van Houtte

 

      H. Kutscher

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.