SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

21 ta' Frar 1991 (*)

"Kompetenza tal-qrati nazzjonali, fi proċedimenti għal miżuri provviżorji, li jissospendu l-eżekuzzjoni ta' miżura nazzjonali bbażata fuq Regolament Komunitarju – Validità tal-kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor."


Fil-kawżi magħquda C-143/88 u C-92/89

li għandhom bħala suġġett talbiet skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja) u mill-Finanzgericht Duesseldorf (Il-Ġermanja) għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi pendenti quddiem dawn l-qrati, bejn

Zuckerfabrik Süderdithmarschen AG

vs

Hauptzollamt Itzehoe

u bejn

Zuckerfabrik Soest GmbH

vs

Hauptzollamt Paderborn,

dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat (kawża C-143/88), kif ukoll dwar il-validità tar-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1914/87 tat-2 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1986/1987 (ĠU L 183, p.5) (kawżi C-143/88 u C-92/89).



IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn O. Due, President, G. F. Mancini, J. C. Moitinho de Almeida, G. C. Rodríguez Iglesias u M. Díez de Velasco, Presidenti ta' Awla, Sir Gordon Slynn, C. N. Kakouris, R. Joliet, F. A. Schockweiler, F. Grévisse u M. Zuleeg, Imħallfin

Avukat Ġenerali: C. O. Lenz,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur prinċipali

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet tal-31 ta' Marzu 1988, li wasal il-Qorti fl-20 ta' Mejju 1988, il-Finanzgericht Hamburg ippreżenta żewġ domandi għal deċiżjoni preliminari, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, dwar, minn naħa, il-kompetenza tal-qrati nazzjonali, fi proċedimenti għal miżuri provviżorji, li jissospendu l-eżekuzzjoni ta' miżura nazzjonali bbażata fuq Regolament Komunitarju, u, min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament tal-Kunsill datat 2 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1986/1987 (ĠU L 183, p. 5).

2       Din it-talba ġiet ipprezentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Zuckerfabrik Suderdithmarschen, soċjetà li timmanifattura z-zokkor, u Hauptzollamt Itzehoe (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta' Itzehoe). Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Ottubru 1987, il-Hauptzollamt Itzehoe ordna liz-Zuckerfabrik Suderdithmarschen iħallas is-somma ta' DM 1 982 942.66 bħala kontribut speċjali ta’ riassorbiment għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987.

3       L-għan ta’ l-imsemmi kontribut, li ġie introdott permezz tar-Regolament Nru 1914/87, iċċitat iktar 'il fuq, u li ġie adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat, huwa li jkun eliminat għal kollox it-telf imġarrab mill-Komunità fis-settur taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li testendi bejn l-1 ta' Lulju 1986 u t-30 ta' Ġunju 1987. Dan it-telf kien ġie pprovokat mir-rimborż għall-esportazzjoni partikolarment għoli, li l-Komunità kellha tiffinanzja matul l-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-eċċess tal-produzzjoni taz-zokkor fil-Komunità jista' jmur fil-pajjiżi terzi.

4       Zuckerfabrik Suederdithmarschen ressqet oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni ta' Hauptzollamt Itzehoe, iżda din l-oġġezzjoni ġiet miċħuda. Zuckerfabrik għalhekk ressqet quddiem il-Finanzgericht Hamburg talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni. Hija ressqet ukoll rikors għal annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni quddiem l-istess qorti. In sostenn ta’ dawn iż-żewġ azzjonijiet, Zuckerfabrik Suderdithmarschen allegat li r-Regolament Nru 1914/87, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Hauptzollamt, huwa invalidu.

5       Finanzgericht Hamburg laqgħet it-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Hauptzollamt Itzehoe u għamlet is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

1)      a) It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ġenerali tar-regolamenti fl-Istati Membri ma teskludix il-poter tal-qrati nazzjonali li jissospendu, provviżorjament, l-effetti ta’ att amministrattiv ibbażat fuq regolament, sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni fil-kawża prinċipali?

b) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda punt (a) tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet jistgħu l-qrati nazzjonali jadottaw provvedimenti proviżorji? Jeżistu xi kriterji skond id-dritt Komunitarju u jekk jeżistu liema huma? Jew tali provvedimenti jiddependu biss mil-liġi nazzjonali?

2)       Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1914/87 tat-2 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987, huwa validu? B'mod partikolari, dan ir-regolament huwa invalidu minħabba li jikser il-prinċipju ta’ non-retroattività tar-regolamenti li jimponu xi taxxi?

6       Permezz ta’ digriet ieħor, il-Finanzgericht Hamburg iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti dwar il-mertu, sakemm il-Qorti tippronunċja ruħha dwar iż-żewġ domandi għal deċiżjoni preliminari.

7       Barra minn hekk, b’digriet ta' 19 ta’ Ottubru 1988, li wasal il-Qorti fl-20 ta’ Marzu 1989, il-Finanzgericht Dusseldorf ressaq lill-Qorti, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, ħames domandi għal deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw ukoll il-validità ta’ l-istess Regolament tal-Kunsill Nru 1914/87.

8       Dawn il-ħames domandi tqajmu waqt il-proċedimenti bejn Zuckerfabrik Soest GmbH, li hija wkoll produttur taz-zokkor, u l-Hauptzollamt Paderborn (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta' Paderborn). B’deċiżjoni ta' l-20 ta' Ottubru 1987, il-Hauptzollamt Paderborn eżiġa li Zuckerfabrik Soest tħallas is-somma ta' DM 1 675 013.71 bħala l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment, iċċitat iktar 'il fuq.

9       Zuckerfabrik Soest ressqet oġġezzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni, iżda din l-oġġezzjoni ġiet miċħuda. Zuckerfabrik Soest għalhekk talbet lill-Finanzgericht Dusseldorf is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Hauptzollamt Paderborn. Hi ppreżentat ukoll rikors għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni quddiem l-istess qorti. In sostenn ta’ din it-talba u ta’ dan ir-rikors, Zuckerfabrik Soest, kif għamlet Zuckerfabrik Suderdithmarschen fil-proċeduri l-oħra, allegat li r-regolament li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Hauptzollamt Paderborn, huwa invalidu.

10     B'digriet ta' l-10 ta' Frar 1988, il-Finanzgericht Dusseldorf, sommarjament, laqgħet it-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Hauptzollamt Paderborn minħabba li tqajmu dubji serji dwar il-validità tar-regolament li stabbilixxa il-kontribut speċjali ta’ riassorbiment.

11     B’digriet tad-19 ta' Ottubru 1988, l-istess Finanzgericht, issospendiet l-proċedimenti fuq il-merti, u għamlet is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

"1)       Ir-regolament Nru 1914/87 li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987 (ĠU L 183 tat-3/7/1987, p. 5), huwa invalidu minħabba li l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment jikkostitwixxi taxxa ta' finanzjament li tista' tiġi introdotta biss fuq il-bażi ta' l-Artikolu 201 tat-Trattat KEE?

 Sussidjarjament,

2)       L-introduzzjoni tal-kontribut speċjali ta’ riassorbiment permezz tar-Regolament Nru 1914/87 tal-Kunsill għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987, hija kompatibbli mal-limitazzjoni ta’ l-autofinanzjament provdut fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1785/81 kif ukoll mal-prinċipju tan-nuqqas ta' ndħil fis-sistema legali tal-Komunità?

Sussidjarjament,

3)       L-introduzzjoni ta’ kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987, hija kompatibbli mal-projbizzjoni li settur ta’ l-ekonomija jkun soġġett għal riskji li, fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni tas-suq, jikkostitwixxu riskji estranji, kif ukoll mal-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ piżijiet finanzjarji sproporzjonati?

 Sussidjarjament,

4)       L-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 1914/87 li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987, jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (Artikolu 40, paragrafu 3, subinċiż 2) minħabba li tiġi imposta fuq zokkor B taxxa li hija konsiderevolment ogħla minn dik fuq zokkor A?

 Sussidjarjament,

5)       Ir-regolament Nru 1914/87 li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor 1986/1987, jikkostitwixxi ksur, fil-kundizjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, tal-prinċipji ta' drittijiet fundamentali li japplikaw skond id-dritt Komunitarju, jiġifieri tad-dritt għal proprjetà u tad-dritt ta’ l-eżerċizzju liberu ta' l-attivitajiet ekonomiċi, meta l-imsemmija attivitajiet ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati aktar mill-profitti magħmula iżda biss mir-riservi u li għalhekk, il-proprja eżistenza ta’ l-intrapriżi kkonċernati qed tiġi mhedda?

12     Għal spjegazzjoni aktar ampja tal-fatti taż-żewġ kawżi prinċipali, tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni kif ukoll ta’ l-iżvolġiment taż-żewġ proċeduri u ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti, wieħed għandu jara r-rapport tas-smigħ tal-kawża. Dawn l-elementi tal-proċess huma msemmija u diskussi hawn taħt biss safejn huwa neċessarju għar-raġunament tal-Qorti.

13     Minħabba x-xebh tas-suġġett u l-konnessjoni bejn iż-żewġ kawżi, ikkonfermati waqt it-trattazzjoni orali, hemm lok li, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, li ż-żewġ kawżi jiġu magħquda flimkien għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq il-kwistjoni ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' miżura nazzjonali bbażat fuq Regolament Komunitarju

 Fuq il-prinċipju

14     L-ewwelnett il-Finanzgericht Hamburg jistaqsi, fis-sustanza, jekk it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li jeskludi l-poter tal-qrati nazzjonali li jissospendu l-eżekuzzjoni ta' miżura amministrattiva nazzjonali adottata fuq il-bażi ta' Regolament Komunitarju.

15     In sostenn tat-teżi li din il-kompetenza teżisti, il-Finanzgericht Hamburg jikkonstata li t-tali miżura ma tipprovdix għajr għad-differiment ta' implementazzjoni eventwali ta' deċiżjoni nazzjonali u ma tikkontestax il-validità tar-Regolament Komunitarju. Madanakollu, bħala spjegazzjoni tal-motivazzjoni tad-domanda tiegħu, huwa jirrileva, fil-konfront ta’ tali kompetenza tal-qrati nazzjonali, li l-għoti ta’ tali sospensjoni, li l-effetti tagħha jista' jkollhom portata konsiderevoli, tista' timpedixxi l-effikaċja sħiħa tar-regolamenti fl-Istati membri kollha, u dan bi ksur tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat.

16     L-ewwelnett għandu jiġi enfasizzat li d-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat, ma jistgħux jimpedixxu l-protezzjoni legali li tipprovdi l-liġi Komunitarja lill-inidvidwi. Fejn l-implementazzjoni amministrattiva ta’ Regolamenti Komunitarji hija r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali, il-protezzjoni legali garantita mil-Liġi Komunitarja tinkludi d-dritt ta’ l-individwi li jikkontestaw, b'mod preliminari, il-legalità ta’ tali regolamenti quddiem il-qrati nazzjonali u li jikkonvinċu lill-imsemmija qrati sabiex iressqu domandi għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti.

17     Tali dritt ikun kompromess jekk, sakemm tingħata s-sentenza mill-Qorti li waħedha għandha l-kompetenza li tikkonstata l-invalidità ta’ Regolament Komunitarju (ara sentenza tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto-Frost, punt 20, kawża 314/85, Ġabra p. 4189), l-individwu ma jkunx f'pożizzjoni li, fejn ġew sodisfatti ċerti kondizzjonijiet, jottjeni deċiżjoni li tordna s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni li tipparalizza, f’dak li jikkonċerna lilu, l-effetti tar-regolament ikkontestat.

18     Hekk kif sostniet il-Qorti fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto-Frost, iċċitat iktar 'il fuq (punt 16), talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxi, bl-istess mod bħal rikors għal annullament, strument ta’ kontroll fuq il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament, l-Artikolu 185 tat-Trattat KEE jagħti lill-parti rikorrenti l-fakultà li titlob is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat u jagħti lill-Qorti s-setgħa li tordna tali sospensjoni. Il-koerenza tas-sistema ta' protezzjoni provviżorja teżiġi għalhekk li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw sospensjoni ta' eżekuzzjoni ta' att amministrattiv nazzjonali bbażat fuq regolament Komunitarju li l-legalità tiegħu qed tiġi kkontestata.

19     Barra minn hekk, fis-sentenza tad-19 ta' Ġunju 1990, Factortame (C-213/89, Ġabra p. I-2433), mogħtija f'kawża li kienet tirrigwarda l-kompatibilità ta' liġi nazzjonali mal-liġi Komunitarja, il-Qorti irriteniet, b'referenza għall-effett utli ta' l-Artikolu 177, li l-qorti nazzjonali li kienet ressqet lilha talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni sabiex tkun tista' tagħti deċiżjoni dwar il-punt ta' kompatibiltà in kwistjoni, kellu jkollha l-possibilità li tordna miżuri proviżorji, u li tissospendi l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali kkontestata, sakemm hija tagħti s-sentenza fuq il-bażi ta’ l-interpretazzjoni mogħtija skond l-Artikolu 177.

20     Il-protezzjoni provviżorja ggarantita mil-liġi Komunitarja għall-individwi quddiem il-qrati nazzjonali ma għandhiex tvarja, u dan irrispettivament minn jekk dawn humiex qed jikkontestaw il-kompatibbilità ta' dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali mal-liġi Komunitarja jew il-validità ta’ atti tal-liġi Komunitarja sussidjarja, peress illi, fiż-żewġ każijiet, il-kontestazzjoni hija bbażata fuq il-liġi Komunitarja nnifisha.

21     Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet suesposti, it-tweġiba għall-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda għandha għalhekk tkun illi l-Artikolu 189 tat-Trattat għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jeskludix il-poter tal-qrati nazzjonali li jissospendu l-eżekuzzjoni ta' att amministrattiv nazzjonali adottat fuq il-bażi ta' regolament Komunitarju.

 Fuq il-kondizzjonijiet meħtieġa għal sospensjoni

22     Il-Finanzgericht Hamburg ikompli jistaqsi taħt liema kondizzjonijiet jistgħu l-qrati nazzjonali jordnaw is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' att amministrattiv nazzjonali bbażat fuq regolament Komunitarju minħabba d-dubji li jista' jkollhom rigward il-validità ta' l-imsemmi regolament.

23     L-ewwelnett għandu jiġi osservat li miżuri ta' sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' att ikkontestat jistgħu jiġu adottati biss jekk iċ-cirkostanzi fattwali u legali invokati mir-rikorrenti jkunu tali li jikkonvinċu l-qorti nazzjonali li jeżistu dubji serji rigward il-validità tar-regolament Komunitarju li fuqu huwa bbażat l-att amministrattiv kkontestat. Hija biss il-possibbiltà li tkun ikkonstatata l’invalidità, prerogattiva rriservata lill-Qorti, li tista' tiġġustifika miżura ta' sospensjoni.

24     Jeħtieġ li jingħad sussegwentement li s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni għandha żżomm in-natura provviżorja tagħha. Il-qorti nazzjonali tista' għalhekk tordna s-sospensjoni provviżorja biss sakemm il-Qorti tkun tat deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-validità. Konsegwentement, jiddipendi mill-qorti nazzjonali, f’każ li l-kwistjoni tkun għadha ma tresqitx quddiem il-Qorti, li tirriferi l-istess domanda hija stess, filwaqt li tispjega l-motivi ta’ l-invalidità li jidrilha li huma fondati.

25     Rigward il-kundizzjonijiet l-oħra relattivi għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-atti amministrattivi, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli ta' proċedura tal-qrati huma stabbiliti permezz tal-liġijiet nazzjonali u li dawn il-kundizzjonijiet jipproduċu diverġenzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni, liema diverġenzi jistgħu jikkompromettu l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja.

26     Issa, tali applikazzjoni uniformi tikkostitwixxi esiġenza fondamentali tas-sistema legali Komunitarja; hija timplika allura li s-sospensjoni ta' eżekuzzjoni ta' atti amministrattivi bbażati fuq regolament Komunitarju, filwaqt li hija regolata mir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-introduzzjoni u l-eżami tat-talba, għandha fl-Istati Membri kollha tkun assoġgettata, għal ta’ l-anqas, għal kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-għoti ta’ sospensjoni li jkunu uniformi.

27     Peress illi s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jordnaw tali sospensjoni tikkorrispondi mal-kompetenza riżervata għall-Qorti skond l-Artikolu 185 fil-kuntest tar-rikorsi mressqa skond l-Artikolu 173, jeħtieġ li l-imsemmija qrati jordnaw is-sopensjoni biss taħt il-kundizzjonijet previsti għat-talbiet għal proċedura sommarja magħmula lill-Qorti.

28     F'dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti li miżuri ta' sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' att ikkontestat jistgħu jittieħdu biss f'każ ta' urġenza, fi kliem ieħor, f’każ li jkun neċessarju li jiġu adottati u jkunu viġenti sa minn qabel ma tingħata deċiżjoni dwar il-mertu, sabiex ikun evitat dannu serju u irreperabbli għall-parti li qed titlob dawn il-miżuri.

29     Rigward il-kwistjoni ta' urġenza, għandu jkun ippreċiżat li d-dannu invokat mir-rikorrenti għandu jkun suxxettibbli li jiġi mmaterjalizzat qabel ma l-Qorti tkun tista' tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ l-att Komunitarju kkontestat. Rigward in-natura tad-dannu, hekk kif ikkonstatat il-Qorti diversi drabi, dannu ta' natura purament finanzjarja ma jistax, fil-prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli. Madanakollu, hija l-qorti nazzjonali li quddiema inġiebet it-talba għall-proċeduri sommarji li għandha teżamina ċ-ċirkostanzi li huma partikolari għall-kawża li hemm quddiemha. F'dan ir-rigward, hija għandha tikkonsidra l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni immedjata ta’ l-att li jikkostitwixxi s-suġġett tat-talba ta’ sospensjoni tkunx ta’ natura li twassal għal dannu irriversibbli fil-konfront tar-rikorrenti li ma jkunx jista' jiġi rreparat f’każ li l-att Komunitarju jiġi ddikjarat bħala invalidu.

30     Għandu jkun osservat ukoll li l-qorti nazzjonali li hija mitluba li tapplika, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, id-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ tal-liġi Komunitarja u għaldaqstant, f’każ ta’ dubju rigward l-validità tar-regolamenti Komunitarji, li tqis l-interess tal-Komunità, sabiex tali regolamenti ma jiġux esklużi mingħajr garanziji serji.

31     Sabiex twettaq tali obbligu, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet talba għal sospensjoni, għandha l-ewwel u qabel kollox tivverifika jekk l-att Komunitarju in kwistjoni jkunx imċaħħad mill-effett utli tiegħu jekk dan ma jkunx adottat fil-pront.

32     Meta jkun hemm il-probabbiltà li s-sospensjoni ta' eżekuzzjoni tinvolvi riskju finanzjarju għall-Komunità, il-qorti nazzjonali, mill-banda l-oħra, għandha tkun tista' teżiġi mir-rikorrenti li tipprovdi garanziji suffiċjenti, bħal per eżempju l-ħlas ta’ kawzjoni jew li jsir sekwestru kawtelatorju.

33     Jirrizulta mill-konsiderazzjonijiet suesposti li t-tweġiba għat-tieni parti ta’ l-ewwel domanda magħmula mill-Finanzgericht Hamburg għandha tkun li s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' att nazzjonali adottat permezz ta’ implementazzjoni ta' regolament Komunitarju ma jistax ikun ordnat minn qorti nazzjonali, ħlief:

–       jekk l-imsemmija qorti għandha dubji serji dwar il-validità ta’ l-att Komunitarju u f’każ li ma tressqitx quddiem il-Qorti l-kwistjoni tal-validità ta’ l-att ikkontestat, hija ressqet din it-talba lill-Qorti;

–       f’każ ta' urġenza u jekk ir-rikorrenti jkun mhedded minn dannu serju u irreperabbli;

–       jekk tali qorti tqis, hekk kif suppost, l-interessi tal-Komunità.

 Fuq il-Validità

34     Il-Finanzgericht Hamburg qajjem dubju dwar il-validità tar-regolament Nru 1914/87, iċċitat iktar 'il fuq, minħabba li jmur kontra l-prinċipju ta' non-retroattività u konsegwentement jonqos milli jimxi skond il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

35     Il-Finanzgericht Dusseldorf, min-naħa tiegħu, esprima dubji dwar il-validità ta’ l-imsemmi regolament billi ressaq ħames domandi li jirrilevaw għadd ta' ilmenti rigward il-bażi legali tajba għall-introduzzjoni tal-kontribut speċjali ta’ riassorbiment, il-kompatibilità ta’ l-imsemmi Regolament mar-Regolament ta' bażi tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4), il-ksur tal-prinċipju tal-projbizzjoni li settur ta’ l-ekonomija jkun assoġġettat għal riskji finanzjarji mhux raġonevoli u li huma estranji għalih, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji tal-ħarsien tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-eżerċizzju liberu ta' attivitajiet professjonali.

36     Peress illi d-domandi imressqa lill-Qorti f'dawn iż-żewġ kawżi jikkostitwixxu sempliċement perspettivi differenti li minnhom l-istess att legali huwa assoġġettat għall-kritika, dawn jistgħu għaldaqstant jiġu kkunsidrati flimkien.

 Fuq l-ilment rigward il-ksur tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 201 tat-Trattat KEE

37     Il-Finanzgericht Dusseldorf tirritjeni essenzalment li sabiex kontribut ikun jista' jiġi adottat abbażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat KEE, fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, l-iskop tiegħu għandu jkun li jirregola s-suq in kwistjoni. Issa, tali miżura tista' tikkonċerna biss il-present jew il-futur. Dan mhux il-każ tal-kontribut speċjali ta’ riassorbiment, stante illi l-iskop tiegħu hu li jelimina telfiet mġarrbin matul sena ta' kummerċjalizzazzjoni preċedenti. Barra minn hekk, huma biss il-produtturi taz-zokkor li jkunu tenuti li jħallsu dan il-kontribut, filwaqt li miżura intiża sabiex tirregola s-suq għandha l-ewwel u qabel kollox taffettwa l-manufatturi tal-pitrava ħelwa. Skond il-Finanzgericht Dusseldorf, il-kontribut ikkontestat għandu għalhekk in-natura ta' taxxa ta' finanzjament li setgħet biss tiġi validament stabbilita skond l-Artikolu 201 tat-Trattat.

38     Sabiex tingħata risposta rigward tali lment, għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 85/257/KEE tas-7 ta' Mejju 1985, dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunità (ĠU L 128. p. 15), li kienet fis-seħħ meta ġie adottat ir-regolament ikkontestat, jiddistingwixxi, bejn, minn naħa, "kontributi u drittijiet oħra previsti fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor" li diġà jikkostitwixxu riżorsi proprji, u, min-naħa l-oħra,"dħul li jirriżulta minn taxxi oħra introdotti fil-kuntest ta' politika komuni", skond id-disposizzjonijiet tat-Trattati. L-imsemmi dħul jikkostitwixxi riżorsi proprji biss sakemm il-proċedura preskritta mill-Artikolu 201 tat-Trattat KEE u d-disposizzjonijiet korrispondenti fit-Trattati bażiċi l-oħra, tiġi sodisfatta

39     .

40     Minħabba l-iżviluppi li ma setgħux jonqsu milli jiġru fil-produzzjoni u s-suq Komunitarju taz-zokkor, id-deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 1985, iċċitat iktar 'il fuq, ma setgħetx tfisser, fit-tieni Artikolu tagħha, l-ewwel subparagrafu (a), li d-deċiżjoni għandha tapplika biss għal dawk il-kontributi li kienu previsti meta din ġiet adottata, jiġifieri l-kontributi li dak iż-żmien kienu ffissati permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1785/81, iċċitat iktar 'il fuq (hawn aktar ’l isfel imsejjaħ 'ir-regolament bażiku'). Billi l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment huwa tali li jikkumplimenta dawk il-kontributi diġà eżistenti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 1985, dan għandu jiġi inkluż mal-"kontributi u drittijiet oħra previsti fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor" skond l-imsemmija deċiżjoni.

41     Fiċ-ċirkostanzi kollha, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif il-Qorti diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum, (fil-kawża Nru 108/81, Ġabra p. 3107), rigward id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 1970, relattiva għas-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ l-Istati Membri mir-riżorsi proprji tal-Komunità (ĠU L 94, p. 19), id-deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 1985, bħala miżura ta' liġi dwar il-budget, għandha l-għan li tiddefinixxi r-riżorsi proprji allokati lill-budget tal-Komunitajiet, u mhux li tispeċifika dawk l-istituzzjonijiet tal-Komunità li għandhom il-kompetenza li jistitwixxu imposti, taxxi, levies, kontributi u forom oħra ta' dħul.

42     Jirriżulta għaldaqstant li ma kienx f’loku li tkun invokata l-proċedura provduta fl-Artikolu 201 sabiex tkun adottata miżura, bħal per eżempju l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment provdut fir-Regolament Nru 1914/87, anki jekk din il-miżura kellha l-karattru ta' taxxa ta' finanzjament.

43     Il-punt dwar jekk l-Artikolu 43 tat-Trattat KEE jistax iservi ta' bażi legali għall-introduzzjoni ta' kontribut intiż li jimponi operazzjonijiet ekonomiċi li diġà spiċċaw hu identiku għall-punt dwar jekk kontribut jistax jiġi introdott b'effett retroattiv bis-saħħa ta’ dan l-istess Artikolu. Dan l-aggravju għalhekk jingħaqad ma' dak rigward in-nuqqas ta' osservazzjoni tal-prinċipju ta' non-retroattività, li se jiġi eżaminat sussegwentement.

 Fuq l-ilment rigward il-kompatibilità tar-Regolament Nru 1914/87 mar-Regolament ta' bażi

44     Il-Finanzgericht Dusseldorf, b'referenza għas-sentenza tal-Qorti tad-29 ta' Marzu 1979, NTN Toyo Bearing Company (kawża Nru 113/77, Ġabra p. 1185), tirritjeni li, la darba l-Kunsill, permezz ta’ l-Artikolu 28 tar-Regolament ta' bażi, illimita l-ammont ta’ kontributi li l-produtturi taz-zokkor huma mitluba li jħallsu, dan kellu l-għan li jeskludi l-introduzzjoni, permezz ta' regolament ieħor ibbażat direttament fuq l-Artikolu 43 tat-Trattat, ta’ kontribut illi jeċċedi il-persentaġġ massimu msemmi.

45     Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li kemm ir-Regolament ta' bażi kif ukoll ir-Regolament ikkontestat Nru 1914/87 ġew adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1914/87 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala regolament li jimplementa r-Regolament ta' bażi, kif kien il-każ tar-regolament ikkritikat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tas-16 ta' Ġunju 1987, Romkes (kawża Nru 46/86, Ġabra p. 2671).

46     Il-Kunsill jista' jemenda, jikkompleta jew jabbroga Regolament ta' bażi adottat skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 43 tat-Trattat KEE, bil-kondizzjoni li d-dispożizzjonijiet li jemendu, jikkomplimentaw jew jabbrogaw l-imsemmi regolament jiġu adottati skond l-istess proċedura, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu inklużi fir-Regolament ta' bażi.

47     Fil-każ in eżami, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tad-29 ta' Marzu 1979, NTN Toyo Bearing Company, iċċitat iktar 'il fuq. F’din il-kawża, il-Kunsill, wara li adotta regolament ġenerali bil-għan li jimplementa wieħed mill-objettivi elenkati fl-Artikolu 113 tat-Trattat, idderoga r-regoli hekk stabbiliti, f'regolament ta' implementazzjoni intiż li jindirizza kawża partikolari.

48     F'dawn ċ-ċirkostanzi, jeħtieġ li jkun ikkunsidrat li r-Regolament ta' bażi ma kienx jipprojbixxi lill-Kunsill li jadotta r-Regolament Nru 1914/87, peress illi dan kien sar in konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-Trattat.

 Fuq l-ilment rigward il-ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività

49     Il-Finanzgericht Hamburg, bħall-Finanzgericht Dusseldorf, jirritjeni li r-Regolament Nru 1914/87 imur kontra l-prinċipju ta' non-retroattività minħabba l-fatt li ġie adottat fit-2 ta' Lulju 1987, jiġifieri, wara t-tmiem tas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 1986/1987, li ntemmet fit-30 ta' Ġunju 1987. Tali regolament kellu l-għan li jelimina t-telf mġarrab f'din is-sena. Dan ir-regolament għalhekk jabbina l-ħlas tal-kontribut ma' ġrajjiet li seħħew fil-passat, jiġifieri l-produzzjoni taz-zokkor matul l-imsemmija sena ta' kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-fehma tal-qrati nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi taz-zokkor ma ġewx rispettati, peress illi kien ikollhom raġun li jippretendu li l-kontributi previsti mir-Regolament ta' bażi ma jiżdidux u, jekk fil-fatt jiżdiedu, tali kontributi ikunu jistgħu jiġu mgħoddija fis-sħiħ lill-produtturi tal-pitrava ħelwa.

50     Il-Qorti diġà kkonstatat, partikolarment permezz tas-sentenza tagħha tal-25 ta' Jannar 1979, Racke (kawża Nru 98/78, Ġabra, p. 69), Decker (kawża Nru 99/78, Ġabra p. 101), u tat-30 ta' Settembru 1982, Amylum (kawża Nru 108/81, iċċitat iktar 'il fuqa), li għalkemm hija regola ġenerali li l-prinċipju ta' ċertezza legali jipprekludi miżura Komunitarja milli tidħol fis-seħħ f'data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tagħha, jista' jkun il-każ oppost, f'każijiet eċċezzjonali, meta l-objettiv imfittex hekk jesiġi u meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati jkunu debitament rispettati.

51     F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ewwel waħda miż-żewġ kondizzjonijiet, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti punti fattwali u legali. L-eċċessi li jirriżultaw mir-relazzjoni bejn il-produzzjoni u l-konsum taz-zokkor fil-Komunità għandhom jitpoġġew fis-swieq tal-pajjiżi terzi. Id-differenza bejn il-kwoti jew il-prezzijiet fis-suq mondjali u l-prezzijiet fil-Komunità hija koperta mir-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni. Ir-Regolament ta' bażi pprovda li l-ispejjeż finanzjarji riżultanti kellhom ikunu mħallsa kollha mill-istess produtturi.

52     Bil-għan li jirrifletti kemm jista' jkun mill-qrib ir-realtà ekonomika u b'hekk iwassal għall-istabbilizzazzjoni tas-suq, li hu wieħed mill-objettivi ta' l-Artikolu 39 tat-Trattat, l-Artikolu 28 tar-Regolament ta' bażi pprovda fil-prinċipju li dawn il-kontributi jkunu dovuti qabel it-tmiem ta' kull sena ta' kummerċjalizzazzjoni u, konsegwentement, ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta' telfiet normalment prevedibbli għar-rigward ta’ l-obbligi marbuta ma’ l-esportazzjoni matul is-sena in kwistjoni.

53     Madankollu, l-influwenza ta' ċerti avvenimenti eċċezzjonali, bħal, fil-każ in eżami, l-iżvalutar qawwi tad-dollaru u l-iżvalutar tal-kwoti dinjija taz-zokkor, li t-tnejn li huma seħħew matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni in kwistjoni, setgħu ma ġewx previsti bi preċiżjoni suffiċjenti meta ġew stabbiliti l-kontributi. F'dan il-każ, ikun leġittimu li l-kontributi li jridu jitħallsu mill-produtturi jiġu stabbiliti biss wara li jiġu determinati l-effetti kollha ta’ tali avvenimenti, u, eventwalment, wara t-tmiem tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li matulha seħħew.

54     Kieku, wara li stabbilixxa t-telfiet kollha li ġew imġarrba matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987, il-Kunsill naqas li jadotta miżuri biex jiġu integrati l-kontributi diġà mħallsa mill-produtturi, l-objettiv imfittex minnu, jiġifieri l-istabbilizzazzjoni tas-suq taz-zokkor fl-interess komuni, partikolarment permezz ta' rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni, ma kienx ikun jista’ jintlaħaq jekk mhux billi jagħmel tajjeb il-budget Komunitarju, filwaqt li l-iffinanzjar totali min-naħa tal-produtturi jikkostitwixxi prinċipju ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

55     Il-Kunsill seta', għalhekk, jikkunsidra li l-objettiv imfittex fl-interess komuni, jiġifieri l-istabbilizzazzjoni tas-suq taz-zokkor fil-Komunità, kien jesiġi li r-regolament ikkontestat japplika għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987. Konsegwentement, l-ewwel waħda mill-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikabilità ta' att Komunitarju f'data anterjuri għall-pubblikazzjoni tiegħu tista' titqies bħala li ġiet sodisfatta.

56     Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tieni waħda mill-kondizzjonijiet iċċitat iktar 'il fuq gietx ukoll sodisfatta, jeħtieġ li jiġi verifikat jekk l-azzjoni tal-Kunsill ivvjolatx l-aspettattivi leġittimi li kellhom il-persuni kkonċernati fil-limitu massimu tal-kontributi ffissat permezz tar-Regolament ta' bażi u li ġew delużi in segwitu għall-pubblikazzjoni tar-regolament Nru 1914/87, fit-2 ta' Lulju 1987.

57     Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali m'humiex intitolati li jinvokaw aspettattiva leġittima li hija denja ta' protezzjoni.

58     L-ewwelnett, fil-fatt, il-produtturi taz-zokkor ġew infurmati, permezz tal-premessa numru ħdax tar-Regolament ta' bażi, li l-ispejjeż tal-bejgħ ta’ l-eċċessi, li rriżultaw mir-relazzjoni bejn il-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità, kellhom jiġu kollha koperti minnhom.

59     It-tieninett, il-Kummissjoni kienet ippubblikat, fid-9 ta' Settembru 1986, estimi, taħt referenza VI PC 2 - 408, li rrilevaw b'mod ċar il-possibbiltà ta' bilanċ negattiv għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987.

60     It-tieletnett, permezz tal-pubblikazzjoni tal-proposta fil-Ġurnal Uffiċjali tat-3 ta' April 1987 (ĠU C 89, p. 18), jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni, il-produtturi taz-zokkor kienu konxji mill-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għar-regolament intiż li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987, proposta li sussegwentement ġiet inkorporata fir-regolament ikkontestat Nru 1914/87.

61     Jirriżulta għalhekk li l-ilment rigward in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tan-non-retroattività ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq l-ilment rigward il-projbizzjoni li l-ekonomija tkun esposta għal riskji estranji għall-organizzazzjoni tas-suq applikabbli għal dak is-settur, jew għal piżijiet finanzjarji li m’humiex raġunevoli.

62     Il-Finanzgericht Dusseldorf jemmen li l-perturbazzjonijiet fis-suq li jistgħu jkunu rimedjati permezz ta' miżuri adottati fil-kuntest ta' organizzazzjonijiet komuni tas-swieq huma dawk li jistgħu jiġu attribwiti għal raġunijiet eżistenti fi ħdan is-suq imsemmi. Fl-organizzazzjonijiet ta' swieq għajr is-suq taz-zokkor, ir-riskji li jirriżultaw minn waqa’ ta' kwoti tas-swieq dinjija, kif ukoll l-iżvalutar tad-dollaru, jiġu ffinanzjati esklussivament mill-EAGGF. Dan juri li l-leġislatur jikkonsidra tali riskji bħala li jaqgħu 'l barra mill-kontroll ta’ l-operaturi ekonomiċi, u li għalhekk dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux ikunu mġiegħla jbatuhom.

63     L-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ li jingħad li huwa minnu li tali riskji jiġu spiss iffinanzjati mill-EAGGF. Madankollu, dan mhux preskritt mit-Trattat, li jawtorizza, fl-Artikolu 40(4), it-twaqqif ta' tali fond, mingħajr ma jesiġi li dan jipparteċipa f'kull miżura rigward l-organizzazzjoni tas-suq. Jekk is-settur taz-zokkor huwa l-uniku wieħed assoġġettat għall-prinċipju ta' awtofinanzjament, ir-raġuni għal dan hija, hekk kif spjega l-Kunsill fit-tweġiba għal mistoqsija li ressqitlu l-Qorti, li l-produtturi fis-setturi agrikoli l-oħra jgawdu minn inqas prezzijiet iggarantiti, fatt li jiġġustifika għaliex huma m’għandhomx ikunu assoġġettati għall-iffinanzjar.

64     Huwa opportun li jingħad, imbagħad, li l-produtturi taz-zokkor tal-Komunità, permezz tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandhom aċċess għas-suq dinji sabiex jiddisponu minn parti mill-produzzjoni tagħhom. Huwa fid-dawl ta’ l-imsemmi suq dinji li għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji li l-produtturi jiffaċċjaw. Issa, ċirkostanzi bħal eċċess fil-produzzjoni taz-zokkor jew id-differenzi fir-rati tal-kambju bejn muniti Ewropej u d-dollaru huma ta’ natura li jkollhom effett fuq il-provvista u d-domanda u, b’konsegwenza ta’ dan, fuq il-prezz ta’ dan il-prodott. Ir-riskji marbuta ma' dawn il-fatturi għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala estranji għas-suq ikkonċernat.

65     Mill-banda l-oħra, il-kontribut speċjali ta’ riassorbiment bl-ebda mod ma jimponi piżijiet finanzjarji mhux raġonevoli fuq il-produtturi taz-zokkor. Fil-fatt, minn banda, dan jikkostitwixxi korrispettiv għall-vantaġġi li jirriżultaw favur tagħhom mill-opportunità li jibbenefikaw mir-rifużjoni ta' esportazzjoni sabiex jiddisponu mill-kwantitajiet prodotti li jeċċedu l-livell ta' konsum tal-Komunità. Mill-banda l-oħra, il-produtturi taz-zokkor, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1914/87, jistgħu jesiġu mill-bejjiegħa tal-pitrava ħelwa jew tal-kannamiela prodotti fil-Komunità, rimborż tal-parti l-kbira tal-kontribut in kwistjoni.

66     Fid-dawl tal-konsiderazzjoniiet suesposti, l-ilment imressaq mill-qorti nazzjonali ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq l-ilment rigward diskriminazzjoni

67     Il-Finanzgericht Dusseldorf jara li teżisti diskriminazzjoni, projbita skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 40(3) tat-Trattat, fil-fatt li l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment jaffettwa l-produtturi taz-zokkor B b'mod iktar qawwi mill-produtturi taz-zokkor A, għalkemm huwa l-istess prodott fiż-żewġ każijiet.

68     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-Regolament ta' bażi jiffissa, għal kull sena ta' kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor u għal kull reġjun ta' produzzjoni, kwantità bażika A u kwantità bażika B. L-Istati Membri jallokaw il-kwantità bażika A lill-intrapriżi fil-forma ta' kwoti A u l-kwantità bażika B fil-forma ta' kwoti B. Il-kumpless ta' kwoti A allokata għal sena ta' kummerċjalizzazzjoni partikolari jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-konsum uman taz-zokkor fil-Komunità matul dik is-sena. Iz-zokkor prodott fil-limiti tal-kwoti A u B (zokkor A u zokkor B rispettivament) jista' jiġi kkumerċjalizzat liberament fi ħdan il-Komunità; il-prezzijiet u l-bejgħ huma ggarantiti permezz tas-sistema ta' intervenzjoni. Iz-zokkor jista' jiġi wkoll esportat lill-pajjiżi terzi u, skond il-bżonn, bl-għajnuna tar-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni. Fl-aħħarnett, iz-zokkor kollu li intrapriża tipproduċi li jkun iktar mill-kwoti A u B (imsejjaħ zokkor Ċ) jista' jiġi kkummerċjalizzat biss fil-pajjiżi terzi u ma jibbenifikax mir-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni.

69     Jirriżulta minn din is-sistema li kwalunkwe intrapriża li tipproduċi 'l fuq mill-kwoti A allokati lilha, jiġifieri, 'il fuq mis-sehem tagħha fil-produzzjoni taz-zokkor intiża għall-konsum fil-Komunità, neċessarjament tipproduċi eċċessi li, normalment, jistgħu jiġu esportati biss lejn pajjiżi terzi.

70     Issa, hekk kif intqal preċedentement, l-objettiv tal-kontribut speċjali ta’ riassorbiment huwa l-eliminazzjoni tat-telfiet eċċezzjonali kkawżati mill-għoti ta' rifużjonijiet ta' esportazzjoni konsiderevoli, intiżi li jħeġġu l-bejgħ ta’ l-eċċessi tal-produzzjoni Komunitarja fis-swieq tal-pajjiżi terzi.

71     Kien għaldaqstant iġġustifikat li kontributi proporzjonalment ogħla kellhom jiġu imposti fuq iz-zokkor prodott 'il fuq mill-kwota A.

72     Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 40(3) għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment rigward ksur tad-dritt għal proprjetà u tad-dritt ta’ l-eżerċizzju liberu ta’ l-attivitajiet ekonomiċi

73     Il-Finanzgericht Dusseldorf jirritjeni li d-dritt fundamentali għal proprjetà u dritt ta’ l-eżerċizzju liberu ta' attivitajiet ekonomiċi huma affettwati b'mod negattiv u illeċitu meta intrapriża ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas, mill-qliegħ normali rreġistrat matul sena ta' kummerċjalizzazzjoni, il-kontributi suċċessivi li ġew akkumulati matul dik is-sena u meta ssib ruħha kostretta li tirrikorri għar-riservi tagħha li jikkostitwixxu s-sustanza ekonomika tagħha.

74     F'dan ir-rigward, wieħed għandu jfakkar illi l-Qorti diġà rrikonoxxiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1989, Schrader, punt 15, kawża Nru 265/87, Ġabra p. 2237) li restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti fuq id-dritt għal proprjetà u dritt ta’ l-eżerċizzju liberu ta' attività professjonali, partikolarment fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-suq, bil-kundizzjoni li l-imsemmija restrizzjonijiet fil-fatt huma konformi ma’ l-objettivi ta' interess ġenerali mfittxa mill-Komunità u li ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta’ tali objettivi, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tipperikola s-sustanza nnifisha tad-drittijiet hekk iggarantiti.

75     Hekk kif enfasizza ġustament il-Gvern tar-Renju Unit, l-obbligu tal-ħlas ta' kontribut ma jistax jitqies bħala miżura li tirristrinġi d-dritt għal proprjetà.

76     Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkonstatat li l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment bl-ebda mod ma jaffettwa d-dritt għal proprjetà tal-produtturi taz-zokkor.

77     F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżerċizzju liberu ta' attivitajiet ekonomiċi, diġà ġie aċċennat iżjed ’il fuq li l-kontribut speċjali ta’ riassorbiment huwa konformi ma’ objettivi ta’ interess ġenerali, peress illi jevita li t-telfiet imġarrba minn settur ekonomiku jiġu mħallsa mill-Komunità. Dan l-intervent ma jistax jitqies bħala sproporzjonat. Il-kontribut, li jista' jiġi parzjalment mgħoddi lill-produtturi tal-pitrava ħelwa, ġie introdott bil-għan essenzali li "ma jkunux ikkontestati l-arranġamenti tal-kwoti ta' produzzjoni qabel id-data prestabbilita", hekk kif tippreċiża r-raba' premessa tar-Regolament Nru 1914/87. Issa, hekk kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, kwalunkwe tnaqqis fil-kwoti, li kien ikollu l-effett fil-medda twila li jitnaqqas is-sehem ta’ l-industrija ta’ l-ipproċessar taz-zokkor tal-Komunità fis-suq dinji, kien jirrappreżenta periklu ħafna iktar serju għall-interessi tal-produtturi taz-zokkor u għall-kultivaturi tal-pitrava ħelwa.

78     L-argument ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' l-eżerċizzju liberu ta' attivitajiet ekonomiċi ma jistax għalhekk jiġi akkolt.

79     Jirriżulta mill-kumpless tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tweġiba għad-domandi imressqa lill-Qorti mill-Finanzgericht Hamburg u tal-Finanzgericht Dusseldorf għandha tkun li l-kunsiderazzjoni tad-domandi imressqa ma rrilevat l-ebda element ta' natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1914/87, tat-2 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987.

 Fuq l-ispejjeż

80     L-ispejjeż inkorsi mill-gvern Taljan u minn dak tar-Renju Unit u dawk tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajjma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż;

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Tiddeċiedi dwar il-domandi ppreżentati lilha mill-Finanzgericht Hamburg, permezz ta’ digriet tal-31 ta' Marzu 1988, u mill-Finanzgericht Dusseldorf, permezz ta’ digriet tad-19 ta' Ottubru 1988, u tiddikjara li:

1)      L-Artikolu 189 tat-Trattat għandu jiġi interpretat li jfisser li ma jeskludix il-poter tal-qrati nazzjonali li jissospendu l-eżekuzzjoni ta' att amministrattiv nazzjonali adottat fuq il-bażi ta' regolament Komunitarju.

2)      Is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' att nazzjonali adottat permezz ta’ implementazzjoni ta' regolament Komunitarju ma tistax tkun ordnata minn qorti nazzjonali, ħlief jekk l-imsemmija qorti għandha dubji serji dwar il-validità ta’ l-att Komunitarju u jekk, f’każ li l-kwistjoni tal-validità ta’ l-att ikkontestat ma ġietx diġà ppreżentata lill-Qorti, hija stess tagħmel d-domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti, jekk hemm urġenza u jekk ikun hemm riskju ta' dannu serju u irreparabbli għar-rikorrenti, u jekk tali qorti tqis, hekk kif suppost, l-interessi tal-Komunità.

3)      Il-kunsiderazzjoni tad-domandi mressqa ma rrilevat l-ebda element ta' natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1914/87, tat-2 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi kontribut speċjali ta’ riassorbiment fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1986/1987.

Due

Mancini

Moitinho de Almeida

Rodríguez Iglesias

Díez de Velasco

Slynn

Kakouris

Joliet

Schockweiler

Grévisse

 

      Zuleeg

Mogħti fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Frar 1991

J. G. Giraud

 

      O. Due

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.