SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

12 ta' Marzu 1987 (*)

"Nuqqas ta' stat li jwettaq obbligu – liġi dwar il-purezza tal-birra"

Fil-kawża C-178/84

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. C. Beraud u J. Sack, rispettivament kunsillier prinċipali u membru tas-servizz ġuridiku tagħha, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' G. Kremlis, ukoll membru tas-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni, bini Jean Monnet, Kirchberg, il-Lussemburgu

parti rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Seidel, Ministerialrat fil-ministeru federali ta' l-Ekonomija, J. Dietrich, Ministerialrat fil-ministeru federali taż-Żgħażagħ, tal-Familja u tas-Saħħa, J. Sedemund, avukat f'Kolonja, u R. Lukes, professur titulari tad-dritt fl-università ta' Munster, bħala mandatarji ad litem, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju tal-kanċillier ta' l-ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 20‑22, Avenue E. Reuter, il-Lussemburgu,

parti konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni tal-"liġi tal-purezza" tal-birra impurtata minn Stati Membri oħra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn MM. Mackenzie Stuart, President, Y. Galmot, C. Kakouris, T. F. O'Higgins u F. Schockweiler, Presidenti ta' Awla, G. Bosco, T. Koopmans, O. Due, U. Everling, K. Bahlmann, R. Joliet, J. C. Moitinho de Almeida u G. C. Rodriguez Iglesias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Sir Gordon Slynn

Deputat Reġistratur: H. A. Ruhl, Amministratur Prinċipali

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Settembru 1986,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti fis-6 ta' Lulju 1984, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet, taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat KEE, rikors intiż biex jiġi kkonstatat li billi pprojbixxiet il-kummerċjalizzazzjoni ta' birer prodotti legalment u kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor meta dawn il-birer mhumiex konformi ma' l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz (liġi tal-14 ta' Marzu 1952, BGBl. I, pġ.149), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat.

2       F'dak li għandu x'jaqsam mal-fatti tal-kawża, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-argumenti tal-partijiet, qed isir riferiment għar-rapport tas-seduta. Dawn l-elementi ta' l-inkartament mhux ser jissemmew ħlief safejn hu meħtieġ għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti.

 Dwar il-liġi nazzjonali applikabbli

3       Fil-kors tal-proċeduri quddiem il-Qorti, il-gvern Ġermaniż għamel, fir-rigward tal-liġi tiegħu dwar il-birra, l-osservazzjonijiet li ġejjin, liema oservazzjonijiet mhumiex ikkontestati mill-Kummissjoni u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kawża preżenti.

4       Għal dak li jirrigwarda din il-kawża, il-Biersteuergesetz (il-liġi fiskali dwar il-birra) tinkludi, minn naħa, ir-regoli ta' produzzjoni li huma applikabli biss għall-birreriji stabbiliti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u min-naħa l-oħra, regoli dwar l-użu tad-denominazzjoni "Bier" (birra) li hija applikabbli kemm għall-birer prodotti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll għall-birer impurtati.

5       Ir-regoli ta' produzzjoni huma mfissra fl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz. Il-paragrafu (1) ta' din id-dispożizzjoni jipprovdi li fil-preparazzjoni ta' birra ta' fermentazzjoni baxxa jistgħu jintużaw biss in-nebbieta tax-xgħir, il-ħops, il-ħmira u l-ilma. Il-paragrafu (2) ta' l-istess Artikolu jissuġġetta l-preparazzjoni tal-birra ta' fermentazzjoni għolja għall-istess rekwiżiti, iżda jippermetti l-użu ta' nebbieta oħra, l-użu ta' zokkor tal-qasab, zokkor tal-pitravi jew ta' zokkor maħdum teknikament pur kif ukoll glukożju u koloranti meħud miz-zokkor imsemmi qabel. Fil-paragrafu (3) tiegħu, l-Artikolu 9 jindika li nebbieta tista' tfisser kull ċereali mwassla artificjalment biex inebbtu. Hemm lok li jiġi nnotat f'dan ir-rigward li skond l-Artikolu 17(4) tar-regoli li jirrigwardaw dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Biersteuergesetz (Durchfuehrungsbestimmungen zum Bietrsteuergesetz, ta' l-14 ta' Marzu 1952) (BGBl., I, p. 153), ir-ross, il-qamħirrum u s-sorgum mhumiex ċereali fis-sens ta' l-Artikolu 9(3) tal-Biersteuergesetz. Skond l-Artikolu 9(7), derogi mir-regoli tal-produzzjoni fil-paragrafi (1) u (2) tal-Biersteuergesetz jistgħu jiġu konċessi wara li ssir talba fil-każ ta' produzzjoni ta' birer speċjali għall-esportazzjoni jew għal esperimenti xjentifiċi. Barra minn dan, il-paragrafu (8) ta' l-istess Artikolu jirrendi l-paragrafu (1) u (2) inapplikabbli għall-birreriji li jipproduċu l-birra għall-konsum fl-istess post (Hausbrauer). Skond l-Artikolu 18(1) (1) tal-Biersteuergesetz jistgħu jiġu imposti multi għall-kontravvenzjonijiet tar-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9.

6       Ir-regoli dwar l-użu kummerċjali tad-denominazzjoni Bier (birra) jinsabu fl-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz. Skond il-kliem tiegħu, jistgħu jinbiegħu bid-denominazzjoni "bier" (birra) – kemm waħedhom jew bħala element ta' denominazzjoni mħallta - jew taħt ismijiet oħra jew b'rappreżentazzjonijiet figurattivi li jagħtu l-impressjoni li hija birra, biss dawk ix-xarbiet iffermentati konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 (1), (2),(4), (5) u (6) tal-Biersteuergesetz. Din ir-regola twassal biss għal projbizzjoni relattiva tal-bejgħ fis-sens li xarbiet mhux konformi mar-regoli ta' produzzjoni msemmija hawn fuq jistgħu jinbiegħu taħt denominazzjonijiet oħra, bil-kundizzjoni li dawn id-denominazzjoniet ma jaqgħux taħt ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10. Din ir-regola ta' denominazzjoni tista' toħloq sanzjonijiet penali mfissra fl-Artikolu 18(1)(iv) tal-Biersteuergesetz.

7       Jekk il-birer ikun fihom xi addittivi, l-importazzjoni tagħhom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintlaqat, barra minn hekk, mill-projbizzjoni assoluta tal-bejgħ maħruġa minn dispożizzjoni leġiżlattiva oħra, jiġifieri l-Artikolu 11 (1)(ii) tal-liġi li tirregola l-bejgħ ta' prodotti ta' l-ikel, il-prodotti tat-tabakk jew il-prodotti oħra ta' konsum (Gesetz Ueber den Verkehr mit Lebensmitteln, Tabakerzeugnissen, kosmetischen Mitteln und sonstigen Bedarfsgegenstuenden), Lebensmittel und Bedarfsgegenstuendegesetz, (BGBl., I, p. 1945) (iktar 'il quddiem il-LMGB) (Liġi dwar prodotti ta' l-ikel tal-15 ta' Awissu 1974) (Bundesgesetzblatt I, P. 1945) .

8       Din l-aħħar liġi, ibbażata fuq kunsiderazzjonjiet ta' protezzjoni preventiva tas-saħħa, f'materja ta' addittivi, tistrieh fuq kunsiderazzjonijiet ta' saħħa preventiva, sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni. Fl-Artikolu 2 tagħha, hija tiddefinixxi l-addittivi bħala "sustanzi intiżi biex jiżdiedu mal-prodotti ta' l-ikel biex jinfluwenzaw il-karatteristiċi tagħhom jew biex jinkisbu kwalitajiet jew effetti partikolari", u teskludi minn din id-definizzjoni "s-sustanzi ta' oriġini naturali jew kimika identiċi għas-sustanzi naturali u li, skond l-użanzi jintuzaw prinċipalment minħabba l-valur nutrittiv, olfattiv, jew għat-togħma kif ukoll bħala stimulanti, kif ukoll l-ilma tax-xorb u l-ilma tal-mejda".

9       Fl-Artikolu 11 (1)(ii) tagħha, il-LMBG tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' addittivi mhux autorizzati, kemm jekk fl-istat pur jew flimkien ma' sustanzi oħra fil-produzzjoni jew trattament professjonali ta' prodotti intiżi biex jiġu kkummerċjalizzati. Il-paragrafi (2)(i) u (11)(3) ta' l-istess Artikolu jippreċiżaw li dik il-projbizzjoni ma tkoprix l-enżimi u l-elementi għall-għajnuna teknika. B'għajnuna teknika, il-liġi, permess tal-paragrafu (2)(i) ta' l-istess Artikolu, tfisser "l-addittivi li huma separati mill-prodott ta' l-ikel kompletament jew b'mod li ma jkunux fil-prodott iddestinat għall-konsumatur ħlief fil-forma ta' fdalijiet teknikament inevitabbli, u għalhekk teknikament mingħajr effett, f'ammonti negliġibbli għal dak li jirrigwarda s-saħħa, ir-riħa u t-togħma.

10     Fl-Artikolu 11(1)(ii) tagħha, l-LMBG tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni professionali ta' prodotti maħduma jew ittrattati bi vjolazzjoni tal-projbizzjoni tal-produzzjoni mfissra fl-Artikolu 11(1)(1), jew li ma josservawx ir-regolament maħruġ taħt l-Artikolu 12(1). Bis-saħħa din l-aħħar dispożizzjoni, regolament ministerjali approvat mill-Bundesrat jista' jawtorizza l-użu ta' ċerti addittivi b'mod ġenerali, jew għal ċerti prodotti ta' l-ikel jew ukoll għal ċeri applikazzjonijiet, sa fejn tali awtorizzazzjoni tkun kompatibbli mal-protezzjoni tal-konsumatur meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-ħtiġiet teknoloġiċi, nutrizzjonali u djetetiċi. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jinsabu fl-annessi tar-regolament dwar l-awtorizzazzjoni ta' l-użu ta' addittivi fil-prodotti ta' l-ikel. (Verordnung über die Zulassung von Zusatzstoffen zu Lebensmitteln) tat-22 ta' Diċembru 1981 (BGBl., I, p. 1633) (iktar 'l quddiem iż-"ZZULV").

11     Bħala prodott ta' l-ikel, il-birra taqa' taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-addittivi iżda f'dan ir-rigward hija mmexxija minn regoli partikolari. Ir-regoli ta' produzzjoni fl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz jeskludu l-użu ta' kull sustanza ħlief dawk elenkati fiha, inklużi l-addittivi. Huma jikkostitwixxu għalhekk dispożizzjonijiet fil-materja ta' l-addittivi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3) taż-ZZULV. Din id-dispożizzjoni tirriżerva l-applikazzjoni tar-regoli li jipprojbixxu, jillimitaw jew jawtorizzaw l-użu ta' addittivi f'ċerti prodotti ta' l-ikel partikolari taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk taż-ZZULV. L-użu ta' additivi b'mod ġenerali jew għal użi speċifiċi fl-annessi taż-ZZULV huwa b'konsegwenza eskluż fil-każ tal-birra. Din l-esklużjoni hija applikabbli biss għal dawk is-sustanzi li huma addittivi fis-sens tal-LMBG u li għalihom l-użu tagħhom il-LMBG, in kwantu liġi li ħarġet wara l-Biersteuergesetz, ma tipprevedi ebda deroga. Il-projbizzjoni ta' l-addittivi fil-birra ma tinkludix, għaldaqstant, la l-elementi ta' għajnuna teknika u lanqas l-enżimi.

12     Jirriżulta minn dan li l-Artikolu 11( 1)(ii) tal-LMBG, flimkien ma' l-Artikolu 9 tal- Biersteuergesetz, għandu bħala effett li jipprojbixxi l-importazzjoni, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta' birer li jkun fihom sustanzi li jaqgħu taħt il-projbizzjoni ta' l-użu ta' addittivi mfissra fl-Artikolu 11(1)(i) tal-LMBG.

 Fil-mertu

13     Għandu jiġi stabbilit jekk dawn il-proceduri jirrigwardawx biss il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni bid-denominazzjoni "Bier" ta' birer prodotti fi Stati Membri oħra skond regoli li huma inkonsistenti ma' l-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz jew jekk ikoprux ukoll il-projbizzjoni ta' l-importazzjoni ta' birer li jkun fihom addittivi permessi fl-iStat Membru mnejn ġejjin, iżda jkunu pprojbiti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

14     Fl-ittra tagħha ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni indirizzat il-kritika tagħha lejn id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz in kwantu huma jeskludu l-importazzjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta' birer li, għalkemm prodotti legalment fi Stati Membri oħra, ma kienux ġew prodotti skond id-dispożizzjonijiet applikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li din il-projbizzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata abbażi ta' l-interess pubbliku dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jew dwar il-ħarsien tas-saħħa pubblika.

15     Fir-risposta tagħha għal din l-ittra l-gvern Ġermaniż sostna li d-dispożizzjonijiet legali dwar il-purezza tal-birra kienu indispensabbli għall-ħarsien tas-saħħa pubblika għaliex il-produzzjoni tal-birra minn materja prima biss, indikat mill-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz, kienet tippermetti li jiġi evitat l-użu ta' addittivi. F'ittra supplementari tal-15 ta' Diċembru 1982, indirizzata lil membru tal-Kummissjoni, il-gvern Ġermaniż reġa tenna dan l-argument, filwaqt li ppreċiża li l-ħtieġa biex tintuża biss il-materja prima mfissra fl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz kienet tinkludi l-projbizzjoni ta' addittivi, projbizzjoni intiża għall-ħarsien tas-saħħa pubblika.

16     Fl-avviż motivat tagħha, il-Kummissjoni saħħqet fuq l-opinjoni tagħha. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-birra prodotta skond it-tradizzjoni Ġermaniża dwar ir-regola ta' purezza tista' tinħadem mingħajr addittivi, ma jiġġustifikax l-esklużjoni b'mod ġenerali tal-ħtieġa teknoloġika ta' użu ta' addittivi fil-birra prodotti skond tradizzjonijiet oħra jew minn materja prima oħra. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-ħtieġa teknoloġika ta' użu ta' addittivi tista' titqies biss fil-konfront mal-metodi ta' produzzjoni użati u fil-konfront ta' l-addittivi partikolari.

17     Fir-risposta tiegħu għall-avviż motivat, il-gvern Ġermaniż tenna l-kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni sanitarja li, huwa qal, jiġġustifikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz. Madankollu ma fissirx eżattament il-portata ta' din il-liġi u lanqas ir-rabta tagħha mas-sistema ta' l-addittivi.

18     Fil-motivi tat-talba tagħha, il-Kummissjoni ddenunzjat l-ostakli għall-importazzjonijiet li ġġib magħha l-applikazzjoni tal-Biersteuergesetz għal birer prodotti fi Stati Membri oħra minn materja prima oħra jew b'addittivi permessi f'dawn il-pajjiżi.

19     Kien biss fl-istadju tar-risposta li l-gvern Ġermaniż spjega li r-regoli dwar il-purezza tal-birra kienu jinsabu f'żewġ liġijiet distinti iżda kumplementari, u ppreżenta deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu kif riprodotta hawn qabel.

20     Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni rrilevat b'mod distint l-oġġezzjonijiet tagħha fir-rigward tar-regoli ta' denominazzjoni fl-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz u l-oġġezzjonijiet li ddefiniet, min-naħa tagħha, il-projbizzjoni assoluta ta' l-addittivi fil-birra. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-preżentazzjoni kompleta tad-dritt applikabbli mogħtija mill-gvern Ġermaniż ma tbiddilx fundamentalment il-fatti ta' dan il-każ. Il-Kummissjoni insistiet f'dan ir-rigward li hi ma kinitx indirizzat ir-rikors tagħha biss kontra l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz, iżda li semmiet b'mod ġenerali l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-birra mhux konformi mal-kriterji ta' produzzjoni li hemm f'dawn id-dispożizzjonijiet li tkun ġejja minn Stati Membri oħra, peress li l-bażi statutorja preċiża ta' din il-projbizzjoni hija mingħajr rilevanza.

21     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat, għal żewġ raġunijiet, li r-rikors huwa dirett kemm kontra l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taħt id-denominazzjoni Bier (birra) ta' birer li jkunu ġew prodotti fi Stati Membri oħra skond regoli li ma jaqblux ma' dawk ta' l-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz kif ukoll kontra l-projbizzjoni ta' importazzjoni ta' birer li fihom addittivi permessi fl-iStat Membru ta' provenjenza iżda pprojbiti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

22     Fl-ewwel lok, billi għarfet mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, li fuqha kkontestat l-importazzjoni ta' birra importata fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn Stati Membri oħra li ma tkun prodotta skond regoli li ma jaqblux ma' dawk fis-seħħ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni identifikat is-sustanza tal-projbizzjoni li oriġinat in-nuqqas. Hija rriferiet għall-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz biss biex tippreċiża dawn ir-regoli. Kif spjega l-gvern Ġermaniż, il-portata ta' din id-dispożizzjoni mhijiex limitata biss għall-materja prima iżda għall-addittivi wkoll. L-argument żviluppati mill-Kummissjoni fil-kors tal-proċeduri prekontenzjużi dwar in-natura inadegwata tal-projbizzjoni assoluta ta' l-addittivi juru wkoll li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tinkludih fis-suġġett tar-rikors tiegħu.

23     Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li huwa l-gvern Ġermaniż stess li, mill-bidu tal-procedura, ressaq prinċipalment bħala difiża tiegħu l-kwistjoni ta' l-addittivi u l-ħarsien tas-saħħa pubblika b'mod li jidher li fehem u għaraf li l-mertu tal-kawża kien jinkludi wkoll il-projbizzjoni assoluta ta' l-użu ta' l-addittivi u, min-naħa l-oħra, eskluda li jkun hemm xi ħsara għad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-projbizzjoni tal-kummerċjalizazzjoni ta' birra taħt id-denominazzjoni "Bier" (birra) li ma tosservax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz

24     Għandu jiġi nnotat l-ewwel nett li d-dispożizzjoni dwar il-produzzjoni tal-birra stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz minnha nfisha ma tikkostitwixxix miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq importazzjonijiet ipprojbita mill-Artikolu 30 tat-Trattat KEE, billi hija applikabbli biss għall-birreriji stabbiliti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz jidħol in kawża biss safejn l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz, li jkopri kemm il-prodotti importati kemm dawk prodotti fit-territorju nazzjonali, jirreferi għalihom sabiex jirregola dawk ix-xarbiet li għalihom il-kummerċjalizzazzjoni tkun tista' tuża d-denominazzjoni Bier (birra).

25     Għal dak li għandu x'jaqsam ma din ir-regola ta' denominazzjoni, il-Kummissjoni tammetti li sakemm armonizzazzjoni fuq livell komunitarju mhijiex stabbilita, l-iStati Membri għandhom bħala prinċipju l-kompetenza li jgħaddu regoli dwar il-produzzjoni, l-ingredjenti u l-bejgħ tax-xorb. Hija ssostni madankollu li hija inkompatibbli mad-dritt komunitarju sistema bħal dik ta' l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz, li tipprojbixxi l-użu ta' denominazzjoni ġenerika għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti parzjalment prodotti minn materja prima bħar-ross u l-qamħirrum, barra dawk prodotti fit-territorju nazzjonali. Regoli bħal dawn imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-protezzjoni tal-konsumatur Ġermaniż, għaliex din il-protezzjoni tista' faċilment issir permezz ta' tikketti jew avviżi. Għalhekk din tikkostitwixxi ostaklu pprojbit mill-Artikolu 30 tat-Trattat KEE.

26     Il-gvern Ġermaniż beda billi pprova jiġġustifika r-regoli tiegħu minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika. Skond hu, l-użu ta' materja prima barra dik permessa bl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz iwassal bilfors għall-użu tal-addittivi. Waqt is-seduta, il-gvern Ġermaniż ammetta madankollu li l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz, li huwa biss regola ta' denominazzjoni, għandu biss il-mira li jħares il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn jassoċjaw id-denominazzjoni Bier (birra) ma' xarba prodotta biss minn materja prima elenkata fl-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz. Għalhekk il-ħsieb huwa li jevita li jitqarrqu billi jaslu li jemmnu li xarba ddenominata Bier (birra) taqbel mal-liġi tal-purezza meta ma jkunx il-każ. Il-gvern Ġermaniż irrileva li r-regoli tiegħu ma jfittxu l-ebda fini ta' protezzjoniżmu. Huwa sostna f'dan ir-rigward li l-materja prima li għandha tintuża skond l-Artikolu 9(1) u (2) tal-Biersteuergesetz, mhijiex bilfors ta' oriġini nazzjonali. Kull negozjant li jikkummerċjalizza fis-suq prodotti li josservaw ir-regoli preskritti huwa liberu li juża d-denominazzjoni Bier (birra), u dawk ir-regoli jistgħu faċilment jiġu osservati barra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

27     Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti (fl-ewwel lok, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1974, fil-kawża 8/74, Procureur du roi/Dassonville, Ġabra p. 837) il-projbizzjoni ta' miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi pprojbiti bl-Artikolu 30 tat-Trattat KEE tinkludi "kull regola tal-kummerċ ta' l-iStati Membri li tista' tkun ta' ostaklu direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, lill-kummerċ intrakomunitarju".

28     Il-Qorti konsistentement sostniet (b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-20 ta' Frar 1979, Rewe, 120/78, Ġabra p.649, u s-sentenza ta' l-10 ta' Novembru 1982, Rau, 261/81, Ġabra p.3961) "li, fin-nuqqas ta' regoli komuni li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni, l-ostakli għaċ-ċirkulazzjoni libera intrakomunitarja li jirriżultaw minn diskrepanzi bejn il-liġijiet nazzjonali għandhom jiġu aċċettati safejn tali regoli, li huma applikabbli bl-istess mod għal prodotti nazzjonali u dawk importati, jisgħu jiġu rrikonoxxuti bħala neċessarji biex josservaw ħtiġiet imperattivi li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn ir-regoli għandhom ikunu wkoll proporzjonati mal-għan li jrid jintlaħaq. Jekk Stat Membru jista' jagħżel bejn miżuri differenti biex jinkiseb l-istess għan, għandu jagħżel il-mezz li joħloq l-inqas ostaklu għall-moviment liberu ta' l-iskambji".

29     Mhux ikkontestat li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz għall-birer ġejjin minn Stati Membri oħra, li fil-produzzjoni tagħhom tkun intużat materja prima barra minn nebbieta tax-xgħir u, b'mod partikolari ross u qamħirrum, tista' tostakola l-importazzjoni tagħhom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

30     Jibqa' għalhekk li jiġi vverifikat jekk din l-applikazzjoni tistax tiġi ġġustifikata b'eżiġenzi imperattivi ta' protezzjoni tal-konsumatur.

31     F'dan ir-rigward, l-argument tal-gvern Ġermaniż, li jgħid li r-regola ta' l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz hija indispensabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi Ġermaniżi għaliex, f'moħħhom, id-denominazzjoni Bier (birra) ma tistax ma tiġix konnessa ma' xarba prodotta bl-ingredjenti preskritti bl-Artikolu 9 tal- Biersteuergesetz, għandu jiġi miċħud.

32     Fl-ewwel lok, l-ideat tal-konsumaturi, li jistgħu ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, jistgħu wkoll jevolvu fiż-żmien fl-istess Stat Membru. It-twaqqif tas-Suq Komuni huwa wkoll fattur li jista' jikkontribwixxi għal din l-evoluzzjoni. Waqt li skema ta' protezzjoni tal-konsumatur kontra l-qerq jippermetti li titqies din l-evoluzzjoni, liġi bħal dik ta' l-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz iżżommu milli jseħħ. Kif il-Qorti diġa' kellha okkażjoni ssostni f'kuntest differenti (sentenza tas-27 ta' Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 170/78, Ġabra. p. 417), m'għandux ikun li l-liġi ta' Stat Membru "tikkristallizza d-drawwiet ta' konsum u tistabbilixxi vantaġġ akkwiżit mill-industriji nazzjonali meta jottempraw ruħhom magħhom".

33     Fit-tieni lok, fl-iStati Membri l-oħra tal-komunità, id-denominazzjonijiet li jikkorrispondu għad-denominazzjoni Ġermaniża Bier (birra) għandhom natura ġenerika biex jindikaw xarba ffermentata prodotta min-nebbieta tax-xgħir, kemm jekk ikun użat waħdu jew flimkien ma' ross jew qamħirrum. L-istess jiġri fid-dritt komunitarju kif jidher fl-intestatura 22.03 tat-tariffa doganali komuni. Il-leġiżlatur Ġermaniż stess juża d-denominazzjoni Bier (birra) b'dan il-mod fl-Artikolu 9(7) u (8) tal-Biersteuergesetz biex jirreferi għal xorb li mhux skond ir-regoli ta' produzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2).

34     Id-denominazzjoni Ġermaniża Bier (birra) u d-denominazzjonijiet korrispondenti fl-ilsna ta' l-iStati Membri l-oħra tal-Komunità ma jistgħux għalhekk jiġu ristretti għal birra prodotta skond ir-regoli fis-seħħ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

35     Ċertament huwa legittimu li wieħed ikun irid jagħti lill-konsumaturi, li jattribwixxu kwalitajiet partikolari lill-birer prodotti minn materja prima speċifika, il-possibbiltà li jkunu jistgħu jagħmlu l-għażla tagħhom skond dawn l-elementi. Madankollu, kif il-Qorti diġà saħqet (sentenza tad-9 ta' Diċembru 1981, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 193/80, Ġabra. p. 3019), l-istess possibbiltà tista' tiġi żgurata b'mezzi li ma jostakolawx l-importazzjoni ta' prodotti li ġew prodotti u kkummerċjalizzati fl-iStati Membri l-oħra, u, b'mod partikolar, bl-użu obbligatorju ta' tikketti adegwati dwar in-natura tal-prodott mibjugħ, billi tiġi indikata l-materja prima użata fil-produzzjoni tal-birra, "sistema bħal din tippermetti lill-konsumatur li jagħmel l-għażla tiegħu b'tagħrif sħiħ tal-fatti u jiżgura t-trasparenza fin-negozju u fl-offerti lill-pubbliku". Jaqbel li wieħed jinnota wkoll li sistema ta' informazzjoni obbligatorja m'għandhiex twassal għal effetti negattivi għall-birer li mhumiex konformi mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz.

36     Kuntrarjament għal dak li qal il-gvern Ġermaniż, sistema ta' informazzjoni bħal din tista' titħaddem perfettament ukoll għal prodott li bħall-birra mhux bilfors jasal għand il-konsumatur fi fliexken jew laned provvisti bid-dettalji xierqa. Dan huwa kkonfermat mill-ġdid mill-istess leġiżlazzjoni Ġermaniża. L-Artikolu 26 (1) u (2) tar-regolament fuq imsemmi, li jimplementa l-Biersteuergesetz, jipprovdi sistema ta' informazzjoni għall-konsumatur għal ċerti birer ukoll meta jinbiegħu mhux fi fliexken. L-informazzjoni meħtieġa b'dan il-mod ikollha tidher fuq il-btieti jew fuq il-vitijiet.

37     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli ta' denominazzjoni fl-Artikolu 10 tal-Biersteuergesetz, għal birer importati minn Stati Membri oħra li jkunu ġew prodotti u kkummerċjalizzati legalment f'dawn l-istati, jikkostitwixxi nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-qadi ta' l-obbligi tagħha taħt ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE.

 Dwar il-projbizzjoni assoluta tal-kummerċjalizzazzjoni ta' birer li fihom l-addittivi

38     Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-projbizzjoni assoluta tal-kummerċjalizzazzjoni li biha jintlaqtu l-birer li fihom l-addittivi mhix iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Skond l-istituzzjoni rikorrenti, l-iStati Membri l-oħra jikkontrollaw b'mod strett l-użu ta' addittivi fil-prodotti ta' l-ikel u ma' jawtorizzawx l-użu ta' addittiv ħlief wara eżamijiet iddettaljati li jistabilixxu li ma jagħmilx ħsara. Il-birer li fihom addittivi prodotti f'dawn l-istati li huma awtorizzati hemmhekk, skond il-Kummissjoni, għandhom jiġu kkunsidrati li mhumiex ta' periklu għas-saħħa pubblika. Jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid topponi l-importazzjoni tagħhom, jaqa' fuqha l-obbligu li tipprova li dawn il-birer huma perikolużi għas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li f'dan il-każ prova bħal din ma' ġietx imressqa. Is-sistema dwar l-addittivi fil-birra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fi kwalunkwe każ hija sproporzjonata in kwantu teskludi għal kollox l-użu ta' l-addittivi waqt li s-sistema mħaddma fil-każ ta' xarbiet oħra bħal minerali hija ħafna iżjed flessibbli.

39     Il-gvern Ġermaniż min-naħa tiegħu huwa tal-fehma li peress li l-effett fit-tul ta' l-użu ta' l-addittivi mhux magħruf, u minħabba r-riskji li jikkawża l-akkumulu fil-korp ta' addittivi u r-reazzjoni tagħhom ma' sustanzi bħall-alkoħol, jeħtieġ li jiġi mnaqqas kemm jista' jkun l-ammont li jittieħed. Peress li l-birra hija xorb komuni fil-Ġermanja, il-gvern Ġermaniż iqis li huwa partikolarment opportun li jiġi eskluż l-użu ta' l-addittivi kollha fil-produzzjoni tagħha, speċjalment fejn l-użu ta' l-addittivi mhuwiex teknoloġikament meħtieg u jista' ma jsirx użu minnu jekk jintużaw biss l-ingredjenti permessi mill-Biersteuergesetz. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema Ġermaniża dwar l-addittivi użati fil-birra hija għal kollox iġġustifikata biex titħares is-saħħa pubblika u ma tiksirx il-prinċipju ta' proporzjonalità.

40     Mhux ikkontestat li l-projbizzjoni tal-bejgħ ta' birer li fihom l-addittivi tostakola l-importazzjoni ta' birer ġejjin minn Stati Membri oħra u li fihom addittivi permessi f'dawn l-istati u għalhekk hija koperta mill-Artikolu 30 tat-Trattat KEE. Jaqbel madankollu li jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta' din il-projbizzjoni tistax tiġi ġġustifikata bis-saħħa ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat minħabba raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa pubblika.

41     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti (b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1983, Sandoz, 174/82, Ġabra. p. 2445), li "safejn jeżistu dubji fuq l-istat attwali tar-riċerka xjentifika, huma l-iStati Membri, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni, li jiddeċiedu dwar il-livell ta' ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ħajja tal-persuni, filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-komunità".

42     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti (u, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1983, Sandoz, iċċitata iktar 'il fuq; ta' l-10 ta' Diċembru 1985, Motte, 247/84, Ġabra. p. 3887; u tas-6 ta' Mejju 1986, Muller, 304/84, Ġabra. p. 1511), jirriżulta li wkoll f'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt komunitarju ma jeskludix li l-iStati Membri jistgħu jgħaddu liġijiet li bihom l-użu ta' l-addittivi jkun suġġett għal awtorizzazzjoni, taħt kundizzjonijiet ġenerali, kemm għall-prodotti kollha kemm għal xi wħud minnhom biss, jew għal ċerti użi. Liġi bħal din taqdi skop leġittimu ta' politika sanitarja, jiġifieri, li trażżan l-użu mhux ikkontrollat ta' l-addittivi fl-ikel.

43     Madankollu, l-applikazzjoni ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti importati li fihom l-addittivi permessi fl-istat membru fejn ikunu ġew prodotti, iżda li huma pprojbiti fl-Istat Membru ta' importazzjoni ma tistax issir jekk mhux konformement mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat, kif interpretat mill-Qorti.

44     Wieħed għandu jżomm f'moħħu, l-ewwel nett, li fid-deċizjonijiet tagħha Sandoz, Motte u Muller, iċċitati hawn fuq, il-Qorti fissret il-prinċipju ta' proporzjonalità, li qiegħed fl-aħħar frażi ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat, li l-projbizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li fihom addittivi permessi fl-iStat Membru fejn jiġu prodotti iżda pprojbiti fl-iStat Membru ta' importazzjoni għadu jibqa' limitat għal dak li huwa effettivament meħtieġ għall-ħarsien tas-saħħa pubblika. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-użu ta' addittiv partikolari, permess fi Stat Membru ieħor għandu jiġi permess fil-każ ta' prodott importat minn dan l-iStat Membru meta wieħed ikun qies ir-riżultati tar-riċerka xjentifika internazzjonali, u b'mod partikolari x-xogħol tal-kumitat xjentifiku komunitarju, tal-Kummissjoni tal-Codex tal-FAO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-drawwiet fl-ikel ta' l-iStat Membru ta' importazzjoni, li dan l-addittiv ma joħloqx periklu għas-saħħa pubblika u li jaqdi ħtieġa reali, partikolarment dik ta' natura teknoloġika.

45     Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li, kif il-Qorti kkonkludiet fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Mejju 1986 (Muller, iċċitata hawn fuq), il-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi wkoll li l-operaturi ekonomiċi jkunu f'qagħda li jitolbu, permezz ta' proċedura faċilment aċċessibbli u li tista' tintemm fi żmien raġonevoli, li jingħataw permess għall-użu ta' adittiv partikolari.

46     Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom il-possibbiltà li jirrikorru għall-qrati meta' dan il-permess ma jingħatax mingħajr ġustifikazzjoni. Bla ħsara għad-dritt li għandhom li jitolbu lill-operaturi ekonomiċi t-tagħrif li għandhom u li jista' jkun utli għalihom għall-apprezzament tal-fatti, kif diġa ġie deċiż fis-sentenza tas-6 ta' Mejju 1986 (Muller, iċċitata iktar 'il fuq), huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-iStat Membru li qed jimporta li għandhom juru li l-projbizzjoni hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' saħħa tal-popolazzjoni tagħhom.

47     Għandu jiġi rrilevat li s-sistema Ġermaniża dwar l-addittivi applikabbli għall-birra, min-naħa, tasal għall-esklużjoni ta' l-addittivi kollha permessi fl-iStati Membri l-oħra, u mhux għall-esklużjoni ta' xi wħud minnhom b'mod konkretament iġġustifikat minħabba perikli li joħolqu kkawżati minn drawwiet fix-xorb tal-popolazzjoni Ġermaniża, u, min-naħa l-oħra, ma twassal għall-ebda proċedura li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jiksbu permess ġenerali għall-użu ta' addittiv partikolari fil-produzzjoni tal-birra.

48     F'dak li għandu x'jaqsam partikolarment mal-ħsara li jikkawżaw l-addittivi, il-gvern Ġermaniż ibbaża ruħu fuq dak li jgħidu l-esperti dwar il-perikli inerenti għall-assorbiment ta' l-addittivi in ġenerali. Huwa qal li kien meħtieġ, għal raġunijiet ta' prevenzjoni ġenerali, li jitrażżan kemm jista' jkun l-ammont ta' addittivi assorbiti u li kien partikolarment neċessarju li jiġi eskluż għal kollox l-użu tagħhom fil-produzzjoni tal-birra, xarba li hija kkunsmata ħafna mill-popolazzjoni Ġermaniża.

49     Madankollu jidher mit-tikketti ta' addittivi permessi f'ikel differenti, ippreżentati mill-gvern Ġermaniż stess, li ċerti addittivi permessi minn Stati Membri oħra fil-produzzjoni tal-birra huma wkoll permessi skond ir-regoli Ġermaniżi, u b'mod partikolari mill-Regolament dwar l-Addittivi, fil-produzzjoni tax-xarbiet kollha, jew kważi kollha. Ir-riferiment għall-fatt biss ta' riskju potenzjali ġej mill-assorbiment ta' addittivi in ġenerali u l-fatt li l-birra hija xarba kkunsmata ħafna fil-Ġermanja mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifikaw l-infurzar ta' sistema iżjed stretta fil-każ ta' dan il-prodott.

50     F'dak li għandu x'jaqsam mal-bżonn, b'mod partikolari dak teknoloġiku, ta' l-addittivi, il-gvern Ġermaniż sostna li dan ma jeżistix meta l-birra tinħadem skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Biersteuergesetz.

51     F'dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li mhux biżżejjed li jingħad li jistgħu jiġu esklużi ċerti addittivi użati għal-raġunijiet teknoloġiċi jekk il-birra tinħadem bil-materja prima kif preskritta fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Interpretazzjoni bħal din, tal-kunċett ta' ħtieġa teknoloġika li twassal li tipprivileġja metodi ta' produzzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi mezz moħbi li jirrestrinġi l-kummerċ bejn l-iStati Membri.

52     Il-kunċett ta' ħtieġa teknoloġika għandu jinftiehem b'rabta mal-materja prima użata u in vista ta' l-evalwazzjoni li jkunu għamlu fuqha l-awtoritajiet ta' l-iStat Membru fejn il-prodott ikun ġie prodott legalment u kkummerċjalizzat. Għandhom jitqiesu wkoll ukoll ir-riżultati tar-riċerka xjentifika internazzjonali u, b'mod partkolari, tax-xogħolijiet tal-kumitat xjentifiku komunitarju dwar l-ikel tal-bniedem, tal-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius tal-FAO u ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

53     Konsegwentement, safejn is-sistema Ġermaniża dwar l-addittivi fil-birra twassal għal esklużjoni ġenerali ta' l-addittivi, l-applikazzjoni tagħha għall-birer importati minn Stati Membri oħra mhijiex konformi mal-ħtiġiet tad-dritt komunitarju kif imfisser fil-ġurisprudenza tal-Qorti, peress li hija kuntrarja għall-prinċipju ta' proporzjonalità u għalhekk mhijiex koperta mill-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat KEE.

54     Mill-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija hemm lok li jiġi konkluż li, bil-projbizzjoni tal-bejgħ ta' birer legalment prodotti u kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jekk dawn il-birer mhumiex konformi ma' l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE.

 Dwar l-ispejjeż

55     Skond l-Artikolu 69(2) tar-regoli tal-proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tħallas l-ispejjeż peress li ma ntlaqgħux is-sottomissjonijiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Billi pprojbixxiet il-kummerċjalizzazzjoni ta' birer legalment prodotti u kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor peress li dawn il-birer mhumiex konformi ma' l-Artikoli 9 u 10 Biersteuergesetz, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE;

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż.

Mackenzie Stuart

Galmot      Kakouris

O’Higgins

Schockweiler

Bosco

Koopmans

Due

Everling

Bahlmann

Joliet

Moitinho de Almeida

 

      Rodgríguez Iglesias

 

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Luseemburgu, 12 ta' Marzu 1987


Ir-Reġistratur

 

      Il-President

P. Heim

 

      A. J. Mackenzie Stuart


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.