SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta' Lulju 1982 (*)

"Impriżi pubbliċi – Trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji ma' l-Istat"

Fil-kawżi magħquda C-188/80,C-189/80 u C-190/80,

li għandhom l-għan li tiġi annullata, skond l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, id-Direttiva 80/723/CEE tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Ġunju 1980, li tirrigwarda t-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU L 195, p. 35),

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. Guillaume u P. Moreau Defarges, bħala agent u aġent deputat tal-gvern Franċiż rispettivament, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-Ambaxxata Franċiża,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata mill-konsulent ġuridiku B. van der Esch, bħala aġent, assistit minn G. Marenco, membru tas-Servizz ġuridiku tiegħu b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju tal-konsulent ġuridiku tagħha, O. Montalto, Bini Jean Monnet, Kirchberg,

konvenuta

Sostunta minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn A. Bos, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M Seidel, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta’ l-Ekonomija, u minn A. Deringer, avukat fl-Oberlandesgericht f’Kolonja, bħala aġenti,

189/80,

Ir-Repubblika Taljana, irrapreżentata minn A. Squillante, kap tad-Direttorat tal-Kontenzjuż Diplomatiku, tat-Trattati u l-Kwistjonijiet Leġiżlattivi, bħala aġent, assistit minn I.M. Braguglia, avukat ta’ l-Istat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-Ambaxxata Taljana,

rikorrenti

Sostnuti minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrapreżentata minn G. Guillaume, assistit minn A. Camelutti, deputat aġent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata mill-konsulent ġuridiku tagħha, B. van der Esch, bħala aġent, assistit minn S. Fabbro, membru tas-Servizz ġuridiku tiegħu, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju tal-konsulent ġuridiku tiegħu O. Montalto, bini Jean Monnet Kirchberg,

Konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda,

u minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

190/80

Ir-Renju Unit ta’ l-Ingilterra u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, irrapreżentat minn W.H. Godwin, Treasury Solicitor, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-Ambaxxata Ingliża,

rikorrent,

Sostnut minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrapreżentata minn G. Guillaume, bħala aġent, assistit minn A. Carnelutti, deputat aġent,

Vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata mill-konsulent ġuridiku tagħha B. van der Esch, bħala aġent, assistit minn P.J. Kuyper, membru tas-Servizz ġuridiku tiegħu, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta’ l-avukat tagħha, M. Cervino, Bini Jean Monnet, Kirchberg.

Konvenuta

Sostnut minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda,

u minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, J. Mertens de Wilmars, President, A. Touffait u O. Due, Presidenti ta' Awla, P. Pescatore, A. J. Mackenzie Stuart, A. O´Keeffe, T. Koopmans, A. Chloros u F. Grévisse, Imħallfin

Avukat Ġenerali: G. Reischl,

Reġistratur: P. Heim

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1       Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti fis-16, it-18 u d-19 ta’ Settembru 1980 rispettivament, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u r-Renju Unit ressqu tliet rikorsi bis-saħħa ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat tal-KEE, intiżi għall-annullament tad-direttiva tal-Kummissjoni Numru 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980,dwar it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU 1980 L 195, p. 35). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda intervenew f’dawn il-proċeduri sabiex isostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

2       Id-direttiva, adottata taħt l-Artikolu 90(3), tat-Trattat, tobbliga lill-Istati Membri li jkollhom disponibbli għal ħames snin, l-informazzjoni, dwar it-tqassim ta’ fondi pubbliċi, mill-awtoritajiet pubbliċi, lill-impriżi pubbliċi, kif ukoll dik dwar l-użu effettiv ta’ dawn il-fondi mill-imsemmija impriżi. Jirriżulta mill-premessi tad-direttiva li l-għan ewlieni tagħha huwa li tippromwovi l-applikazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, dwar għajnuniet mill-Istat għall-impriżi pubbliċi. Minn barra dan, dawn il-premessi jenfasizzaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ l-impriżi pubbliċi u privati u l-ħtieġa li jkun hemm trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejnhom u l-Istati Membri, minħabba l-komplessità ta’ dawn ir-relazzjonijiet.

3       L-eċċezzjonijiet invokati mill-gvernijiet rikorrenti, minkejja li huma differenti fuq ċerti punti, jistgħu jinġabru sostanzjalment kif ġej;

- Nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni;

- Nuqqas ta’ bżonn u nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

- Diskriminazzjoni kontra l-impriżi pubbliċi;

- Ksur ta’ l-Artikoli 90, 92 u 93 f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizjoni li d-direttiva tagħti tal-kunċett ta’ impriża pubblika u l-għajnuna mill-Istat;

- Nuqqas ta’ ftehim ta’ dawk ir-regoli li jiddefinixxu l-iskop tat-Trattati tal-KEE, tal-KEFA, u tal-KEEA;

- Nuqqas ta’ motivazzjoni u ftehim tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza rigward l-eżenzjonijiet ipprovduti mid-direttiva.

 Dwar l-ewwel eċċezzjoni (inkompetenza tal-Kummissjoni)

4       Fil-fehma tal-gvern tar-Renju Unit, billi adottat id-direttiva li qiegħda tiġi kkontestata, il-Kummissjoni marret kontra l-istess prinċipji li jirregolaw it-tqassim tal-poteri u tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Jirriżulta, mid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattat, li t-totalità tal-poter leġiżlattiv primarju jappartjeni lill-Kunsill, filwaqt li l-Kummissjoni għandha biss setgħat ta’ sorveljanza u ta’ implementazzjoni. Il-mod li bih huma mqassma dawn il-kompetenzi huwa kkonfermat mir-regoli speċifiċi tat-Trattat f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetenza, li kważi kollha jagħtu unikament lill-Kunsill il-jedd li jadotta regolamenti u direttivi. L-istess tqassim ta’ responsabbiltajiet jinsab, b’mod partikolari, fir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Dawn l-istess dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li tissorvelja, iżda din tista’ tilleġiżla biss fil-limiti tal-poter speċifiku li lilha jkun ġie ddelegat minn miżura maħruġa mill-Kunsill.

5       Dejjem fil-fehma tal-gvern tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li, eċċezzjonalment, jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza li toħroġ direttivi, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti. Id-direttivi tal-Kummissjoni mhumiex ta’ l-istess natura bħal dawk adottati mill-Kunsill. Filwaqt li dawn ta’ l-aħħar jista’ jkun fihom dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali, li jistgħu jimponu obbligi ġodda fuq l-Istati Membri skond il-ħtieġa, l-iskop ta’ dawn ta’ l-ewwel huwa sempliċement li jindirizzaw sitwazzjoni speċifika f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri. Rigward l-Artikolu 90(3), dan l-iskop limitat jinftiehem mill-kliem użat fid-disopożizzjoni, li jgħid li l-Kummissjoni għandha "toħroġ" id-direttivi u d-deċiżjonijiet opportuni lill-Istati Membri.

6       Madankollu, ma hemm ebda bażi għal dan l-argument fid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fix-xogħol tal-Komunità, fuq l-istess bażi ta’ l-istituzzjonijiet oħra, u kull waħda minnhom għandha taġixxi fil-limitu tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat. L-Artikolu 155, fi kliem li huwa kważi identiku għal dak użat fl-Artikolu 145 biex tiġi deskritta l-istess funzjoni tal-Kunsill, jipprovdi li l-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tieħu deċiżjonijiet skond kif ipprovdut fit-Trattat. Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu li jirregola, b’mod ġenerali, l-effetti u l-kontenut tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet, b’mod partikolari dawk ta’ l-Artikolu 189, ma jagħmlux id-distinzjoni li jagħmel il-gvern tar-Renju Unit bejn direttivi ta’ portata ġenerali u dawk li jistabilixxu biss miżuri speċifiċi. Skond l-ewwel subinċiż ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, bħall-Kunsill, għandha d-dritt li toħroġ direttivi fil-kundizzjonijiet ipprovduti mit-Trattat. Minn dan isegwi li l-limiti tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni minn dispożizzjoni speċifika tat-Trattat m’għandhomx jittieħdu minn prinċipju ġenerali, iżda minn interpretazzjoni tal-kliem partikolari wżat fid-dispożizzjonijiet in kwistjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 90, li huwa analizzat fid-dawl ta’ l-iskop tiegħu u tal-post li huwa jokkupa fl-iskema tat-Trattat.

7       F’dan ir-rigward, m’huwiex possibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet minħabba l-fatt li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħra tat-Trattat, li jagħtu l-poter li jiġu adottati atti ta’ portata ġenerali, jagħtu tali kompetenza lill-Kunsill, li jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni. Lanqas ma tista’ ssir distinzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ direttivi skond jekk dawn jużawx il-kelma “jistabbilixxi" jew "jindirizza". Skond l-Artikolu 189, id-direttivi kif ukoll id-deċiżjonijiet, kemm dawk tal-Kunsill kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, huma indirizzati lil destinatarji li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ direttivi, huma neċessarjament Stati Membri. Fil-każ ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-adozzjoni kemm ta’ direttivi kif ukoll ta’ deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, il-kelma "jindirizza" hija sempliċement l-aktar espressjoni komuni adattata.

8       In sostenn ta' l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, it-tliet gvernijiet rikorrenti jsostnu li r-regoli li fiha d-direttiva li qiegħda tiġi kkontestata setgħu ġew adottati mill-Kunsill. Peress li l-iskop tad-direttiva huwa li l-Kummissjoni tingħata l-permess li tikkontrolla l-osservanza ta’ l-obbligu li l-Istati Membri għandhom li jinnotifikawha, in konformità ma’ l-Artikolu 93(3), jekk ikollhom ħsieb li jistitwixxu jew jemendaw xi għajnuna statali, u peress li l-Artikolu 94 jagħti lill-Kunsill il-kompetenza, b’mod partikolari, li jiffissa l-kundizzjonijiet li fihom ikun japplika l-imsemmi paragrafu, ir-regoli in kwistjoni jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni, bis-saħħa ta’ l-imsemmi Artikolu. Madankollu, tali regoli għandhom jaqgħu taħt il-poteri tal-Kunsill bis-saħħa ta’ l-Artikolu 213 jew, subordinatament, ta’ l-Artikolu 235. Peress li dan huwa qasam li fih il-Kunsill huwa kompetenti, mhuwiex possibbli, fil-fehma tal-gvernijiet rikorrenti, li tiġi rrikonoxxuta kompetenza konkorrenti tal-Kummissjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.

9       Il-Kummissjoni, sostnuta mill-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tinsisti fuq il-fatt li d-Direttiva tkopri miżuri li jiġu qabel il-proċedura prevista mill-Artikolu 93 u li, għal din ir-raġuni, l-Artikolu 94 huwa inapplikabbli. Hija ssostni wkoll li l-Artikolu 213 ma jirrigwardax informazzjoni li l-Istati Membri jiddisponu minnha u li jridu jgħaddu lill-Kummissjoni, meta jkunu mitluba jagħmlu dan, minħabba l-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni li huma għandhom, previst mill-Artikolu 5. Lanqas l-Artikolu 235 ma hu applikabbli, peress li dan jippreżupponi li ma hemm ebda poter ta’ azzjoni ieħor. Il-gvern Olandiż, min-naħa tiegħu, jenfasizza, fuq kollox, in-natura speċifika u l-importanza awtonoma ta’ l-Artikolu 90.

10     L-argumenti li l-gvernijiet rikorrenti jressqu rigward l-Artikoli 213 u 235 huma inammissibbli. Fil-fatt, l-Artikolu 213, li jinsab fil-kapitolu tal-dispożizzjonijiet ġenerali u finali tat-Trattat ma jostakolax il-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mid-dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat. L-Artikolu 235 ma jistax, għar-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni, jiġi meqjus bħala applikabbli f’dan il-każ.

11     Mill-banda l-oħra, sabiex jiġi evalwat l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 94, jeħtieġ li jitqabblu d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma’ dawk ta’ l-Artikolu 90, u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ta’ l-għanijiet u l-iskopijiet ta’ dawn iż-żewġ Artikoli.

12     F’dan ir-rigward, wieħed irid jinnota li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom skopijiet differenti. L-Artikolu 94 huwa parti minn ġabra ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw il-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istati, hi x’inhi l-forma ta’ tali għajnuna u huma min huma d-destinatarji tagħha. L-Artikolu 90, mill-banda l-oħra, jikkonċerna biss l-impriżi li l-Istati jridu jieħdu responsabbiltà partikolari għall-imġiba tagħhom minħabba l-fatt li jistgħu jinfluwenzaw din l-istess imġiba. Tali Artikolu jenfasizza li l-imsemmija impriżi huma ssuġġettati għar-regoli kollha tat-Trattat, fil-limiti ppreċiżati mit-tieni paragrafu. Huwa jitlob li l-Istati Membri jirrispettaw dawn ir-regoli fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ dawn l-impriżi u, f’dan ir-rigward, jimponi fuq il-Kummissjoni d-dmir li tissorveljahom. Tali sorveljanza tista’, fil-każ ta’ bżonn, tiġi mħaddma permezz ta’ l-adozzjoni ta’ direttivi u deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri.

13     Flimkien mad-differenza fl-obbjettivi tagħhom, hemm ukoll differenza fil-kundizzjonijiet preskritti għall-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rispettivament, miż-żewġ dispożizzjonijiet. L-Artikolu 94 jawtorizza l-Kunsill li jistabbilixxi r-regolamenti utli kollha għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93. Mill-banda l-oħra, il-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 90(3) hija limitata għad-direttivi u d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ taqdi kif imiss id-dmir ta’ sorveljanza impost fuqha mill-istess paragrafu.

14     Meta tiġi mqabbla mal-kompetenza tal-Kunsill taħt l-Artikolu 94, dik mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 90(3) titħaddem għalhekk f’kamp ta’ applikazzjoni speċifiku u f’kundizzjonijiet iddefiniti skond l-obbjettiv partikolari ta’ dan l-Artikolu. Bħala riżultat ta’ dan, il-kompetenza li għandha l-Kummissjoni li toħroġ id-direttiva kontenzjuża hija marbuta mal-ħtiġiet inerenti tad-dmir li għandha tissorvelja, imsemmi fl-Artikolu 90, u li l-eventwalità ta’ regolamenti maħruġa mill-Kunsill b’applikazzjoni tal-poter ġenerali tiegħu taħt l-Artikolu 94, u li fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-qasam speċifiku ta’ l-għajnuna mogħtija lill-impriżi pubbliċi, ma tostakolax l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni.

15     Joħroġ mit-totalità ta’ dawn il-kundizzjonijiet li l-ewwel argument invokat mill-gvernijiet rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

 Dwar it-Tieni argument (nuqqas ta’ ħtieġa)

16     Il-gvern Franċiż u dak Taljan jiċħdu li r-regoli li hemm fid-direttiva huma meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq b’mod effikaċi x-xogħol ta’ sorveljanza, kif jitlob minnha l-Artikolu 90. Fil-fehma tagħhom, hemm diviżjoni ġuridika totali bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzi. Il-fondi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriżi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi jidhru kemm f’miżuri leġiżlattivi dwar l-estimi kif ukoll fil-kotba u r-rapporti annwali ta’ l-impriżi. F’soċjetà demokratika, hemm tagħrif rigward ir-relazzjonijiet ta’ l-Istat ma’ l-impriżi pubbliċi li hu għal ta’ l-anqas komplut daqs dak dwar ir-relazzjonijiet ma’ impriżi privati u ħafna aktar iddettaljat minn dak dwar ir-relazzjonijiet bejn l-impriżi privati.

17     Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għar-raba’ u l-ħames preamboli tad-direttiva, li jiddikjaraw li l-kumplessità tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-impriżi pubbliċi hija ta’ natura li xxekkel il-Kummissjoni milli taqdi d-dmir tagħha li tissorvelja, u li applikazzjoni ġusta u ekwa tar-regoli dwar l-għajnuna li hemm fit-Trattat kemm ma’ l-impriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati tkun possibbli biss jekk dawn ir-relazzjonijiet finanzjarji jsiru trasparenti. Fil-mori tal-proċedura quddiem il-Qorti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja taw eżempji bl-iskop li juru li dawn ir-relazzjonijiet ma kienux trasparenti biżżejjed sabiex jippermettu li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ għajnuna statali lill-impriżi pubbliċi.

18     Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-bosta tipi ta’ impriżi pubbliċi fl-Istati Membri differenti, u tar-ramifikazzjonijiet ta’ l-attivitajiet tagħhom, ma jistax jonqos li r-relazzjonijiet finanzjarji tagħhom ma’ l-impriżi pubbliċi huma tant ieħor differenti ħafna waħda mill-oħra, spiss kumplessi u għalhekk diffiċli li wieħed jikkontrollahom anki bl-għajnuna ta’ sorsi varji ppubblikati ta’ tagħrif li għalihom irriferew il-gvernijiet rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi miċħuda n-neċessità li l-Kummissjoni tfittex li tikseb aktar tagħrif dwar dawn ir-relazzjonijiet billi tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha kif ukoll għall-impriżi kollha involuti. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iffissar ta’ dawn il-kriterji komuni, il-gvernijiet rikorrenti għadhom ma tawx prova li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 90(3).

19     Isegwi għalhekk li l-argument rigward in-nuqqas ta’ ħtieġa ma jistax jintlaqa’. Dan huwa applikabbli wkoll għall-kritika diretta lejn il-Kummissjoni, b’mod partikolari min-naħa tal-gvern Taljan, dwar in-nuqqas ta’ proporzjonalità.

 Dwar it-tielet argument (eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ l-impriżi pubbliċi minn dawk privati)

20     Il-gvern Taljan u dak Franċiż isostnu li jidher ċar, kemm mill-Artikolu 222 kif ukoll mill-Artikolu 90, li l-impriżi pubbliċi u dawk privati għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod. Issa, id-direttiva għandha l-effett li tpoġġi lil ta’ l-ewwel f’sitwazzjoni anqas vantaġġjuża minn dawk ta’ l-aħħar, l-aktar minħabba l-fatt li din timponi obbligi speċjali fuq l-impriżi pubbliċi, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontijiet li m’humiex imposti fuq l-impriżi privati.

21     F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza, li jinvokaw il-gvernijiet f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet bejn impriżi pubbliċi u dawk privati in ġenerali, jippreżupponi li ż-żewġ gruppi jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. L-impriżi privati jiddeċiedu, fil-limiti preskritti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, l-istrateġija industrijali u kummerċjali tagħhom billi jieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-eżiġenzi tal-qligħ. Id-deċiżjonijiet ta’ l-impriżi pubbliċi, mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu affettwati minn fatturi ta’ natura differenti, fl-ambitu ta’ prosegwiment mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinfluwenzaw dawn id-deċiżjonijiet. Il-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji ta’ tali impatt iwasslu għal twaqqif, bejn dawn l-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi, ta’ relazzjonijiet finanzjarji speċjali li huma differenti minn dawk li jeżistu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi privati. Ladarba d-direttiva tirrigwarda proprju dawn ir-relazzjonijiet speċjali, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni ma jistax jintlaqa’.

 Dwar ir-raba’ argument (ksur ta’ l-Artikoli 90, 92 u 93 in kwantu d-direttiva tagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża pubblika u dak ta’ għajnuna mill-Istat)

22     Il-gvern Franċiż u dak Taljan isostnu li l-Artikoli 2 u 3 tad-direttiva jwessgħu, mingħajr ebda bażi legali, id-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikoli 90, 92 u 93 tat-Trattat peress illi jagħtu definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża pubblika u jindividwalizzaw ir-relazzjonijiet finanzjarji li, fil-fehma tal-Kummissjoni, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

23     Din il-kritika mhijiex iġġustifikata. Rigward l-individwalizzazzjoni, fl-Artikolu 3, tar-relazzjonijiet finanzjarji li jaqgħu taħt ir-regoli tad-direttiva, biżżejjed li wieħed jgħid li dan m’huwiex tentattiv min-naħa tal-Kummissjoni biex tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna hekk kif tidher fl-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, iżda biss speċifikazzjoni ta’ l-operazzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni tqis li għandha tkun infurmata dwarhom sabiex tkun tista’ tikkontrolla jekk Stat Membru jkunx ta’ għajnuna lill-impriżi kkonċernati, mingħajr ma jkun qeda l-obbligu tiegħu li jinforma l-Kummissjoni in konformità ma’ l-Artikolu 93(3). Kif ġie ddikjarat hawn fuq rigward it-tieni argument, ma ġiex stabbilit illi b’hekk, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 90(3).

24     Rigward id-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2, li jagħtu definizzjoni ta’ "impriża pubblika" skond id-direttiva in kwistjoni, ta’ min jenfasizza li l-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet m’huwiex li jiddefinixxu dan il-kunċett hekk kif jidher fl-Artikolu 90 tat-Trattat, iżda li jistabbilixxu l-kriterji meħtieġa sabiex jiġi ċirkuskritt il-grupp ta’ l-impriżi li r-relazzjonijiet finanzjarji tagħhom ma’ l-awtoritajjiet pubbliċi jaqgħu taħt l-obbligu li jipprovdu tagħrif impost mid-direttiva. Sabiex tiġi vvalutata din iċ-ċirkuskrizzjoni li, mill-banda l-oħra, hija indispensabbli sabiex l-Istati Membri jkunu jafu sa liema punt jaslu l-obbligi tagħhom skond id-direttiva, jeħtieġ allura li l-kriterji stabbiliti jitqabblu mal-kontestazzjonijiet li fuqhom hu bbażat l-obbligu tas-sorveljanza impost fuq il-Kummissjoni mill-Artikolu 90.

25     Skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, “impriża pubblika” tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti, kemm direttament kif ukoll indirettament. Skond it-tieni subinċiż, din l-influwenza għandha tiġi preżunta meta l-awtoritajiet pubbliċi, direttament jew indirettament, ikollhom l-akbar sehem fil-kapital sottoskritt ta’ l-impriża, jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti jew jistgħu jinnominaw aktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, diriġenzjli jew ta’ sorveljanza ta’ l-impriża in kwistjoni.

26     Kif diġà ddikjarat il-Qorti, ir-raġuni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 90 ġew imdaħħla fit-Trattat hija proprju l-influwenza li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijet kummerċjali ta’ l-impriżi pubbliċi. Din l-influwenza tista’ tiġi eżerċitata jew abbażi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja jew ta’ regoli li jirregolaw it-tmexxija ta’ l-impriża. Billi għażlet dawn l-istess kriterji biex tindividwalizza r-relazzjonijiet finanzjarji li fuqhom trid tkun tista’ tikseb it-tagħrif sabiex tkun tista’ taqdi l-obbligu tagħha ta’ sorveljanza in konformità ma’ l-Artikolu 90(3), il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tal-poter ta’ valutazzjoni mogħti lilha minn din id-dispożizzjoni.

27     Isegwi għalhekk li r-raba’ argument ma jistax jintlaqa’.

 Dwar il-ħames argument (Nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati tal-KEE, tal-KEFA u tal-KEEA)

28     Il-gvern Franċiż jenfasizza li d-definizzjoni ta’ l-impriża pubblika msemmija fl-Artikolu 2 tad-direttiva hija kompletament ta’ natura ġenerali u li l-eżenzjoni, li jipprovdi l-Artikolu 4, tas-settur ta’ l-enerġija, inkluż is-settur ta’ l-enerġija nukleari, il-produzzjoni u l-arrikkiment ta’ l-uranju, l-ipproċessar mill-ġdid ta’ kombustibbli espost għar-radjoattività kif ukoll l-elaborazzjoni ta’ materjali li fihom il-plutonju jindika li, apparti dik ir-riżerva, id-direttiva tapplika għall-impriżi pubbliċi li jaqgħu taħt it-Trattati tal-KEFA u tal-KEEA. Peress li miżura tal-liġi komunitarja sussidjarja, adottata fid-dawl tat-Trattat KEE, ma’ tistax tirregola kwistjonijiet li jaqgħu taħt regoli pożittivi ta’ trattati oħra, il-gvern Franċiż jitlob, subordinatament, annullament tad-direttiva, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impriżi li jaqgħu taħt it-Trattati tal-KEFA u tal-KEEA.

29     Il-Kummissjoni tammetti li, skond l-Artikolu 232(1) tat-Trattat KEE, u minħabba r-regoli tat-Trattat tal-KEFA relattivi għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi li jaqgħu taħt dan it-Trattat, id-direttiva ma tistax tapplika għal tali impriżi. Rigward dawk l-impriżi fis-settur nukleari, il-Kummissjoni ssostni li t-Trattat tal-KEEA ma fih l-ebda dispożizzjoni rigward l-għajnuna statali. L-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KEE u, konsegwentement, id-direttiva, japplikaw għalhekk għall-impriżi ta’ dan is-settur, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti espressament fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

30     Skond l-Artikolu 232(1) tat-Trattat KEE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat m’għandhomx jaffettwaw dawk tat-Trattat tal-KEFA, b’mod partikolari f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, il-poteri ta’ l-istituzzjonijiet ta’ din il-Komunità u r-regoli preskritti minn dan it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar.

31     Peress li l-Artikolu 90(3) jirrigwarda proprju l-poteri ta’ l-istituzzjonijiet, u peress li d-direttiva in kwistjoni timponi obbligi fuq l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-għajnuna, liema suġġett it-Trattat tal-KEFA stess fih regoli indirizzati lill-Istati Membri u lill-impriżi li jaqgħu taħt is-suq tal-faħam u l-azzar, joħroġ direttament mill-Artikolu 232 tat-Trattat KEE li d-direttiva in kwistjoni ma tistax tapplika għar-relazzjonijiet ma’ impriżi bħal dawn. Għal din ir-raġuni, id-direttiva mhix ivvizzjata minn illegalità fuq dan il-punt, għalkemm kien ikun ħafna aħjar, fl-interess taċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, li l-esklużjoni ta’ dawn l-impriżi tirriżulta mill-istess kliem użat fid-direttiva.

32     Mill-banda l-oħra, f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni mat-Trattat KEEA, l-Artikolu 232(2) tat-Trattat KEE, jippreċiża biss li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar Trattat ma jidderogawx dawk ta’ l-ewwel wieħed. Il-gvern Franċiż ma tax prova li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva jidderogaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KEEA. Isegwi għalhekk li dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

 Dwar is-sitt argument (Nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza rigward l-eżenzjonijiet ipprovduti mid-direttiva)

33     Minbarra s-settur ta’ l-enerġija, l-Artikolu 4 tad-direttiva jeżenta mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tiegħu l-impriżi pubbliċi li d-dħul tagħhom mingħajr it-taxxa ma jkunx laħaq total ta’ 40 miljun unità ta’ Kont Ewropew matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel, kif ukoll l-impriżi li jagħtu servizzi mingħajr influwenza sostanzjali fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u l-impriżi fl-oqsma ta’ l-ilma, trasport, posta, telekomunikazzjoni u kreditu.

34     Fil-fehma tal-gvern Taljan, dawk l-eżenzjonijiet jirriżultaw f’diskriminazzjoni inġustifikata. Huwa tal-fehma li l-eżenzjonijiet skond is-settur għandhom ikunu permessi biss fil-każ fejn ma jkunx hemm kompetizzjoni intrakomunitarja f’dak il-qasam ikkonċernat.

35     Apparti mill-fatt illi dan l-argument għandhu pjuttost l-effett li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, huwa wkoll argument bla bażi. Il-premessa tnax tad-direttiva fil-fatt tgħid li l-attivitajiet li ma humiex issuġġettati għall-kompetizzjoni jew li huma diġà inklużi f’miżuri komunitarji speċifiċi li jiżguraw it-trasparenza xierqa għandhom jiġu esklużi, kif ukoll l-impriżi pubbliċi ta’ setturi li għalihom iridu jsiru dispożizzjonii separati u dawk li n-negozju tagħhom m’huwiex tant kbir li jiġġustifika ż-żieda ta’ piż amministrattiv sabiex tkun żgurata t-trasparenza. Dawn il-fatturi kollha, li għal ta’ l-inqas wieħed minnhom huwa applikabbli għal kull wieħed mis-setturi esklużi mill-Artikolu 4 tad-direttiva, kollha fihom kriterji li huma oġġettivi biżżejjed biex jiġġustifikaw eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

36     Wieħed jista’ jikkonkludi għalhekk li r-rikorsi ppreżentati mit-tliet gvernijiet ma qajmux fatturi li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament, anki parzjali, tad-direttiva li qiegħda tiġi kkontestata. Għalhekk dawn ir-rikorsi ma jistgħux jintlaqgħu.

 Fuq l-ispejjeż

37     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk hekk jiġi mitlub.

38     Peress illi t-tliet gvernijiet rikorrenti tilfu l-kawża, huma għandhom iħallsu l-ispejjeż. L-istess huwa applikabbli għall-gvern Franċiż in kwantu intervenut fil-kawżi 189 u 190/80.

39     Fost il-gvernijiet li intervenew in sostenn għat-talbiet tal-Kummissjoni, kien biss il-gvern Olandiż li talab illi r-rikorrenti għandhom iħallsu l-ispejjeż. Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża, dik Taljana u r-Renju Unit, minbarra li jħallsu l-ispejjeż tagħhom, għandhom iħallsu wkoll dawk tal-Kummissjoni u tar-Renju Olandiż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda;

2)      Ir-Repubblika Franċiża, dik Taljana u r-Renju Unit, minbarra li jbatu l-ispejjeż tagħhom, għandhom iħallsu wkoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni u tar-Renju Olandiż.

Mertens de Wilmars

      Touffait            Due

Pescatore

      Mackenzie Stuart

O´Keeffe

Koopmans

      Chloros      

Grévisse

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 6 ta' Lulju 1982

P. Heim

 

      J. Mertens de Wilmars

Registratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.