SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

30 ta' April 1996 (*)

"Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat KE u tad-Direttiva 83/189/KEE li tistabbilixxi proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandardijiet tekniċi u tar-regolamenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bejgħ ta' sistemi ta' allarm u netwerkijiet - Approvazzjoni amministrattiva minn qabel"

Fil-kawża C-194/94

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE mit-Tribunal de Commerce de Liège (il-Belġju) u intiża sabiex tikseb, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti bejn

CIA Security International SA

u

Signalson SA

Securitel SPRL,

deċiżjoni preliminari fuq l-interpetazzjoni ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandardijiettekniċi u tar-regolamenti (ĠU L 109, 1983, p. 8), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 88/182/KEE tat-22 ta’ Marzu 1988 (ĠU L 81, 1988, p. 75),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. N. Kakouris, D. A. O. Edward u J. –P. Puissochet, Presidenti ta' Awla, G. F. Mancini, J. C. Moitinho de Almeida, P. J. G. Kapteyn, C. Gulmann (Relatur), J. L. Murray, H. Ragnemalm u L. Sevón, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. B. Elmer,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għal CIA Security International SA, minn C. van Rutten, Avukat mal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Liège,

–       għal Signalson SA, minn V.-V. Dehin, Avukat mal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Liège,

–       għal Securitel SPRL, minn J.-L. Brandenberg, Avukat mal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Liège,

–       għall-Gvern Belġjan, minn J. Devadder, Direttur ta’ l-Amministrazzjoni fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn E. Roeder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta' l-Ekonomija, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiz, minn A. Bos, Konsulent Legali, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Braviner, tat-Treasury Solicitor's Department, u E. Sharpston, Barrister, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Wainwright, Konsulent Legali Prinċipali, u J.-F. Pasquier, uffiċjal nazzjonali misluf lis-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' CIA Security International SA, irrappreżentata minn C. van Rutten; ta’ Signalson SA, irrappreżentata minn V.-V. Dehin; tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn D. Jacob, Assistent Konsulent fil-Ministeru ta’ l-Intern, bħala aġent; tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J.S. van Oosterkamp, Assistent Konsulent Legali; tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn S. Braviner u E. Sharpston, u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u J.-F. Pasquier fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 1995,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Ottubru 1995,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' sentenza ta' l-20 ta’ Ġunju 1994, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 1994, it-Tribunal de Commerce de Liège għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, sitt domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 30 ta' l-istess Trattat u tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta' Marzu 1993, li tistabbilixxi proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandardijiet tekniċi u tar-regolamenti (ĠU L 109, p. 8, iktar 'il quddiem id-Direttiva 83/189"), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 88/183/KEE, tat-22 ta' Marzu 1988 (ĠU L 81, p. 75).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawżi bejn il-kumpannija CIA Security International (iktar 'il quddiem "CIA Security") u l-kumpanniji Signalson (iktar 'il quddiem "Signalson") u Securitel (iktar 'il quddiem "Securitel"); dawn it-tlieta huma kumpanniji tas-sigurtà skond il-Liġi Belġjana ta' l-10 ta' April 1990 dwar l-Impriżi Kuratriċi, l-Impriżi ta' Sigurtà u s-Servizzi Interni Kuratriċi (iktar 'il quddiem il-"Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà").

3       Skond l-Artikolu 1(3) ta' din il-liġi: "Kull persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita attivita li tikkonsisti fil-provvista, lil terzi, b'mod permanenti jew okkażjonali, ta' servizzi ta' disinn, ta' installazzjoni u ta' manutenzjoni ta' sistemi ta' allarm u netwerkijiet hija meqjusa bħala impriża tas-sigurtà skond din il-Liġi".

4       Skond l-Artikolu 1(4) tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà, "Is-sistemi ta' allarm u netwerkijiet imsemmija f'dan l-Artikolu huma intiżi sabiex jevitaw jew jikkonstataw reati kontra persuni jew proprjetà ".

5       L-Artikolu 4 ta' din il-liġi jipprovdi li "Ħadd ma jista' jopera impriża ta' sigurtà jekk ma jkollux minn qabel approvazzjoni mill-Ministru ta' l-Intern. L-approvazzjoni hija mogħtija biss jekk l-impriża tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' din il-Liġi u l-kundizzjonijiet dwar il-mezzi finanzjarji u apparat tekniku, stabbiliti mir-Re…".

6       L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà jipprovdi li "Is-sistemi ta’ allarm u netwerkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) u l-komponenti tagħhom jistgħu jkunu kkummerċjalizzati jew b’mod ieħor mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' l-utenti biss wara li jkunu ġew awtorizzati skond proċedura stabbilita mir-Re...".

7       Din il-proċedura kienet stabbilita permezz ta' Digriet Irjali ta' l-14 ta’ Mejju 1991 li jistabbilixxi l-proċedura ta' approvazzjoni tas-sistemi ta’ allarm u netwerkijiet, imsemmija fil-Liġi ta’ l-10 ta' April 1990 dwar l-Impriżi Kuratriċi (iktar 'il quddiem id-"Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991").

8       L-Artikolu 2(1) ta' dan id-Digriet jipprovdi li "Ebda manufattur, importatur, grossista jew persuna fiżika jew ġuridika oħra ma tista' tikkummerċjalizza fil-Belġju jew tqiegħed b'kull mod ieħor għad-dispożizzjoni ta' l-utenti apparat ġdid, jekk dan ma jkunx ġie awtorizzat minn qabel minn kummissjoni stabbilita għal dan il-għan, iktar 'il quddiem imsejħa "kummissjoni ta' l-apparat".

9       Mill-Artikoli 4 sa 7 tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 jirriżulta li l-approvazzjoni eventwali ta' l-apparat għandha tkun ippreċeduta minn eżami ta' l-apparat u minn testijiet.

10     Skond l-Artikolu 5, l-eżami jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta' l-apparat, fil-kontroll taċ-ċirkwiti elettriċi skond id-dokumenti mogħtija mill-manufattur u fil-kontroll tal-funzjonijiet minimi meħtieġa. It-testijiet imwettqa fuq l-apparat, previsti fl-Artikolu 6 tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991, jikkonċernaw l-adegwatezza tal-funzjonalità, l-aspett mekkaniku, kemm hu ta' min jafda l-funzjonament mekkaniku u/jew elettroniku, l-insensittività għall-allarmi foloz, il-protezzjoni kontra l-frodi jew l-attentati li jkun newtralizzat l-apparat. Għal dan il-għan, l-apparat huwa suġġett għat-testijiet meħtieġa fl-Annessi 3 u 4 ta' dan id-Digriet.

11     L-Artikolu 8 tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju jipprovdi li "Jekk ir-rikorrent jistabbilixxi permezz tad-dokumenti neċessarji li l-apparat tiegħu diġà ġie suġġett għal provi li huma ta’ l-inqas ekwivalenti għal dawk deskritti fl-Artikolu 7 f’laboratorju awtorizzat fi Stat Membru ieħor tal-KEE skond ir-regoli KEE u li dan ġie approvat ta’ mill-inqas tliet snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni attwali, korp imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandu jwettaq biss fuq l-apparat it-testijiet li kienu għadhom ma twettqux fl-Istat Membru l-ieħor tal-KEE."

12     Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju ta' l-1991 ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fuq regolamenti tekniċi prevista fid-Direttiva 83/189 u li, wara opinjoni motivata mogħtija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KEE, il-Gvern Belġjan, fi Frar 1993, innotifika abbozz ġdid ta’ Digriet Irjali li jistabbilixxi l-proċedura għall-approvazzjoni ta' sistemi ta' allarm u netwerkijiet. Dan l-abbozz, adottat fil-31 ta’ Marzu 1994, huwa essenzjalment identiku għad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 li huwa abroga, madankollu, l-Artikolu 8 tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 kien ġie emendat skond suġġerimenti li tat il-Kummissjoni.

13     It-tliet kumpanniji fil-kawża prinċipali huma kompetituri li l-attività kummerċjali tagħhom hija l-manufatturazzjoni u l-bejgħ ta' sistemi ta' allarm u netwerkijiet.

14     Fil-21 ta’ Jannar 1994, CIA Security ressqet quddiem it-tribunal de commerce ta' Liège talbiet intiżi sabiex Signalson u Securitel jiġu kkundannati jwaqqfu l-komportamenti żleali tagħhom li bdew f’Jannar ta’ l-1994. Hija bbażat it-talbiet tagħha fuq l-Artikoli 93 u 95 tal-Liġi Belġjana ta' l-14 ta' Lulju 1991 dwar il-prattiċi kummerċjali, li jipprojbixxu l-prattiċi kummerċjali żleali. CIA Security tilmenta fil-fatt illi Signalson u Securitel immalafamawha billi saħqu b'mod partikolari li sistema ta’ allarm li hija tikkummerċjalizza – is-sistema Andomède – ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam ta' sistemi ta' sigurtà

15     Signalson u Securitel ippreżentaw kontrotalbiet intiżi sabiex prinċipalment CIA Security tkun pprojbita milli tkompli l-attivatijiet tagħha minħabba li hija mhijiex awtorizzata bħala impriża ta' sigurtà u tikkummerċjalizza sistema ta' allarm li mhijiex approvata.

16     Fid-deċiżjoni interlokutorja tiegħu, it-tribunal de commerce de Liège kkunsidra li, għalkemm it-talbiet prinċipali u l-kontrotalbiet huma intiżi sabiex jiġu sanzjonati prattiċi żleali pprojbiti mil-Liġi dwar il-Prattiċi Kummerjali, xorta jibqa' l-fatt li dawn il-prattiċi għandhom jiġi evalwati abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà u tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991.

17     Il-qorti tar-rinviju wara kkonstatat, minn naħa li, jekk CIA Security kisret il-Liġi fuq l-Impriżi ta' Sigurtà u d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991, il-proċeduri legali tagħha jistgħu jiġu ddikjarati bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta' locus standi jew ta' interess li taġixxi u, min-naħa l-oħra li, jekk il-Liġi fuq l-Impriżi ta' Sigurtà u d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, Signalson u Securitel ma jkunux jistgħu jibbażaw il-kontrotalbiet tagħhom għal waqfien fuq ksur ta’ dawn in-normi.

18     Peress illi kellu dubju fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Belġjana in kwistjoni ma' l-Artikolu 30 tat-Trattat u peress illi ġie kkonstatat illi din il-leġiżlazzjoni ma kinitx ġiet innotifikata qabel l-adozzjoni tagħha lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 83/189, it-tribunal de commerce de Liège ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1. Il-liġi ta’ l-10 ta’ April 1990 fuq l-Impriżi Kuratriċi, l-Impriżi ta' Sigurtà u s-Servizzi Interni Kuratriċi, b'mod iktar partikolari l-Artikoli 4 u 12 tagħha, toħloq restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew fiha miżuri ta' effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva pprojbiti mill-Artikolu 30 tat-Trattat KEE?

2. Id-Digriet Irjali ta' l-14 ta’ Mejju 1991 li jistabbilixxi l-proċedura għall-approvazzjoni ta’ sistemi ta' allarm u netwerkijiet imsemmija fil-Liġi ta' l-10 ta' April 1990, b'mod partikolari fl-Artikoli 2 u 8 tagħha, huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 30 tat-Trattat li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll il-miżuri ta' effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva?

3. Il-liġi ta' l-10 ta’ April 1990 iċċitata iktar 'il fuq, b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 12 tagħha, fiha regolamenti tekniċi li kellhom ikunu kkomuniktati minn qabel lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 83/189/KEE?

4. Id-Digriet Irjali ta' l-14 ta’ Mejju 1991, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 8 tiegħu, fih regolamenti tekniċi li għandhom ikunu kkomunikati minn qabel lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 83/189/KEE?

5. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE li jipprovdu proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandardijiet tekniċi u tar-regolamenti, b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu, huma inkundizzjonati u preċiżi biżejjed sabiex individwi jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem qorti nazzjonali?

6. Id-dritt Komunitarju u l-protezzjoni mogħtija lil persuna b'applikazzjoni tiegħu jimponu fuq qorti nazzjonali l-obbligu li tirrifjuta l-applikazzjoni ta' regolament tekniku nazzjonali li ma ġiex ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru li adottah, skond l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE?"

 L-osservazzjonijiet preliminari

19     Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, skond il-Gvern Belġjan, Signalson u Securitel, kull domanda dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 mad-dritt Komunitarju saret mingħajr rilevanza peress illi l-qorti nazzjonali għandha, fit-tip ta' każ li tressaq quddiemha, tapplika l-liġi fis-seħħ fil-mument li fih hija tiddeċiedi u li, wara li tressqet il-kawża, id-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 ġie sostitwit bid-Digriet Irjali tal-31 ta' Marzu 1994, li huwa, skond il-Kummissjoni, konformi mad-dritt Komunitarju.

20     Din l-opinjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li l-mod li bih dawn għandhom ikunu applikati (ara, b' mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, Ayuntamiento de Ceuta, C-45/94, Ġabra p. I-4385, punt 26). Peress illi l-qorti nazzjonali hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawżi, il-ħtieġa ta' deċiżjoni preliminari sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, id-domandi preliminari ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li saru rrilevanti minħabba l-fatt li d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 ġie sostitwit bid-Digriet Irjali tal-31 ta' Marzu 1994.

21     Minħabba dan, jaqbel li l-ewwel tingħata risposta għat-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

22     Permezz tat-tielet u r-raba' domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 4 u 12 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà u d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991 jikkostitwixxux regolamenti tekniċi li kellhom, qabel l-adozzjoni tagħhom, ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 83/189.

23     Il-kunċett "regolament tekniku" huwa ddefinit fil-punt (5) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 bħala li jinkludi "l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, għall-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti sinjifikanti ta' dan l-Istat, bl-eċċezzjoni ta' dawk stabbiliti mill-awtoritajiet lokali"[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond il-punt (1) ta' dan l-Artikolu "speċifikazzjonijiet tekniċi" tfisser l-ispeċifikazzjoni li tidher f'dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott bħal-livelli ta’ kwalita jew ta' performanza, is-sigurtà, id-dimensjonijiet, inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott f'dak li jikkonċerna t-terminologija, is-simboli, il-provi u l-metodi ta’ provi, l-imballaġġ, l-immarkar u l-ittikettjar..."[traduzzjoni mhux uffiċjali].

24     Qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà tikkostitwixxix regolament tekniku skond id-Direttiva 83/189.

25     Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv, peress illi skond id-Direttiva 83/189, ir-regolamenti tekniċi huma speċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-prodotti u l-Artikolu 4 jillimita ruħu sabiex jistipola l- kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta' impriżi ta' sigurtà.

26     Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet ta’ l-14 ta' Mejju 1991, hemm lok li jiġi mfakkar li dan fih regoli ddettaljati li jiddefinixxu b'mod partikolari l-kundizzjonijiet dwar it-testijiet ta' kwalita u t-testijiet ta’ funzjonament tajjeb li għandhom ikunu sodisfatti sabiex sistema ta’ allarm jew netwerk tkun tista' tiġi approvata u kkummerċjalizzata fil-Belġju. Dawn ir-regoli għaldaqstant jikkostitwixxu regolamenti tekniċi skond id-Direttiva 83/189.

27     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 12 tal-Liġi fuq l-Impriżi ta' Sigurtà, għandu jiġi mfakkar li dan jipprovdi li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jiġu kkumerċjalizzati biss wara li jkunu ġew approvati minn qabel skond proċedura stabbilita mir-Re, li kienet ġiet stabbilita permezz tad-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991.

28     Skond il-Kummissjoni u CIA Security, l-Artikolu 12 tal-Liġi jikkostitwixxi regolament tekniku skond id-Direttiva, filwaqt illi Signalson, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Belġjan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, isostnu li dan l-Artikolu huwa biss liġi kwadru li ma tinkludix ebda regolament tekniku skond id-Direttiva 83/189.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li regola hija kklassifikata bħala regolament tekniku skond id-Direttiva 83/189 meta hija jkollha effetti legali tagħha nnifisha. Jekk, skond id-dritt nazzjonali, ir-regola tillimita ruħha sabiex tipprovdi bażi li tgħin sabiex jiġu adottati regolamenti amministrattivi li fihom regoli vinkolanti għall-persuni kkonċernati, b'tali mod li fiha nnifisha hija m'għandha ebda effett legali għall-individwi, ir-regola ma tikkostitwixxix regolament tekniku skond id-direttiva (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-317/92, Ġabra p. I-2039, punt 26). F'dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fl-istess żmien ta' l-abbozz tar-regolament tekniku, il-bażi li fuqha ġie adottat, meta l-għarfien ta' din il-bażi huwa neċessarju sabiex tiġi evalwata l-portata ta' l-abbozz.

30     Min-naħa l-oħra, regola għandha tkun ikklasifikata bħala regolament tekniku skond id-Direttiva 83/189 meta, kif indika l-Gvern Belġjan matul is-seduta, din tobbliga lill-impriżi kkonċernati jitolbu approvazzjoni minn qabel għall-apparat tagħhom, anke jekk ir-regoli amministrattivi previsti ma ġewx adottati.

31     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet u r-raba' domanda għandha tkun li regola bħall-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà ma tikkostitwixxix regolament tekniku skond id-Direttiva 83/189, filwaqt li dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-Digriet Irjali ta' l-14 ta' Mejju 1991 jikkostitwixxux regolamenti tekniċi u l- klassifikazzjoni ta’ regola bħall-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà tiddependi fuq l-effetti legali tagħha skond id-dritt nazzjonali.

 Il-ħames u s-sitt domanda

32     Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/189, u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu, humiex inkundizzjonali u suffeċjentement preċiżi b'tali mod li l-individwi jistgħu jagħmlu użu minnhom quddiem qorti nazzjonali, li għandha tirrifjuta li tapplika regolament tekniku nazzjonali li ma ġiex innotifikat skond id-Direttiva.

33     L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 83/189 jipprovdi:

"1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, ħlief fil-każ ta' sempliċi traspożizzjoni integrali ta' norma internazzjonali jew Ewropea, f’liema każ informazzjoni sempliċi dwar in-norma kkonċernata tkun biżżejjed; dawn għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni notifika qasir dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju li jiġi stabbilit dan ir-regolament tekniku sakemm dawn ir-raġunijiet ma jirriżultawx diġà mill-abbozz. Jekk ikun meħtieġ, l-Istat Membri għandhom jikkomunikaw simultanjament it-test tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari bażiċi li huma prinċiplament u direttament ikkonċernati, jekk l-għarfien ta' dan it-test huwa neċessarju sabiex tiġi evalwata l-portata ta' l-abbozz ta' regolament tekniku.

Il-Kummissjoni għanda tinnotifika wkoll l-abbozz lill-Istati Membri l-oħra; hija tista' wkoll tirreferi dan l-abbozz lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, lill-kumitat kompetenti fil-qasam in kwistjoni.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jibagħtu lill-Istat Membru li ħa sehem f'abbozz ta' regolament tekniku osservazzjonijiet li dan l-Istat Membru għandu jieħu in kunsiderazzjoni, safejn dan ikun possibbli, fil-preparazzjoni sussegwenti tar-regolament tekniku."

34     Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva:

"1. Bla ħsara għall-paragrafi 2 u 2a, l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ regolament tekniku għal sitt xhur mid-data tan- notifika msemmija fl-Artikolu 8(1), jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħti, fit-tliet xhur sussegwenti għal din id-data, opinjoni dettaljata li tgħid li l-miżura prevista għandha tiġi emendata sabiex jiġu eliminati jew limitati l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jistgħu eventwalment jirriżultaw minnha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti rapport lill-Kummissjoni fuq l-azzjoni li huwa għandu l-intenzjoni li jieħu fuq dawn l-opinjonijiet iddettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkumenta fuq din ir-reazzjoni.

2. It-terminu previst fil-paragrafu 1 għandu jkun ta' 12-il xahar jekk il-Kummissjoni, fit-tliet xhur sussegwenti għall-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1), tagħti notifika ta’ l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva fuq din il-kwistjoni.

2a. Meta l-Kummissjoni tikkonstata li komunikazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8(1) tirrigwarda suġġett kopert minn proposta għal direttiva jew regolament tal-Kunsill, hija għandha, fit-tliet xhur sussegwenti għal din il-komunikazzjoni, tinnotifika din il-konstatazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

L-Istati Membri għandhom jonqsu milli jadottaw regolamenti tekniċi dwar suġġett kopert minn proposta għal direttiva jew regolament ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill qabel il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) għal perijodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-preżentata ta' din il-proposta.

Ir-rikors għall-paragrafi 1, 2 u 2a ta’ dan l-Artikolu ma jistax ikun kumulattiv.

3. Il-paragrafi 1, 2 u 2a mhumiex applikabbli meta Stat Membru, għal raġunijiet urġenti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u ta' l-annimali, mal-preservazzjoni tal-pjanti jew mas-sigurtà, jkollu jipprepara fi żmien qasir ħafna regolamenti tekniċi sabiex jadotthom u jdaħħalhom fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, mingħajr ma jkun possibbli li ssir konsultazzjoni. L-istat Membru għandu jindika fil-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 il-motivi li jiġġustifikaw din l-urgenza għall-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa f'każ ta' użu abużiv ta' din il-proċedura." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

35     L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprovdi li "L-Artikoli 8 u 9 m'għandhomx japplikaw meta l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-direttivi u r-regolamenti Komunitarji; l-istess ser japplika fil-każ ta’ obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali li għandhom bħala effett l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi uniformi fil-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36     Għandu jiġi mfakkar li fl-1986, f’komunikazzjoni (86/C 245/05 ĠU C 245, 1986, p. 4) il-Kummissjoni ddefiniet il-pożizzjoni tagħha fuq il-punt imqajjem mit-tribunal de commerce de Liège fl-aħħar żewġ domanda tiegħu. F'din il-komunikazzjoni, hija kkonstatat, minn naħa li d-Direttiva tagħtiha, kif ukoll lill-Istati Membri, rwol importanti billi tippermettilha timpedixxi l-ħolqien ta’ ostakoli tekniċi ġodda għall-iskambji u, min-naħa l-oħra, li l-obbligi ta' l-Istati Membri maħluqa minn din id-Direttiva huma ċari u mhux ekwivoki, safejn:

–       l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi kollha li jaqgħu taħt id-Direttiva;

–       huma għandhom jissospendu l-adozzjoni ta’ abbozzi ta' regolamenti tekniċi awtomatikament għal tliet xhur, ħlief fil-każijiet speċjali msemmija fl- Artikolu 9(3);

–       huma għandhom jissospendu l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ regolamenti tekniċi għal bejn tliet xhur u disa' xhur oħra skond jekk tqajmux oġġezzjonijiet jew jekk test leġiżlattiv Komunitarju huwiex previst.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonstatat li n-nuqqas ta' osservanza, minn naħa ta' l-Istati Membri, ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva jostakola serjament il-kompletament tas-suq intern bir-riskju ta' effetti negattivi għall-iskambji.

37     Mill-komunikazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tikkonkludi minn dawn il-konstatazzjonijiet li "jekk Stat Membru jadotta regolament tekniku li jaqa’ taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/189/KEE mingħajr ma jinnotifika l-abbozz lill-Kummissjoni u mingħajr ma jirrispetta l-obbligu ta' statu quo, ir-regola hekk adottata ma tistax tkun applikabbli fil-konfronti ta' terzi bis-saħħa tas-sistema legali ta' l-Istat Membru kkunsdirat. Il-Kummissjoni tqis għaldaqstant li l-partijiet fil-kawża għandhom id-dritt li jistennew li l-qrati nazzjonali jirrifjutaw li japplikaw regolamenti tekniċi nazzjonali li ma kinux ġew ikkommunikati kif teħtieġ il-leġiżlazzjoni Komunitarja".

38     F'din il-kawża, il-Kummissjoni żammet din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 83/189, li magħha qablet CIA.

39     Il-Gvern Ġermaniż, Olandiż u tar-Renju Unit ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni u jqisu, għall-kuntrarju, li r-regolamenti tekniċi skond id-Direttiva 83/189 jistgħu jiġu infurzati kontra individwi, anki jekk dawn kienu ġew adottati bi ksur ta’ l-obbligi tad-Direttiva. L-argumenti li fuqhom dik l-interpretazzjoni hija bbażata ser ikunu eżaminati hawn taħt.

40     Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 83/189 hija intiża, permezz ta' kontroll preventiv, sabiex tħares il-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-Komunità. Dan il-kontroll huwa utli safejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt id-Direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-iskambji ta' merkanzija bejn Stati Membri, peress illi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aċċettati biss jekk huma neċessarji sabiex jiġu sodisfatti eżiġenzi imperattivi li jridu jilħqu għan ta' interess ġenerali. Il-kontroll stabbilit mid-Direttiva huwa effettiv safejn l-abbozzi kollha ta' regolamenti tekniċi li jaqgħu taħtha għandhom ikunu nnotifikati u safejn l-adozzjoni u tqegħid fis-seħħ ta' dawn ir-regolamenti – bl-eċċezzjoni ta' dawk li l-urġenza tagħhom tiġġustifika eċċezzjoni – għandhom ikunu sospiżi matul il-perijodi ddeterminati fl-Artikolu 9.

41     In-notifika u l-perijodu ta’ sospensjoni jagħtu għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-opportunità, minn naħa, li jeżaminaw jekk l-abbozz in kwistjoni joħloqx ostakoli għall-iskambji kuntrarji għat-Trattat KE jew ostakoli li għandhom ikunu evitati permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri komuni u armonizzati u, min-naħa l-oħra, li jipproponu emendi għall-miżuri nazzjonali previsti. Barra minn hekk, din il-proċedura tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi jew tadotta regoli Komunitarji li jirregolaw il-kwistjoni li tkun is-suġġett tal-miżura prevista.

42     Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-każijiet kollha li fihom id-dispożizzjonijiet ta' Direttiva jidhru bħala li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, dawn jistgħu jkunu invokati kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mad-Direttiva (ara s-sentenzi tad-19 ta' Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, u tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

43     Skond il-Gvern tar-Rejnu Unit, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/189 ma jissodisfawx dawn il-kriterji, b'mod partikolari, peress illi l-proċedura ta' notifika tinkludi numru ta' elementi impreċiżi.

44     Din l-opinjoni ma tistax tiġi adottata. Fil-fatt l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 jippreskrivu obbligu preċiż għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi ta' regolamenti tekniċi qabel l-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, peress illi, mil-lat tal-kontenut tagħhom, dawn l-Artikoli huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, dawn jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali.

45     Għadhom iridu jiġu eżaminati l-kosegwenzi ġuridiċi li hemm lok li jinħarġu minn nuqqas ta' l-Istati Membri li jwettqu l-obbligu tagħhom ta' notifika u, b'mod iktar preċiż, jekk id-Direttiva 83/189 għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi n-nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu ta' notifika, li jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, iwassal għall-inapplikabbiltà ta' dawn ir-regolamenti tekniċi, b'tali mod li huma ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward ta' individwi.

46     Il-Gvern Ġermaniż, Olandiż u tar-Renju Unit jikkunsidraw f'dan ir-rigward li d-Direttiva 83/189 tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li hija tillimita ruħha li toħloq obbligi proċedurali li l-Istati Membri għandhom josservaw fl-adozzjoni ta' regolamenti tekniċi, peress illi l-kompetenza tagħhom biex jadottaw ir-regoli in kwistjoni wara l-perijodu ta' sospensjoni mhuwiex madankollu qiegħed jiġi ddubitat, u, fl-aħħar nett, li d-Direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni espressa dwar l-effetti eventwali relatati man-nuqqas ta' osservanza ta' l-imsemmija obbligi proċedurali.

47     Qabel kollox għandu jiġi rrilevat f'dan il-kuntest li ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jwaqqaf in-nuqqas ta' osservanza tad-Direttiva 83/189 milli jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi in kwistjoni.

48     Tali konsegwenza tal-ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 83/189 ma tiddependix minn dispożizzjoni espressa f'dan is-sens. Kif diġà ġie rrilevat, huwa kostanti li l-għan tad-Direttiva huwa l-ħarsien tal-moviment liberu tal-merkanzija permezz ta' kontroll preventiv u li l-obbligu ta' notifika jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq ta' dan il-kontroll Komunitarju. L-effettività ta’ dan il-kontroll Komunitarju jkun ħafna ikbar jekk id-Direttiva tkun interpretata fis-sens illi n-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu ta' notifika jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli tekniċi in kwistjoni fir-rigward ta' individwi.

49     Hemm lok li jiġi wkoll irrilevat li din l-interpretazzjoni tad-Direttiva hija konformi mas-sentenza tat-13 ta' Lulju 1989, Enichem Base et (380/87, Ġabra p. 2491, punti 19 sa 24). F'din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-obbligu, għall-Istati Membri, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi ta' regoli nazzjonali fil-qasam ta' applikazzjoni ta' Artikolu tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, 1975, p. 39), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li la l-kliem u lanqas l-għan tad-dispożizzjoni eżaminata ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu ta' komunikazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwasslu, waħdu, għall-illegalità tar-regolamenti hekk adottati. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrilevat li d-dispożizzjoni in kwistjoni limitat ruħha li timponi obbligu ta' komunikazzjoni minn qabel li ma ssuġġettax it-tqegħid fis-seħħ tar-regolamenti previsti għall-ftehim jew għan-nuqqas ta' oppożizzjoni tal-Kummissjoni u li ma stabbilixxiex proċedura ta' kontroll Komunitarju ta' l-abbozzi in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet li d-dispożizzjoni eżaminata kienet tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, iżda li, min-naħa l-oħra, hija ma tagħti ebda dritt lill-individwi li jista' jiġi miksur fil-każ ta’ ksur mill-Istat Membru ta’ l-obbligu tiegħu li jinnotifika minn qabel lill-Kummissjoni bl-abbozzi ta' regolamenti tiegħu.

50     Għal kuntrarju f'dan il-każ, l-għan tad-Direttiva mhuwiex sempliċement li l-Kummissjoni tiġi informata, iżda preċiżament, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 41 ta' din is-sentenza, għan iktar ġenerali, li telimina jew tillimita l-ostakoli għall-iskambji, li tinforma lill-Istati l-oħra bir-regolamenti tekniċi previsti minn Stat, li tagħti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra ż-żmien neċessarju sabiex jirreaġixxu u jipproponu emenda li tippermetti li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw mill-miżura prevista u li tagħti lill-Kummissjoni ż-żmien neċessarju sabiex tipproponi direttiva ta' armonizzazzjoni. Barra minn hekk, il-kliem ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 huwa ċar għaliex dawn jipprovdu proċedura ta' kontroll Komunitarju ta' l-abbozzi tar-regolamenti nazzjonali u jissuġġettaw id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom għall-ftehim jew għan-nuqqas ta' oppożizzjoni tal-Kummissjoni.

51     Fl-aħħar għandu jkun eżaminat jekk, kif osserva l-Gvern tar-Renju Unit hemmx raġunijiet speċifiċi marbuta mad-Direttiva 83/189 li jipprekludu li din tkun tista' tiġi interpretata bħala li timplika l-inapplikabbiltà fir-rigward ta' terzi tar-regolamenti tekniċi adottati bi ksur tad-Direttiva.

52     F’dan ir-rigward, diġà ġie osservat illi l-inapplikabbiltà ta' tali regolamenti fir-rigward ta' terzi toħloq vojt leġiżlattiv fis-sistema ġuridika nazzjonali in kwistjoni u tista' għaldaqstant twassal għal inkonvenjenzi gravi b'mod partikolari meta l-inapplikabbiltà tikkonċerna regolamenti fil-qasam tas-sigurtà.

53     Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Stat Membru jista’ juża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 83/189 meta, għal raġunijiet definiti f'din id-dispożizzjoni, huwa jqis li jkun neċessarju li jiġu ppreparati fi żmien qasir regolamenti tekniċi sabiex jiġu adottati u mdaħħla fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, mingħajr ma tkun possibbli konsultazzjoni.

54     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li d-Direttiva 83/189 għandha tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu ta' notifika jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli tekniċi kkonċernatai, b'tali mod li dawn ma jistgħux ikunu applikati fir-rigward ta' individwi.

55     Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames u sitt domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qorti nazzjonali, li min-naħa tagħha għandha tirrifjuta li tapplika regola teknika nazzjonali li ma ġietx innotifikata skond id-Direttiva.

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

56     Permezz ta’ l-ewwel u tieni domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 30 tat-Trattat jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 4 u 12 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà u d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991.

57     Fid-dawl tar-risposti mogħtija lit-tielet, ir-raba', il-ħames u s-sitt domanda mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari safejn dawn jikkonċernaw l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà u d-Digriet ta' l-14 ta' Mejju 1991, peress illi dawn mhumiex applikabbli fir-rigward ta' terzi. Għaldaqstant għandha tingħata risposta biss għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda preliminari li permezz tagħha qiegħed jiġi mistoqsi jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà, li tgħid li ħadd ma jista' jopera impriża ta' sigurtà mingħajr ma jkun awtorizzat mill-Ministru ta' l-Intern, hijiex kompatibbli ma' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

58     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat illi peress illi dispożizjzzjoni bħal din timponi kundizzjoni sabiex impriża tkun tista' titwaqqaf u teżerċita l-attivatijiet tagħha ta' impriża ta' sigurtà, din ma taqax direttament taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat li jikkonċerna l-moviment liberu tal-merkanzija bejn Stati Membri. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-proċess ma jinkludi lanqas l-iċken indikazzjoni li dispożizzjoni bħal din għandha effetti restrinġenti fuq il-moviment liberu tal-merkanzija jew, barra minn hekk, tmur kontra d-dritt Komunitarju.

59     Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 30 tat-Trattat ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Impriżi ta' Sigurtà.

 Fuq l-ispejjeż

60     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Olandiż u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja

hija u tiddeċiedi fuq id-domandi li ġew sottomessi lilha mit-tribunal de commerce de Liège, permezz ta' sentenza ta' l-20 ta' Ġunju 1994, taqta u tiddeċiedi li:

1)      Regola bħall-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana ta' l-10 ta' April 1990, dwar l-Impriżi Kuratriċi, l-Impriżi ta' Sigurtà u s-Servizzi Interni Kuratriċi, ma tikkostitwixxix regolament tekniku skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta' Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura ta' għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandardijiet tekniċi u tar-regolamenti, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 88/182/KEE tat-22 ta' Marzu 1988, filwaqt li dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-Digriet Irjali Belġjan ta' l-14 ta' Mejju 1991, li jistabbilixxi l-proċedura ta' approvazzjoni tas-sistemi ta’ allarm u netwerkijiet imsemmija fil-Liġi ta' l-10 ta' April 1990, jikkostitwixxux regolamenti tekniċi u l- klassifikazzjoni ta’ regola bħall-Artikolu 12 tal-Liġi ta' l-10 ta' April iċċitata iktar 'il fuq, tiddependi fuq l-effetti legali tagħha skond id-dritt nazzjonali.

2)      L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189, kif emendata mid-Direttiva 88/182 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qorti nazzjonali, li min-naħa tagħha għandha tirrifjuta li tapplika regola teknika nazzjonali li ma ġietx innotifikata skond id-Direttiva.

3)      L-Artikolu 30 tat-Trattat ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4 tal-Liġi ta' l-10 ta' April 1990, iċċitata iktar 'il fuq.

Rodríguez Iglesias

Kakouris

Edward

Puissochet

Mancini

Moitinho de Almeida

Kapteyn

Gulmann

Murray

Ragnemalm

 

      Sevón

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' April 1996.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.