SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

19 ta' Ġunju 1990 (*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari: House of Lords - Renju Unit – Drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet Komunitarji – Protezzjoni mill-qrati nazzjonali – Kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jieħdu miżuri provviżorji meta jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari"

Fil-kawża C-213/89,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artiklu 177 tat-Trattat KEE, mill-House of Lords u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

The Queen

u

Secretary of State for Transport, ex parte: Factortame Ltd et,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u dwar il-portata tas-setgħa tal-qrati nazzjonali li jieħdu miżuri provviżorji meta jkunu in kwistjoni drittijiet li huma mogħtija mid-dritt Komunitarju,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn O. Due, President, Sir Gordon Slynn, C. N. Kakouris, F. A. Schockweiler u M. Zuleeg, Presidenti ta' Awla, G. F. Mancini, R. Joliet, J. C. Moitinho de Almeida, G. C. Rodríguez Iglesias, F. Grévisse, M. Díez de Velasco, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : G. Tesauro

Reġistratur: H. A. Ruhl, Amministratur Prinċipali

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. J. G. Pratt, Principal Assistant Treasury Solicitor, bħala aġent, assistit minn Sir Nicholas Lyell, QC, Solicitor General, Christopher Bellamy, QC, u Christopher Vajda, barrister,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn Louis J. Dockery, Chief State Solicitor, bħala aġent, assistit minn James O'Reilly, SC,

–       għal Factortame Ltd et, minn David Vaughan, QC, Gerald Barling, barrister, David Anderson, barrister, u Stephen Swabey, solicitor, ta' l-uffiċċju legali Thomas Cooper & Stibbard,

–       għall-Kummissjoni, minn Götz zur Hausen, konsulent legali, u Peter Oliver, membru tas-servizz ġuridiku tagħha, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern tar-Renju Unit, ta' Factortame Ltd et, ta' Rawlings (Trawling) Ltd, irrappreżentata minn N. Forwood, QC, u tal-Kummissjoni, ippreżentati fis-seduta għas-smigħ tat-trattazzjoni tal-5 ta' April 1990,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Mejju 1990,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tas-sentenza tat-18 ta' Mejju 1989, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Lulju 1989, il-House of Lords ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Tratt KEE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u dwar il-portata tas-setgħa tal-qrati nazzjonali li jieħdu miżuri provviżorji meta jkunu in kwistjoni drittijiet li huma mogħtija mid-dritt Komunitarju.

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawża mressqa kontra s-Secretary of State for Transport minn Factortame Ltd u minn kumpanniji oħra regolati bil-liġi tar-Renju Unit, kif ukoll mid-diretturi u mill-azzjonisti ta’ dawn il-kumpanniji, li l-parti l-kbira tagħhom huma ċittadini Spanjoli (iktar 'il quddiem l-"appellanti fil-kawża prinċipali").

3       Jirriżulta mill-proċess li l-kumpanniji in kwistjoni huma l-proprjetarji jew l-operaturi ta' 95 bastiment tas-sajd li kienu rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti Britanniċi taħt il-Merchant Shipping Act 1894 (Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta' l-1894). Mill-imsemmija bastimenti, 53 kienu oriġinarjament irreġistrati fi Spanja, u kienu jtajru l-bandiera Spanjola, iżda f'diversi dati mill-1980 'il quddiem, huwa ġew irreġistrati fir-reġistru Brittaniku. It-42 bastiment l-oħra dejjem kienu rreġistrati fir-Renju Unit, iżda nxtraw mill-kumpanniji in kwistjoni f'diversi dati, l-iktar mill-1983 'il quddiem.

4       Is-sistema legali li tirrigwarda r-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd Britanniċi ġiet emendata radikalment permezz tat-Taqsima II tal-Merchant Shipping Act 1988 (Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta' l-1988, iktar 'il quddiem l-"Att ta’ l-1988"), u tal-Merchant Shipping (Registration of Fishing Vessels) Regulations 1988 (Regolamenti ta' l-1988 dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Bastimenti tas-Sajd, iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti ta' l-1988"; S.I. 1988, Nru 1926). Huwa paċifiku li r-Renju Unit wettaq din l-emenda bil-għan li jġib fit-tmiem il-prattika magħrufa bħala "quota hopping", jiġifieri l-prattika li, skond il-Gvern tar-Renju Unit, tikkonsisti fis-"sakkeġġ" tal-kwoti tas-sajd allokati lir-Renju Unit minn bastimenti li jtajru l-bandiera Britannika iżda li m'għandhom l-ebda rabta awtentika mar-Renju Unit.

5       L-Att ta' l-1988 ipprovda għat-twaqqif ta' reġistru ġdid li fih, minn dak iż-żmien 'il quddiem, kellhom jiġu rreġistrati l-bastimenti tas-sajd Britanniċi kollha, inklużi dawk li kienu diġà rreġistrati fir-reġistru ġenerali l-antik skond l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta' l-1894. Madankollu, huma biss il-bastimenti tas-sajd li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 ta' l-Att ta' l-1988 li jistgħu jiġi rreġistrati fir-reġistru l-ġdid.

6       Dan l-Artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, bla ħsara għad-derogi li jistgħu jingħataw mill-Ministru tat-Trasport, bastiment tas-sajd jista' jiġi rreġistrat fir-reġistru l-ġdid biss jekk:

(a) il-proprjetarju tiegħu jkun Britanniku,

(b) ikun operat mir-Renju Unit, u l-operazzjonijiet tiegħu huma mmexxija u kkontrollati mir-Renju Unit,

(c) in-noleġġatur, l-armatur jew l-operatur tal-bastiment ikun persuna jew kumpannija kwalifikata.

Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, bastiment tas-sajd jitqies li jappartjeni lil propjetarju Brittaniku jekk il-proprjetà nominali (legal ownership) hija totalment miżmuma minn persuna jew kumpannija kwalifikata waħda jew iktar u jekk it-proprjetà effettiva (beneficial ownership) tal-bastiment tappartjeni lil kumpannija kwalifikata waħda jew iktar jew jekk mill-inqas 75% tal-proprjetà effettiva tiegħu tappartjeni lil persuna kwalifikata waħda jew iktar; il-paragrafu 7 ta' l-istess dispożizzjoni jispeċifika li "persuna kwalifikata" tfisser persuna li għandha ċ-ċittadinanza Britannika, u li hija residenti u domiċiljata fir-Renju Unit, u li "kumpannija kwalifikata" tfisser kumpannija kkostitwita fir-Renju Unit, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha hemmhekk, u li mill-inqas 75% ta' l-ishma tagħha jappartjenu lil persuna jew kumpannija kwalifikata waħda jew iktar, u li mill-inqas 75% tad-diretturi tagħha huma persuni kwalifikati.

7       L-Att u r-Regolamenti ta' l-1988 daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1988. Madanakollu, skond l-Artikolu 13 ta' l-Att, il-validità tar-reġistrazzjonijiet magħmula taħt is-sistema preċedenti ġiet estiża għal perijodu tranżitorju sal-31 ta' Marzu 1989.

8       Fl-4 ta' Awwissu 1989, il-Kummissjoni ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KEE, bil-għan li jiġi kkonstatat li, bil-fatt li impona l-kundizzjonijiet ta' nazzjonalità previsti fl-Artikolu 14 ta' l-Att ta' l-1988, ir-Renju Unit naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 7, 52 u 221 tat-Trattat KEE. Dan ir-rikors huwa s-suġġett tal-kawża 246/89, attwalment pendenti. Permezz ta' att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna, bħala miżura proviżorja, is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta' nazzjonalità fil-konfront taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra u tal-bastimenti tas-sajd li, sal-31 ta' Marzu 1989, kienu jeżerċitaw attività ta' sajd taħt il-bandiera Britannika u b'liċenzja tas-sajd Britannika. Permezz ta' digriet ta' l-10 ta' Ottubru 1989 (246/89 R, Ġabra p. 3125), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' din it-talba. B'eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, ir-Renju Unit adotta digriet irjali li jemenda l-Artikolu 14 ta' l-Att ta' l-1988 b'effett mit-2 ta' Novembru 1989.

9       Fil-mument meta tressqu l-proċeduri li taw lok għall-kawża prinċipali, il-95 bastiment tas-sajd proprjetà ta’ l-appellanti fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 14 ta' l-Att ta' l-1988 u għalhekk ma setgħux jiġu rreġistrati fir-reġistru l-ġdid.

10     Billi dawn il-bastimenti kienu ser jiġu mċaħħda mid-dritt li jistadu mill-1 ta' April 1989 'il quddiem, il-kumpanniji in kwistjoni kkontestaw, permezz ta' rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tat-Taqsima II ta' l-Att ta' l-1988; huma talbu wkoll li jittieħdu miżuri provviżorji għall-perijodu kollu sakemm jiġi deċiż b'mod finali r-rikors tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju.

11     Permezz tas-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Marzu 1989, id-Divisional Court tal-Queen's Bench Division: i) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE dwar il-punti ta' dritt Komunitarju mqajma waqt il-proċeduri; u ii) ordnat, bħala miżura proviżorja, is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni tat-Taqsima II ta' l-Att ta' l-1988 u tar-Regolamenti ta' l-1988 fil-konfront tar-rikorrenti.

12     Fit-13 ta' Marzu 1989, is-Secretary of State for Transport appella mid-digriet tad-Divisional Court dwar il-miżuri provviżorji. Permezz ta' sentenza tat-22 ta' Marzu 1989, il-Court of Appeal iddeċidiet li skond il-liġi nazzjonali l-qrati ma kellhomx is-setgħa li jissospendu provviżorjament l-applikazzjoni tal-liġijiet. Konsegwentement, hija annullat id-digriet tad-Divisional Court.

13     Il-House of Lords, li quddiemha tressqet il-kawża, tat is-sentenza tagħha tat-18 ta' Mejju 1989, iċċitata iktar 'il fuq. Permezz ta' din is-sentenza, hija kkonstatat, l-ewwel nett, li l-allegazzjonijiet ta’ l-appellanti fil-kawża prinċipali dwar id-dannu irreparabbli li kienu ser isofru fil-każ li ma jittieħdux il-miżuri provviżorji mitluba kienu fondati. Madanakollu, hija ddeċidiet li, skond il-liġi nazzjonali, il-qrati Britanniċi ma kellhomx is-setgħa li jieħdu miżuri provviżorji f'każ bħal dak tal-kawża prinċipali; b'mod iktar partikolari, it-teħid ta' miżuri provviżorji kien prekluż mir-regola antika tal-common law, li skondha ebda miżura provviżorja ma tista' tittieħed kontra l-Kuruna, jiġifieri kontra l-gvern, flimkien mal-preżunzjoni li l-liġijiet nazzjonali huma konformi mad-dritt Komunitarju, sakemm ma tingħatax deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tagħhom ma' dan id-dritt.

14     Il-House of Lords imbagħad ikkunsidrat il-kwistjoni jekk, minkejja l-imsemmija regola tad-dritt nazzjonali, il-qrati Britanniċi kellhomx is-setgħa li jieħdu miżuri provviżorji kontra l-Kuruna abbażi tad-dritt Komunitarju.

15     Billi kkunsidrat li l-kawża qajmet problema ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-House of Lords iddeċidiet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, li tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li ġejjin:

1) Meta,

i) fi proċeduri mressqa quddiem qorti nazzjonali, parti ssostni li hija tgawdi drittijiet taħt il-dritt Komunitarju li għandhom effett dirett fid-dritt nazzjonali (id-'drittijiet invokati'),

ii) jekk tiġi applikata, dispożizzjoni nazzjonali fformulata f'termini ċari se ċċaħħad awtomatikament lil din il-parti mid-drittijiet invokati,

iii) jeżistu argumenti serji kemm favur kif ukoll kontra l-eżistenza tad-drittijiet invokati u l-qorti nazzjonali talbet deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 dwar jekk id-drittijiet invokati jeżistux jew le,

iv) id-dritt nazzjonali jippreżumi li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni hija konformi mal-dritt Komunitarju, sakemm ma tiġix ikkonstatata l-inkompatibbiltà tagħha,

v) il-qorti nazzjonali m'għandhiex is-setgħa li tieħu miżuri provviżorji li jipproteġu d-drittijiet invokati permezz tas-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali sakemm tingħata d-deċiżjoni preliminari,

vi) fl-aħħar nett, fil-każ li d-deċiżjoni preliminari tkun favur id-drittijiet invokati, il-parti intitolata għal dawn id-drittijiet probabbilment tkun sofriet dannu irreparabbli sakemm ma jkunux ittieħdu dawn il-miżuri protettivi provviżorji,

id-dritt Komunitarju

a) jobbliga lill-qorti nazzjonali li tagħti din il-protezzjoni provviżorja tad-drittijiet invokati, jew

b) jagħti lill-qorti s-setgħa li tagħti din il-protezzjoni provviżorja tad-drittijiet invokati?

2) Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(a) tkun fin-negattiv, u r-risposta għad-domanda 1(b) tkun fl-affermattiv, liema huma l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi deċiż jekk għandhomx jittieħdu l-imsemmija miżuri protettivi provviżorji favur id-drittijiet invokati?"

16     Għal rendikont iktar dettaljat tal-fatti tal-kawża prinċipali, ta' l-iżvolġiment tal-proċeduri u ta' l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, qed issir referenza għar-rapport għas-seduta. Ser issir referenza iktar 'il quddiem għal dawn l-elementi tal-proċess biss safejn huwa neċessarju għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17     Jirriżulta mill-proċess u b'mod partikolari mis-sentenza tar-rinviju u, kif spjegat iktar 'il fuq, mill-iżvolġiment tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali li semgħu l-kawża fl-ewwel u fit-tieni istanzi, li d-domanda preliminari mqajma mill-House of Lords tfittex essenzjalment li jiġi stabbilit jekk il-qorti nazzjonali li, f'kawża mressqa quddiemha li tikkonċerna d-dritt Komunitarju, tikkunsidra li l-uniku ostakolu li jipprekludiha milli tieħu miżuri provviżorji huwa regola tad-dritt nazzjonali, għandhiex teskludi l-applikazzjoni ta' din ir-regola.

18     Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-regoli direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju "għandhom jiġu applikati b'mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ u matul il-perijodu ta' validità tagħhom kollu" (punt 14), u li, "skond il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-atti ta' l-istituzzjonijiet li huma direttament applikabbli għandhom l-effett, fir-relazzjoni tagħhom mad-dritt intern ta' l-Istati Membri ... li jagħmlu inapplikabbli ipso jure, bil-fatt biss tad-dħul tagħhom fis-seħħ, kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali" (punt 17).

19     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' kooperazzjoni previst fl-Artikolu 5 tat-Trattat, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-individwi mill-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara, bħala l-iktar sentenzi reċenti, is-sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 1980, Ariete, 811/79, Ġabra p. 2545, u Mireco, 826/79, Ġabra p. 2559).

20     Il-Qorti ddeċidiet ukoll li kull dispożizzjoni ta' sistema legali nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt Komunitarju bil-fatt li ċċaħħad lill-qorti li tkun kompetenti biex tapplika dan id-dritt, mis-setgħa li tagħmel, fil-mument innifsu meta dan jiġi applikat, dak kollu li jkun neċessarju biex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jistgħu jxekklu, anki temporanjament, l-effettività sħiħa tar-regoli Komunitarji, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għall-istess natura tad-dritt Komunitarju (sentenza tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23).

21     Għandu jingħad ukoll li l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju tiddgħajjef bl-istess mod li kieku regola tad-dritt nazzjonali setgħet tipprekludi lill-qorti li quddiemha titressaq kawża regolata mid-dritt Komunitarju milli tieħu miżuri provviżorji bil-għan li tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt Komunitarju. Minn dan jirriżulta li l-qorti li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, kienet tieħu miżuri provviżorji, li kieku ma kienx għal regola tad-dritt nazzjonali, hija obbligata twarrab din ir-regola.

22     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sistema stabbilita permezz ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE li l-effettività tagħha tiddgħajjef li kieku l-qorti nazzjonali, li tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma setgħetx tieħu miżuri provviżorji sakemm tagħti d-deċiżjoni tagħha wara r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

23     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li, f'kawża mressqa quddiemha li tikkonċerna d-dritt Komunitarju, tikkunsidra li l-uniku ostakolu li jipprekludiha milli tieħu miżuri provviżorji huwa regola tad-dritt nazzjonali, għandha teskludi l-applikazzjoni ta' din ir-regola.

 Fuq l-ispejjeż

24     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Irlandiż u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domanda li tressqet quddiemha mill-House of Lords, permezz ta' sentenza tat-18 ta' Mejju 1989, taqta' u tiddeċiedi:

Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li, f'kawża mressqa quddiemha li tikkonċerna d-dritt Komunitarju, tikkunsidra li l-uniku ostakolu li jipprekludiha milli tieħu miżuri provviżorji huwa regola tad-dritt nazzjonali, għandha teskludi l-applikazzjoni ta' din ir-regola.

Due

Slynn

Kakouris

Schockweiler

Zuleeg

Mancini

Joliet

Moitinho de Almeida

Rodríguez Iglesias

Grévisse

 

      Díez de Velasco

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta' Ġunju 1990.

J.G. Giraud

 

      O. Due

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.