SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tad-9 ta' Diċembru 1997(*)

"Moviment liberu tal-merkanzija – Prodotti agrikoli – Ostakli riżultat ta' azzjonijiet ta' individwi – Obbligi ta' l-Istati Membri"

Fil-kawża C-265/95,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Hendrik van Lier, konsulent legali, u Jean-Francis Pasquier, uffiċjal tal-Gvern nazzjonali ssekondat lid-Dipartiment Legali tagħha, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' Carlos Gómez de la Cruz, tad-Dipartiment Legali tagħha, Wagner Centre, Kirchberg,

rikorrenti,

sostnuta mir-

Renju ta' Spanja, irrapreżentat minn Alberto José Navarro González, Direttur Ġenerali ta' l-Affarijiet Legali u Istituzzjonali tal-Komunità, u Rosario Silva de Lapuerta, abogado del Estado, tad-Dipartiment responsabbli mill-kawżi Komunitarji, bħala Aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Ambaxxata ta' Spanja, 4-6 Boulevard E. Servais,

Renju Unit u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn John E. Collins, tat-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Ambaxxata tar-Renju Unit, 14 Boulevard Roosevelt,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn Jean-François Dobelle, Assistent Direttur fid-Direttorat ta' l-Affarijiet Legali tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, Catherine de Salins, Deputat Direttur fl-istess direttorat, Anne de Bourgoing, chargé de mission fl-istess direttorat, u Philippe Martinet, Segretarju ta' l-Affarijiet Barranin fl-istess Ministeru, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Ambaxxata ta' Franza, 8 B, Boulevard Joseph II,

konvenuta,

li għandha bħala għan dikjarazzjoni li, peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex azzjonijiet ta' individwi ma jostakolawx il-moviment liberu tal-frott u tal-ħaxix, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-organizzazzjoni komuni tas-swieq u taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, flimkien ma' l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Trattat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, H. Ragnemalm, M. Wathelet u R. Schintgen (Relatur), Presidenti ta' Awla, G. F. Mancini, J.C. Moitinho de Almeida, P. J. G. Kapteyn, J. L. Murray, D.A.O. Edward, J.-P. Puissochet, G. Hirsch u P. Jann, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C.O. Lenz

Reġistratur: H.A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 1997 li fiha l-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn Hendrik van Lier u Jean-Francis Pasquier, ir-Renju ta' Spanja minn Rosario Silva de Lapuerta u r-Repubblika Franċiża minn Jean-François Dobelle u Kareen Rispal-Bellanger, Deputat Direttur fid-Direttorat ta' l-Affarijiet Legali tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Lulju 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Awwissu 1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet, skond Artikolu 169 tat-Trattat KE, kawża għal dikjarazzjoni li, peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex azzjonijiet ta' individwi ma jostakolawx il-moviment liberu tal-frott u tal-ħaxix, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-organizzazzjoni komuni tas-swieq u taħt l-Artikolu 30 ta' dan it-Trattat, flimkien ma' l-Artikolu 5 ta' l-istess Trattat.

2       Il-Kummissjoni ssostni li għal aktar minn għaxar snin hija rċeviet regolarment ilmenti dwar il-passività ta' l-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward ta' azzjonijiet vjolenti mwettqa minn individwi u minn gruppi ta' bdiewa Franċiżi li kienu jipprotestaw kontra prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra. Dawn l-azzjonijiet kienu jikkonsistu, b'mod partikolari, fil-waqfien ta' trakkijiet li jkunu qed jittrasportaw dawn il-prodotti fit-territorju Franċiż u d-distruzzjoni tal-merkanzija tagħhom, fi vjolenza kontra s-sewwieqa tat-trakkijiet, f'theddid kontra l-ħwienet Franċiżi li kienu jbiegħu prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra, u fil-ħsara ta' dik il-merkanzija li kienet tkun esposta għall-wiri fil-ħwienet fi Franza.

3       Il-Kummissjoni kkonstatat li sa mill-1993 ċerti gruppi ta' bdiewa Franċiżi, inkluża organizzazzjoni magħrufa bħala 'Coordination Rurale', bdew imexxu kampanja sistematika li kienet tirrestrinġi l-provvista ta' prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra, taħt il-forma, b'mod partikolari, ta' theddid magħmul lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-bejjiegħa bl-imnut sabiex iġegħluhom jaħżnu prodotti Franċiżi biss, ta' impożizzjoni ta' prezz minimu ta' bejgħ għall-prodotti kkonċernati, u ta' l-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet sabiex jivverifikaw jekk dawk il-kummerċjanti kinux qed jikkonformaw ma' l-istruzzjonijiet li ngħataw.

4       Għaldaqstant, minn April sa Lulju 1993 il-kampanja kienet diretta partikolarment lejn frawli li kienu ġejjin minn Spanja. F'Awwissu u Settembru 1993 it-tadam li kien ġej mill-Belġju kien ittrattat bl-istess mod.

5       Fl-1994 l-istess tip ta' azzjoni, li involviet theddid kontra ċentri kummerċjali u d-distruzzjoni ta' merkanzija u ta' mezzi ta' trasport, kienet diretta b'mod partikolari kontra l-frawli Spanjoli. Kien hemm żewġ inċidenti vjolenti li seħħew fl-istess post f'perijodu ta' ħmistax u l-pulizija li kienu preżenti ma ħadu l-ebda azzjoni sabiex jipproteġu, b'mod effettiv, lit-trakkijiet u l-merkanzija tagħhom.

6       Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal każijiet oħra ta' vandaliżmu li fixklu l-moviment liberu fi Franza ta' prodotti agrikoli li kienu ġejjin mill-Italja u mid-Danimarka.

7       Wara li l-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni f'diversi okkażjonijiet ma' l-awtoritajiet Franċiżi, hija qieset li, peress li ma ħaditx il-miżuri neċessarji u proporzjonati sabiex tevita li l-atti kriminali ta' individwi jostakolaw il-moviment liberu tal-prodotti agrikoli, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta' prodotti agrikoli u taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, flimkien ma' l-Artikolu 5 ta' l-istess Trattat. Konsegwentement, b'ittra tad-19 ta' Lulju 1994, il-Kummissjoni intimat lill-Gvern Franċiż, skond Artikolu 169 tat-Trattat, sabiex fi żmien xahrejn jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li kien qiegħed jiġi akkużat bih.

8       F'ittra ta' l-10 ta' Ottubru 1994, il-Gvern Franċiż wieġeb li huwa dejjem ikkundanna bi sħiħ l-atti ta' vandaliżmu mwettqa mill-bdiewa Franċiżi. Huwa sostna li l-miżuri ta' prevenzjoni meħuda minnu permezz ta' sorveljanza, protezzjoni u ġbir ta' informazzjoni waslu għal tnaqqis notevoli ta' inċidenti bejn l-1993 u l-1994. Barra minn hekk, il-fatt illi l-prosekuturi pubbliċi mexxew b'mod sistematiku investigazzjonijiet kriminali juri d-determinazzjoni ta' l-awtoritajiet Franċiżi li jippenalizzaw kull att kriminali li l-iskop tiegħu kien li jostakola l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli minn Stati Membri oħra. Madankollu, dawn l-operazzjonijiet ta' tip militari mwettqa b'mod imprevedibbli minn gruppi żgħar u mobbli ħafna għamluha estremament diffiċli għall-pulizija li jintervjenu u dan jispjega għaliex il-proċeduri kriminali li nbdew kienu ta' spiss mingħajr suċċess. Fl-aħħar, l-attivitajiet tal-'Coordination Rurale' illi kellhom l-iskop li jirregolaw is-suq għall-prodotti agrikoli permezz ta' theddid u distruzzjoni kienu s-suġġett ta' proċeduri quddiem il-Conseil de la Concurrence (Kunsill tal-Kompetizzjoni).

9       Minkejja dan, fl-20 ta' April 1995 seħħew aktar inċidenti serji fil-lbiċ ta' Franza, fejn prodotti agrikoli minn Spanja ġew distrutti.

10     Fil-5 ta' Mejju 1995, il-Kummissjoni għaldaqstant tat opinjoni motivata skond l-ewwel paragrafu ta' Artikolu 169 tat-Trattat. F'din l-opinjoni hija kkunsidrat li, peress li ma ħaditx il-miżuri neċessarji u proporzjonati sabiex azzjonijiet ta' individwi ma jostakolawx il-moviment liberu tal-frott u tal-ħaxix, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħħa taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta' prodotti agrikoli u taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, flimkien ma' Artikolu 5 ta' l-istess Trattat. Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat, il-Kummissjoni sejħet lir-Repubblika Franċiża sabiex tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' din l-opinjoni fi żmien xahar mid-data tagħha.

11     Fis-16 ta' Ġunju 1995, il-Gvern Franċiż sostna li huwa kien adotta l-miżuri kollha sabiex jassigura l-moviment liberu tal-merkanzija fit-territorju tiegħu u li l-mezzi disważivi li ġew introdotti naqqsu b'mod sostanzjali l-atti ta' vjolenza mwettqa fl-1995. Fuq livell nazzjonali, ġiet miftehma azzjoni komuni bejn il-Ministeri kkonċernati sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni ta' l-atti ta' vandaliżmu. Din kienet tinkludi, b'mod partikolari, aktar sorveljanza u struzzjonijiet lill-prefetti u lill-pulizija sabiex jieħdu azzjoni konkreta. Minbarra dan, fuq livell lokali, skema ta' twissija li kienet tikkonsisti f'sistema ta' sorveljanza mill-qrib tal-postijiet f'riskju għinet sabiex ikunu evitati numru ta' inċidenti. Għalkemm kien impossibbli li jiġu evitati r-riskji kollha ta' distruzzjoni, peress li l-azzjonijiet kienu imprevedibbli u kienu jikkonsistu f'atti iżolati li l-awturi tagħhom kienu diffiċilment identifikati, fl-1994 it-Tribunal Correctionnel de Nîmes (Qorti Kriminali ta' Nîmes) ikkundanna 24 bidwi għal ħsara fuq il-proprjetà ta' ħaddieħor. Sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Marzu 1994, ta' Artikolu 322-13 tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid, il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' theddid ta' ħsara fuq il-proprjeta saru aktar effettivi. Fl-aħħar, l-Istat assuma r-responsabbiltà għal ħsara kkawżata u ngħataw istruzzjonijiet sabiex il-ħlas ta' kumpens għad-dannu subit mill-operaturi ekonomiċi jsir malajr.

12     Madankollu, skond il-Kummissjoni, fl-1995 il-Ministru Franċiż ta' l-Agrikoltura qal li, għalkemm huwa ma kienx jaqbel mal-vjolenza tal-bdiewa u kkundannaha, huwa bl-ebda mod ma kkontempla l-intervent tal-pulizija sabiex twaqqaf din il-vjolenza.

13     Fit-3 ta' Ġunju 1995, tliet trakkijiet li kienu qegħdin jittrasportaw frott u ħaxix minn Spanja ġew suġġetti għal vjolenza fin-nofsinhar ta' Franza, mingħajr l-ebda intervent mill-pulizija. Fil-bidu ta' Lulju 1995, reġa' ġie distrutt frott Taljan u Spanjol minn bdiewa Franċiżi.

14     Għaldaqstant il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

15     Permezz ta' digriet ta' l-14 u tas-27 ta' Frar 1996, rispettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja tat permess lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq u lir-Renju ta' Spanja sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16     Sabiex issaħħaħ ir-rikors tagħha l-Kummissjoni sostniet li l-Artikolu 30 tat-Trattat u l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq tal-frott u tal-ħaxix, li huma bbażati fuq l-istess prinċipju ta' l-eliminazzjoni ta' l-ostakli għall-kummerċ, jipprojbixxu r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri u kwalunkwe miżura li jkollha effett ekwivalenti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 5 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom skond it-Trattat.

17     Konsegwentament, il-waqfien tal-mezzi tat-trasport u l-ħsara tal-prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra, kif ukoll l-atmosfera ta' nuqqas ta' sigurtà riżultat tat-theddid minn diversi organizzazzjonijiet tal-bdiewa kontra distributuri tal-frott u tal-ħaxix minn dawn l-Istati, li seħħew fit-territorju ta' Franza, jikkostitwixxu ostaklu għall-kummerċ intrakomunitarju ta' dawn il-prodotti li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevjenu billi jadottaw il-miżuri xierqa, inklużi miżuri kontra l-individwi li jqegħdu fil-perikolu l-moviment liberu tal-merkanzija.

18     F'dan il-każ, il-fatt li, sena wara sena, inċidenti gravi baqgħu jfixklu l-importazzjoni u t-trasport fi Franza ta' frott u ta' ħaxix li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra juri li l-miżuri ta' prevenzjoni u l-penali imposti, li jirreferi għalihom il-Gvern Franċiż fid-difiża tiegħu, fil-prattika la kienu xierqa u lanqas proporzjonati sabiex jiddiswadu lill-awturi ta' dawn il-vjolazzjonijiet milli jerġgħu jwettquhom. Minbarra dan, mill-elementi ta' fatt li huma għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, huwa ċar li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu, b'mod persistenti, milli jieħdu azzjoni effettiva sabiex jipprevjenu u jikkundannaw l-atti vjolenti mwettqa mill-bdiewa fi Franza.

19     Il-Gvern Spanjol u dak tar-Renju Unit sostnew it-talbiet tal-Kummissjoni.

20     Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż isostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat.

21     Għaldaqstant, huwa jsostni li implementa, taħt kundizzjonijiet analogi għal dawk applikabbli għal vjolazzjonijiet simili tad-dritt nazzjonali, il-mezzi kollha neċessarji u xierqa sabiex jipprevjeni l-azzjonijiet ta' individwi li jfixklu l-moviment liberu ta' prodotti agrikoli u sabiex iressquhom il-qorti u jikkundannawhom għal azzjonijiet bħal dawn. Il-miżuri ta' sorveljanza implementati fl-1993 għinu sabiex jillimitaw b'mod sostanzjali n-numri ta' atti ta' vjolenza li saru matul is-snin ta' wara.

22     Madankollu, minħabba n-numru kbir ta' trakkijiet li jittrasportaw prodotti agrikoli fit-territorju Franċiż u d-diversi destinazzjonijiet tagħhom, minn naħa, u n-natura impreviddibli ta' l-azzjonijiet, tat-tip militari, tal-bdiewa li jaġixxu fi gruppi żgħar, minn naħa l-oħra, mhuwiex possibli li jiġi eliminat ir-riskju kollu ta' distruzzjoni. Din ir-raġuni ta' l-aħħar tispjega wkoll li huwa diffiċli ħafna li jkunu identifikati l-awturi responsabbli u li tiġi ppruvata l-parteċipazzjoni individwali tagħhom fl-atti ta' vjolenza sabiex dawn il-persuni jiġu mressqa l-qorti u kkundanati b'mod sistematiku. Minkejja dan, mill-1994 kien hemm sitt persuni oħra li ġew ikkundanati jew imqegħda taħt investigazzjoni. Minbarra dan, għandu jiġi rrikonoxxut li l-pulizija għandu jkollha diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tintervjeni sabiex tħares l-ordni pubblika. Fi kwalunkwe każ, l-Istat jikkumpensa l-vittmi tar-reati fuq il-bażi ta' responsabbiltà mingħajr ħtija min-naħa ta' l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, għas-snin 1993, 1994 u 1995 ġiet imħallsa somma li taqbeż FF 17 il-miljun f'danni.

23     Il-Gvern Franċiż iżid jgħid li l-problema tal-bdiewa Franċiżi hija dovuta għaż-żieda kunsiderevoli fl-esportazzjoni ta' prodotti Spanjoli ma' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja, li wasslet għal waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet kompluta bid-devalwazzjoni kompettitiva tal-peseta kif ukoll il-prezzijiet ta' dumping mitluba mill-produtturi Spanjoli. Is-suq Franċiż tal-frott u tal-ħaxix ġie serjament iddisturbat minħabba l-fatt li l-perijodu ta' tranżizzjoni previst fl-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja ma kienx akkumpanjat minn mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-prezzijiet għall-esportazzjoni mill-produtturi Spanjoli. Il-Gvern Franċiż jgħid ukoll illi, mhux talli ma adottawx attitudni prottettiva, iżda f'dan il-każ urew attitudni kostruttiva billi ħadu passi fil-Kunsill sabiex isolvu d-diffikultajiet fis-suq tal-frott u tal-ħaxix u billi tkellmu dwar dan ma' l-awtoritajiet Spanjoli.

24     Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikors tal-Kummissjoni huwiex fondat, preliminarjament għandu jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat.

25     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 3(c) tat-Trattat KE jipprovdi li, għall-finijiet ta' l-Artikolu 2, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu suq intern ikkarratterizzat mit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta' l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

26     Skond it-tieni paragrafu ta' Artikolu 7a tat-Trattat KE, is-suq intern għandu jikkonsisti fi spazju mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija jkun assigurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

27     Dan il-prinċipju fundamentali huwa implementat fl-Artikolu 30 et seq tat-Trattat.

28     B'mod partikolari, l-Artikolu 30 jipprovdi li r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri.

29     Din id-dispożizzjoni, meta tinqara fil-kuntest tagħha, għandha tinftiehem li hija intiża sabiex telimina l-ostakli kollha, diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali, għaċ-ċirkulazzjoni ta' l-importazzjoni fil-kummerċ intrakomunitarju.

30     Bħala strument indispensabbli għat-twettiq tas-suq mingħajr fruntieri interni, l-Artikolu 30 ma jipprojbixxix biss il-miżuri adottati mill-Istat li, minnhom infushom, joħolqu restrizzjonijiet għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda japplika wkoll meta Stat Membru jonqos milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jevita li jkun hemm ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija li ma jkunux ġew maħluqa mill-Istat.

31     Il-fatt li Stat Membru jonqos milli jieħu azzjoni jew, jekk ikun il-każ, jonqos milli jadotta l-miżuri adegwati sabiex jevita li jkun hemm ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, maħluqa, b'mod partikolari, minn azzjonijiet ta' individwi fuq it-territorju tiegħu fir-rigward ta' prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra, jista' jostakola l-kummerċ intrakomunitarju daqs li kieku jittieħed att pożittiv.

32     Għalhekk, l-Artikolu 30 jirrikjedi lill-Istati Membri mhux biss li ma jadottawx miżuri jew imġiba li jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ, iżda wkoll, b'konnessjoni ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u xierqa sabiex jassiguraw il-ħarsien ta' din il-libertà fundamentali fuq it-territorju tagħhom.

33     F'dan l-aħħar każ, l-Istati Membri, li għandhom kompetenza esklużiva fir-rigward taż-żamma ta' l-ordni pubblika u t-tħaris tas-sigurta interna, bla dubbju jgawdu minn marġni ta' diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw liema huma, f'sitwazzjoni partikolari, il-miżuri l-aktar xierqa sabiex jiġu eliminati l-ostakli għall-importazzjoni tal-prodotti.

34     Għaldaqstant, mhuwiex kompitu ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li jaġixxu minflok l-Istati Membri u li jimponu fuqhom il-miżuri li għandhom jadottaw u japplikaw b'mod effettiv sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-merkanzija fit-territorji tagħhom.

35     Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, li filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali msemmija aktar 'il fuq, għandha tivverifika, fil-każijiet imressqa quddiemha, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx adotta l-miżuri xierqa sabiex jassigura l-moviment liberu tal-merkanzija.

36     Għandu jingħad ukoll li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll għar-regolamenti tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għal prodotti agrikoli differenti, skond l-Artikoli 38 sa 46 u l-Artikolu 7(7) tat-Trattat KE (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1976, Kramer et, 3/76, 4/76 u 6/76 Ġabra p. 1279, punti 53 u 54, u tal-25 ta' Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja Ġabra p. I-2701, punt 11, dwar ir-regolamenti li jirrigwardaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd).

37     Fir-rigward, b'mod aktar speċifiku, ta' dan il-każ, il-fatti li wasslu sabiex jitressaq ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Franċiża mhumiex qed jiġu kkontestati.

38     L-atti ta' vjolenza mwettqa fit-territorju Franċiż kontra l-prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra, bħall-waqfien ta' trakkijiet li jkunu qed jittrasportaw dawn il-prodotti, id-distruzzjoni tal-merkanzija tagħhom u l-vjolenza kontra s-sewwieqa, kif ukoll it-theddid magħmul lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-bejjiegħa bl-imnut u l-ħsara tal-merkanzija esposta għall-wiri fil-ħwienet, ħolqu bla dubju ostakli għall-kummerċ intrakomunitarju ta' dawn il-prodotti.

39     Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, f'dan il-każ, il-Gvern Franċiż ikkonformax ruħu ma' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30, flimkien ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, billi jadotta miżuri adegwati u xierqa sabiex jipprevjeni l-azzjonijiet ta' individwi li joħolqu ostakli għall-moviment liberu ta' ċerti prodotti agrikoli.

40     F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfassizzat li min-noti tal-Kummissjoni jirriżulta li l-inċidenti in kwistjoni f'din il-kawża kien ilhom iseħħu regolarment għal aktar minn għaxar snin.

41     Fit-8 ta' Mejju 1985 il-Kummissjoni kienet diġà bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika Franċiza sabiex din tadotta l-miżuri preventivi u penali neċessarji sabiex twaqqaf dawn it-tip ta' atti.

42     Barra minn hekk, f'dan il-każ, kien hemm diversi drabi fejn il-Kummissjoni fakkret lill-Gvern Franċiż li d-dritt Komunitarju jimponi l-obbligu li jiġi mħares, b'mod effettiv, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha għal-libertà tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli ġejjin minn Stati Membri oħra.

43     Għalhekk, f'dan il-każ l-awtoritajiet Franċiżi kellhom żmien twil biżżejjed sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi tagħhom taħt id-dritt Komunitarju.

44     Sussegwentement, minkejja l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Franċiż li l-miżuri kollha kienu ttieħdu sabiex ma jkunx hemm aktar vjolenza u dawk responsabbli jiġu mressqa l-qorti u kkundannati, jibqa' l-fatt li, sena wara sena, inċidenti gravi fixxklu serjament il-kummerċ tal-prodotti agrikoli fit-territorju Franċiż.

45     Mis-sommarju tal-fatti kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u li mhuwiex ikkontestat mill-Gvern Franċiż, jidher li hemm perijodi partikolari tas-sena li kienu prinċipalment kkonċernati, u li barra minn hekk, hemm postijiet li kienu partikolarment vulnerabbli u fejn seħħew diversi inċidenti matul l-istess sena.

46     Mill-1993 l-atti ta' vjolenza u vandaliżmu ma kinux limitati għall-mezzi ta' trasport tal-prodotti agrikoli biss iżda ġew estizi wkoll għas-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut ta' dawn il-prodotti.

47     Aktar inċidenti gravi ta' l-istess tip seħħew fl-1996 u fl-1997.

48     Jeħtieġ li jerġa' jiġi rrilevat li mhuwiex qiegħed jiġi kkonstestat li, meta seħħew dawn l-inċidenti, il-pulizija Franċiża jew ma marritx fuq il-post, minkejja l-fatt li f'ċerti każijiet l-awtoritajiet kompetenti kienu ġew avżati bl-imminenza tad-dimostrazzjonijiet mill-bdiewa, jew ma intervenietx, anki meta n-numru tal-pulizija kien ħafna akbar minn numru ta' dawk li kienu qed joħolqu l-inkwiet. Minbarra dan, l-azzjonijiet in kwistjoni ma kinux dejjem azzjonijiet rapidi minn persuni li kienu jipprotestaw mingħajr avviż minn qabel u li tant ieħor kienu jitilqu malajr minn fuq il-post, iżda f'ċerti każijiet l-istorbju u d-diżordni kien jibqa' għaddej għal diversi sigħat.

49     Minbarra dan, huwa paċifiku li numru ta' atti ta' vandaliżmu ġew iffilmjati minn kameras tat-televiżjoni, li l-persuni li kienu jipprotestaw ta' spiss ma kinux jaġixxu b'wiċċhom mgħotti u li l-gruppi ta' bdiewa responsabbli għad-dimostrazzjonijiet vjolenti huma magħrufin mal-pulizija.

50     Minkejja dan, il-partijiet jaqblu li n-numru ta' persuni li pparteċipaw f'dan il-ksur serju ta' ordni pubblika u li ġew identifikati u mressqa l-qorti, kien limitat ħafna.

51     Għaldaqstant, fir-rigward tan-numru ta' atti ta' vandaliżmu li seħħew bejn April u Awwissu 1993, l-awtoritajiet Franċiżi kienu kapaċi jsemmu każ wieħed biss ta' prosekuzzjoni kriminali.

52     Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma timminimalizza d-diffikultajiet li l-awtoritajiet kompetenti ltaqgħu magħhom sabiex ittrattaw sitwazzjonijiet tat-tip in kwistjoni f'dan il-każ, ma tistax ma tikkonstatax li, wara li qieset il-frekwenza u l-gravità ta' l-inċidenti msemmija mill-Kummissjoni, il-miżuri adottati mill-Gvern Franċiż kienu manifestament inadegwati sabiex jiggarantixxu l-libertà tal-kummerċ intrakomunitarju ta' prodotti agrikoli fuq it-territorju tiegħu billi jipprevjeni jew jiddiswadi b'mod effettiv lill-awturi ta' dawn ir-reati milli jikkommettu jew jirrepetu dawn l-atti.

53     Din il-konstatazzjoni hija aktar konklużiva peress li l-ħsara u t-theddid li tirreferi għalihom il-Kummissjoni mhux biss jaffettwaw l-importazzjoni jew it-trasport fi Franza tal-prodotti direttament affetwati mill-azzjonijiet vjolenti, iżda huma wkoll ta' natura li joħolqu atmosfera ta' nuqqas ta' sigurtà li għandha effett dissważiv fuq iċ-ċirkulazzjoni tal-kummerċ in ġenerali.

54     Il-konstatazzjoni preċedenti mhijiex affettwata mill-argument tal-Gvern Franċiż li s-sitwazzjoni tal-bdiewa Franċiżi kienet tant diffiċli li wieħed seta' raġonevolment jibża' li azzjoni aktar determinata min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti setgħet tipprovoka reazzjonijiet vjolenti min-naħa ta' l-operaturi kkonċernati, li seta' jwassal għal ksur aktar serju ta' l-ordni pubblika jew anki problemi soċjali.

55     Il-biża' tad-diffikultajiet interni ma tistax tiġġustifika nuqqas minn Stat Membru li japplika d-dritt Komunitarju korrettament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, Il-Kummissjoni vs Franza Ġabra p. I-4443, punt 38).

56     Huwa l-Istat Membru kkonċernat, sakemm ma jurix li azzjoni min-naħa tiegħu jista' jkollha konsegwenzi fuq l-ordni pubblika li ma jkunx jista' jikkontrolla bil-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu, li għandu jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxi l-portata u l-effett sħiħ tad-dritt Komunitarju sabiex jassigura l-implementazzjoni korretta ta' dan id-dritt, fl-interessi ta' l-operaturi ekonomiċi kollha.

57     F'dan il-każ, il-Gvern Franċiż ma ġabx prova konkreta ta' l-eżistenza ta' perikolu għall-ordni pubblika li ma setax jikkontrollah.

58     Jeħtieġ li jingħad ukoll li, għalkemm mhuwiex impossibli li t-theddid ta' ksur serju ta' l-ordni pubblika jista', f'ċerti każijiet, jiġġustifika n-nuqqas ta' intervent mill-pulizija, fi kwalunkwe każ, dan l-argument jista' jsir biss f'każ speċifiku u mhux, bħalma huwa l-każ in eżami, b'mod ġenerali biex ikopri l-inċidenti kollha msemmija mill-Kummissjoni.

59     Fir-rigward tal-fatt li r-Repubblika Franċiża assumiet ir-responsabbiltà għall-ħsara kkawżata lill-vittmi, jeħtieġ li jingħad li dan l-argument ma jistax jitressaq mill-Gvern Franċiż sabiex jeħles lilu nnifsu mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju.

60     Għalkemm kumpens jista' jipprovdi riparazzjoni għal, ta' l-inqas, parti mid-dannu subit mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati, l-għoti ta' kumpens ma jfissirx li l-Istat Membru jkun wettaq l-obbligi tiegħu.

61     Lanqas jista' jiġi milqugħ l-argument ibbażat fuq il-kuntest soċjo-ekonomiku diffiċli tas-suq Franċiż tal-frott u tal-ħaxix wara l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja.

62     F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, motivi ta' natura ekonomika ma jistgħu qatt iservu ta' ġustifikazzjoni għall-ostakli pprojbiti mill-Artikolu 30 tat-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1985, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 288/83 Ġabra p. 1761, punt 28).

63     Fir-rigward tas-suġġeriment tal-Gvern Franċiż, in sostenn ta' dawn l-argumenti, illi n-nuqqas ta' stabbilità fis-suq Franċiż tal-frott u tal-ħaxix huwa r-riżultat ta' azzjonijiet żleali, anki ta' ksur tad-dritt Komunitarju, minn produtturi Spanjoli, għandu jiġi mfakkar li Stat Membru ma jistax, b'mod unilaterali, jadotta miżuri prottetivi jew iġib ruħu b'tali mod illi jinjora ksur minn Stat Membru ieħor ta' regoli tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta' Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 20).

64     Dan huwa aktar u aktar il-każ fil-qasam tal-politika agrikola komuni, fejn hija biss il-Komunita li tista' tadotta, jekk ikun hemm bżonn, il-miżuri meħtieġa sabiex tieħu ħsieb id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċerti operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari wara adeżjoni ġdida.

65     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li f'dan il-każ il-Gvern Franċiż naqas, b'mod manifest u persistenti, milli jadotta l-miżuri adegwati u xierqa sabiex iwaqqaf l-atti ta' vandaliżmu li kienu qed jipperikolaw l-moviment liberu fuq it-territorju tiegħu ta' ċerti prodotti agrikoli li kienu ġejjin minn Stati Membri oħra u sabiex ma jħallix li dawn l-atti jerġgħu jseħħu.

66     Konsegwentament, għandu jingħad illi, peress li ma ħax il-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex azzjonijiet ta' individwi ma jostakolawx il-moviment liberu tal-frott u tal-ħaxix, il-Gvern Franċiż naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat, flimkien ma' l-Artikolu 5 ta' dan it-Trattat, u taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta' prodotti agrikoli.

 Fuq l-ispejjeż

67     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(4) ta' dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjez tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex azzjonijiet ta' individwi ma jostakolawx il-moviment liberu tal-frott u tal-ħaxix, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, flimkien ma' l-Artikolu 5 ta' dan it-Trattat u taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija ordnata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.