SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

21 ta' Settembru 1988 (*)

"Miżura ta’ l-Istat dwar eżenzjoni mit-taxxa fuq dħul minn depożiti ta’ tifdil – Kompetizzjoni bejn il-banek fir-rigward ta' l-interessi fuq depożiti."


Fil-kawża C-267/86

li għandha bħala suġġett domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Vredegerecht (Imħallef tad-Distrett) tal-canton ta’ Beveren (il-Belġju) u intiża sabiex tinkiseb, fil-kawża li din il-qorti għandha quddiemha, bejn

Pascal van Eycke, residenti f'Beveren,

u

ASPA NV, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Antwerp,

deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 59 sa 66, 85, 86 u 95 tat-Trattat KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. Bosco, President ta' Awla, aġent President, J. C. Moitinho de Almeida, President ta' Awla, T. Koopmans, U. Everling, K. Bahlmann, Y. Galmot, C. N. Kakouris, R. Joliet u F. A. Schockweiler, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Mancini,

Reġistratur: D. Louterman, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Pascal Van Eycke, minn J. Cerfontaine, avukat fl-avukatura ta' Antwerp,

–       għar-Renju tal-Belġju, minn G. van Hecke u K. Lenaerts, avocats, u minn R. Hoebaer u R. Devyver, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, bħala aġent, assistit minn R. Overhoff,

wara li rat ir-rapport għas-seduta u wara s-seduta tal-25 ta' Novembru 1987,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' April 1988,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bis-saħħa ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1986, li waslet għand din il-Qorti fit-30 ta’ Ottubru 1986, il-Vredegerecht (Imħallef tad-Distrett) tal-canton ta’ Beveren (il-Belġju) ressaq, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 59 sa 66, 85, 86 u 95 ta' l-imsemmi Trattat sabiex ikun jista' jeżamina l-kompatibbiltà mal-Liġi Komunitarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul li jirriżulta minn imgħax, favur kategorija partikolari ta’ depożiti ta’ tifdil.

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawża bejn Pascal Van Eycke, (aktar 'il quddiem "ir-rikorrent"), u l-kumpannija ASPA, istituzzjoni finanzjarja Belġjana, dwar ir-rati ta’ l-imgħax pagabbli fil-każ ta' depożitu ta’ tifdil li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jagħmel ma’ ASPA. Mill-inkartament jirriżulta li r-rikorrent, wara li sar jaf bil-pubbliċità magħmula minn ASPA dwar ir-rati ta’ l-imgħax fuq depożiti ta’ tifdil, mar għand din l-istituzzjoni finanzjarja sabiex jagħmel depożitu ta' tifdil skond il-kundizzjonijiet irreklamati. Meta, sussegwentement ASPA qaltlu li hi kienet obbligata, skond id-Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986, li tapplika kundizzjonijiet anqas favorevoli minn dawk offruti fil-pubbliċità tagħha, ir-rikorrent ressaq rikors quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jiġi ddikjarat li ASPA ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-digriet irjali biex tiġġustifika bidla fil-kundizzjonijiet tagħha tat-tifdil, minħabba li dan id-digriet kien jikser l-Artikoli 85 et seq tat-Trattat KEE.

3       Sabiex wieħed ikun jista' jifhem aħjar id-Digriet Irjali msemmi aktar 'il fuq, dan għandu jitpoġġa fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, li hu kkaratterizzat minn eżenzjoni fiskali, li ilha teżisti ħafna snin fil-Belġju, fuq dik il-parti tad-dħul minn depożiti ta’ tifdil, liema eżenzjoni ġiet introdotta għal raġunijiet soċjali u bl-iskop li tippromwovi t-tifdil, u hija rregolata – mil-lat tad-dettalji bażiċi tagħha – mill-punt 7 ta' l-Artikolu 19 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-dħul.

4       Meta, fil-bidu tas-snin 80, aktar u aktar istituzzjonijiet ta’ tifdil introduċew politika ta’ rati għolji ta' imgħax, il-Gvern Belġjan ried jillimita l-iskop ta’ l-eżenzjoni fiskali u, għalhekk, bis-saħħa tal-liġi tat-28 ta’ Diċembru 1983, issuġġettaha għal numru ta’ kundizzjonijiet li kellhom jiġu ddefiniti permezz ta' digriet irjali.

5       Id-Digriet Irjali tad-29 ta’ Diċembru 1983, li ġie adottat sabiex jimplementa l-liġi msemmija aktar 'il fuq, issuġġetta l-għotja ta’ eżenzjoni fiskali għal żewġ kundizzjonijiet: il-ħlas fuq il-kont ta’ tifdil kellu jinkludi, minn naħa, imgħax bażiku li ma jeċċedix ir-rata medja l-aktar baxxa applikabbli fis-suq kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, bonus ta' fedeltà jew ta' tkabbir li jista' jiġi stabbilit liberament minn kull istituzzjoni finanzjarja.

6       L-awtoritajiet monetarji tal-Belġju qiesu, sussegwentement, li l-kompetizzjoni fil-qasam tal-bonus ta' fedeltà jew ta' tkabbir kienet kbira wisq u kienet tmur kontra t-tendenza ġenerali għal tnaqqis tar-rati ta' l-imgħax li kienet tikkaratterizza strumenti ta' tifdil oħra. Peress li, fil-fehma ta’ dawn l-awtoritajiet, iż-żamma ta’ livell għoli tar-rati ta’ l-imgħax fuq id-depożit ta' tifdil, kienet twassal għaż-żamma ta' livell daqstant għoli ta’ imgħax fuq is-self, b’effetti negattivi għall-attività ekonomika tal-pajjiż u għad-dejn pubbliku, f’Settembru 1985, il-Kummissjoni Bankarja tal-Belġju ħarġet rakkomandazzjoni lill-istituzzjonijiet finanzjarji bil-għan li tillimita d-dħul mid-depożiti ta’ tifdil. Fit-30 ta’ Diċembru 1985, din wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim ta' awtodixxiplina bejn il-banek, il-banek privati ta’ tifdil u l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu li niżżel ir-rati ta' dan id-dħul għal mhux aktar minn 7%.

7       Minħabba li dan il-ftehim ma kienx irrispettat mit-totalità ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Ministru tal-Finanzi għażel sistema li fiha l-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu direttament il-kundizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni fiskali msemmija aktar 'il fuq.

8       Din is-sistema ġiet imwaqqfa bid-Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986 imsemmi aktar 'il fuq, li stabbilixxa direttament kemm ir-rata massima bażika ta’ l-imgħax kif ukoll ir-rata massima tal-bonus ta' fedeltà jew ta' tkabbir.

9       Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti nazzjonali, fuq it-talbiet konġunti taż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1) Is-sistema legali mwaqqfa bis-saħħa tad-Digriet Irjali tad-29 ta’ Diċembru 1983 u kkonfermata, b'xi emendi żgħar, mid-Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986 dwar id-dħul li jista’ jitħallas mill-istituzzjonijiet finanzjarji fuq depożiti ta’ tifdil, sistema li - safejn tkompli, taħt forma leġiżlattiva, il-ftehim li kienu jeżistu qabel bejn il-banek jew prattiċi paralleli mmirati għal-limitazzjoni tad-dħul minn depożiti – tikkonsisti fl-iffissar obbligatorju ta' dan id-dħul:

a) bħala rata uniformi għal kull min jipparteċipa fis-suq,

b) barra minn dan, bħala marġni li għandha tiġi rrispettata minn dawk li jipparteċipaw fis-suq meta huma jiffissaw ir-rati tad-dħul,

taħt pieni tat-telf totali, fil-każ tal-klijentela tan-nies li jfaddlu, tal-benefiċċju tas-sistema fiskali pprivileġġata fis-seħħ għad-depożiti ta' tifdil ordinarji, hija kompatibbli mar-regoli komunitarji tal-kompetitizzjoni, kif stipulati fl-Artikoli 85 et seq tat-Trattat KEE?

2) Fil-każ biss li r-risposta għad-domanda 1a) hija fl-affermattiv, l-intaxxar obbligatorju, minbarra rata uniformi fil-każ ta' l-imgħax bażiku pagabbli mill-istituzzjonijiet finanzjarji, ta' marġni massima għall-bonus ta' fedeltà u/jew ta' tkabbir li jkun eventwalment dovut, bl-esklużjoni ta’ kull xort’oħra ta’ kompetizzjoni fil-qasam ta’ ksib ta’ depożiti, taħt piena tat-telf tal-benefiċċju fiskali msemmi fl-ewwel domanda (Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986, l-ewwel Artikolu), huwa kompatibbli mar-regoli komunitarji tal-kompetitizzjoni, kif iddefiniti fl-Artikoli 85 et seq tat-Trattat KEE?

3) L-għotja ta’ benefiċċji fiskali, fosthom l-eżenzjoni sħiħa mit-taxxa f'ras il-għajn għal ċerti depożiti ta’ tifdil ikkostitwiti fi Franki Belġjani biss, minn istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-Belġju, twassal għal diskriminazzjoni kontra depożiti simili meħuda minn stabbilimenti finanzjarji li m'għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-Belġju jew li huma kkostitwiti f’muniti jew medda ta’ muniti oħra, u, konsegwentement, l-għotja ta’ benefiċċji fiskali bħal dawn hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 59 sa 66, kif ukoll 95 tat-Trattat KEE?

10     Qiegħed isir riferiment għar-rapport għas-seduta għal stampa aktar kompluta tal-fatti tal-kawża, tal-kuntest ġuridiku nazzjonali u ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti. Dawn l-elementi tal-faxxiklu jerġgħu biss jissemmew hawn isfel safejn huma neċesarji għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti

11     Il-Gvern Belġjan isostni, fl-ewwel lok, li d-domanda preliminari mressqa mill-qorti nazzjonali mhijiex ammissibbli, minħabba li numru ta’ fatti juru n-natura purament fittizja tal-kwistjoni prinċipali. Fit-tieni lok, huwa jsostni li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba f’din il-kwistjoni, ma tista' tkun bl-ebda mod rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni prinċipali. Fil-fatt, id-Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986 ma jimpedixxi bl-ebda mod lil ASPA milli tapplika l-kundizzjonijiet preċedenti u aktar favorevoli tagħha fuq id-depożiti ta’ tifdil fil-każ tar-rikorrenti u għalhekk m'għandu xejn x'jaqsam mal-kawża prinċipali.

12     F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, mill-fatti indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirriżultax, b'mod evidenti li, fir-realtà, din il-kwistjoni tinvolvi kontroversja fittizja.

13     Rigward it-tieni argument imressaq mill-Gvern Belġjan, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġursiprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata mis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ġunju 1986 (Bertini, 98, 162 u 258/85, Ġabra, p. 1893), hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, il-ħtieġa għal domanda preliminari.

14     Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jsir eżami tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

15     Dawn id-domandi għandhom jiġu mifhuma bħala essenzjalment intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali, li tillimita l-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali prevista, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, favur id-dħul minn ċerta kategorija ta' depożiti ta’ tifdil, għal dawk id-depożiti biss li jgawdu rati ta’ imgħax u ta' bonus massimi, stabbiliti permezz ta’ regoli, hijiex kompatibbli jew le ma’ l-obbligi li l-Istati Membri għandhom bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, flimkien ma’ l-Artikoli 3(f) u 85 ta’ l-istess Trattat.

16     Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, minnhom infushom, jikkonċernaw biss l-imġiba ta’ l-impriżi, u mhux miżuri leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 85 u 86, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat, jeħtieġu li l-Istati Membri ma jintroduċux jew iżommu fis-seħħ miżuri li, anke jekk ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, jistgħu jxekklu jew jeliminaw l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Dan ikun il-każ, skond din l-istess ġurisprudenża, meta Stat jew jimponi jew jiffavorixxi ftehim kuntrarji għall-Artikolu 85 jew inkella jsaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dawn jew jiċħad lil-leġiżlazzjoni tiegħu stess min-natura uffiċjali tagħha billi jiddelega r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta' intervent fil-qasam ekonomiku lil operaturi privati.

17     Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skond konstatazzjonijiet li saru mid-deċiżjoni tar-rinviju, qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, kienu jeżistu ftehim interbankarji jew prattiċi miftiehma intiżi sabiex jillimitaw id-dħul mid-depożiti ta’ tifdil. Iżda, la minn dawn il-konstatazzjonijiet u lanqas mill-osservazzjonijiet ppreżentati quddiem il-Qorti ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni kkonċernata setgħat kellha l-iskop li tobbliga jew li tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim ġodda jew l-implementazzjoni ta’ prattiċi ġodda. Biex tiġi evalwata l-portata vera ta’ din il-leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti, għandu għaldaqstant jiġi aċċertat, minn naħa, jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi meqjusa bħala intiża li ssaħħaħ l-effetti tal-ftehim diġà eżistenti, u min-naħa l-oħra, jekk hemmx xi ċirkustanzi ta' natura li jneħħulha n-natura uffiċjali tagħha.

18     Rigward l-ewwel punt, huwa biżżejjed li jiġi nnutat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, sabiex leġiżlazzjoni tiġi meqjusa bħala intiża li ssaħħaħ l-effetti ta’ ftehim li kienu jeżistu qabel, din għandha tillimita ruħha li tinkorpora, totalment jew parzjalment, l-elementi tal-ftehim li saru bejn operaturi ekonomiċi, filwaqt li tobbligahom jew tinkoraġġihom li jiżguraw li dawn il-ftehim jiġu rrispettati. Għalkemm it-telf totali tal-benefiċċju tat-trattament fiskali pprivileġġjat, fil-każ tad-depożiti tat-tifdil, jikkostitwixxi element importanti ta' persważjoni fir-rigward tar-rispett tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, f'ebda konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni kienet limitata sabiex sempliċement tikkonferma kemm il-metodu li jillimita d-dħul mid-depożiti, kif ukoll il-livell ta’ rati massimi adottati fil-ftehim jew fil-prattiċi li kienu jeżistu qabel. Hija, madankollu, ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ fuq dan il-punt jekk tqis li hemm dubju f’dan ir-rigward.

19     Rigward it-tieni punt, mil-leġiżlazzjoni kkonċernata jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi żammew is-setgħa li jiffissaw huma stess ir-rati massimi ta’ dħul fuq id-depożiti ta’ tifdil u ma ddelegaw din is-setgħa lill-ebda operatur privat. Din il-leġiżlazzjoni għandha għalhekk natura uffiċjali. Din in-natura uffiċjali ma tistax tiġi ddubitata minħabba s-sempliċi ċirkustanza, enfasizzata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li d-dikjarazzjoni tal-motivi tad-Digriet Irjali tat-13 ta’ Marzu 1986 turi li dan ġie adottat wara konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet ta’ stabbilimenti ta’ kreditu.

20     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali li tillimita l-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul favur id-dħul minn ċerti kategoriji ta’ depożiti ta’ tifdil, għal dawk id-depożiti li jgawdu rati ta’ interess u ta' bonus massimi ffissati bil-liġi biss, mhijiex inkompatibbli ma’ l-obbligi ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, flimkien ma’ l-Artikoli 3(f) u 85 ta’ l-istess Trattat. Din ir-risposta hija suġġetta għal stħarriġ mill-qorti nazzjonali dwar jekk id-dispożizzjoni kkonċernata kinitx limitata sabiex sempliċiment tikkonferma kemm il-metodu li jillimita d-dħul mid-depożiti, kif ukoll il-livell ta’ rati massimi adottati fil-ftehim jew fil-prattiċi li kienu jeżistu qabel.

 Fuq it-tielet domanda

21     B’din id-domanda, il-qorti nazzjonali qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali, li tillimita l-eżenzjoni fiskali deskritta aktar 'il fuq għad-depożiti ta’ tifdil, ikkostitwiti fil-munita nazzjonali, għand istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat biss, hijiex kompatibbli jew le ma’ l-Artikoli 59 sa 66 kif ukoll l-Artikolu 95 tat-Trattat KEE.

22     Rigward il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni fiskali bħal din, li tikkonċerna d-dħul fuq ċerti kategoriji ta’ depożiti ta’ tifdil li jsiru għand banek, hijiex kompatibbli jew le ma’ l-Artikoli 59 et seq tat-Trattat KEE dwar il-moviment ħieles tas-servizzi, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 61(2) ta’ l-istess Trattat, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-banek, li huma konnessi mal-moviment ta’ kapital, għandha titwettaq flimkien mal-liberalizzazzjoni progressiva tal-moviment tal-kapital.

23     Il-kostituzzjoni ta' depożiti ta’ tifdil tagħmel parti mill-kategorija ta' movimenti tal-kapital intitolata "kostituzzjoni u tpoġġija ta’ fondi f'kontijiet kurrenti jew ta’ depożitu, ripatrijazzjoni jew użu ta’ bilanċ fil-kont kurrenti jew kont ta’ depożiti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu" [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsabu rispettivament fil-lista D ta’ l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 1960, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU 43 tat-12.7.1960, p. 921) u fil-lista C ta’ l-Anness I, li ġie ssostitwit mid-Direttiva 86/566 tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 1986, li temenda l-ewwel Direttiva (ĠU L 332, p. 22). Dawn il-movimenti tal-kapital għadhom ma ġewx illiberalizzati.

24     Konsegwentement, f’din il-kawża, ma jistax ikun humm ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE dwar il-moviment ħieles tas-servizzi tal-banek fil-qasam tal-moviment tal-kapital.

25     Fl-aħħar nett, dwar jekk l-Artikolu 95 tat-Trattat KEE huwiex applikabbli għal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-projbizzjoni ta’ tassazzjoni interna diskriminatorja jew protezzjonista prevista f'dan l-Artikolu tkopri biss "il-prodotti" ta’ l-Istati Membri l-oħra. Id-depożiti ta’ tifdil ikkostitwiti f’munita waħda jew oħra jaqgħu, kif inhu msemmi aktar 'il fuq, fl-iskop ta’ applikazzjoni ta' l-Artikoli 61(2) u 67 tat-Trattat KEE. Huma għaldaqstant ma jikkostitwixxux prodotti fis-sens ta’ l-Artikolu 95 ta’ l-istess Trattat.

26     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali, li tillimita l-eżenzjoni fiskali deskritta aktar 'il fuq għad-depożiti ta’ tifdil ikkostitwiti fil-munita nazzjonali għand istituzzjonijiet finanzjarji bl-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat biss, mhijiex inkompatibbli ma’ l-Artikoli 59 sa 66 kif ukoll ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat KEE.

 Fuq l-ispejjeż

27     L-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Belġju u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi mressqa quddiemha mill-Vredegerecht tal-canton ta’ Beveren, permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta’Ottubru 1986, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali li tillimita l-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul favur id-dħul minn ċerti kategoriji ta’ depożiti ta’ tifdil, għal dawk id-depożiti li jgawdu rati ta’ interess u ta' bonus massimi ffissati bil-liġi biss, mhijiex inkompatibbli ma’ l-obbligi ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, flimkien ma’ l-Artikoli 3(f) u 85 ta’ l-istess Trattat. Din ir-risposta hija suġġetta għal stħarriġ mill-qorti nazzjonali dwar jekk id-dispożizzjoni kkonċernata kinitx limitata sabiex sempliċiment tikkonferma kemm il-metodu li jillimita d-dħul mid-depożiti, kif ukoll il-livell ta’ rati massimi adottati fil-ftehim jew fil-prattiċi li kienu jeżistu qabel.

2)      Dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali, li tillimita l-eżenzjoni fiskali deskritta aktar 'il fuq għad-depożiti ta’ tifdil ikkostitwiti fil-munita nazzjonali għand istituzzjonijiet finanzjarji bl-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat biss, mhijiex inkompatibbli ma’ l-Artikoli 59 sa 66 kif ukoll ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat KEE

Bosco

Moitinho de Almeida

Koopmans

Bahlmann

Galmot

Kakouris

Joliet

 

      Schockweiler

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Settembru 1988

J. G. Giraud

 

      A. J. Mackenzie Stuart

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.