SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

23 ta' April 1986 (*)

"Rikors għal annullament – Kampanja ta' informazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew"

Fil-kawża C-294/83

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament ta' żewġ deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-ewwel waħda tat-12 u 13 ta’ Ottubru 1982, u l-oħra tad-29 ta' Ottubru 1983, dwar l-allokazzjoni ta' l-entrata 3708 tal-baġit,

Il-Parti Ecologiste 'Les Verts', assoċjazzjoni li m'għandhiex skop ta' profitt, Pariġi, irrappreżentata minn E. Tete, delegat speċjali, u C. Lallement, membru ta' l-avukatura ta' Lyon, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Uffiċċju ta' E Wirion, 1, Place du Théâtre,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn Pasetti-Bombardella, Jurisconsulte, R. Bieber, konsulent legali, J. Schoo, Amministratur Prinċipali, J. P. Jacque, Professur fil-Fakultà tal-Liġi u x-Xjenza Politika ta' l-università ta' Strasbourg, u J. Schwartz, Professur fl-Università ta' Hamburg, fil-kwalità ta' Aġenti, u minn Lyon-Caen, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fis-sede tal-Parlament, Plateau du Kirchberg, BP 1601,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn T. Koopmans, President, Aġent President, U. Everling, K. Bahlmann u R. Joliet, Presidenti ta' Awla, G. Bosco, O. Due, Y. Galmot, C. Kakouris u T. F. O´Higgins, Imħallfin

Avukat Ġenerali: G. F. Mancini,

Reġistratur: D. Louterman, Amministratur

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 4 ta' Diċembru 1985,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Diċembru 1983, 'Les Verts-Parti Ecologiste', assoċjazzjoni li m'għandhiex skop ta' profitt, li l-kwartieri ġenerali tagħha jinsabu f'Pariġi, u li l-formazzjoni tagħha ġiet mgħarrfa lill-Prefecture du Police fit-3 ta' Marzu 1980, ippreżentat rikors għal annullament, skond l-Artikolu 173 (2) tat-Trattat KEE, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 1982, rigward l-allokazzjoni ta' fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708 tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau estiż tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 1983 li adottat ir-regoli għall-użu tal-fondi għal rimbors ta' spejjeż inkorsi mill-gruppi politiċi li kkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej ta' 1984.

2       L-entrata 3708 iddaħħlet fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għas-snin finanzjarji 1982, 1983 u 1984, fil-parti li tirrigwarda l-Parlament Ewropew, taħt Titolu 3 rigward spejjeż li jirriżultaw minn funzjonijiet speċjali li wettqet l-istituzzjoni (ĠU 1982, L 31, p.114, ĠU 1983, L 19, p. 112, u ĠU 1984, L12 p. 132). Din l-entrata tipprovdi għal kontribuzzjoni għall-ispejjeż konnessi mal-preparamenti ta' l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. In-noti li jikkonċernaw l-imsemmija entrata fil-baġitijiet ta' 1982 u 1983 huma identiċi. Din tipprovdi li "din l-allokazzjoni ta' fondi hi intiża bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-preparamenti għall-kampanja ta' informazzjoni li tippreċedi t-tieni elezzjoni diretta ta' 1984", u li "l-Bureau tal-Parlament Ewropew se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw dawn l-ispejjeż". In-nota li hemm fil-baġit ta' 1984 tipprovdi li l-kontribuzzjoni għandha ssir "skond id-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Ottubru 1982". Is-somma totali allokata għal din l-entrata kienet ta' ECU 43 miljun.

3       Fit-12 ta' Ottubru 1982, il-Bureau, li hu kompost mill-President u t-tnax-il Viċi-Presidenti tal-Parlament, adotta, fuq il-proposta mressqa mill-presidenti tal-gruppi politiċi, deċiżjoni rigward l-allokazzjoni ta' fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708 (iktar 'il quddiem "d-deċiżjoni ta' 1982"). F'din l-okkażjoni l-Bureau ltaqa' fil-preżenza tal-presidenti tal-gruppi politiċi u d-delegati tal-membri mhux imsieħba. Wieħed mill-gruppi politiċi, il-grupp tal-koordinazzjoni teknika, oġġezzjona għall-prinċipju li jingħataw fondi lill-gruppi politiċi għall-kampanja elettorali.

4       L-imsemmija deċiżjoni, li ma ġietx ippubblikata, ipprovdiet li l-fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708 tal-baġit tal-Parlament Ewropew kellhom jitqassmu kull sena bejn il-gruppi politiċi, il-membri mhux imsieħba, u fond ta' riżerva għal 1984. Dawn kellhom jitqassmu kif ġej: (a) kull wieħed mis-seba' gruppi kellu jirċievi allokazzjoni fissa ta' 1% tas-somma totali tal-fondi, (b) inoltre, kull grupp kellu jirċievi għal kull wieħed mill-membri tiegħu 1/434 tas-somma totali tal-fondi li jkun fadal wara li jitnaqqsu l-allokazzjonijiet fissi, (ċ) kull wieħed mill-membri mhux imsieħba jirċievi 1/434 tas-somma totali tal-fondi li jkun fadal wara li jitnaqqsu l-allokazzjonijiet fissi, (d) is-somma totali ta' l-allokazzjonijiet lill-gruppi politiċi u l-membri mhux imsieħba skond ir-regoli ċċitati f'(b) u (ċ) m'għandhiex teċċedi 62% tal-fondi totali mdaħħla f'entrata 3708; u (e) kull sena, ammont ekwivalenti għal 31% tas-somma totali tal-fondi mdaħħla taħt entrata 3708 għandu jiġi allokat lill-fond ta' riżerva. Għal dak li jikkonċerna dan il-fond ta' riżerva, huwa provdut li dan għandu jinqasam, proporzjonalment, skond il-voti miksuba bejn il-gruppi politiċi kollha, li fl-elezzjonijiet ta' 1984 kisbu aktar minn 5% tal-voti validi mitfugħa fl-Istat Membru li fih il-grupp ippreżenta kandidati, jew aktar minn 1% tal-voti validi mitfugħa fi tliet Stati Membri jew aktar li fihom il-grupp ippreżenta kandidati (iktar 'il quddiem il-"klawsola ta' 1%"). Fl-aħħar nett ġie mħabbar li d-dettalji rigward it-tqassim tal-fond ta' riżerva kien se jiġi deċiż fi stadju sussegwenti.

5       Fit-12 ta' Ottubru 1982, il-Bureau tal-Parlament Ewropew, imlaqqa' fl-istess ċirkustanzi, adotta wkoll regoli dwar l-użu mill-gruppi politiċi tal-mezzi finanzjarji intiżi għall-kampanja ta' informazzjoni ta' qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' 1984 (iktar 'il quddiem ir-"regoli ta' 1982 dwar l-użu tal-fondi"). L-imsemmija regoli, li għadhom ma ġewx ippubblikati, isegwu r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-grupp ta' ħidma kompost mill-presidenti tal-gruppi politiċi u ppresedut mill-President tal-Parlament Ewropew.

6       Rigward l-użu tal-fondi, ir-regoli huma s-segwenti: Il-fondi allokati lill-gruppi politiċi kellhom jintużaw biss għall-iffinanzjar ta' l-attivitajiet direttament marbuta mal-preparament u l-implementazzjoni ta' kampanja ta' informazzjoni għall-elezzjonijiet ta' 1984. L-ispejjeż amministrattivi totali (b'mod partikolari, is-salarji għall-impjegati temporanji, kiri ta' uffiċċji u tagħmir ta' l-uffiċċju, u spejjeż ta' telekomunikazzjoni) ma kellhomx jaqbżu l-25% tal-fondi allokati. Il-fondi ma kellhomx jintużaw għax-xiri ta' proprjetà immobli jew għamara ta' l-uffiċċji. Il-gruppi politiċi kellhom jiddepożitaw il-fondi allokati lilhom f'kontijiet bankarji separati miftuħa speċifikament għal dak il-għan.

7       Il-presidenti tal-gruppi politiċi huma responsabbli li jassiguraw li l-fondi jintużaw għal finijiet kompatibbli mar-regoli adottati. Fl-aħħar nett, rendikont ta' l-użu tal-fondi kellu jingħata lill-organi l-oħra ta' verifika responsabbli għall-verifika tal-fondi tal-Parlament Ewropew.

8       Rigward il-kotba tal-kontijiet, dawn ir-regoli kienu jirrikjedu li kontijiet kellhom jinżammu separati minn dawk li fihom jitniżżlu d-dħul u n-nefqa mill-attivitajiet l-oħra tal-gruppi politiċi. Dawn ta' l-aħħar kellhom idaħħlu sistemi ta' kontabbiltà li jissodisfaw ċerti rekwiżiti speċifiċi. Dawn is-sistemi kellhom jiddistingwu bejn tliet tipi ta' spejjeż (spejjeż amministrattivi, spejjeż fuq laqgħat u spejjeż fuq pubblikazzjonijiet u pubbliċita'), imqassma skond il-proġett. Kull sena, mid-data ta' l-ewwel trasferiment ta' fondi lill-gruppi politiċi, il-gruppi kellhom jippubblikaw rapport dwar l-użu tal-fondi (ħlasijiet, obligi, riżervi) matul dak il-perijodu. L-imsemmi rapport kellu jintbagħat lill-President tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.

9       Taħt it-titolu 'rimbors ta' fondi mhux utilizzati', kien speċifikat li l-fondi allokati setgħu jiġu użati sa l-iktar tard 40 ġurnata qabel id-data ta' l-elezzjonijiet sabiex ikopru obbligi ta' ħlas, bil-kundizzjoni li l-ħlas ma jkunx sar aktar tard minn 40 ġurnata wara d-data ta' l-elezzjonijiet. Kwalunkwe allokazzjonijiet li ġew użati b'mod mhux konformi ma' l-imsemmija żewġ kundizzjonijiet kellhom jitħallsu lura lill-Parlament Ewropew f'terminu ta' tliet xhur wara d-data ta' l-elezzjonijiet. Jekk ikun il-każ, il-Parlament Ewropew jista' jirkupra fondi dovuti lilu billi jnaqqas l-istess ammont mill-fondi allokati għall-gruppi politiċi taħt l-entrata 3706 (attivitajiet politiċi oħra).

10     Fid-29 ta' Ottubru 1983, il-Bureau estiż, li hu kompost mill-Bureau u l-presidenti tal-gruppi politiċi, adotta r-"Regoli dwar l-użu tal-fondi intiżi għar-rimbors ta' l-ispejjeż inkorsi mill-gruppi politiċi li pparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej ta' l-1984 (Ġurnal Uffiċjali C 293, p.1) (iktar 'il quddiem ir-"regoli ta' 1983").

11     L-imsemmija regoli, kif ġie mħabbar fid-deċiżjoni ta' 1982, speċifikaw il-kriterji ta' l-allokazzjoni tal-fond ta' riżerva ta' 31%. Il-kundizzjonijiet rigward l-ammont minimu ta' voti li l-gruppi politiċi kellhom jiksbu sabiex jibbenifikaw mit-tqassim tal-fondi huma l-istess bħal dawk speċifikati fid-deċiżjoni ta' 1982. Ir-regoli ta' 1983 żiedu li l-gruppi politiċi li xtaqu li jibbenefikaw mill-klawżola ta' 1% kellhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta' affiljazzjoni lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew mhux aktar tard minn 40 ġurnata qabel l-elezzjonijiet. Ir-regoli kienu jinkludu wkoll ċerti dispożizzjonijiet rigward l-allokazzjoni ta' l-imsemmija fondi. Rigward il-partiti, listi jew allejanzi b'rappreżentanza fil-Parlament Ewropew, il-fondi kellhom jiġu allokati lill-gruppi politiċi u l-membri mhux imsieħba, b'effett mill-ewwel seduta miżmuma wara l-elezzjonijiet. Rigward il-partiti, listi jew allejanzi mhux irrappreżentati fil-Parlament Ewropew, ġie pprovdut li:

- talbiet għal rimbors kellhom jiġu ppreżentati lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew mhux aktar tard minn 90 ġurnata mill-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' l-elezzjonijiet fl-Istat Membru in kwistjoni, flimkien mad-dokumenti kollha relevanti;

- il-perijodu li matulu l-ispejjeż kellhom jitqiesu bħala spejjeż konnessi ma' l-elezzjonijiet ta' 1984 jibda fl-1 ta' Jannar 1983 u jispiċċa 40 ġurnata wara d-data ta' l-elezzjonijiet;

- kontijiet li juru li l-ammonti ġew imħallsa in konnessjoni ma' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu mehmuża mat-talbiet;

- il-kriterji indikati iktar 'il fuq rigward l-ispejjeż inkorsi mill-gruppi politiċi kellhom japplikaw ukoll għall-ispejjeż inkorsi mill-gruppi politiċi mhux irrappreżentati fil-Parlament Ewropew.

12     L-assoċjazzjoni rikorrenti tinvoka seba' motivi sabiex issostni r-rikors tagħha:

i) nuqqas ta' kompetenza;

ii) il-ksur tat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 138 tat-Trattat KEE u l-Artikoli 7 (2) u 13 ta' l-Att dwar l-elezzjoni tad-deputati permezz ta' votazzjoni universali diretta;

iii) il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha f'għajnejn il-liġi elettorali;

iv) il-ksur tal-Artikoli 85 et seq. tat-Trattat KEE;

v) il-ksur tal-kostituzzjoni Franċiża, inkwantu l-prinċipju ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini f'għajnejn il-liġi ma ġietx rispettata;

vi) eċċezzjoni ta' illegalità u inapplikabbiltà, inkwantu l-vot tal-Ministru Franċiż fil-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej matul id-deliberazzjoni dwar il-baġitijiet kien illegali, li wassal għall-illegalità tad-deliberazzjoni tal-Kunsill u l-miżuri sussegwenti tal-proċedura rigward il-baġit;

vii) abbuż ta' poter, inkwantu l-Bureau tal-Parlament Ewropew uża l-fondi mdaħħla taħt entrata 3708 sabiex jassigura li l-membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-1979 jerġgħu jkunu eletti.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

i) Fuq il-kompetenza ta' 'Les Verts - Confederation ecologiste - Parti ecologiste' li tieħu azzjoni

13     Wara l-konklużjoni tal-proċedura bil-miktub, irriżulta li permezz ta' ftehim tad-29 ta' Marzu 1984, l-assoċjazzjoni rikorrenti, 'Les Verts - Parti ecologiste', u assoċjazzjoni oħra bl-isem ta' 'Les Verts - Confederation ecologiste', iddeċidew li jxolju u li jingħaqdu flimkien sabiex jiffurmaw assoċjazzjoni ġdida bl-isem ta' 'Les Verts - Confederation ecologiste - Parti ecologiste'. L-imsemmija assoċjazzjoni ġiet reġistrata fil-Prefecture du Police ta' Pariġi fl-20 ta' Ġunju 1984 (JORF ta' 8/11/84, NC, p. 10241, nota li tissostitwixxi u tannulla dawk li jidhru f'JORF ta' 25/7/84, NC 172, p. 6604 u 6608). Kienet din l-assoċjazzjoni li ppreżentat lista għall-'Les Verts - Europe Ecologie' fl-elezzjonijiet ta' Ġunju 1984, wara li fit-28 ta' April 1984 issottomettiet id-dikjarazzjoni ta' affiljazzjoni speċifikata f'regola nru. 4 tar-regoli ta' 1983. Kienet l-istess assoċjazzjoni li, permezz ta' ittra tat-23 ta' Lulju 1984, ressqet talba għal rimbors taħt l-imsemmija regoli lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew. B'riżultat ta' l-imsemmija talba, l-assoċjazzjoni rċeviet somma ta' ECU 82 958, ikkalkulata billi ġie applikat għas-680000 vot miksub koefiċjent ta' finanzjament ta' 0.1206596 għal kull vot.

14     Fid-dawl ta' dawn l-elementi ġodda, il-Parlament Ewropew isostni l-ewwel nett li l-assoċjazzjoni rikorrenti 'Les Verts - Parti ecologiste', peress illi din xoljiet, kienet tilfet il-kompetenza tagħha li tieħu azzjoni u li r-regola li tipprovdi li hija żammet il-personalità ġuridika tagħha għall-finijiet tax-xoljiment tagħha ma setgħetx tapplika għall-kawża preżenti, peress illi din ta' l-aħħar ġiet trasferita lill-assoċjazzjoni l-ġdida. Għalkemm ma ċaħadx li l-assoċjazzjoni l-ġdida 'Les Verts - Confederation ecologiste - Parti ecologiste' setgħet tkompli l-azzjoni istitwita mill-assoċjazzjoni rikorrenti, il-Parlament Ewropew sostna li l-kawża kellha titkompla sa mhux aktar tard minn perijodu deċiż mill-Qorti u li din kellha titkompla mill-organi kompetenti ta' l-assoċjazzjoni l-ġdida. Peress illi kkunsidra li din il-kundizzjoni ma kinitx ġiet sodisfatta, il-Parlament Ewropew talab lill-Qorti tiċħad ir-rikors.

15     L-ewwel nett, għandu jingħad li jirriżulta mill-ftehim tad-29 ta' Marzu 1984, li x-xoljiment taż-żewġ assoċjazzjonijiet, inkluża l-assoċjazzjoni rikorrenti, seħħet bil-kundizzjoni li jingħaqdu flimkien sabiex jiffurmaw assoċjazzjoni ġdida. Ix-xoljiment u l-fużjoni ta' l-assoċjazzjonijiet oriġinali u l-formazzjoni ta' assoċjazzjoni ġdida seħħew għalhekk b'att wieħed; konsegwentement hemm kontinwità kemm ġuridika kif ukoll temporali bejn l-assoċjazzjoni rikorrenti u l-assoċjazzjoni l-ġdida u din ta' l-aħħar akkwistat id-drittijiet u l-obbligi ta' l-assoċjazzjoni preċedenti.

16     It-tieni nett, il-ftehim li permezz tiegħu ngħaqdu jipprovdi espliċitament li proċeduri legali li ġew istitwiti, b'mod partikolari dawk istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, 'għandhom jitkomplew bl-istess termini' u 'taħt l-istess arranġamenti'.

17     It-tielet nett, l-istess Parlament Ewropew irrefera, matul il-proċedura orali, għal deċiżjoni adottata mill-Kumitat Nazzjonali Inter-reġjonali ta' l-assoċjazzjoni l-ġdida fis-16 u 17 ta' Frar 1985. Skond l-imsemmija deċiżjoni, li nqrat fis-seduta mill-konsulent legali ta' l-assoċjazzjoni l-ġdida, il-Kumitat Nazzjonali Inter-reġjonali, li hu l-organu kompetenti, skond l-istatut tagħha, sabiex jibda proċeduri legali, iddeċieda espressament, fid-dawl ta' l-aġir dilatorju tal-Parlament Ewropew, li jkompli l-proċeduri mibdija mill-assoċjazzjoni 'Les Verts - Parti ecologiste'.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax ikun hemm dubju dwar l-intenzjoni ta' l-assoċjazzjoni l-ġdida li tkompli ssegwi r-rikors li ġie mressaq minn waħda mill-assoċjazzjonijiet li minnha hija ġiet iffurmata, u li ġie trasferit lill-assoċjazzjoni l-ġdida, u s-sottomissjonijiet kuntrarji tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu miċħuda.

19     Għalkemm il-Parlament Ewropew ma ressaq l-ebda motiv ta' inammissibbiltà a bażi tal-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 173 tat-Trattat, hija l-Qorti li għandha tivverifika ex officio jekk l-imsemmija kundizzojnijiet ġewx issodisfatti jew le. F'dan il-każ, għandhom jiġu deċiżi espressament il-punti segwenti : jekk il-Qorti għandhiex il-kompetenza li tisma' u tiddeċiedi dwar rikors għal annullament ippreżentat skond l-Artikolu 173 tat-Trattat rigward miżura tal-Parlament Ewropew; jekk id-deċiżjonijiet ta' 1982 u r-regoli ta' 1983 humiex miżuri intiżi sabiex joħolqu effetti ġuridiċi vis-à-vis terzi; jekk l-imsemmija miżuri jikkonċernawx b'mod dirett u individwali l-assoċjazzjoni rikorrenti skond l-Artikolu 173 (2) tat-Trattat.

2) Fuq il-kompetenza tal-Qorti li tisma' u tiddeċiedi dwar rikors għal annullament ippreżentat skond l-Artikolu 173 tat-Trattat rigward miżura tal-Parlament Ewropew

Għandu jingħad li d-deċiżjoni ta' 1982 u r-regoli ta' 1983 ġew adottati mill-organi tal-Parlament Ewropew u għalhekk għandhom jitqiesu bħala miżuri adottati mill-Parlament Ewropew innifsu.

20     L-assoċjazzjoni rikorrenti tikkunsidra li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 164 tat-Trattat, l-istħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità ta' miżuri ta' l-istituzzjonijiet, li hi fdat lill-Qorti skond l-Artikolu 173 tat-Trattat, ma jistax ikun limitat għall-miżuri adottati mill-Kunsill u l-Kummissjoni, mingħajr ma jinħoloq każ ta' ċaħda ta' ġustizzja.

21     Il-Parlament Ewropew jikkunsidra wkoll li, b'mod konformi mal-funzjoni tiegħu bħala gwardjan tal-liġi kif provdut fl-Artikolu 164 tat-Trattat, il-Qorti tista' teżamina l-legalita' ta' miżuri għajr dawk adottati mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Fl-opinjoni tiegħu, il-lista tal-konvenuti potenzjali fl-Artikolu 173 mhix eżawrjenti. Il-Parlament Ewropew ma jikkontestax li f'oqsma bħall-baġit u punti relatati mal-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet diretti, fejn poteri miżjuda ġew mogħtija lilu permezz ta' emenda tat-Trattati, u fejn jista' l-istess Parlament jadotta miżuri ġuridiċi, ikun suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti. Fil-każ tal-fondi allokati għall-finanzjament tal-kampanja ta' informazzjoni għat-tieni elezzjoni diretta, il-Parlament Ewropew jeżerċita direttament id-drittijiet tiegħu. Għalhekk ma jixtieqx li l-miżuri li jadotta f'dan il-qasam jitneħħew mill-iskop ta' stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, huwa jikkunsidra li, fil-każ li l-interpretazzjoni ta' Artikolu 173 tat-Trattat tkun wiesgħa b'tali mod li tirrendi l-miżuri li jadotta suġġetti għal rikors għal annullament, huwa għandu jingħata l-kapaċità li jippreżenta tali rikors kontra miżuri adottati mill-Kunsill u l-Kummissjoni.

22     Għandu jiġi enfasizzat, f'dan ir-rigward, li l-Komunità Ekonomika Ewropea hija komunità bbażata fuq il-liġi, b'mod li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw eżami dwar il-konformità ta' l-azzjonijiet tagħhom mal-karta kostituzzjonali bażika, jiġifieri t-Trattat. B'mod partikolari, permezz ta' l-Artikoli 173 u 184 minn naħa, u l-Artikolu 177 min-naħa l-oħra, it-Trattat jistabbilixxi sistema kompluta ta' rimedji u proċeduri legali intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet. Għalhekk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta' miżuri ġenerali li ma jistgħux jikkontestaw direttament quddiem il-Qorti minħabba fil-kundizzjonijiet partikolari ta' ammissibbiltà pprovduti fl-Artikolu 173 (2) tat-Trattat. Fejn l-implementazzjoni amministrattiva ta' tali miżuri hi fdata lill-istituzzjonijiet tal-Komunità, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-Qorti kontra miżuri ta' implementazzjoni indirizzati lilhom jew li jikkonċernawhom b'mod dirett u individwali, u in sostenn ta' tali rikors, jistgħu jinvokaw l-illegalità tal-miżuri ġenerali li fuqhom huma bbażati. Fejn l-implementazzjoni hi fdata lill-awtoritajiet nazzjonali, l-imsemmija persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-miżuri ġenerali quddiem il-qrati nazzjonali u jitolbu lil dawn ta' l-aħħar sabiex iressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23     Hu minnu li, kuntrarjament għall-Artikolu 177 tat-Trattat, li jirreferi għall-azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet mingħajr speċifikazzjoni, l-Artikolu 173 jirreferi biss għall-azzjonijiet tal-Kunsill u l-Kumissjoni. Madankollu, is-sistema tat-Trattat hija li jinfetaħ rikors dirett kontra 'kull miżura adottata mill-istituzzjonijiet …. li huma intiżi li jkollhom effetti ġuridiċi', kif il-Qorti diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza fid-deċiżjoni tal-31 ta' Marzu 1971 (Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, ĠU, p. 263). Il-Parlament Ewropew mhuwiex espliċitament fost l-istituzzjonijet li l-miżuri tagħhom jistgħu jiġu kkontestati għar-raġuni li, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, it-Trattat KEE ma tahx ħlief poteri konsultattivi u kontroll politiku u mhux il-poter li jadotta miżuri intiżi li jkollhom effett ġuridiku vis-à-vis terzi. L-Artikolu 38 tat-Trattat KEFA juri li fejn il-Parlament ingħata 'ab initio' il-poteri li jadotta miżuri li jorbtu, kif kien il-każ rigward l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 95 (4) ta' l-imsemmi Trattat, il-miżuri adottati minnu ma kellhomx fil-prinċipju, immunità mir-rikors għal annullament.

24     Filwaqt li taħt it-Trattat KEFA, rikorsi għal annullament kontra miżuri adottati mill-istituzzjonijet huma s-suġġett ta' żewġ dispożizzjonijiet separati, dawn huma regolati esklużivament fit-Trattat KEE permezz ta' l-Artikolu 173, li huwa għalhekk dispożizzjoni ta' applikazzjoni ġenerali. Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat li eskluda miżuri tal-Parlament Ewropew minn dawk li setgħu jkunu kkontestati jwassal għal riżultat kuntrarju kemm għall-ispirtu tat-Trattat kif enunzjat fl-Artikolu 164 kif ukoll għas-sistema tiegħu. Miżuri adottati mill-Parlament Ewropew fil-kuntest tat-Trattat KEE jistgħu jeffettwaw il-poteri ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet l-oħra, jew jeċċedu l-limiti stabbiliti għall-poteri tal-Parlament, mingħajr il-possibbiltà li jkunu riferuti lill-Qorti għal eżami. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li rikors għal annullament jista' jsir kontra miżuri adottati mill-Parlament Ewropew intiżi li jkollhom effett ġuridiku vis-à-vis terzi.

25     F'dan l-istadju għandu jiġi kkunsidrat jekk id-deċiżjoni ta' 1982 u r-regoli ta' 1983 jikkostitwixxux miżuri intiżi li jkollhom effett ġuridiku vis-à-vis terzi.

3. Fuq il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni ta' 1982 u r-regoli ta' 1983 jikkostitwixxux miżuri intiżi li jkollhom effett ġuridiku vis-à-vis terzi.

26     Iż-żewġ miżuri kkontestati jikkonċernaw it-tnejn li huma l-allokazzjoni ta' fondi mdaħħla fil-baġit tal-Parlament Ewropew sabiex ikopru l-ispejjeż ta' preparament għall-elezzjonijiet Ewropej ta' 1984. Dawn jindirizzaw l-allokazzjoni ta' l-imsemmija fondi lil terzi għal spejjeż marbuta ma' l-attivitajiet li jinżammu barra mill-Parlament Ewropew. F'dan ir-rigward, dawn jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi kemm tal-gruppi politiċi li kellhom diġà rappreżentanza fil-Parlament Ewropew fl-1979, u dawk li kienu ser jipparteċipaw fl-elezzjoni ta' 1984. Huma jistabbilixxu l-proporzjon tal-fondi dovuti lil kull wieħed mill-gruppi, skond in-numru ta' siġġijiet miksuba fl-1979 jew skond in-numru ta' voti miksuba fl-1984. Għal din ir-raġuni, il-miżuri in kwistjoni kienu intiżi li jipproduċu effet ġuridiku vis-à-vis terzi u għalhekk jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors taħt Artikolu 173 tat-Trattat.

27     L-argument li l-poter ta' verifika fdat lill-Qorti ta' l-awdituri taħt l-Artikolu 206 A tat-Trattat jipprekludi kwalunkwe eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud. Il-Qorti ta' l-awdituri ma tistax, fil-fatt, teżamina ħlief il-legalità tan-nefqa b'referenza għall-baġit u d-dispożizzjoni sekondarja li fuqha n-nefqa hija bbażata (magħrufa bħala ‘l-miżura bażika’). L-eżami tagħha, fi kwalunkwe każ, hija għaldaqstant distinta minn dik fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonċerna l-legalità tal-miżura bażika. Il-miżuri kkontestati f'din il-kawża fir-realtà jikkostitwixxu miżura bażika, sa fejn jipprovdu fil-prinċipju għan-nefqa u jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw kif in-nefqa għandha tiġi effettwata.

4. Fuq il-kwistjoni jekk il-miżuri kkontestati humiex ta' rilevanza diretta u individwali għall-assoċjazzjoni rikorrenti skond l-Artikolu 173(2) tat-Trattat

28     L-assoċjazzjoni rikorrenti ssostni li għandha personalità ġuridika u li d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jinvolvu għoti ta' għajnuna lill-gruppi politiċi rivali, huma ta' interess dirett u individwali.

29     Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li, kif inhu stabbilit sa llum mill-ġurisprudenza tal-Qorti, ir-rikors ta' l-assoċjazzjoni rikorrenti huwa inammissibbli. Madankollu, huwa jqajjem il-kwistjoni jekk interpretazzjoni wiesgħa ta' l-Artikolu 173 (1) tat-Trattat teffettwax l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-imsemmi Artikolu. Hu jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-assoċjazzjoni rikorrenti mhix sempliċi terza parti, iżda, bħala partit politiku, tokkupa pożizzjoni ta' bejn il-partijiet privileġġjati rikorrenti, u individwali privati. Fl-opinjoni tiegħu, il-funzjoni partikolari tal-partiti politiċi għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fuq livell Komunitarju. Hu jikkunsidra li l-pożizzjoni partikolari tagħhom tiġġustifika li jingħataw dritt ta' rikors skond l-Artikolu 173(2) tat-Trattat kontra miżuri li jistabbilixxu taħt liema kundizzjonijiet u f'liema ammonti għandhom jirċievu, fl-okkażjoni ta' elezzjonijiet diretti, fondi mill-Parlament Ewropew għall-finijiet li jsir magħruf aktar dan ta' l-aħħar. Fid-difiża tiegħu, il-Parlament Ewropew ikkonkluda minn din il-linja ta' raġunar li r-regoli ta' 1983 jikkonċernaw il-partiti politiċi b'mod dirett u inividwali.

30     Għandu jingħad li l-miżuri kkontestati jikkonċernaw l-assoċjazzjoni rikorrenti b'mod dirett; huma jikkostitwixxu leġiżlazzjoni kompluta li hija suffiċjenti fiha nfisha u li ma tirrikjedi l-ebda dispożizzjoni ta' implementazzjoni, peress illi l-kalkolu tas-sehem tal-fondi dovuti lil kull wieħed mill-gruppi politiċi hija awtomatika u ma tħalli l-ebda lok għal diskrezzjoni.

31     Għad għandu jiġi vverifikat jekk l-assoċjazzjoni rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata mill-miżuri kkontestati.

32     F'dan ir-rigward, dan l-eżami għandu jiffoka fuq id-deċiżjoni ta' 1982. L-imsemmija deċiżjoni approvat il-prinċipju ta' l-għoti tal-fondi mdaħħla taħt entrata 3708 lill-gruppi politiċi. Din stabbilit ukoll is-sehem ta' l-imsemmija fondi li kellhom jitħallsu lill-gruppi politiċi fl-Assemblea eletta f'1979 u lill-membri mhux imsieħba ta' l-imsemmija assemblea (69%), u s-sehem tal-fondi li kellhom jitqassmu lill-gruppi politiċi kollha, bi jew mingħajr rappreżentanza fl-Assemblea eletta fl-1979, li pparteċipaw fl-elezzjonijiet ta' 1984 (31%); fl-aħħar nett l-imsemmija deċiżjoni qassmet id-69% bejn il-gruppi politiċi u l-membri mhux imsieħba. Ir-regoli ta' 1983 sempliċiment ikkonfermaw id-deċiżjoni ta' 1982 u kkompletawha billi stabbilixxew il-formola għat-tqassim tar-riżerva ta' 31%. Dawn għalhekk għandhom jitqiesu bħala parti integrali tad-deċiżjoni oriġinali.

33     Id-deċiżjoni ta' 1982 tikkonċerna l-gruppi politiċi kollha, anke jekk it-trattament li jirċievu jvarja skond jekk kellhomx rappreżentanza fl-assemblea ta' 1979 jew le.

34     Dan ir-rikors jikkonċerna sitwazzjoni li qatt qabel ma kienet ġiet quddiem il-Qorti. Billi kellhom rappreżentanti fl-istituzzjoni, ċerti gruppi politiċi pparteċipaw fl-adozzjoni ta' deċiżjoni li tirrigwarda kemm it-trattament tagħhom stess u kif ukoll it-trattament ta' gruppi rivali li ma kellhomx rappreżentanza. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u peress illi l-miżura kkontestata tirrigwarda l-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi għall-finijiet ta' preparament għall-elezzjonijiet, u peress illi hu allegat li dawn il-fondi ġew allokati b'mod inekwu, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawk il-gruppi politiċi li kienu rappreżentati biss, u li għalhekk setgħu jiġu identifikati fid-data ta' l-adozzjoni tal-miżura kkontestata, huma kkonċernati minnha individwalment.

35     Tali interpretazzjoni twassal għal inekwità rigward il-protezzjoni ġuridika mogħtija mill-Qorti lill-varji gruppi politiċi li jipparteċipaw fl-istess elezzjonijiet. Gruppi politiċi li mhux rappreżentati ma setgħux iwaqqfu l-allokazzjoni tal-fondi in kwistjoni qabel il-bidu tal-kampanja elettorali peress illi ma setgħux jinvokaw l-illegalità tad-deċiżjoni bażika ħlief in sostenn ta' rikors rigward id-deċiżjonijiet individwali li jiċħdu r-rimbors ta' ammonti akbar minn dawk previsti. Kien għalhekk impossibbli għalihom li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti qabel l-elezzjonijiet jew li jottjenu digriet mill-Qorti skond l-Artikolu 185 tat-Trattat li jordna s-sospensjoni tal-miżura bażika kkontestata.

36     Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-assoċjazzjoni rikorrenti li kienet teżisti fiż-żmien li d-deċiżjoni ta' 1982 ġiet adottata u li setgħet tippreżenta kandidati fl-elezzjonijiet ta' 1984, hi individwalment ikkonċernata mill-miżuri kkontestati.

37     Fid-dawl ta' l-imsemmija kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li r-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu tar-rikors

38     Fl-ewwel tliet motivi tagħha, l-assoċjazzjoni rikorrenti tikkwalifika s-sistema implementata mill-Parlament Ewropew bħala sistema ta' rimbors ta' l-ispejjeż tal-kampanja elettorali.

39     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, l-assoċjazzjoni rikorrenti ssostni li t-Trattat ma jipprovdi l-ebda bażi legali għall-adozzjoni ta' tali sistema. Permezz tat-tieni motiv tagħha, hi titlob lill-Qorti tiddikjara li, fi kwalunkwe każ, dan is-suġġett huwa kopert mill-kunċett ta' proċedura elettorali uniformi msemmija fl-Artikolu 138(2) tat-Trattat, u li għalhekk jibqa' ta' kompetenza tal-leġiżlaturi nazzjonali skond l-Artikolu 7(2) ta' l-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti ta' l-assemblea permezz ta' votazzjoni diretta u universali.

40     Fl-aħħar nett, it-tielet motiv ta' l-assoċjazzjoni rikorrenti tallega l-opportunità inekwa mogħtija lill-varji gruppi politiċi peress illi dawk li diġà kellhom rappreżentanza fil-Parlament elett fl-1979 ipparteċipaw darbtejn fit-tqassim tal-fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708. Dawn ta' l-aħħar l-ewwel ipparteċipaw fit-tqassim tad-69% riżervat għall-gruppi politiċi u l-membri mhux imsieħba ta' l-assemblea eletta fl-1979 u pparteċipaw għal darba oħra fit-tqassim tal-fond ta' riżerva ta' 31%. Għalhekk, dawn ingħataw vantaġġ kunsiderevoli meta mqabbla mal-gruppi li ma kellhomx diġà rappreżentanti fl-assemblea fl-1979.

41     Il-Parlament Ewropew jirrispondi għall-ewwel żewġ motivi flimkien. Hu jikkunsidra li teżisti kontradizzjoni bejn iż-żewġ motivi: il-kwistjoni jew taqa' jew ma taqax taħt il-kompetenza tal-Komunità, iżda l-assoċjazzjoni rikorrenti ma tistax tressaq iż-żewġ argumenti fl-istess ħin. Il-Parlament Ewropew jenfasizza fuq kollox li s-sistema ma twaqqfitx għar-rimbors ta' spejjeż ta' kampanja elettorali iżda sabiex ikun hemm kontribut għal kampanja ta' informazzjoni intiża sabiex il-Parlament ikun aktar magħruf fost l-elettorat matul il-perijodu ta' l-elezzjonijiet, kif jidher b'mod ċar min-noti dwar l-entrata 3708 u mir-regoli ta' implementazzjoni. Il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fit-tali kampanja ta' informazzjoni tirriżulta mill-poter tiegħu, rikonoxxut mill-Qorti fid-deċiżjoni tagħha ta' l-10 ta' Frar 1983 (Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, 287) li jiddetermina hu stess l-organizzazzjoni interna tiegħu u li jieħu miżuri adegwati li jassiguraw il-funzjoni u l-iżvolġiment tal-proċeduri tiegħu. Peress illi s-sistema ma tikkonċernax ir-rimbors ta' l-ispejjeż ta' kampanja elettorali, l-ewwel u t-tieni motivi mhumiex fondati.

42     Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jitlob li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud peress illi l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet bejn il-varji gruppi politiċi ma ġietx effettwata. L-għan tar-regoli hu li jkun hemm tixrid effettiv ta' informazzjoni rigward il-Parlament. Il-partiti politiċi rappreżentati fl-assemblea eletta fl-1979 diġà wrew li organizzaw f'attivitajiet intiżi biex jippromwovu l-integrazzjoni Ewropea. Peress li huma gruppi akbar, dawn għandhom rappreżentanza usa' u b'hekk qegħdin f'pożizzjoni li jxerrdu volum akbar ta' informazzjoni. Il-Parlament isostni li huwa ġustifikat li huma jingħataw sommon akbar għall-kampanja ta' informazzjoni tagħhom. Hu jikkunsidra li t-tqassim tal-fondi b'69% għall-finanzjament qabel il-kampanja ta' informazzjoni, u 31% għall-finanzjament sussegwenti tal-gruppi politiċi kollha li pparteċipaw fl-elezzjonijiet, jikkostitwixxi deċiżjoni li taqa' fl-ambitu tad-diskrezzjoni politika tiegħu. Il-Parlament Ewropew enfasizza għal darb'oħra matul is-seduta li l-Bureau u l-Bureau estiż iddeċidew fuq allokazzjoni tal-fondi skond formola li naturalment ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs tal-kontribuzzjoni li setgħu jagħtu l-varji gruppi politiċi sabiex jippromwovu l-kunċett ta' integrazzjoni politika fl-opinjoni ppubblika fl-Istati Membri.

43     L-ewwel nett għandu jiġi affermat mill-ġdid li l-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jadotta, permezz tal-poter li għandu skond it-Trattat li jiddetermina l-organizzazzjoni interna tiegħu, dawk il-miżuri adegwati sabiex jassigura l-funzjoni u żvolġiment tajjeb tal-proċeduri tiegħu, hekk kif diġà jirriżulta mid-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq ta' l-10 ta' Frar 1983. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-sistema ta' finanzjament implementata ma taqax fl-ambitu tal-poter ta' organizzazzjoni interna jekk jirriżulta li mhemmx distinzjoni bejnha u bejn sistema li tipprovdi għal rimbors fiss ta' l-ispejjeż ta' kampanja elettorali.

44     Sabiex jiġi kkunsidrat jekk l-ewwel tliet motivi humiex fondati, għandha tiġi determinata għalhekk, l-ewwel nett, in-natura vera tas-sistema ta' finanzjament implementata permezz tal-miżuri kkontestati.

45     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-miżuri kkontestati huma, ta' l-inqas, ambigwi. Id-deċiżjoni ta' 1982 sempliċement tindika li hi tikkonċerna l-allokazzjoni tal-fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708, filwaqt li l-memorandum intern li jiġbor sinteżi tagħha, jitkellem b'mod ċar u mhux ekwivoku dwar finanzjament tal-kampanja elettorali. Rigward ir-regoli ta' 1983, dawn ma jindikawx jekk l-ispejjeż li huma jipproponu li jirrimborsaw kellhomx jiġu inkorsi in konnessjoni mat-tixrid ta' informazzjoni dwar il-Parlament Ewropew innifsu jew il-pożizzjonijiet adottati mill-gruppi politiċi jew li bi ħsiebhom jadottaw fil-futur.

46     Huwa minnu li r-regoli ta' 1982 dwar l-użu tal-fondi pprovdew li l-fondi allokati setgħu biss ikunu użati għal attivitajiet konnessi mal-kampanja ta' informazzjoni għall-elezzjonijiet ta' 1984. Sabiex ikun assigurat li din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, dawn speċifikaw in-natura ta' nefqa li setgħet tkun koperta, indikaw il-persuna responsabbli sabiex tassigura l-użu korrett tal-fondi, esiġew iż-żamma ta' kontijiet separati li jindikaw il-varji kategoriji ta' nefqiet, u esiġew il-preżentazzjoni ta' rapporti dwar l-użu tal-fondi. B'hekk il-Parlament Ewropew fittex li jassigura li l-fondi allokati lill-gruppi politiċi jkunu użati fil-parti l-kbira tagħhom sabiex ikopru n-nefqa għal laqgħat u pubblikazzjonijiet (brochures, avviżi fl-istampa u posters).

47     Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dawk ir-regoli mhumiex suffiċjenti sabiex ineħħu l-ambigwità tan-natura ta' l-informazzjoni provduta. Fil-fatt, ir-regoli ta' 1982, ma stabbilixxewx kundizzjoni li torbot l-allokazzjoni tal-fondi man-natura ta' l-informazzjoni mxerrda daqskemm m'għamlux hekk il-miżuri kkontestati. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li, permezz ta' rendikont ta' l-attivitajiet tagħhom, il-kandidati kkontribuxxew għall-informazzjoni dwar kif l-istituzzjoni parlamentari wettqet il-missjoni tagħha. Hu evidenti li, f'kampanja ta' informazzjoni ta' dan it-tip, li l-Parlament Ewropew jiddeskriviha bħala kampanja li tippermetti l-preżentazzjoni ta' opinjonijiet diversi, informazzjoni dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u l-propoganda partiġġjana huma inseparabbli. Inoltre, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa matul is-seduta li ma kienx possibbli għall-membri tiegħu li jisseparaw stqarrijiet strettament elettorali minn informazzjoni.

48     Finalment, għandu jiġi aċċennat li l-fondi allokati lill-gruppi politiċi setgħu jintefqu matul il-kampanja elettorali. Dan joħroġ ċar l-ewwel nett rigward l-ammonti mħallsa mill-fond ta' riżerva ta' 31%, li tqassam bejn il-gruppi politiċi li pparteċipaw fl-elezzjonijiet ta' l-1984. In-nefqa li setgħet tkun rimborsata kienet dik li ġiet inkorsa in konnessjoni ma' l-elezzjonijiet Ewropej ta' 1984 matul il-perijodu minn 1 ta' Jannar 1983 sa 40 ġurnata wara l-elezzjonijiet. Dan mhux inqas minnu rigward id-69% tal-fondi mqassma kull sena bejn il-gruppi politiċi u l-membri mhux imsieħba ta' l-assemblea eletta fl-1979. Jirriżulta mir-regoli ta' 1982 li terz ta' l-ammont totali allokat (bil-parti fissa mnaqqsa) ma kellux jitħallas ħlief wara l-elezzjonijiet ta' 1984. Inoltre, il-fondi allokati mid-69% tat-total tal-fondi setgħu jiġu użati biex jikkostitwixxu l-fondi ta' riżerva u sabiex ikopru obbligi ta' ħlas sa mhux aktar tard minn 40 ġurnata qabel id-data ta' l-elezzjoni, bil-kundizzjoni li l-ħlas ikun sar verament mhux aktar tard minn 40 ġurnata wara d-data ta' l-elezzjonijiet.

49     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema ta' finanzjament implementata ma tistax tiġi distinta minn sistema ta' finanzjament li tipprovdi għal rimbors fiss ta' l-ispejjeż ta' kampanja elettorali.

50     It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati tiksirx l-Artikolu 7(2) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976, rigward l-elezzjoni tar-rappreżentanti ta' l-assemblea permezz ta' votazzjoni universali diretta.

51     Skond l-imsemmija dispożizzjoni, "sa d-dħul fis-seħħ ta' proċedura elettorali uniformi, u salv għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu".

52     Il-kunċett ta' proċedura elettorali skond it-tifsira ta' l-imsemmija dispożizzjoni jinkludi, inter alia, dawk ir-regoli intiżi sabiex jassiguraw li l-proċedura elettorali titmexxa b'mod regolari u li d-diversi kandidati jingħataw l-istess opportunitajiet matul il-kampanja elettorali. Ir-regoli li jistabbilixxu sistema għar-rimbors ta' spejjeż marbuta ma' kampanja elettorali jaqgħu taħt dik il-kategorija.

53     Il-kwistjoni tar-rimbors ta' l-ispejjeż ta' kampanja elettorali mhix koperta mill-Att ta' 1976. Konsegwentement, skond il-liġi Komunitarja kif tinsab preżentement, it-twaqqif ta' sistema ta' rimbors ta' l-ispejjeż ta' kampanja elettorali u t-twaqqif ta' arranġamenti dettaljati għall-implementazzjoni tagħha għadhom jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri.

54     Il-motiv imressaq mill-assoċjazzjoni rikorrenti bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(2) ta' l-Att ta' 1976 għandu għalhekk jiġi milqugħ. Għaldaqstant mhemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra li ġew imressqa.

 Fuq l-ispejjeż

55     Skond l-Artikolu 69 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Ir-rikorrenti ma talbitx li l-konvenut għandu jbati l-ispejjeż. Għaldaqstant, għalkemm il-konvenut jitlef il-kawża, hemm lok li kull parti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

1)      Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 1982 rigward l-allokazzjoni ta' fondi mdaħħla taħt l-entrata 3708 tal-Baġit Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll ir-regoli tal-Bureau estiż tad-29 ta' Ottubru 1983 rigward l-użu ta' fondi intiżi għar-rimbors ta' spejjeż inkorsi mill-gruppi politiċi li pparteċipaw fl-elezzjonijiet ta' 1984, huma nulli.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Koopmans

Everling      Bahlmann

Joliet

Bosco      Due

Galmot

Kakouris

O´Higgins

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta' April 1986.

P. Heim

 

      T. Koopmans

Reġistratur

 

      President ta' l-Awla

 

            Aġent President

 

* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.