SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

10 ta' Mejju 1995 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 59 tat-Trattat KEE – Projbizzjoni ta’ cold calling bit-telefon għal servizzi finanzjarji.”

Fil-kawża C-384/93

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven u intiża sabiex tikseb fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Alpine Investments BV

u

Minister van Financiën

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat KEE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, F. A. Schockweiler, P. J. G. Kapteyn u C. Gulmann, Presidenti ta' Awli, G. F. Mancini, J.C. Moitinho de Almeida, J. L. Murray, D.A.O. Edward (Relatur), u J.-P. Puissochet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għal Alpine Investments BV, minn G. van der Wal u W. B. J. van Overbeek, Avukati mal-Hoge Raad der Nederlanden,

–       għall-Gvern Olandiż, minn A. Bos, Konsulent Legali mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–       għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos, Assistent Konsulent Legali mal-Kunsill Ġuridiku ta' l-Istat, u V. Pelekou, Rappreżentant Ġuridiku mal-Kunsill Ġuridiku ta' l-Istat, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. D. Colahan, mit-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, u P. Duffy, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Smulders u P. van Nuffel, membri tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' Alpine Investments BV, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. S. van den Oosterkamp, Konsulent Legali mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn J. Devadder, Direttur ta' l-Amministrazzjoni mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Elleniku, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn C. Vajda, Barrister u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fis-seduta tad-29 ta' Novembru 1994,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Jannar 1995,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet tat-28 ta’ April 1993, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 1993, il-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (iktar ‘il quddiem “il-College van Beroep”) ressaq, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, numru ta' domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 59 ta' l-istess Trattat.

2       Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Alpine Investments BV kontra l-projbizzjoni li kien għamlilha l-Ministru tal-Finanzi Olandiż li tikkuntattja individwi bit-telefon mingħajr il-kunsens tagħhom bil-miktub minn qabel sabiex tipproponilhom diversi servizzi finanzjarji (prattika magħrufa bħala cold calling).

3       Alpine Investments BV, il-konvenuta prinċipali (iktar 'il quddiem Alpine Investments), hija kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tispeċjalizza fil-kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija (commodities futures).

4       Il-partijiet f'kuntratt għal żmien futur tal-merkanzija jintrabtu li jixtru jew li jbigħu ċertu kwantita ta’ merkanzija ta’ kwalità determinata għal prezz u data stabbiliti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Madankollu, huma m’għandhomx l-intenzjoni li effettivament jirċievu jew li jikkunsinjaw il-merkanzija, iżda jikkonkludu l-kuntratt biss bit-tama li jagħmlu profitt mit-tibdiliet fil-prezz bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u x-xahar tal-kunsinna, profitt li huwa possibbli billi ssir l-operazzjoni opposta ta’ l-ewwel tranżazzjoni, qabel il-bidu tax-xahar tal-kunsinna, fis-suq għal żmien futur.

5       Alpine Investments toffri tliet tipi ta’ servizzi fil-qasam ta' kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija: it-tmexxija ta' portafoll, parir għal investimenti u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet tal-klijenti għal brokers li joperaw fi swieq għal żmien futur tal-merkanzija li jinsabu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità. Din għandha klijenti mhux biss fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda wkoll fil-Belġju, fi Franza u fir-Renju Unit. Madankollu, din mhijiex stabbilita barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

6       Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, is-servizzi finanzjarji kienu suġġetti, fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-Wet Effectenhandel tat-30 ta’ Ottubru 1985 (Liġi dwar it-tranżazzjoni ta' titoli, iktar 'il quddiem il-"WEH"). L-Artikolu 6(1) ta din il-liġi pprojbixxiet lil kull persuna milli taġixxi bħala intermedjarju f'tranżazzjonijiet ta' titoli mingħajr ma jkollha permess. L-Artikolu 8(1) kien jippermetti lill-Ministru tal-Finanzi jagħti, f’ċirkustanzi partikolari, deroga minn din il-projbizzjoni. Madankollu, skond l-Artikolu 8(2) id-deroga setgħet "tkun suġġetta għal restrizzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex jiġu evitati l-iżviluppi mhux mixtieqa fit-tranżazzjoni ta' titoli".

7       Fis-6 ta’ Settembru 1991, il-Ministru tal-Finanzi, konvenut fil-kawża prinċipali, ta lil Alpine Investments deroga sabiex tqiegħed ordnijiet ma’ broker partikolari, Merill Lynch Inc. Id-deroga kienet tippreċizza li Alpine Investments kellha tikkonforma ruħha mar-regoli li setgħu jiġu stabbiliti mill-Ministru tal-Finanzi fil-futur qarib f’dak li jikkonċerna l-kuntatti tagħha ma’ klijenti potenzjali.

8       Fl-1 ta’ Ottubru 1991, il-Ministru tal-Finanzi ddeċieda li jipprojbixxi, b’mod ġenerali, lill-intermedjarji finanzjarji li jipproponu investimenti fi tranżazzjoni għal żmien futur u barra mill-Borża tal-merkanzija milli jikkuntattjaw klijenti potenzjali permezz tal-cold calling.

9       Skond il-Gvern Olandiż, din id-deċiżjoni ttieħdet wara numru ta’ lmenti li l-Ministru tal-Finanzi kien irċieva, matul is-sena 1991, minn investituri li kienu għamlu investimenti ħżiena f’dan il-qasam. Minħabba li parti minn dawn l-ilmenti kienu minn investituri stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa estenda l-projbizzjoni għas-servizzi offruti fi Stati Membri oħra mill-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan li jippreserva r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju Olandiż.

10     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit-12 ta’ Novembru 1991, il-Ministru tal-Finanzi pprojbixxa lil Alpine Investemnts milli tikkuntattja klijenti potenzjali bit-telefon jew personalment, ħlief jekk dawn awtorizzawha minn qabel, espliċitament u bil-miktub, tagħmel kuntatt magħhom b’dan il-mod.

11     Alpine Investments ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Ministru li tipprojbixxilha tipprattika l-cold calling. Sussegwentement, peress illi d-deroga tagħha kienet ġiet sostitwita, fl-14 ta’ Jannar 1992, b’deroga oħra li kienet tippermettilha tqiegħed ordnijiet ma' broker ieħor, Rodham u Renshaw Inc., li kien ukoll ipprojbijt milli jipprattika l-cold calling, fit-13 ta’ Frar 1992 hija ressqet ilment ġdid.

12     B' deċiżjoni tad-29 ta’ April 1992, il-Ministru tal-Finanzi ċaħad l-ilment ta’ Alpine Investments. Fis-26 ta’ Mejju, Alpine Investments ressqet rikors quddiem il-College van Beroep.

13     Peress illi Alpine Investments sostniet, b'mod partikolari, li l-projbizzjoni tal-cold calling kienet inkompatibbli mal-Artikolu 59 tat-Trattat, safejn din kienet tikkonċerna klijenti potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra għajr milli fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-College van Beroep ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni:

"1)      Id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li din tkopri wkoll il-provvista ta' servizzi li l-fornitur ta' servizzi joffri bit-telefon minn Stat Membru li fih huwa stabbilit lil klijenti (potenzjali) stabbiliti ġo Stat Membru ieħor u għaldaqstant jipprovdi wkoll minn dan l-Istat Membru ?

2)      Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu ċċitat iktar 'il fuq ikopru wkoll il-kundizzjonijiet jew/u r-restrizzjonijiet li jirregolaw, fl-Istat Membru li fih il-fornitur ta' servizzi huwa stabbilit, l-eżerċizzju legali ta' l-attività professjonali kkonċernata jew l-operazzjoni legali ta' l-impriża kkonċernata, iżda li ma japplikawx jew, għall-inqas, mhux skond l-istess kundizzjonijiet u fl-istess mod, għall-eżerċizzju ta' l-attività professjonali ċċitata iktar 'il fuq jew għall-operazzjoni ta' l-impriża iċċitata iktar 'il fuq fl-Istat Membru li fih id-destinatarji (potenzjali) tal-provvista ta' servizzi in kwistjoni huma stabbiliti, u li jistgħu, konsegwentement, jikkostitwixxu għall-fornitur ta' servizzi, fil-kuntest ta' l-offerta ta' servizzi lil klijenti (potenzjali) stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ostakoli li ma jiltaqgħux magħhom il-fornituri ta' servizzi simili stabbiliti f'dan l-Isat Membru l-ieħor.

Fil-każ ta’ risposta fl-affirmattiv għat-tieni domanda:

3) a) L-interessi li l-konsumatur jiġi mħares u li tiġi mħarsa r-reputazzjoni tal-provvisti ta' servizzi finanzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fuqhom hija bbażata dispożizzjoni intiża sabiex jiġu evitati żviluppi mhux mixtieqa fit- tranżazzjoni ta' titoli, jistgħu jiġu kkunsidrata bħala raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, li jiġġustifikaw ostakolu bħal dak imsemmi fid-domanda preċedenti?

b) Dispożizzjoni ta' deroga, li tipprojbixxi dak li huwa msejjaħ cold calling, għandha tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament neċessarja sabiex jiġu mħarsa l-interessi ċċitati iktar 'il fuq u proporzjonata ma' l-għan li jrid jintlaħaq?’’.

14     L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat, li, anki jekk tapplika għal tranżazzjonijiet fis-swieq għal żmien futur tal-merkanzija, id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta’ l-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU L 141, p. 27), hija sussegwenti għall-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU L 372, p. 31), ma tapplikax la għall-kuntratti konklużi bit-telefon u lanqas għall-kuntratti dwar it-titoli [Artikolu 3(2(e)].

15     Il-domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom għaldaqstant jiġi eżaminati biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F'dan ir-rigward, huwa kostanti li, peress illi saru bi ħlas, is-servizzi pprovduti minn Alpine Investments huma tassew servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 60 tat-Trattat KEE.

16     Permezz ta' l-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni tal-cold calling taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat. Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi, bit-tielet domanda tagħha, jekk din il-projbizzjoni tistax madankollu tkun iġġustifikata.

 Fuq l-ewwel domanda

17     L-ewwel domanda mressqa mill-qorti nazzjonali tinkludi żewġ partijiet.

18     L-ewwel nett, qiegħed jiġi mistoqsi jekk il-fatt li s-servizzi in kwistjoni jikkostitwixxu sempliċi offerti u għad m'għandhomx destinatarju speċifiku jostakolax l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat.

19     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ssir illużorja jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali setgħu liberament jirrestrinġu l-offerti tas-servizzi. L-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax għaldaqstant tkun suġġetta għall-eżistenza minn qabel ta' destinatarju speċifiku.

20     It-tieni nett, qiegħed jiġi mistoqsi jekk l-Artikolu 59 jikkonċerna s-servizzi li fornitur joffri bit-telefon lil persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li huwa jipprovdi mingħajr ma jiċċaqlaq mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

21     F’dan il-każ, l-offerti ta' servizzi huma indirizzati minn fornitur stabbilit fi Stat Membru lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor. Mill-kliem stess ta' l-Artikolu 59 jirriżulta li hemm, għaldaqstant, provvista ta' servizzi skond din id-dispożizzjoni.

22     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 59 tat-Trattat għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna s-servizzi li fornitur joffri bit-telefon lil destinatarji potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huwa jipprovdi mingħajr ma jiċċaqlaq mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

 Fuq it-tieni domanda

23     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tiegħu milli jagħmlu telefonati mhux mitluba lil klijenti potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 59 tat-Trattat.

24     L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni in kwistjoni tapplika għall-offerta ta' servizzi transfrontali.

25     Sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti nazzjonali, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati suċċessivament tliet punti.

26     L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit jekk il-projbizzjoni milli jsir kuntatt bit-telefon ma' klijenti potenzjali li jinsabu fi Stat Membru ieħor mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel tistax tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li l-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri li fihom jgħixu destinatarji potenzjali mhumiex neċessarjament suġġetti għall-istess projbizzjoni jew, għall-inqas, mhux skond l-istess kundizzjonijiet.

27     Għandu jiġi osservat li projibizzjoni bħal dik in kiwstjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 59 biss minħabba l-fatt li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas stretti għall-fornituri ta' servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara. f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 48).

28     Madankollu, projbizzjoni bħal din iċċaħħad lill-operaturi kkonċernati minn teknika rapida u diretta ta’ pubbliċità u ta’ kuntatti ma’ klijenti potenzjali li jinsabu fi Stati Membri oħra. Għalhekk, din tista' tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfrontali.

29     It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk din il-konklużjoni tistax tiġi mibdula minħabba l-fatt li l-projbizzjoni in kwistjoni tirriżulta mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur u mhux mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit id-destinatarju potenzjali.

30     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità in ġenerali. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tikkonċerna mhux biss ir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Istat ospitanti, iżda wkoll dawk stabbiliti mill-Istat ta' oriġini. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ħafna drabi, id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista' jiġi invokat minn impriża kontra l-Istat li fih hija stabbilita, meta s-servizzi huma pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membu ieħor (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries, C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 30; Peralta, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 14).

31     Minn dan jirriżulta li l-projbizzjoni tal-cold calling ma taqax barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat sempliċiment minħabba l-fatt li din hija imposta mill-Istat li fih il-fornitur ta' servizzi huwa stabbilit.

32     Fl-aħħar nett hemm lok li jiġu eżaminati ċerti argumenti mressqa mill-Gvernijiet Olandiż u tar-Renju Unit.

33     Dawn isostnu li l-projbizzjoni in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat għalhiex din hija miżura ta' applikazzjoni ġenerali, mhijiex diskriminatorja u m'għandiex bħala għan jew effett li tagħti lis-suq nazzjonali vantaġġ fuq fornituri ta' servizzi ta' Stati Membri oħra. Issa, billi teffettwa biss il-mod li bih huma offruti s-servizzi, din hija simili għall-miżuri mhux diskriminatorji li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta' bejgħ li, skond il-ġurisprudenza Keck u Mithouard (sentenza ta' l-24 ta’ Novembru 1993, C-267/91 u C 268/91, Ġabra p. I-6097, punt 16), ma jaqawx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE.

34     Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

35     Jekk huwa veru li projbizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta' natura ġenerali u mhux diskriminatorja u li la għandha bħala għan u lanqas bħala effett li tagħti vantaġġ lis-suq nazzjonali fuq fornituri ta’ servizzi ta' Stati Membri oħra, xorta jibqa' l-fatt, kif ġie osservat iktar 'il fuq (ara l-punt 28), li din tista' tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfrontali.

36     Projbizzjoni bħal din mhijiex simili għal-leġiżlazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta' bejgħ li l-ġurisprudenza Keck u Mithouard ikkunsidrat bħala li ma jaqawx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

37     Skond din il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni, għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, ta' dispożizzjonjiet nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu, fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni, ċertu kundizzjonijiet ta' bejgħ ma tostakolax il-kummerċ bejn l-Istati Membri sakemm, l-ewwel net, dawn japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u it-tieni net, dawn jeffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti nazzjonali u ta' dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Ir-raġuni hija li l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet mhijiex tali li timpedixxi l-aċċess minn dawn ta' l-aħħar għas-suq ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni jew li timpedixxi dan l-aċċess iktar milli timpedixxi aċċess mill-prodotti nazzjonali.

38     Issa, projbizzjoni bħal dik in kwistjoni tirriżulta mill-Istat Membru ta' stabbiliment tal-fornitur ta' servizzi u tikkonċerna mhux biss l-offerti li huwa għamel lil destinatarji stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat jew li jmorru hemmhekk sabiex jirċievu dawn is-servizz, iżda wkoll l-offerti indirizzati lil destinatarji li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Minħabba dan, hija tikkundizzjona direttament l-aċċess għas-suq tas-servizzi fl-Istati Membri l-oħra. Għalhekk, din tista' tostakola l-kummerċ intrakomunitarju ta' servizzi.

39     Għalhekk hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tiegħu milli jagħmlu telefonati mhux mitluba lil klijenti potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 59 tat-Trattat.

 Fuq it-tielet domanda

40     Permezz tat-tielet domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali jiġġustifikawx il-projbizzjoni tal-cold calling u jekk din għandiex tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament neċessarja u proporzjonata għall-għan li jrid jintlaħaq.

41     Il-Gvern Olandiż isostni li l-projbizzjoni tal-cold calling fi tranżazzjoni għal żmien futur u barra mill-Borża tal-merkanzija hija intiża, minn naħa, sabiex tħares ir-reputazzjoni tas-swieq finanzjarji Olandiżi u, min-naħa l-oħra, sabiex tipproteġi lill-investitur pubbliku.

42     Qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li s-swieq finanzjarji għandhom rwol importanti fil-finanzjament ta’ operaturi ekonomiċi u li, fid-dawl tan-natura spekulattiva u l-komplessità tal-kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija, il-funzjonament tajjeb tagħhom huwa fil-parti l-kbira dovut għall-fiduċja li dawn jagħtu lill-investituri. Din il-fiduċja hija partikolarment ikkundizzjonata mill-eżistenza ta’ leġiżlazzjonijiet professjonali intiżi sabiex jiżguraw il-kompetenza u l-lealtà ta’ l-intermedjarji finanzjarji li fuqhom l-investituri jiddependu b'mod partikolari.

43     Barra minn hekk, għalkemm il-protezzjoni tal-konsumaturi fit-territorju ta’ Stati Membri oħra ma taqgħax, fiha nnifisha, taħt l-awtoritajiet Olandiżi, xorta jibqa' l-fatt li n-natura u l-estent ta' din il-protezzjoni għandha effett dirett fuq ir-reputazzjoni tajba tas-servizzi finanzjarji Olandiżi.

44     Iż-żamma tar-reputazzjoni tajba tas-settur finanzjarju nazzjonali tista’ għalhekk tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista' tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji.

45     Fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni in kwistjoni, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżiġenzi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi għandhom ikunu adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan li huma jridu jilħqu u li ma jaqbżux dawk li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda et C- 288/89, Ġabra p. I-4007, punt 15).

46     Kif irrileva, korrettament, il-Gvern Olandiż, f’każ ta’ cold calling, l-individwu, li jinqabad ġeneralment għall-għarrieda, la jinsab f’pożizzjoni li jinforma ruħu dwar ir-riskji inerenti fit-tip ta' operazzjonijiet li qed jiġu offruti lilu, lanqas li jqabbel il-kwalità u l-prezz tas-servizzi ta' min qed joffrihom ma' l-offerti ta' kompetitturi. Peress illi s-suq għal żmien futur tal-merkanzija huwa ferm spekulattiv u bilkemm jinftiehem għall-investituri ftit li xejn infurmati, kien neċessarju li dawn jiġu mħarsa mill-iktar mezzi aggressivi ta’ bejgħ.

47     Madankollu Alpine Investments issostni li l-projbizzjoni tal-cold calling mill-Gvern Olandiż mhijiex neċessarja għaliex l-Istat Membru tal-fornitur għandu jafda fil-kontroll mwettaq mill-Istat Membru tad-destinatarju.

48     Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Istat Membru li minnu ssir it-telefonata qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jirregola l-cold calling. Anki jekk l-Istat ospitanti jixtieq jipprojbixxi l-cold calling jew jissuġġettah għal ċerti kundizzjonijiet, huwa mhuwiex f'pożizzjoni li jimpedixxi jew li jikkontrolla telefonati minn Stat Membru ieħor mingħajr il-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat.

49     Konsegwentement, il-projbizzjoni tal-cold calling mill-Istat Membru minn fejn issir it-telefonata, intiża sabiex tħares il-fiduċja ta' l-investituri fis-swieq finanzjarji ta’ dan l-Istat, ma tistax tiġi kkunsidrata inadatta sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-integrità ta’ dawn is-swieq.

50     Barra minn hekk, Alpine Investments toġġezzjona li projbizzjoni ġenerali tal-promozzjoni bit-telefon lil klijenti potenzjali mhijiex neċessarja sabiex jitwettqu l-għanijiet li jridu jiġu milħuqa mill-awtoritajiet Olandiżi. Ir-reġistrazzjoni obbligatorja, mill-kumpaniji ta’ broking, tat-telefonati mhux mitluba magħmula minnhom hija biżżejjed sabiex jiġu protetti, b'mod effettiv, il-konsumaturi. Barra minn hekk, regoli bħal dawn ġew adottati fir-Renju Unit mis-Securites and Futures Authority (Awtorita’ ta' kontroll tat-titoli u ta' l-operazzjonijiet għal żmien futur).

51     Din l-opinjoni ma tistax tiġi aċċettata. Kif irrileva, korrettament, l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn ta' l-aħħar huma sproporzjonati u, għaldaqstant, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

52     Fl-aħħar nett, Alpine Investments issostni li, peress illi hija ta' natura ġenerali, il-projbizzjoni tal-cold calling ma tieħux in kunsiderazzjoni l-aġir ta' impriżi individwali u timponi, għaldaqstant, mingħajr bżonn piż fuq impriżi li qatt ma kienu s-suġġett ta' ilmenti mill-konsumaturi.

53     Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Il-limitazzjoni tal-projbizzjoni tal-cold calling għal ċerti impriżi minħabba l-aġir passat tagħhom tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi rrestawrata u ppriservata l-fiduċja ta' l-investituri fis-suq nazzjonali tat-titoli in ġenerali.

54     F’kull każ, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandha portata limitata. Qabel kollox, din tipprojbixxi biss li jsir kuntatt ma’ klijenti potenzjali bit-telefon jew personalment mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel bil-miktub, filwaqt li t-tekniki l-oħra ta’ kuntatt għadhom awtorizzati. Barra minn hekk, din il-miżura tefettwa r-relazzjonijiet ma’ klijenti potenzjali, iżda mhux ma’ klijenti eżistenti li xorta waħda jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub għal komunikazzjonijiet ġodda. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni ta' telefonati mhux mitluba hija llimitata għas-suq li fih ġew ikkonstatati abbużi, f’dan il-każ, dak tal-kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija.

55     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jirriżultax li l-projbizzjoni tal- cold calling hija sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għan li jrid jintlaħaq.

56     Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 59 tat-Trattat ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiġi protetta l-fiduċja ta' l-investituri fis-swieq finanzjarji nazzjonali, tipprojbixxi l-prattika li tikkonsisti f’telefonati mhux mitluba lil klijenti potenzjali li jgħixu fi Stati membri oħra bil-għan li huma jiġu proposti servizzi marbuta ma' l-investiment fil-kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija

 Fuq l-ispejjeż

57     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet Bejġjan, Olandiż, Elleniku u tar-Rejnu Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

hija u tiddeċiedi fuq id-domandi li sarulha mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven, b'digriet tat-28 ta’ April 1998, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 59 tat-Trattat KEE għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna s-servizzi li fornitur joffri bit-telefon lil destinatarji potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huwa jipprovdi mingħajr ma jiċċaqlaq mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

2)      Il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tiegħu milli jagħmlu telefonati mhux mitluba lil klijenti potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 59 tat-Trattat.

3)      L-Artikolu 59 tat-Trattat ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiġi protetta l-fiduċja ta' l-investituri fis-swieq finanzjarji nazzjonali, tipprojbixxi l-prattika li tikkonsisti f’telefonati mhux mitluba lil klijenti potenzjali li jgħixu fi Stati membri oħra bil-għan li huma jiġu proposti servizzi marbuta ma' l-investiment fil-kuntratti għal żmien futur tal-merkanzija.

Rodríguez Iglesias

Schockweiler

Kapteyn

Gulmann

Mancini

Moitinho de Almeida

Murray

Edward

Puissochet

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Mejju 1995.

R. Grass

 

      G.C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

       President                                                                  

Gulmann


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.