Kif tista' ssir ġurista-lingwista fil-Qorti tal-Ġustizzja?

Bil-għan li jirrekluta ġuristi-linguisti, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jorganizza kompetizzjonijiet għall-Qorti tal-Ġustizzja (kif ukoll għall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea) minn żmien għal żmien u skont il-bżonnijiet ta' kull waħda mid-diviżjonijiet.

L-avviż ta' kompetizzjoni jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet ftit ivarjaw minn kompetizzjoni għall-oħra. Dawn jistgħu madankollu jiġu adattati skont il-persuni li fil-konfront tagħhom jiġi indirizzat l-avviż tal-kompetizzjoni u skont il-ħtiġijiet speċifiċi tad-diviżjoni kkonċernata.

Minbarra r-rekwiżiti ġenerali u speċjali komuni għall-istituzzjonijiet l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem titlob li l-kandidati jkollhom lawrea fil-liġi, mogħtija mill-Istat jew minn wieħed mill-Istati tal-lingwa li għaliha qed tiġi organizzata l-kompetizzjoni. Minbarra l-lingwa tal-kompetizzjoni, il-kandidati jridu jkunu jafu almenu żewġ lingwi uffiċjali oħra.

Wara l-proċedura ta' ammissibbiltà, il-kompetizzjonijiet jipprevedu eżami bil-miktub u orali. L-eżami bil-miktub jikkonsisti fi traduzzjonijiet ta' testi legali minn żewġ lingwi barranin magħżula mill-kandidat fil-lingwa tal-kompetizzjoni. Dawn it-traduzzjonijiet iridu jsiru mingħajr dizzjunarji.

Il-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni jitqegħdu f'lista ta' riżerva u jista' jiġi offrut lilhom impjieg skont il-ħtieġa tad-diviżjoni u tad-disponibbiltà tal-postijiet għal-lingwa tagħhom.

Il-livell għoli ta' kwalità ta' xogħol mistenni mill-ġuristi lingwisti mill-aspett tar-responsabbiltà tagħhom fl-iżvolġiment tal-proċedura tal-kawżi u tar-ritmu mgħaġġel tax-xogħol jitlob li jkunu kapaċi jaħdmu taħt pressjoni waqt li josservaw it-termini mogħtija. Il-ġuristi lingwisti għandhom ikunu wkoll kapaċi jadattaw infushom għan-natura tax-xogħol u għall-iżvilupp tal-metodi ta' xogħol, kif ukoll ikunu lesti li jitħarrġu kontinwament.