Direttorat tar-Riċerka u Dokumentazzjoni

Id-Direttorat tar-Riċerka u Dokumentazzjoni għandu żewġ għanijiet: minn naħa, li jqiegħed għad-dispożizzjoni taż-żewġ qrati tal-Unjoni r-riżorsi li huwa għandu fil-qasam tad-dritt komparat permezz tat-tim tiegħu ta’ madwar ħamsa u tletin ġurist, li fil-prinċipju jkopru s-sistemi legali kollha tal-Istati Membri, mgħejuna minn dokumentalisti, min-naħa l-oħra li jikkontribwixxi, permezz tax-xogħol ta’ analiżi tiegħu, għat-tixrid tal-ġurisprudenza tal-Unjoni.

L-ewwel għan jinkludi t-tfassil, fuq talba ta’ waħda mill-qrati li jagħmlu parti mill-istituzzjoni, ta’ noti ta’ riċerka, b’mod prinċipali fir-rigward tas-soluzzjonijiet li jingħataw għal kwistjoni partikolari fid-drittijiet nazzjonali tad-diversi Stati Membri. Dan l-approċċ ta’ dritt komparat huwa ta’ utilità kbira għall-qrati li l-għan essenzjali tagħhom huwa li jiżguraw interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni f’unjoni ta’ 28 Stat Membru.

Dan jinkludi wkoll eżami inizjali tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fi stadju inizjali tal-proċeduri, jiġu identifikati eventwali problemi, pereżempju, ta’ ammissibbiltà tar-rinviju u li tiġi evalwata, jekk ikun il-każ, in-neċessità li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċżjoni skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari kif ukoll analiżi preliminari tal-appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’ċerti oqsma bil-għan li jiġu identifikati kemm jista’ jkun malajr dawk li jistgħu jiġu pproċessati permezz ta’ digriet motivat.

Fil-kuntest tat-tieni għan, id-direttorat għandu bħala kompitu r-redazzjoni, taħt il-kontroll tal-Imħallef Relatur, tas-sommarji tas-sentenzi u tad-digrieti ppubblikati fil-Ġabra tal-ġurisprudenza. Abbażi ta’ dan ix-xogħol ta’ analiżi, li r-riżultati tiegħu jiddaħħlu f’serje ta’ databases, id-direttorat jista’ joħloq diversi għodod ta’ riċerka, disponibbli f’dan is-sit.

Fost dawn l-għodod, wieħed jista’ jsemmi:

  • l-aċċess numeriku għall-ġurisprudenza, li jippermetti li wieħed isib informazzjoni għal kull waħda mill-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali mill-1953 sal‑lum kif ukoll quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-2005 sal-2016;
  • ir-Repertorju tal-ġurisprudenza, li jiġbor b’mod sistematiku s-sommarji tas-sentenzi u tad-digrieti;

Dawn l-għodod ta’ aċċess għall-ġurisprudenza tal-Unjoni jinkludu n-noti dwar il-kummentarji tas-sentenzi, li jipprovdu r-referenzi tal-pubblikazzjoni tal-kummentarji kollha, ippubblikati fir-rivisti ġuridiċi li magħhom hija abbonata l-Bibljoteka, li jkunu wasslu għalihom is-sentenzi tat-tliet qrati tal-Unjoni.

Id-databases iservu wkoll sabiex jalimentaw it-taqsima dwar il-ġurisprudenza tad-database interistituzzjonali EUR-Lex, li tkopri d-dritt tal-Unjoni kollu.

Barra minn hekk, id-Direttorat ta’ Riċerka u Dokumentazzjoni jipprovdi lill-qrati tal-Unjoni informazzjoni fuq l-iżviluppi legali ta’ interess għall-Unjoni. Barra minn hekk, huwa jiġbor il-ġurisprudenza tal-qrati prinċipali tal-Istati Membri li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, abbażi ta’ eżami selettiv ta’ rivisti ġuridiċi u ta’ kuntatti ma’ diversi qrati nazzjonali. Skont l-interess li dawn iqajmu, id-deċiżjonijiet miġbura jiġu analizzati fil-qosor u jiġu ppubblikati f’database tal-Association des Conseils d’État et des juridictions administratives suprêmes de l’Union européenne a.i.s.b.l. / Association of the Councils of State and Supreme Administrative Jurisdictions of the European Union i.n.p.a. Ingliż / Franċiż. Tingħata attenzjoni partikolari lid-deċiżjonijiet li jingħataw wara s-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.