Direttorat tal-Interpretazzjoni

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha jistabbilixxu regoli stretti dwar is-sistema lingwistika li hija bbażata fuq il-kunċett tal-lingwa tal-kawża.

Bħala prinċipju, il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent minn fost l-24 lingwa uffiċjali* tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi ggarantit aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha għall-ġustizzja, huwa neċessarju li l-partijiet għal kawża quddiem il-Qrati tal-Unjoni jkollhom aċċess effettiv għall-possibbiltà li jesprimu ruħhom fil-lingwa tagħhom. Huwa għal dan il-għan li l-interpretazzjoni simultanja hija neċessarja matul seduta pubblika.

L-interpretazzjoni tingħata, matul is-seduti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, mid-Direttorat tal-Interpretazzjoni, li għandu madwar 70 interpretu permanenti. Skont il-ħtiġijiet tas-servizz, huwa jinqeda wkoll b’interpreti freelance ta’ esperjenza.

Il-kompożizzjoni tat-timijiet tal-interpreti ssir skont l-għażla tal-lingwa tal-kawża, tal-lingwa tal-Istati Membri rrappreżentati matul is-seduta kif ukoll tal-bżonnijiet ta' interpretazzjoni tal-kompożizzjoni tal-Imħallfin u tal-gruppi ta' viżitaturi eventwali. In-numru ta' lingwi li jintużaw jista' jvarja minn seduta għal oħra. Il-funzjoni tal-interpretu mhijiex bħal dik ta' ġurista lingwista. Interpretazzjoni fil-fatt ma tfissirx traduzzjoni letterali ta' test miktub minn qabel, iżda li messaġġ espress b'mod orali jingħadda b'mod fidil f'lingwa oħra li mhijiex l-istess waħda tal-kelliem. L-interpretu jaħdem għaldaqstant f'ħin reali, f'simbjożi mal-kelliem u mad-destinatarju tat-trattazzjoni.

 

Għal iktar informazzjoni: 

Suġġerimenti lil min jagħmel is-sottomissjonijiet

Sistema lingwistika

Kull informazzjoni amministrattiva intiża għall-interpreti awżiljarji tal-konferenzi (IAK) tinsab fil-Web Calendar (agħfas fuq il-buttuna "Qorti tal-Ġustizzja")

Kuntatt: interpret@curia.europa.eu

*Il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finalndiż, Il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il‑Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan u l-Ungeriż.