Bini

Is-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ilha stabbilita fil-Lussemburgu sa mill-ħolqien tagħha fl-1952.

L-ewwel Palazz ġie inawgurat fl-1973 fiż-żona ta’ Kirchberg u ġie kkompletat permezz ta’ diversi estensjonijiet mibnija suċċessivament fis-snin 80 u 90 (Erasmus, Thomas More u Thémis). Fis-snin 2000, il-Palazz oriġinali ġie rrinnovat kompletament u nbnew erba’ binjiet ġodda (l-Anell, it-torrijiet Comenius u Montesquieu, kif ukoll il-Gallerija). It-tielet torri, imsejjaħ Rocca, ġie inawgurat fl-2019.

Illum il-ġurnata, il-kumpless immobiljari tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa kkostitwit minn numru ta’ binjiet, li l-wiċċ mibni tagħhom huwa ta’ 138 850 m². It-torri Rocca, l-ogħla binja fil-pajjiż, jilħaq l-għoli ta’ 118-il metru.

Dan il-kumpless jospita l-uffiċċji tal-Membri u d-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-11-il awla għas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali fejn jinżammu s-seduti pubbliċi.