Dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-Istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea.

Din hija Istituzzjoni li tinkludi żewġ qrati, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika u tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Hija tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom ma’ dan id-dritt. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni unika tad-dritt tal-Unjoni sabiex dan jiġi applikat bl-istess mod fl-Unjoni kollha.

X’tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita fl‑1952. Il-missjoni tagħha hija li tinforza u tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.

Sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja

  • teżamina jekk id-deċiżjonijiet u l-liġijiet tal-Unjoni jkunux legali
  • tiżgura li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsegwu dawn il-liġijiet
  • meta qorti nazzjonali ma tkunx taf eżattament kif tinterpreta d-dritt tal-Unjoni jew ikollha dubji dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni, hija tirrispondi għad-domandi ta’ din il-qorti nazzjonali sabiex tagħmilha iktar ċara

Kif inhi strutturata l-Qorti tal-Ġustizzja?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinkludi żewġ qrati differenti: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali (stabbilita fl‑1988). Kull qorti għandha setgħat ċari f’dak li jirrigwarda l-kawżi li kull waħda minnhom tista’ tisma’.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’

  • il-parti l-kbira tal-kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet imqajma mill-qrati nazzjonali, ħlief f’xi oqsma li jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali
  • kawżi mressqa mill-Kummissjoni kontra Stati Membri li jkunu kisru d-dritt tal-Unjoni
  • il-parti l-kbira tal-kawżi mressqa mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jqajmu dubji dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
  • appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tisma’

  • kawżi mressqa minn individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet li jikkontestaw atti tal-Unjoni
  • ċerti kawżi li jinvolvu domandi magħmula minn qrati nazzjonali meta d-domandi jirrigwardaw
    • VAT
    • dwana, dazji tas-sisa jew klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
    • skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra
    • kumpens għall-passiġġieri tal-ajru
  • ċerti kawżi mressqa mill-Istati Membri kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill

Tista’ tkun taf iktar dwar dawn il-qrati fil-paġni ddedikati għalihom (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).

Min jista’ jressaq kawża?

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħżel il-kawżi li tisma’ jew il-kwistjonijiet quddiemha. Il-kawżi kollha ammissibbli skont ir-regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jinstemgħu u jinqatgħu. Is-sentenzi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħataw minħabba li problema legali kellha tiġi solvuta f’kawża mressqa, direttament jew permezz tal-qrati nazzjonali, minn ċittadini, kumpanniji, organizzazzjonijiet, Stati Membri jew istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Mhux il-kawżi kollha jistgħu jitressqu direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm regoli ċari dwar it-tipi ta’ kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’. Tista’ tkun taf iktar dwar din il-kwistjoni fil-paġna dwar kull qorti u fil-paġna “Nista’ nressaq il-kawża tiegħi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja? ”.

Court-of-Justice-of-EU

Min jaħdem fil-Qorti tal-Ġustizzja?

Membri

Kull waħda miż-żewġ qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-Imħallfin tagħha stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha Mħallef wieħed għal kull Stat Membru, total ta’ 27. Il-Qorti Ġenerali għandha żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru, total ta’ 54. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll 11‑il Avukat Ġenerali. Kull qorti għandha wkoll Reġistratur. Kollettivament, dawn il-persuni huma magħrufa bħala “Membri”.

Iktar informazzjoni dwar il-Membri tinsab fil-paġni ddedikati għalihom (Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Membri tal-Qorti Ġenerali), kif ukoll fil-paġni dwar kull waħda miż-żewġ qrati (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).

Membri tal-Persunal

Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa timpjega ftit iktar minn 2 300 membru tal-persunal.

Il-parti l-kbira ta’ dawn il-membri tal-persunal huma uffiċjali tal-Unjoni, magħżula permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni rigoruża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha membri tal-persunal minn kull Stat Membru tal-Unjoni.

Madwar nofs il-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħdem fi ħdan Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu, inkarigat li jiżgura li x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Għal iktar informazzjoni dwar ix-xogħol tal-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna ddedikati għal kull wieħed mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna.

Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tapplika sabiex taħdem mal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna dwar l-impjiegi .

 

Kif taħdem il-Qorti tal-Ġustizzja

Barra mill-valuri ewlenin tal-UE, bħal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-Istat tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza kbira lil ċerti valuri fundamentali li jsawru u jsejsu l-aspetti kollha ta’ xogħolha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ l-ogħla standards etiċi, integrità, professjonaliżmu, imparzjalità u indipendenza, minn kull min jaħdem magħha. Dawn l-istandards japplikaw għall-Membri kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-membri tal-persunal tagħha.

Aqra iktar dwar l-istandards etiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-trasparenza u l-aċċessibbiltà fil-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma essenzjali għall-mod kif naħdmu.

Sir af iktar dwar it-trasparenza fil-Qorti tal-Ġustizzja.

B’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u dokumenti oħra relatati mal-kawżi li jkollha quddiemha jiġu ppubblikati minnufih f’dan is-sit. Barra minn hekk, kull seduta hija pubblika u l-iktar seduti importanti jixxandru f’dan is-sit.

Għal iktar dettalji, ara l-paġna tagħna dwar l-informazzjoni disponibbli fuq kull kawża.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem b’24 lingwa differenti. Ebda qorti oħra fid-dinja ma taħdem b’dan il-mod. Il-multilingwiżmu huwa fil-qalba ta’ xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jiżgura li kull min ikun involut f’kawża jkun jista’ jikkomunika mal-Qorti tal-Ġustizzja b’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u li kulħadd fl-UE jkun jista’ jaqra u jifhem is-sentenzi tagħha.

Esplora s-sit iddedikat lill-multilingwiżmu.

Aqra l-politika tagħna ta’ multilingwiżmu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja tal-ħtieġa li taffronta kwistjonijiet ambjentali b’mod sostenibbli u li tħabrek kontinwament biex ittejjeb ħidmietha f’dan ir-rigward. Hija tipparteċipa b’mod attiv fl-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS), li tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa u ttejjeb il-prattiċi tagħha ta’ sostenibbiltà u l-ħidma ambjentali tagħha.

Sir af iktar dwar il-politika ambjentali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li kontinwament iddaħħal innovazzjonijiet, bħala parti mill-missjoni usa’ tagħha li tadatta, ittejjeb u sservi lill-UE u liċ-ċittadini tagħha f’dinja li kulma jmur tinbidel. L-integrazzjoni sigura tal-intelliġenza artifiċjali fil-flussi tax-xogħol tagħmel parti integrali minn din il-missjoni. Insostenn ta’ dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fl‑2023, l-Istrateġija IA u, fl‑2026, il-Karta tal-Etika tal-IA. Il-Karta tistabbilixxi prinċipji gwida għal użu moralment korrett tal-intelliġenza artifiċjali fl-attivitajiet ġudizzjarji u amministrattivi tal-Istituzzjoni.

Sir af iktar dwar il-politika tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Bħala Istituzzjoni multilingwi u multinazzjonali, id-diversità hija fil-qalba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta wkoll li tippromwovi opportunitajiet indaqs u ambjent tax-xogħol inklużiv, għal nies ta’ kull nazzjonalità u ta’ kull ġeneru, ikunu xi jkunu l-ħiliet tagħha u jkun xi jkun l-ambjent li fih ikunu trabbew u għexu.

Għal iktar informazzjoni, żur il-paġna tagħna dwar l-impjiegi fil-Qorti tal-Ġustizzja.

The Grand Conference Room

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali – konfuż minħabba f’dawn l-ismijiet?

Hemm diversi ismijiet li huma assoċjati mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Parti mill-konfużjoni possibbli tirriżulta mill-fatt li l-Istituzzjoni nnifisha kif ukoll waħda miż-żewġ qrati li hija tinkludi għandhom kważi l-istess isem.

L-Istituzzjoni nnifisha tissejjaħ il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Din tinkludi żewġ qrati differenti:

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja
  • Il-Qorti Ġenerali

U l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea?

Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ssejħet uffiċjalment il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Meta ġiet stabbilita l-qorti, din kienet Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Mill‑1957 sal‑2009, hija kienet Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Fl‑2009, isimha nbidel għaIl-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea hija mod komuni kif wieħed jirreferi għall-ogħla waħda miż-żewġ qrati. L-isem ekwivalenti bl-Ingliż huwa rikonoxxut u użat b’mod wiesa’ (European Court of Justice). Aħna saħansitra nużaw il-hashtag #ECJ fuq in-netwerks soċjali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija differenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija stabbilita fil-Lussemburgu u hija istituzzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem hija stabbilita fi Strasbourg fi Franza u hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tisma’ kawżi kontra pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-ġurisdizzjoni tagħha tkopri attwalment 46 pajjiż, fosthom is‑27 Stat Membru tal-Unjoni.

Ara wkoll