Stages
Informazzjoni ġeneraliKull sena, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri numru limitat ta’ stages bi ħlas fi ħdan l-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istages fi ħdan l-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom tul minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ ħames xhur. Dawn jibdew, fiż-żewġ perijodi msemmija hawn taħt, fl-ewwel jew fis-sittax-il jum tax-xahar. L-istages fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jdumu għal ħames xhur u jibdew fl-ewwel jum tal-ewwel xahar ta’ kull wieħed miż-żewġ perijodi msemmija hawn taħt. L-istages fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jsiru prinċipalment fid-Direttorat tat-Traduzzjoni Legali, fid-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni, fid-Direttorat tal-Komunikazzjoni, fid-Direttorat tal-Protokoll u taż-Żjarat, mal-Konsulent Legali għall-Kwistjonijiet Amministrattivi, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u fid-Direttorat tal-Interpretazzjoni (għal iktar informazzjoni dwar l-istage fid-Direttorat tal-Interpretazzjoni, ara hawn taħt). Jeżistu żewġ perijodi ta’ stage: -mill‑1 ta’ Marzu sal‑31 ta’ Lulju (preżentazzjoni tal-kandidaturi mill‑1 ta’ Lulju sal‑15 ta’ Settembru ta’ kull sena); -mis‑16 ta’ Settembru sal-aħħar tax-xahar ta’ Frar għall-istages fl-uffiċċji tal-Membri u mill‑1 ta’ Ottubru sal-aħħar tax-xahar ta’ Frar għall-istages fid-dipartimenti (preżentazzjoni tal-kandidaturi mill‑1 ta’ Frar sal‑15 ta’ April ta’ kull sena). L-applikanti, li għandhom ikollhom diploma universitarja fil-liġi, fix-xjenzi politiċi jew fix-xjenzi ekonomiċi jew f’qasam simili, jew, għal stages mad-Direttorat tal-Interpretazzjoni, diploma ta’ interpretu ta’ konferenzi, għandhom jippreżentaw il-kandidaturi tagħhom permezz tal-applikazzjoni EU CV Online fit-termini previsti. Il-kandidati għandhom ikollhom għarfien sħiħ ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien tajjeb ta’ lingwa uffiċjali oħra. Għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb tal-lingwa Franċiża jkun mixtieq. Il-kandidati ma għandhomx ikunu diġà bbenefikaw minn stage (mħallsa jew mhux imħallsa) f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea. L-ammont tal-għotja jlaħħaq EUR 1 468 fix-xahar. Dan l-ammont ma huwiex suġġett għas-sistema fiskali applikabbli għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ EUR 150 titħallas lill-istaġisti li l-post ta’ residenza tagħhom jinsab f’distanza ġeografika ta’ 200 km jew iktar mis-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
L-istages fid-Direttorat tal-interpretazzjoni, ta’ bejn għaxar u tnax-il ġimgħa, huma fl-ewwel lok intiżi għal żgħażagħ gradwati fl-interpretazzjoni tal-konferenzi li għandhom għarfien ta’ lingwi li jkunu ta’ interess għall-imsemmi direttorat. L-għan huwa li l-interpreti żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu segwiti fit-titjib tagħhom tal-interpretazzjoni, b’mod iktar partikolari ġuridiku, li jinkludi kemm it-tfassil ta’ dokumenti, xogħol ta’ riċerka ta’ terminoloġija u eżerċizzji prattiċi fil-“kabina muta”. Huwa meħtieġ għarfien tal-Franċiż miktub. L-għażla tal-kandidati ssir darba fis-sena, qrib il‑15 ta’ Settembru, għas-sena ġudizzjarja kollha (il-preżentazzjoni tal-kandidaturi ssir mill‑1 ta’ Lulju sal‑15 ta’ Settembru ta’ kull sena). Wieħed għandu jżomm f’moħħu li ma jkunx hemm seduti matul il-vaganzi ġudizzjarji. Sistema derogatorja tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li wieħed jibbenefika minn stage, mhux imħallas mill-Istituzzjoni, mal-uffiċċju ta’ Membru, fuq inizjattiva ta’ dan tal-aħħar, barra miż-żewġ perijodi ta’ stages indikati hawn fuq u mingħajr il-ħtieġa ta’ preżentazzjoni tal-kandidatura permezz tal-applikazzjoni EU CV Online fit-termini msemmija hawn fuq. Dawn l-istages jsiru bħala parti minn kors ta’ taħriġ inizjali, professjonali jew kontinwu li l-aġenda tagħhom tkun inkompatibbli mal-perijodi ta’ stages imsemmija. L-applikazzjoni ta’ din is-sistema titlob li l-istaġisti jirċievu wkoll għotja, allowance jew remunerazzjoni għall-istage minn sors ieħor. |