Stages

Informazzjoni ġenerali

Kull sena, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri numru limitat ta’ stages bi ħlas fi ħdan l-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal perijodu ta’ ħames xhur.

L-istages fi ħdan id-dipartmenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jsiru prinċipalment fid-Direttorat tat-Traduzzjoni Legali, fid-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni, fid-Direttorat tal-Komunikazzjoni, fid-Direttorat tal-Protokoll u taż-Żjarat, mal-Konsulent Legali għall-Kwistjonijiet Amministrattivi, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u fid-Direttorat tal-Interpretazzjoni (għal iktar informazzjoni dwar l-istage fl-interpretazzjoni, ara hawn taħt).

Jeżistu żewġ perijodi ta’ stage:

mill‑1 ta’ Marzu sal‑31 ta’ Lulju (preżentazzjoni tal-kandidaturi mill‑1 ta’ Lulju sat‑30 ta’ Settembru ta’ kull sena)

mis‑16 ta’ Settembru sal‑15 ta’ Frar għall-istages fl-uffiċċji tal-Membri u mill‑1 ta’ Ottubru sat‑28 ta’ Frar għall-istages fid-dipartimenti (preżentazzjoni tal-kandidaturi mill‑1 ta’ Frar sat‑30 ta’ April ta’ kull sena).

L-applikanti, li għandhom ikollhom diploma universitarja fil-liġi jew fix-xjenzi politiċi (bil-liġi bħala suġġett prinċipali) jew, għal stages mad-Direttorat tal-Interpretazzjoni, diploma ta’ interpretu ta’ konferenzi, għandhom jippreżentaw il-kandidaturi tagħhom permezz tal-applikazzjoni EU CV Online fit-termini previsti.

L-ammont tal-għotja jlaħħaq EUR 1 177.00 € nett fix-xahar.

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ EUR 150.00 titħallas lill-istagiares bi ħlas li l-post ta’ residenza tagħhom jinsab f’distanza ġeografika ta’ 200 km jew iktar mis-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb tal-lingwa Franċiża jkun utli.


L-istages fl-interpretazzjoni, ta' bejn għaxar u tnax-il ġimgħa, huma fl-ewwel lok intiżi għal żgħażagħ gradwati fl-interpretazzjoni tal-konferenzi li għandhom għarfien ta' lingwi li jkunu ta' interess għad-Direttorat tal-interpretazzjoni. L-għan huwa li l-interpreti żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu segwiti fit-titjib tagħhom tal-interpretazzjoni, b'mod iktar partikolari ġuridiku, li jikkomporta kemm it-tfassil ta' dokumenti, xogħol ta' riċerka ta' terminoloġija u eżerċizzji prattiċi fil-"kabina muta". Huwa meħtieġ għarfien tal-Franċiż miktub. Wieħed għandu jżomm f'moħħu li ma jkunx hemm seduti matul il-vaganzi ġudizzjarji.