L-istorja tal-bini

mt  
 

Fl-1952, meta kien hemm kwistjoni dwar jekk is-sede tal-istituzzjonijiet tal-KEFA kellhiex tiġi stabbilita fil-Belt ta’ Liège jew fil-Belt ta’ Brussell, spiċċat biex intgħażlet, b’mod provviżorju, il-Belt tal-Lussemburgu. Fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-għażla saret definittiva fl-okkażjoni tal-Kunsill ta’ Edinburgh fl-1992, li matulu ġiet stabbilita b’mod definittiv is-sede rispettiva tal-istituzzjonijiet.

Fl-1952, il-Gvern Lussemburgiż qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Villa Vauban, li tinsab f’nofs il-park muniċipali tal-Belt tal-Lussemburgu, kif ukoll żewġ binjiet oħra sabiex setgħu jiġu ospitati s-57 membru tal-persunal.

La Villa Vauban 1952 - 1959Il-Villa Vauban, 1952 sa 1959

Fl-1959, il-Gvern Lussemburgiż ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja binja, proprjetà tal-parroċċa episkopali tal-Lussemburgu, li kienet tinsab fiż-żona magħrufa bħala Côte d'Eich u li kienet kbira biżżejjed sabiex tilqa’ fiha d-dipartimenti kollha tagħha.

Côte d'Eich 1959 - 1972Côte d'Eich, 1959 sa 1972

Madankollu, iż-żieda fin-numru tal-membri tal-persunal tagħha, żieda li kienet tolqot lill-istituzzjonijiet Komunitarji kollha b’mod partikolari fid-dawl tal-ewwel tkabbir tal-Komunitajiet Ewropej li kien previst fl-1973, wasslet lil-Lussemburgu jiżviluppa ż-żona ta’ Kirchberg sabiex tilqa’ fiha l-istituzzjonijiet kollha fl-istess post. Kien f’din iż-żona li nbnew il-binjiet definittivi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fl-1972, b’223 membru tal-persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja daħlet fil-Palazz, li kien inbena speċjalment għaliha mill-Istat Lussemburgiż fiż-żona ta’ Kirchberg.

Il-Palazz, iddisinjat mill-periti Belġjani Jamagne u Vander Elst kif ukoll mill-perit Lussemburgiż Conzemius, ġiet inawgurat fl-1973 u pprovda lill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u lill-membri tal-persunal tagħha ambjent adegwat għall-ħidma tagħhom.

Le Palais en 1973 Il-Palazz fl-1973

Sa mill-1979, iż-żieda fin-numru tal-membri tal-persunal tal-istituzzjoni wasslet għal saturazzjoni tal-binja tagħha. Sabiex tindirizza din il-problema, kellhom jinkrew uffiċċji f’binjiet ta’ istituzzjonijiet Ewropej oħra. Madankollu, il-ħtiġijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja komplew jikbru, bl-adeżjonijiet tal-Greċja (1981), ta’ Spanja, tal-Portugall (1986), tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja (1995), kif ukoll b’riżultat tal-ħolqien tal-Qorti tal-Prim’Istanza (1989). Fil-fatt, in-numru tal-membri tal-persunal żdied minn 626 fl-1988 għal 837 fl-1994.

Kien għalhekk li, bejn l-1985 u l-1994, inbnew tliet annessi mal-Palazz, iddisinjati mill-periti Lussemburgiżi Fritsch, Herr u Huyberechts, kif ukoll mill-perit Taljan Paczowski: il-binja “Erasmus” (inawgurata fil-5 ta’ Ottubru 1988), il-binja “Thomas More” (inawgurata fit-12 ta’ Frar 1993) u, fl-aħħar nett, il-binja “Thémis” (inawgurata fil-15 ta’ Settembru 1994).

Fl-1999, il-Palazz kellu jiġi evakwat minħabba l-preżenza ta’ asbestos. Għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tuża binjiet oħra sabiex tospita l-membri kollha tal-persunal tagħha, b’mod partikolari f’binja prefabbrikata, imsejħa “Bâtiment T”, li ntużat għall-bżonnijiet tad-dipartimenti lingwistiċi (bejn l-1999 u l-2019).

Le bâtiment « T » Il-“Bâtiment T”

Filwaqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet tat-tneħħija tal-asbestos mill-Palazz, u fid-dawl tal-ħtiġijiet li kienu ser jirriżultaw mit-tkabbir previst fl-2004 minħabba s-sħubija ta’ diversi Stati Membri ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet Lussemburgiżi nedew proġett ta’ kostruzzjoni ambizzjuż.

Dan il-proġett il-ġdid ikkoinċida ma’ bidla fil-politika tal-Unjoni fil-konfront tal-binjiet tagħha. Sa dak iż-żmien, il-binjiet kienu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-pajjiż ospitanti: fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-awtoritajiet Lussemburgiżi. Bħal fil-każ tal-istituzzjonijiet l-oħra, huwa previst li l-Qorti tal-Ġustizzja takkwista l-proprjetà tal-binjiet kollha tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ntrabtet li ssir il-proprjetarja tal-binjiet tagħha skont sistema ta’ kiri-xiri.

Fuq talba mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-perit Franċiż Dominique Perrault fassal proġett bil-Palazz irrinnovat bħala ċ-ċentru u bħala spazju miftuħ għall-pubbliku, fejn illum il-ġurnata jinsabu l-awli għas-seduta. Madwaru kellhom jinbnew “anell” f’forma rettangolari, irriżervat għall-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ torrijiet għad-dipartimenti tal-istituzzjoni u passaġġ li kellu jgħaqqad il-binjiet kollha tal-kumpless: dawn kienu jagħmlu kollha parti mill-proġett arkitettoniku l-ġdid.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-kuntest ta’ dan il-proġett bdew lejn l-aħħar tal-2003. Fl-1 ta’ Mejju 2004, għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. Il-wasla tal-membri tal-persunal minn dawn l-għaxar Stati Membri ġodda rrikjediet organizzazzjoni loġistika ġdida: għal darba oħra, kienu meħtieġa l-kiri provviżorju ta’ binja oħra esterna għall-kumpless u estensjoni tal-Bâtiment T (imsejħa “T 2”), fejn kienu ospitati l-ġuristi lingwisti tal-Istati Membri l-ġodda.

Ir-rinnovazzjoni tal-Palazz u l-kostruzzjoni tal-Anell, tal-Gallerija u taż-żewġ torrijiet tlestew lejn l-aħħar tal-2008 u ġew inawgurati fl-4 ta’ Diċembru tal-istess sena. Il-wiċċ tal-kumpless b’hekk żdied minn madwar 85 000 m² għal kważi 200 000 m², in-numru tal-awli għal seduta żdied minn 5 għal 11 u n-numru ta’ uffiċċji żdied minn 1 000 għal 2 200.

Bl-inawgurazzjoni ta’ dawn il-binjiet, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tibda r-rinnovazzjoni tal-binjiet Erasmus, Thomas More u Thémis, li kienu lesti sabiex jerġgħu jibdew jintużaw mill-2013.

Sadanittant, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea bis-sħubija tar-Rumanija, tal-Bulgarija (2007) u tal-Kroazja (2013) wassal għal żieda fl-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra ż-żieda fin-numru tal-Membri u tal-persunal tagħha (tliet Avukati Ġenerali addizzjonali fil-Qorti tal-Ġustizzja mill-2015 u rdoppjar progressiv fin-numru tal-Membri tal-Qorti Ġenerali mill-2016).

B’reazzjoni għal din iż-żieda, fir-rebbiegħa tal-2016 bdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq it-tielet torri.

B’29 sular u b’għoli ta’ 118-il metru, it-torri Rocca huwa l-ogħla binja fil-Lussemburgu.

Bl-inawgurazzjoni tat-torri Rocca f’Settembru 2019, id-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsabu għal darba oħra f’kumpless immobiljari wieħed.

Vue sur l’ensemble des bâtiments prise du nord-ouest