Preżentazzjoni

Il-kompożizzjoni

Il-kompetenzi

Il-proċedura

Il-ġurisprudenza

 

Il-kompożizzjoni

vignette-tpi  

Il-Qorti Ġenerali hija komposta minn żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru. L-Imħallfin jintgħażlu bi ftehim bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ kumitat inkarigat li jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati. Il-mandat tagħhom huwa ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jagħżlu minn fosthom il-President tagħhom, għal perijodu ta’ tliet snin. Huma jaħtru reġistratur għal perijodu ta’ sitt snin.


L-Imħallfin iwettqu l-funzjonijiet bl-iktar mod imparzjali u indipendenti. Kuntrarjament għall-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex Avukati Ġenerali permanenti. Madankollu, dan l-inkarigu jista', b'mod eċċezzjonali, jiġi fdat lil Imħallef.

Il-kawżi li tkun adita bihom il-Qorti Ġenerali jiġu deċiżi mill-Awli komposti minn tliet jew ħames Imħallfin, u f'ċerti każijiet, f'kulleġġ kompost minn Imħallef uniku. Hija tista' wkoll tiltaqa' bħala Awla Manja (ħmistax-il Imħallef) meta dan ikun iġġustifikat mill-kumplessità legali jew l-importanza tal-kawża. Il-presidenti tal-Awli komposti minn ħames Imħallfin jiġu eletti minn fost l-Imħallfin għal perijodu ta' tliet snin. Il-Qorti Ġenerali għandha r-Reġistratur tagħha, iżda hija tirrikorri għas-servizzi amministrattivi u lingwistiċi tal-Istituzzjoni għall-bżonnijiet l-oħra tagħha.

 

Il-kompetenzi

Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi dwar:

  • rikorsi mressqa mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi intiżi għall-annullament ta' atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea li huma indirizzati lilhom jew li jikkonċernawhom direttament u individwalment (pereżempju rikorsi magħmula minn impriża kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa), kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni jew ukoll kontra nuqqas ta' dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi li jieħdu deċiżjoni;
  • rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri kontra l-Kummissjoni;
  • rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri kontra l-Kunsill dwar l-atti adottati fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-miżuri ta' protezzjoni tal-kummerċ ("dumping") u l-atti li bihom il-Kunsill jeżerċita kompetenzi ta' implementazzjoni;
  • rikorsi għal kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi jew organi tal-Unjoni Ewropea jew mill-aġenti tagħhom;
  • rikorsi bbażati fuq kuntratti konklużi mill-Unjoni Ewropea, li jipprovdu espressament għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali;
  • rikorsi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali kontra l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u kontra l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO);
  • kawżi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom dwar ir-relazzjonijiet ta' xogħol kif ukoll l-iskema ta’ sigurtà soċjali.

Jista' jitressaq appell, fuq punti ta' dritt biss, minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali lill-Qorti tal-Ġustizzja f'terminu ta' xahrejn.

 

Il-proċedura

Il-Qorti Ġenerali għandha r-Regoli tal-Proċedura tagħha. Bħala prinċipju, il-proċedura tinkludi fażi bil-miktub u fażi orali.

Il-proċedura tinfetaħ b'rikors bil-miktub magħmul minn avukat jew minn aġent u indirizzat lir-Reġistratur. Il-punti essenzjali tar-rikors jiġu ppubblikati f'Avviżi fil-lingwi uffiċjali kollha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Reġistratur jinnotifika r-rikors lill-konvenut li għandu terminu ta' xahrejn sabiex jippreżenta s-sottomissjonijiet tad-difiża. Fir-rikorsi diretti, ir-rikorrent jista', bħala prinċipju, jippreżenta replika, f'terminu stabbilit, li l-konvenut jista' jwieġeb għaliha permezz ta' kontroreplika.

Kull persuna li turi li għandha interess fis-soluzzjoni ta' kontroversja quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintervjenu fil-proċedura. L-intervenjent jippreżenta sottomissjonijiet intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu t-talbiet ta' xi waħda mill-partijiet, u l-partijiet jistgħu mbagħad iwieġbuhom.

Matul il-fażi orali eventwali tal-proċedura tinżamm seduta pubblika. Matul din is-seduta, l-Imħallfin jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-partijiet. L-Imħallef Relatur jagħmel sunt, fir-rapport għas-seduta sommarja, tal-fatti allegati, l-argumentazzjoni ta' kull parti u, jekk ikun il-każ, tal-intervenjenti. Dan id-dokument jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-lingwa tal-kawża.

L-Imħallfin imbagħad jiddeliberaw fuq il-bażi tal-abbozz tas-sentenza ppreparat mill-Imħallef Relatur u s-sentenza tinqara f'seduta pubblika.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija mingħajr ħlas. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma hijiex responsabbli għall-ispejjeż tal-avukat li l-partijiet irid ikollhom sabiex jirrappreżentahom u li għandu jkun awtorizzat li jidher quddiem qorti ta' Stat Membru. Madankollu, kull parti li ma tkunx kapaċi tħallas l-ispejjeż tal-proċedura tista' titlob il-benefiċċju tal-għajnuna legali.

Il-miżuri provviżorji

Rikors magħmul lill-Qorti Ġenerali ma għandux l-effett li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat. Il-Qorti Ġenerali tista' madankollu tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta' dan l-att jew tistabbilixxi miżuri provviżorji oħra. Il-President tal-Qorti Ġenerali jew, jekk ikun il-każ, il-viċi-President, jiddeċiedi fuq talba bħal din permezz ta' digriet motivat.

Miżuri provviżorji jingħataw biss meta jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet:

  1. ir-rikors ma għandux jidher, mal-ewwel daqqa t'għajn, li huwa infondat fil-mertu;
  2. ir-rikorrent għandu juri l-urġenza tal-miżuri u li mingħajrhom huwa jsostni dannu gravi u irreparabbli;
  3. il-miżuri provviżorji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet u tal-interess ġenerali.

Id-digriet huwa ta' natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali. Barra minn dan, jista' jsir appell minnu quddiem il-viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-proċedura mħaffa

Din il-proċedura tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi malajr fuq il-mertu tal-kwistjoni f'kawżi li jitqiesu li huma ta' urġenza partikolari. Il-proċedura mħaffa tista' tintalab mir-rikorrent jew mill-konvenut. Hija tista' wkoll tiġi deċiża ex officio mill-Qorti Ġenerali.

 

Il-ġurisprudenza

Ambjent u konsumaturi 

L-Unjoni tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-foki, għajr dawk li joriġinaw mill-kaċċa tradizzjonalment ipprattikata mill-Inuit għal finijiet ta’ għajxien. Fl-2013, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-validità ta’ din il-projbizzjoni. Fil-fatt, hija qieset li, fid-dawl tar-regoli diverġenti adottati mill-Istati Membri fil-qasam tal-kummerċ tal-prodotti li joriġinaw mill-foki, l-Unjoni kellha d-dritt li tarmonizza r-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti sabiex jiġi evitat disturb tas-suq filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-benesseri tal-annimali.

Inuit Tapiriit Kanatami vs Il-Kummissjoni, T-526/10, 25 ta’ April 2013

 

Fit-territorju tal-Unjoni, l-organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) jistgħu biss jiġu kkummerċjalizzati jekk tkun ingħatat awtorizzazzjoni. Fl-2010, il-Kummissjoni awtorizzat il-kummerċjalizzazzjoni tal-patata mmodifikata ġenetikament Amflora, wara li kienet irċeviet opinjoni xjentifika li kienet tindika li l-patata Amflora la kienet tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u lanqas għall-ambjent. Il-Qorti Ġenerali annullat, minħabba difett proċedurali, l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar effettivament naqset milli tissottometti l-abbozz ta’ awtorizzazzjoni lill-kumitati kompetenti.

L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-240/10, 13 ta’ Diċembru 2013

 

Libertà li jiġu pprovduti servizzi

Skont id-dritt tal-Unjoni, l-avvenimenti li Stat Membru jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà għandhom ikunu jistgħu jiġu trażmessi mhux biss fuq it-televiżjoni bi ħlas, iżda wkoll fuq it-televiżjoni b’aċċess liberu. Fl-2011, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li Stat Membru jista’ jipprovdi t-trażmissjoni b’aċċess liberu tal-partiti kollha tal-futbol tat-tazza tad-dinja u tal-EURO. Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat din id-deċiżjoni bid-dritt għall-informazzjoni tal-pubbliku u n-neċessità li jiġi żgurat aċċess vast lill-pubbliku tat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ dawn l-avvenimenti.

FIFA vs Il-Kummissjoni, T-385/07, 17 ta’ Frar 2011

 

Dritt tal-istituzzjonijiet tal-UE

Fl-2007, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika sejħa għal espressjoni ta’ interess bil-għan li jiġu rreklutati membri tal-persunal bil-kuntratt mill-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn l-avviżi tfasslu bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss. Il-Qorti Ġenerali annullat is-sejħa għal espressjoni ta’ interess abbażi ta’ diskriminazzjoni lingwistika, peress li l-pubblikazzjoni tagħha bi tliet lingwi kienet tipprekludi ċerti kandidati potenzjali milli jsiru jafu bis-sejħa għal espressjoni ta’ interess u kienet tiffavorixxi l-kandidati ġermanofoni, anglofoni u frankofoni.

L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-205/07, 3 ta’ Frar 2011

 

Trade marks – Proprjetà intellettwali u industrijali

Fl-2012, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sinjal VIAGUARA ma setax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għal xarbiet minħabba t-trade mark VIAGRA rreġistrata għal mediċini. Filwaqt li rrikonoxxiet li x-xarbiet u l-mediċini huma prodotti differenti, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sinjal VIAGUARA seta’ jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark VIAGRA: fil-fatt, il-konsumatur jista’ jitħajjar jixtri x-xarbiet peress li jaħseb li dawn għandhom kwalitajiet simili għal dawk tal-mediċini (b’mod partikolari żieda tal-libido)

Viaguara vs UASI, T-332/10, 25 ta’ Jannar 2012

 

Il-kumpannija Apple Corps, imwaqqfa mill-grupp tal-mużika rokk famuż “The Beatles”, opponiet ir-reġistrazzjoni tal-kelma “BEATLE” għal apparat elettriku bir-roti intiż għall-persuni b’mobbiltà limitata. Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba ta’ din il-kumpannija, billi qieset li l-kelma “BEATLE” setgħet tikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni u mill-attrazzjoni konsistenti tat-trade marks (THE) BEATLES miżmuma minn Apple Corps. Fil-fatt, il-persuni b’mobbiltà limitata jistgħu jkunu attirati mill-immaġni ferm pożittiva ta’ libertà, ta’ żgħożija u ta’ mobbiltà assoċjata mat-trade marks ta’ Apple Corps.

You Q vs UASI, T-369/10, 29 ta’ Marzu 2012

 

Fl-2010, Monako xtaq jipproteġi t-trade mark internazzjonali “MONACO” fl-UE, iżda dan ġie rrifjutat, fost l-oħrajn, għal servizzi ta’ divertiment, ta’ sport u ta’ akkomodazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat din id-deċiżjoni: il-kelma MONACO, minħabba b’mod partikolari, ir-reputazzjoni tal-familja rjali tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ grand prix tal-Formula 1 u ta’ festival taċ-ċirku, tevoka territorju ġeografiku u hija purament deskrittiva tal-oriġini jew tad-destinazzjoni ġeografiċi tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, ma tistax tiġi protetta bħala trade mark fl-UE.

MEM vs UASI (MONACO), T-197/13, 15 ta’ Jannar 2015

 

Kompetizzjoni

Fl-2004, il-Kummissjoni imponiet fuq Microsoft multa ta’ EUR 497 miljun, peress li qieset li din il-kumpannija kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi rrifjutat, matul numru ta’ snin, li tiżvela lill-kompetituri tagħha informazzjoni li kienet tippermetti l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi u kompatibbli ma’ Windows. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-multa f’sentenza tal-2007. Fl-2008, il-Kummissjoni imponiet fuq Microsoft pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 899 miljun minħabba r-reżistenza tagħha li teżegwixxi d-deċiżjoni tal-2004 u li tiżvela lill-kompetituri tagħha l-informazzjoni kkonċernata fit-terminu previst u b’korrispettiv raġonevoli. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni, iżda naqqset il-multa għal EUR 860 miljun sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet tranżitorjament awtorizzat lil Microsoft tissokta bl-implementazzjoni ta’ ċerti prattiki.

Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, 17 ta’ Settembru 2007, u T-167/08, 27 ta’ Ġunju 2012

 

Fl-2009, il-Kummissjoni imponiet żewġ multi ta’ EUR 553 miljun kull waħda fuq il-kumpannija Ġermaniża E.ON u fuq il-kumpannija Franċiża GDF Suez. Hija allegat li kienu kkonkludew akkordju li jipprojbixxi lil kull waħda minnhom tbigħ fis-suq nazzjonali tal-oħra gass ittrasportat mir-Russja lejn il-Ġermanja u lejn Franza. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni, iżda naqqset il-multa għal EUR 320 miljun sabiex tieħu inkunsiderazzjoni żball tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu tal-akkordju (perijodu ta’ sena inqas minn dak li allegat il-Kummissjoni).

E.ON Energie AG vs Il-Kummissjoni, T-360/09, u GDF Suez vs Il-Kummissjoni, T-370/09, 29 ta’ Ġunju 2012

 

Is-soċjetajiet ta’ amministrazzjoni kollettiva jiġġestixxu d-drittijiet tal-awtur marbuta, b’mod partikolari, ma’ xogħlijiet mużikali. Sussegwentement, huma jagħtu lill-utenti kummerċjali, fuq talba tagħhom, id-dritt li jużaw ix-xogħlijiet bi ħlas. Fl-2008, il-Kummissjoni qieset li 24 soċjetà ta’ dan it-tip kienu llimitaw il-kompetizzjoni billi kkonfinaw għat-territorju nazzjonali tagħhom biss il-liċenzji mogħtija għall-użu ta’ ċerti xogħlijiet mużikali. Il-Qorti Ġenerali invalidat l-analiżi tal-Kummissjoni minħabba nuqqas ta’ provi, b’mod partikolari peress li l-limitazzjoni territorjali tal-liċenzji setgħet tkun dovuta għan-neċessità li jkun hemm ġlieda effettiva kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali.

CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, 12 ta’ April 2013

 

Fl-2011, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni prevista minn Microsoft għall-akkwist tal-kontroll ta’ Skype kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Żewġ kompetituri ta’ Skype ressqu kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, billi invokaw l-effetti antikompetittivi kkawżati mill-fużjoni prevista. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hija qieset li l-fużjoni la kienet tillimita l-kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjoni bl-internet għall-pubbliku inġenerali u lanqas fis-suq tal-komunikazzjoni bl-internet għall-impriżi.

Cisco Systems u Messagenet vs Il-Kummissjoni, T-79/12, 11 ta’ Diċembru 2013

 

Għajnuna mill-Istat

Fl-Awstrija, il-konsumaturi tal-elettriku kollha jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-Istat sabiex jinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-elettriku aħdar. Fl-2008, l-Istat Awstrijak ikkunsidra jillimita

l-inkarigu ta’ dawn l-ispejjeż għall-impriżi b’konsum intensiv tal-enerġija. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li dan il-limitu kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-evalwazzjoni, billi qieset li tali limitu kien jikkostitiwixxi forma ta’ eżenzjoni tat-taxxa parafiskali, li kienet tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi għad-detriment ta’ oħrajn, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata fir-rigward tal-għan mixtieq. Barra minn hekk, din l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent.

L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-251/11, 11 ta’ Diċembru 2014

 

ING hija istituzzjoni finanzjarja Olandiża tal-bankassigurazzjoni. Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, il-Pajjiżi l-Baxxi ppovdewlha għajnuna, fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital li l-kundizzjonijiet ta’ rimbors tagħha nbidlu maż-żmien. Il-Kummissjoni qieset li dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda kienu implikaw għajnuna mill-Istat supplementari ta’ EUR 2 biljuni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li ma setgħetx tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, peress li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat jekk investitur privat, fl-istess sitwazzjoni tal-Istat Olandiż, kienx jirrifjuta li japprova tali modifika tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors u għaldaqstant tali vantaġġ supplementari.

Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-29/10, T-33/10, 2 ta’ Marzu 2012

 

Fid-dawl ta’ diffikultajiet serji finanzjarji, il-kumpannija tal-ajru Taljana Alitalia ngħatat, fl-2008, self ta’ EUR 300 miljuni mingħand l-Istat Taljan, li kien iddeċieda, barra minn hekk, li jbigħ is-sehem tiegħu fil-kumpannija. Il-Kummissjoni kkwalifikat is-self mogħti lil Alitalia bħala illegali (peress li investitur privat fl-istess sitwazzjoni ma kienx jagħti dan is-self), iżda awtorizzat il-bejgħ tal-attiv, bil-kundizzjoni li dan isir bil-prezz tas-suq. Billi qies li Alitalia kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, Ryanair ressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-punti kollha.

Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-123/09, 28 ta’ Marzu 2012

 

Agrikoltura

Fl-2011, il-Kummissjoni rrendiet obbligatorju l-ittikkettjar tal-frott taċ-ċitru li jiġi pproċessat wara l-ħsad permezz ta’ preżervanti jew ta’ sustanzi kimiċi oħra. Spanja talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla dan l-obbligu, peress li dan kien jikkonċerna biss lill-produtturi tal-frott taċ-ċitru – u mhux lill-produtturi ta’ frott ieħor ipproċessat wara l-ħsad – u għalhekk kien diskriminatorju. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li, kuntrarjament għal dan il-frott l-ieħor (banana, dulliegħ, bettieħ), il-qxur tal-frott taċ-ċitru jistgħu jintużaw fil-kċina, b’mod li l-obbligu tal-ittikkettjar jiżgura, mingħajr diskriminazzjoni, livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

Spanja vs Il-Kummissjoni, T-481/11, 13 ta’ Novembru 2014

 

Saħħa pubblika

Orphacol huwa prodott mediċinali intiż għat-trattament ta’ mard tal-fwied rari iżda serju li jista’ jwassal għall-mewt ta’ trabi. Fl-2009, il-laboratorji Franċiżi CTRS ressqu talba quddiem il-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, li ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni minħabba li CTRS kienet naqset milli tistabbilixxi riżultati ta’ testijiet kliniċi. Il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni billi qieset li CTRS, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli, ma kinitx marbuta tipprovdi tali riżultati peress li s-sustanzi attivi ta’ dan il-prodott mediċinali kienu ilhom is-suġġett ta’ użu mediku stabbilit sew minn tal-inqas 10 snin fl-Unjoni.

Laboratoires CTRS vs Il-Kummissjoni, T-301/12, 4 ta’ Lulju 2013

 

Relazzjonijiet esterni tal-UE

Il-miżuri restrittivi jew “sanzjonijiet” jikkostitwixxu strument essenzjali tal-politika estera li permezz tiegħu l-Unjoni tfittex li timmobilizza bidla politika jew aġir min-naħa ta’ pajjiż. Dawn jistgħu jkollhom l-għamla ta’ embargos fuq l-armi, iffriżar tal-assi, projbizzjonijiet ta’ dħul u ta’ tranżitu fit-territorju tal-Unjoni, projbizzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, eċċ. Dawn jistgħu jirrigwardaw gvernijiet, kumpanniji, persuni fiżiċi kif ukoll gruppi jew organizzazzjonijiet (bħal gruppi terroristiċi, pereżempju).

Minbarra organizzazzjonijiet terroristiċi bħal Al-Qaida, madwar tletin pajjiż diġà kienu s-suġġett ta’ sanzjonijiet min-naħa tal-Kunsill tal-Unjoni, fosthom l-Afganistan, il-Bjelorussja, il-Côte d’Ivoire, l-Eġittu, l-Iran, il-Libja, ir-Russja, is-Sirja, it-Tuneżija, l-Ukraina jew anki ż-Żimbabwe.

 

Il-fondi ta’ Eyad Makhlouf (kuġin ta’ Bachar Al Assad) ġew iffriżati mill-Kunsill minħabba li kien ħu Rami Makhlouf (wieħed min-negozjanti Sirjani l-iktar b’saħħithom) u aġent tas-servizzi ta’ informazzjoni ġenerali implikat fir-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-iffriżar ta’ fondi, billi qieset li E. Makhlouf ma kienx ippreżenta provi li setgħu jinvalidaw il-fatt li huwa kien jipprovdi sostenn lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, ma kienx hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża ta’ E. Makhlouf peress li huwa seta’ jiddefendi ruħu effiċjentement kontra l-Kunsill.

Makhlouf vs Il-Kunsill, T-383/11, 13 ta’ Settembru 2013

 

Fl-2010, il-fondi tal-kumpannija Iranjana Fulmen u tad-direttur tagħha ġew iffriżati peress li, skont il-Kunsill, dawn kienu involuti fl-installazzjoni ta’ tagħmir elettriku f’sit sigriet intiż għall-programm nukleari Iranjan. Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat l-iffriżar: hija qieset li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet infondati u li għalhekk ma kienx ippreżenta provi ta’ intervent ta’ Fulmen u tad-direttur tagħha fis-sit ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill kien marbut iressaq tali provi.

Fulmen u Fereydoun Mahmoudian vs Il-Kunsill, T-439/10 u T440/10, 21 ta’ Marzu 2012

 

Politika ekonomika

Il-“kontropartijiet ċentrali” huma organi finanzjarji li jiżguraw il-clearing ta’ ċerti tranżazzjonijiet billi jiġġestixxu r-riskju ta’ kreditu tal-partijiet. Fl-2011, il-BĊE obbliga lill-kontropartijiet ċentrali li joperaw bl-euro jkunu lokalizzati f’pajjiż taż-żona euro. Ir-Renju Unit, li ma huwiex parti minn din iż-żona, talab l-annullament ta’ dan l-obbligu, sa fejn dan kien jissanzjona l-kontropartijiet ċentrali Brittaniċi. Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-Renju Unit, peress li qieset li l-BĊE ma kellux il-kompetenza li jimponi tali rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni.

Ir-Renju Unit vs BĊE, T-496/11, 4 ta’ Marzu 2015

 

Aċċess għal dokumenti

Fl-2009, id-deputat Ewropew Olandiża Sophie Int’ Veld talbet lill-Kunsill aċċess għall-opinjoni tas-servizz legali tiegħu dwar il-ftuħ tan-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti relatati mal-ftehim futur SWIFT (ftehim li jawtorizza l-awtoritajiet Amerikani jaċċedu għad-data bankarja Ewropea bil-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu). Il-Kunsill irrifjuta l-aċċess għall-opinjoni fl-intier tagħha. Il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment dan ir-rifjut (jiġifieri dak kollu li ma kienx jirrigwarda l-kontenut speċifiku tal-ftehim u l-linji gwida tan-negozjati): hija qieset li l-Kunsill – fl-evalwazzjoni tiegħu dwar jekk l-iżvelar tal-informazzjoni kkonċernata setax ikun iġġustifikat b’interess pubbliku superjuri – ma kienx ressaq prova, b’fatturi konkreti, tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-protezzjoni tal-opinjonijiet legali, u lanqas ma kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-opinjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna l-qasam partikolari tal-protezzjoni tad-data personali.

In’t Veld vs Il-Kunsill, T-529/09, 4 ta’ Mejju 2012