Preżentazzjoni tal-Ġabra

Skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi ppubblikata Ġabra tal-ġurisprudenza fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Ġabra hija l-pubblikazzjoni uffiċjali tal-ġurisprudenza tal-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Kompożizzjoni tal-Ġabra 

Sal-1 ta’ Settembru 2016, li hija d-data tat-trasferiment tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lill-Qorti Ġenerali, il-Ġabra tal-ġurisprudenza kienet komposta minn Ġabra ġenerali, li tinkorpora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u minn Ġabra tas-servizz pubbliku, li tinkorpora l-ġurisprudenza fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Mill-1 ta’ Settembru 2016, il-ġurisprudenza (inklużi d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizz pubbliku) qiegħda tiġi ppubblikata esklużivament fil-Ġabra ġenerali.

 

Il-forma ta’ pubblikazzjoni tal-Ġabra

Il-Ġabra ġenerali u l-Ġabra tas-servizz pubbliku ġew ippubblikati fil-verżjoni stampata sal-2011 u sal‑2009, rispettivament. Għall-perijodu ta’ qabel dawn id-dati, il-verżjoni stampata tal-Ġabra hija l-unika pubblikazzjoni uffiċjali. Din tibqa’ disponibbli mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Verżjoni pdf tad-deċiżjonijiet ippubblikati fil-Ġabra hija wkoll disponibbli fuq EUR-Lex.

Mill-1 ta’ Jannar 2012 (Ġabra ġenerali) u mill-1 ta’ Jannar 2010 (Ġabra tas-servizz pubbliku) rispettivament, il-pubblikazzjoni tal-Ġabra hija esklużivament disponibbli fil-format diġitali fuq is-sit EUR-Lex (pubblikazzjoni uffiċjali aċċessibbli bla ħlas). Dan is-sit jipprovdi wkoll aċċess għall-Ġabra ppubblikata fuq EUR-Lex.

Il-Ġabra digitali hija magħmula minn numru ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, flimkien mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fejn ikun il-każ, fil-format pdf. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, informazzjoni oħra hija miżjuda, kif ukoll verżjonijiet html b’hyperlinks. Din l-informazzjoni ma tagħmilx parti mill-Ġabra diġitali u ma hijiex ta’ natura uffiċjali.

 

Aċċess għall-Ġabra fuq is-sit Curia

Il-paġna ta’ aċċess għall-Ġabra tippreżenta d-dokumenti miġbura skont il-kawża f’ordni kronoloġiku tad-deċiżjonijiet.

L-ikoni  u   fit-tabella kronoloġika jinkludu links għat-test uffiċjali u għall-avviż biblijografiku fil-EUR-Lex, rispettivament.

Ikona griża tfisser li d-dokument uffiċjali għadu mhux disponibbli fil-lingwa ta’ konsultazzjoni.

It-tabella kronoloġika hija wkoll mogħnija b’informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' appell, eżami mill-ġdid jew rettifika u links lejn id-database Curia, għal konsultazzjoni iktar faċli.

 

Kriterji għall-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza fil-Ġabra

Il-kriterji għall-pubblikazzjoni fil-Ġabra diġitali għall-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Qorti Ġenerali ma nbidlux minn dawk tal-Ġabra ppubblikata fi verżjoni stampata.

Il-Qorti tal-Ġustizzja

Mill-1 ta’ Mejju 2004, għalhekk jiġu ppubblikati fil-Ġabra:

  • is-sentenzi tas-Seduta Plenarja u tal-Awla Manja;
  • is-sentenzi mogħtija, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, mill-awli b’ħames u bi tliet imħallfin;
  • is-sentenzi mogħtija, fil-kawżi li ma jirrigwardawx deċiżjoni preliminari, mill-awli b’ħames u bi tliet imħallfin, li jagħtu deċiżjoni wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali; u
  • l-opinjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat, bħala prinċipju mhux ser jibqgħu jiġu ppubblikati fil-Ġabra:

  • is-sentenzi mogħtija, fil-kawżi li ma jirrigwardawx deċiżjoni preliminari, mill-awli bi tliet jew b’ħames imħallfin li jagħtu deċiżjoni mingħajr il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, u
  • id-digrieti.

Minn Settembru 2011, l-awli bi tliet jew b’ħames imħallfin jistgħu barra minn hekk jiddeċiedu, f’każijiet eċċezzjonali, li sentenza dwar deċiżjoni preliminari ma tiġix ippubblikata fil-Ġabra.

 

Il-Qorti Ġenerali

Minn Settembru 2005, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kulleġġ ġudikanti, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġabra:

  • is-sentenzi tal-Awla Manja;
  • is-sentenzi tal-awli b’ħames imħallfin.

Il-pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-awli bi tliet imħallfin tiġi deċiża każ b’każ mill-kulleġġ ġudikanti.

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija minn imħallef uniku u d-digrieti ta’ natura ġudizzjarja ma jiġux ippubblikati fil-Ġabra, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.

Ċerti deċiżjonijiet jistgħu jiġu ppubblikati f’estratti.

 

Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati fil-Ġabra

Id-deċiżjonijiet li, skont ir-regoli msemmija iktar ’il fuq, ma jiġux ippubblikati fil-Ġabra huma madankollu aċċessibbli fit-taqsima “ġurisprudenzaˮ ta’ dan is-sit, fil-lingwi disponibbli, jiġifieri l-lingwa tal-kawża u l-lingwa tad-deliberazzjoni.

Il-Ġabra ġenerali tinkludi wkoll elementi ta’ informazzjoni fuq dawn id-deċiżjonijiet.

 

Ġabra tas-servizz pubbliku

Il-Qorti Ġenerali

Sal-31 ta’ Awwissu 2016, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-appell fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku kienu jiġu ppubblikati fil-Ġabra tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ sommarji fil-lingwi uffiċjali kollha, u bħala test sħiħ fil-lingwa tal-kawża. Setgħu jiġu wkoll ippubblikati fil-Ġabra ġenerali fil-lingwi uffiċjali kollha.

Mill-1 ta’ Settembru 2016, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku qegħdin jiġu ppubblikati fil-Ġabra ġenerali, skont il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Sal-31 ta’ Awwissu 2016, id-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienu jiġu ppubblikati fil-Ġabra tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ sommarji fil-lingwi uffiċjali kollha, kif ukoll bħala test sħiħ fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa tad-deliberazzjoni. Għad-deċiżjonijiet ta’ interess ġenerali, it-test sħiħ kien jiġi wkoll ippubblikat fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

 

Lingwi uffiċjali

Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni huma:

Mill-1 ta’ Jannar 1952:

il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż u t-Taljan

Mill-1 ta’ Jannar 1973:

id-Daniż, l-Ingliż u l-Irlandiż

Mill-1 ta’ Jannar 1981:

il-Grieg

Mill-1 ta’ Jannar 1986:

il-Portugiż u l-Ispanjol

Mill-1 ta’ Jannar 1995:

il-Finlandiż u l-Isvediż

Mill-1 ta’ Mejju 2004:

iċ-Ċek, l-Estonjan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, is‑Slovakk, is-Sloven u l-Ungeriż

Mill-1 ta’ Jannar 2007:

il-Bulgaru u r-Rumen

Mill-1 ta’ Lulju 2013:

il-Kroat

 

Kienu ġew previsti miżuri derogatorji temporanji għall-Malti (sat-30 ta’ April 2007) u għall-Irlandiż (sal-31 ta’ Diċembru 2021) rispettivament bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nri 930/20041738/2006 u bir-Regolamenti tal-Kunsill Nri 920/20052015/2264.