Wasal iż-żmien għal riforma ?

Il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej qed tiċċelebra 20 sena mit-twaqqif tagħha

   

Marc Jaeger

Marc Jaeger, President tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 
corner-tpi

Fil-25 ta' Settembru 2009, il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ser tiċċelebra, fl-okkażjoni ta' konferenza organizzata fil-Lussemburgu, 20 sena mit-twaqqif tagħha, jew iktar preċiżament mid-dħul fil-kariga tal-ewwel membri tagħha, li ħadu l-ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-25 ta' Settembru 1989. Iżda minkejja li bilkemm għadha laħqet l-età tal-maturità, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà għandha tibda tħejji riforma li saret neċessarja minħabba ż-żieda sistematika fil-kawżi mressqa quddiemha.

Il-ħolqien tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li ġie deċiż mill-Kunsill f'Ottubru tal-1988, kellu tliet għanijiet: li s-sistema ġudizzjarja Ewropea tingħata korp li jkun jista' jieħu konjizzjoni ta' kawżi li jeħtieġu eżami dettaljat ta' fatti kumplessi; li jiġi stabbilit livell doppju ta' qrati sabiex il-partijiet jingħataw iżjed protezzjoni; li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tikkonċentra ruħha fuq l-attività essenzjali tagħha, jiġifieri li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju. Huwa b'hekk li, għall-ewwel, il-Qorti tal-Prim'Istanza ngħatat il-kompitu li tieħu konjizzjoni, b'mod partikolari, tal-kawżi li għandhom x'jaqsmu mad-dritt tal-kompetizzjoni.

Mal-mogħdija taż-żmien, dawn il-kompetenzi żdiedu progressivament u tant żdiedu li llum il-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu konjizzjoni, u bi ftit eċċezzjonijiet, tar-rikorsi kollha ppreżentati mill-individwi, mill-impriżi u mill-Istati Membri kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea. Bħala qorti tal-ewwel istanza, peress li hija suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjonijiet ta' interpretazzjoni tal-liġi, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'hekk għandha l-kompitu essenzjali li tiżgura l-osservanza tal-liġi mill-korpi deċiżjonali tal-Unjoni (b'mod partikolari l-Kummissjoni) f'numru kunsiderevoli ta' oqsma. Ċertament dan jirrigwarda l-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jżomm lill-impriżi milli jadottaw aġir li jkun ta' ħsara għall-konsumatur, u ċerti kawżi reċenti f'dan il-qasam dwar is-settur tal-informatika, tal-industrija tad-diski u anki tat-trasport bl-ajru kellhom eku kunsiderevoli. Iżda jekk naħsbu wkoll fl-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mat-trattati tal-għajnuna mogħtija lill-impriżi mill-Istati, fil-kawżi dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji, il-miżuri sabiex jiġi protett il-kummerċ, l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, id-deċiżjonijiet li jiffriżaw il-fondi tal-persuni li għandhom xi rabta ma' organizzazzjonijiet terroristiċi, il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanzi għall-protezzjoni tal-pjanti, nindunaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza llum għandha rwol ċentrali mhux biss fil-ħajja ekonomika tal-impriżi, iżda wkoll f'diversi setturi bħas-sigurtà, il-libertajiet fundamentali, l-ambjent u s-saħħa.

Madankollu, dan ma jfissirx li kull persuna għandha d-dritt tirrikorri għall-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkontesta kwalunkwe att tal-Unjoni, li tiegħu ma tkunx id-destinatarja jew li ma jikkawżalhiex preġudizzju speċifiku. B'mod partikolari, il-miżuri ta' portata ġenerali (bħad-direttivi Ewropej) ma jistgħux, bħala regola, jiġu kkontestati direttament, iżda l-legalità tagħhom tista' tiġi kkontestata fil-kuntest ta' kawża kontra miżuri individwali, b'mod partikolari dawk nazzjonali, li jkunu qed jimplementawhom. Id-dritt Komunitajru b'hekk ma jippermettix l-actio popularis u jeżiġi mir-rikorrenti l-prova li huma jkunu kkonċernati direttament u individwalment, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, sabiex l-azzjoni tagħhom tkun ammissibbli. F'għajnejn iċ-ċittadin Ewropew, dan ir-rekwiżit jista' jidher li jirrestrinġi l-aċċess għall-qrati (madankollu għandu jingħad li t-Trattat ta' Lisbona, jekk jidħol fis-seħħ, ser iwessa' l-aċċess għall-qrati, billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament huma inqas stretti fih). Madankollu, din hija sistema li tinsab f'diversi sistemi legali u hija intiża li tiżgura li l-qorti tiddeċiedi biss kawżi fejn l-interess tar-rikorrenti jkun ibbażat fuq sitwazzjoni reali u li, fis-sistema ġudizzjarja Ewropea maħluqa mit-trattati, tagħti lill-qrati nazzjonali rwol ta' ħolqa fil-proċess ta' applikazzjoni u stħarriġ tal-legalità tad-dritt Komunitarju.

Dan it-tqassim huwa neċessarju a fortiori billi l-Qorti tal-Prim'Istanza hija, fl-aħħar mill-aħħar, qorti żgħira f'termini ta' persunal. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija komposta minn 27 imħallef, għandha, fil-fatt, inqas minn 300 membru tal-persunal u uffiċjal li jieħdu ħsieb l-operat tajjeb tagħha. Din iċ-ċifra għandha titqies fid-dawl tal-obbligu tal-qorti li tkun kapaċi tittratta l-kawżi fit-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni, iżda wkoll tal-karatteristiċi proprji tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Dawn jikkonċernaw, minnhom infushom, proċessi partikolarment voluminużi, ekonomikament jew teknikament kumplessi, li jeħtieġu eżami dettaljat tal-fatti u li xi drabi jkollhom impatt determinanti fuq settur sħiħ. Fuq kollox, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija affaċċjata b'numru dejjem jikber ta' fatturi (fosthom il-kompetenza l-ġdida fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri, iż-żieda kbira fil-kawżi dwar it-trade mark Komunitarja u, b'mod iktar ġenerali t-tkabbir tal-Unjoni u t-tkattir tal-attività regolatorja Komunitarja) li kkawżaw żieda bħal qatt qabel fin-numru ta' kawżi ppreżentati. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom: ir-rikorsi ppreżentati kull sena quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza żdiedu minn 238 fl-1998 għal 466 fl-2003 u laħqu ċ-ċifra ta' 629 fl-2008, jiġifieri żieda ta' iktar minn 160 % f'għaxar snin.

Minħabba ż-żieda fil-kawżi pendenti, ittieħdu miżuri sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-qorti: ġew stabbiliti tliet awli addizzjonali, beda jsir l-aħjar użu possibbli mill-kalendarju tas-seduti, ġew issemplifikati l-proċeduri fil-qasam tat-trade mark Komunitarja, is-sentenzi bdew jinkitbu b'mod iżjed konċiż, ittejbet il-kwalità tal-għodda ta' statistika u tal-informatika... B'hekk kien hemm żieda tanġibbli fin-numru ta' kawżi deċiżi fl-2008. Madankollu, dan ma waqqafx iż-żieda bil-mod iżda ineżorabbli fin-numru ta' kawżi u, magħha, iż-żieda fiż-żmien li jieħdu l-proċeduri, li huwa l-aħjar indikatur tas-saħħa ta' sistema ġudizzjarja. Fil-fatt, id-dritt li l-kawża tiġi deċiża f'terminu raġonevoli jikkostitwixxi dritt fundamentali, li huwa intrinsiku għall-kunċett ta' ġustizzja nnifsu. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess ikkonstatat, f'sentenza tas-16 ta' Lulju li għadda, li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet eċċediet, fil-kawża li tressqet quddiemha, it-tul ta' żmien raġonevoli li l-parti għandha d-dritt tistenna li jdumu proċeduri quddiem qorti.

B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza, li għandha tevolvi u tadatta ruħha għall-karatteristiċi l-ġodda tal-kawżi mressqa quddiemha, hija verament affaċċjata bi sfida. Dan huwa assolutament neċessarju sabiex il-Qorti tkun tista' tkompli taqdi l-funzjonijiet li ngħatawlha b'mod sħiħ. Hemm żewġ toroq li tista' ssegwi: l-ewwel waħda hija li tiddefinixxi mill-ġdid il-kunċett innifsu li l-qorti Komunitarja tal-Prim'Istanza għandha tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim'istanza tista' tqassarhom b'mod estrem, mingħajr ma tesponi d-diversi stadji tar-raġunament u mingħajr ma tirrispondi lill-argumenti kollha mqajma fid-dettall. Fil-fehma tiegħi, din il-kura tkun agħar mill-marda. Fl-oqsma kumplessi u fis-suġġetti importanti li tittratta, il-Qorti tal-Prim'Istanza bniet il-leġittimità tagħha fuq iċ-ċarezza, it-trasparenza u l-motivazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha. L-idea bażilari hija li d-deċiżjoni ġudizzjarja għandha mhux biss taqta' l-kawża ppreżentata lill-qorti, iżda għandha tippermetti wkoll lill-partijiet, privati jew istituzzjonali, jifhmu, jaċċettaw u jadattaw ruħhom għall-ambjent ġuridiku maħluq mill-qorti fil-missjoni tagħha li tinterpreta u tapplika l-liġi.

It-triq li għandna nieħdu hija b'hekk it-tieni waħda: li tiġi rriformata l-istruttura ġudizzjarja. Fir-rigward tal-Qorti tal-Prim'Istanza, it-trattati pprovdew għal żewġ mekkaniżmi li jistgħu jindirizzaw il-ħtieġa imminenti li l-produttività ġudizzjarja tikseb livell li jiżgura l-kontinwità tagħha: żieda fin-numru tal-imħallfin tagħha, u l-persunal għad-dispożizzjoni tagħhom, jew it-twaqqif ta' tribunal speċjalizzat ġdid li jkun kompetenti f'qasam speċifiku, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tibqax kompetenti fl-ewwel istanza (kif diġà seħħ fl-2005 fir-rigward tal-kawżi li għandhom x'jaqsmu mas-servizz pubbliku Ewropew). Tali trasferiment ta' kompetenza jista' jsir fir-rigward tal-kawżi li għandhom x'jaqsmu mal-proprjetà intellettwali (b'mod partikolari l-kawżi dwar it-trade mark Komunitarja).

Tkun xi tkun l-għażla, il-Qorti tal-Prim'Istanza madankollu ma tistax tiddeċiedi d-destin tagħha. Id-deċiżjoni hija f'idejn il-korpi politiċi tal-Unjoni: il-Kunsill u, jekk it-Trattat ta' Lisbona jkun daħal fis-seħħ sa dak iż-żmien, il-Parlament Ewropew. M'hemmx dubju li dawn l-awtoritajiet, konxji tal-ħtieġa li l-Unjoni tirrispetta l-istat tad-dritt, li l-operat tajjeb tas-sistema ġudizzjarja jikkostitwixxi waħda mill-garanziji fundamentali tiegħu, ser jiftħu widnejhom għas-sinjal ta' allarm mogħti mill-qorti u li, fid-deċiżjoni tagħhom, ikollhom il-kapaċità li jaraw 'il quddiem li biha jħallu lilhom infushom jiġu ggwidati mill-interess tal-partijiet fil-kawża.