Preżentazzjoni

Premessa

Il-kompożizzjoni

Il-kompetenzi

Il-proċedura

Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sistema legali tal-Unjoni Ewropea

Premessa

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea għandha personalità ġuridika u ħadet f'idejha l-kompetenzi li qabel kienu mogħtija lill-Komunità Ewropea. Għalhekk, id-dritt Komunitarju sar id-dritt tal-Unjoni li jinkludi fih id-dispożizzjonijiet kollha adottati fil-passat permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta' Lisbona. Fil-preżentazzjoni li ġejja, il-frażi dritt Komunitarju madankollu ser tibqa' tintuża, meta jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

Flimkien mal-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) tibqa' teżisti. Peress li l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Euratom huma, fil-prinċipju, l-istess bħal dawk eżerċitati fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea - u sabiex il-preżentazzjoni li ġejja tkun iktar ċara - kull riferiment għad-dritt tal-Unjoni ser ikopri wkoll id-dritt tal-Euratom

 

Il-kompożizzjoni

vignette-cjce   Il-Qorti tal-Ġustizzja hija komposta minn 27 Imħallef u 11 Avukati Ġenerali. L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jintgħażlu bi ftehim bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma' kumitat inkarigat li jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati proposti li jaqdu d-dmirijiet inkwistjoni. Il-mandat tagħhom huwa ta' sitt snin li jista' jiġġedded. Huma jintgħażlu minn fost personalitajiet li jipprovdu garanzija ta' indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba sabiex jokkupaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla karigi ġudizzjarji, jew li huma ġuristi ta' kompetenza magħrufa.


L-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħżlu minn fosthom il-President u l-Viċi President għal perijodu ta' tliet snin li jista' jiġġedded. Il-President imexxi x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja u jippresjedi s-seduti u d-deliberazzjonijiet fil-każ tal-kulleġġi ġudikanti l-kbar. Il-Viċi President jassisti lill-President fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u jissostitwixxih fil-każ ta' impediment ta' dan tal-aħħar.

L-Avukati Ġenerali jassistu l-Qorti tal-Ġustizzja. Huma inkarigati li jippreżentaw, bl-iktar mod imparzjali u b'indipendenza sħiħa, opinjoni legali, imsejħa "konklużjonijiet", f'dawk il-kawżi li jingħataw konjizzjoni tagħhom.

Ir-Reġistratur huwa s-segretarju ġenerali tal-istituzzjoni u huwa jmexxi d-dipartimenti tagħha taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiltaqa' f'Seduta Plenarja, fl-Awla Manja (bi ħmistax-il Imħallef) jew f'Awla b'ħames jew bi tliet Imħallfin.

Is-Seduta Plenarja tieħu konjizzjoni ta' kawżi partikolari previsti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (b'mod partikolari, meta hija għandha tiddikjara r-riżenja tal-Ombudsman Ewropew jew meta hija trid tiddeċiedi fuq ir-riżenja ta' Kummissarju Ewropew li naqas mill-obbligi tal-kariga tiegħu) u meta tqis li kawża għandha importanza eċċezzjonali.

Hija tiltaqa' bħala Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni li huwa parti fil-kawża jitlob dan kif ukoll fil-kawżi li huma partikolarment kumplessi jew importanti.

Il-kawżi l-oħra jiġu eżaminati minn Awli ta' ħames jew ta' tliet Imħallfin. Il-Presidenti tal-Awli b'ħames imħallfin jiġu eletti għal tliet snin, u dawk tal-Awli bi tliet imħallfin jiġu eletti għal sena.

 

Il-kompetenzi

Biex twettaq xogħlha sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenzi ġudizzjarji definiti, li teżerċita fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u ta' diversi kategoriji ta' rikors.

Tipi differenti ta' proċedura

  • Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem b'kollaborazzjoni mal-qrati kollha tal-Istati Membri bħala l-qrati ta' dritt komuni tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tiġi evitata kull interpretazzjoni diverġenti, il-qrati nazzjonali jistgħu, u kultant għandhom, jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jitolbu preċiżazzjoni fuq punt ta' interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex ikunu jistgħu, pereżempju, jivverifikaw il-konformità tal-leġiżlazzjoni tagħhom ma' dan id-dritt. Id-domanda preliminari tista' wkoll tirrigwarda l-verifika tal-legalità ta' att tad-dritt tal-Unjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix permezz ta' sempliċi opinjoni, iżda permezz ta' sentenza jew ta' digriet motivat. Il-qorti nazzjonali li hija d-destinatarja ta' din is-sentenza jew dan id-digriet hija marbuta bl-interpretazzjoni mogħtija meta tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja torbot lill-qrati nazzjonali l-oħra li jintalbu jiddeċiedu fuq problema identika bl-istess mod.
Kull ċittadin Ewropew jista' wkoll jitlob preċiżazzjoni dwar ir-regoli tal-Unjoni li jikkonċernawh fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, minkejja li dan ir-rinviju jista' jintalab biss minn qorti nazzjonali, il-partijiet kollha li huma diġà fil-kawża quddiem din l-aħħar qorti, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jieħdu sehem fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-biċċa l-kbira tal-aktar prinċipji importanti tad-dritt tal-Unjoni ġew stabbiliti b'dan il-mod, jiġifieri fuq il-bażi ta' domandi preliminari, xi drabi mressqa minn qrati nazzjonali tal-ewwel Istanza.

  • Ir-rikors għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu

Dan jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika r-rispett mill-Istati Membri tal-obbligi tagħhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konjizzjoni ta' dawn il-kawżi wara proċedura preliminari mibdija mill-Kummissjoni li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jirrispondi għall-ilmenti diretti lejh. Jekk din il-proċedura ma twassalx sabiex l-Istat Membru jtemm in-nuqqas, jista' jiġi ppreżentat rikors għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Dan ir-rikors jista' jsir kemm mill-Kummissjoni - li huwa, fil-prattika, l-iktar każ frekwenti - kif ukoll minn Stat Membru. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata dan in-nuqqas, l-Istat huwa obbligat li jġibu fit-tmiem tiegħu mingħajr dewmien. Jekk, wara li l-Kummissjoni tressaq kawża ġdida, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Istat Membru kkonċernat ma kkonformax mas-sentenza tagħha, hija tista' tikkundannah iħallas multa f'perijodi regolari u/jew il-ħlas ta' penali ta' darba. Madankollu, fil-każ fejn ma jiġux ikkomunikati l-miżuri ta' traspożizzjoni ta' Direttiva tal-Kummissjoni, fuq proposta ta' din tal-aħħar, sanzjoni pekunjarja tista' tiġi imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Istat Membru kkonċernat mill-istadju tal-ewwel sentenza għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

  • Ir-rikors għal annullament

B'dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament ta' att ta' istituzzjoni jew ta' korp tal-Unjoni (b'mod partikolari regolament, direttiva, deċiżjoni). Il-Qorti tal-Ġustizzja tisma' r-rikorsi magħmula minn Stat Membru kontra l-Parlament Ewropew u/jew kontra l-Kunsill (ħlief għall-atti meħuda minn dan tal-aħħar fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tad-dumping u l-atti li bihom jeżerċita kompetenzi ta' implementazzjoni) jew imressqa minn istituzzjoni tal-Unjoni kontra istituzzjoni oħra. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tisma', l-ewwel nett, kull rikors ieħor ta' dan it-tip u b'mod partikolari rikorsi ppreżentati mill-individwi.

  • Ir-rikors għal nuqqas ta' azzjoni

Dan ir-rikors jippermetti l-verifika tal-legalità tan-nuqqas ta' azzjoni tal-istituzzjonijiet jew ta' korp tal-Unjoni. Madankollu, dan ir-rikors jista jiġi ppreżentat biss wara li l-istituzzjoni kkonċernata tkun ġiet mistiedna taġixxi. Għalhekk ladarba tiġi kkonstatata l-illegalità tan-nuqqas ta' azzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata hija dik li għandha ttemm dan in-nuqqas ta' azzjoni permezz ta' miżuri xierqa. Il-kompetenza fir-rigward tar-rikorsi għal nuqqas ta' azzjoni hija maqsuma bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali skont l-istess kriterji tar-rikors għall-annullament.

  • L-appell

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tieħu konjizzjoni ta' appelli, limitati għal punti ta' dritt, mis-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti Ġenerali. Jekk l-appell ikun ammissibbli u fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-każ fejn il-kawża hija fi stadju li tingħata s-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' hija stess tiddeċiedi l-kawża. Fil-każ kuntrarju, hija għandha tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija marbuta bid-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

 

Il-proċedura

Tkun xi tkun in-natura tal-kawża, din tinkludi fażi bil-miktub u, skont il-każ, fażi orali, li hija pubblika. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, dik tar-rikorsi l-oħra (rikorsi diretti u appelli).

Ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-proċedura bil-miktub

  • fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

Il-qorti nazzjonali tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ġeneralment taħt il-forma ta' deċiżjoni ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali ta' proċedura. Ladarba t-talba tiġi tradotta fil-lingwi kollha tal-Unjoni mid-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Reġistratur jinnotifika lill-partijiet kollha involuti fil-kawża prinċipali kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa jiżgura li jiġi ppubblikat avviż li jindika, b'mod partikolari, il-partijiet fil-kawża u l-kontenut tad-domandi fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-partijiet, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom xahrejn sabiex jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub.

  • fir-rikorsi diretti diretti u fl-appelli

Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konjizzjoni tal-kawża permezz ta’ rikors li għandu jiġi indirizzat lir-reġistru tagħha. Ir-Reġistratur jiżgura li jiġi ppubblikat avviż dwar ir-rikors fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jippreċiża r-raġunijiet u t-talbiet tar-rikorrent. Ir-rikors jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra, li għandhom xahrejn biex jippreżentaw risposta. Skont il-każ, ir-rikorrent ikollu dritt għal replika u l-konvenut għal kontroreplika. It-termini għall-preżentata ta’ dawn id-dokumenti għandhom jiġu osservati.

Fiż-żewġ tipi ta’ rikorsi, jintgħażlu Mħallef Relatur u Avukat Ġenerali, inkarigati li jsegwu l-kawża, mill-President u mill-Avukat Ġenerali Ewlieni rispettivament.

Il-miżuri preparatorji

F'kull proċedura, ladarba tingħalaq il-proċedura bil-miktub, il-partijiet jistgħu jindikaw, fi żmien tliet ġimgħat xahar, jekk u għalfejn jixtiequ li tinżamm seduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li tisma' l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jekk il-kawża tirrikjedix miżuri ta' proċedura, lil liema kulleġġ ġudikanti għandha tintbagħat il-kawża u jekk hemmx lok li tinżamm seduta. Fil-każ li jiġi deċiż li għandha tinżamm seduta, il-President jistabbilixxi d-data għaliha.

Is-seduta u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali

Meta jiġi deċiż li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kawża tinstema' fil-pubbliku, quddiem il-kulleġġ ġudikanti u l-Avukat Ġenerali. L-Imħallfin u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu lill-partijiet dawk il-mistoqsijiet li jikkunsidraw xierqa. Ftit ġimgħat wara, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt seduta fil-pubbliku. Huwa janalizza, fid-dettall, l-aspetti tal-kwistjoni, b'mod partikolari dawk ġuridiċi, u jipproponi, b'indipendenza sħiħa, ir-risposta li huwa jħoss li għandha tingħata għall-problema ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa b'dan il-mod li tintemm il-fażi orali tal-proċedura. Jekk jiġi kkunsidrat li l-kawża ma tqajjem l-ebda kwistjoni ġdida ta' dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, li taqta' l-kawża mingħajr konklużjonijiet.

Is-sentenzi

L-Imħallfin jiddeliberaw fuq il-bażi ta' abbozz ta' sentenza ppreparat mill-Imħallef Relatur. Kull Imħallef tal-kulleġġ ġudikanti kkonċernat jista' jipproponi bidliet. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jittieħdu fuq il-bażi ta' maġġoranza u opinjonijiet kuntrarji, jekk ikun hemm, ma jiġux indikati. Is-sentenza tiġi ffirmata biss mill-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fid-deliberazzjoni orali li matulha tiġi adottata, bla ħsara għar-regola li l-Imħallef bl-inqas anzjanità fil-kulleġġ ġudikanti ma jiffirmax is-sentenza jekk dak il-kulleġġ ikun ikkostitwit minn numru biż-żewġ ta' Mħallfin. Is-sentenzi jingħataw f'seduta bil-miftuħ. Is-sentenzi u l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jkunu disponibbli fis-sit internet CURIA fl-istess jum li jingħataw jew li jinqraw. Huma jiġu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, sussegwentement ippubblikati fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza.

Il-proċeduri speċifiċi

  • Il-proċedura semplifikata

Meta domanda preliminari tkun identika għal domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet intalbet tiddeċiedi fuqha jew fejn ir-risposta għal din id-domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġjonevoli jew fejn tista' tiġi dedotta b'mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta' digriet motivat, billi tagħmel riferiment, b'mod partikolari, għas-sentenza li tkun diġà ngħatat fuq din il-kwistjoni jew għall-ġurisprudenza rilevanti.

  • Il-proċedura mħaffa

Il-proċedura mħaffa tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi malajr fil-kawżi ta' urġenza estrema billi tnaqqas it-termini massimi u billi tagħti lil dawn il-kawżi prijorità assoluta. Fuq talba ppreżentata minn waħda mill partijiet, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddeċiedi, fuq il-proposta tal-Imħallef relatur u wara li jkun sema' l-Avukat Ġenerali u l-partijiet l-oħra, jekk hemmx urġenza partikolari li tiġġustifika r-rikors għall-proċedura mħaffa. Din il-proċedura hija wkoll prevista fil-każ tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari. F'dan il-każ, it-talba ssir mill-qorti nazzjonali li tirrinvija d-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tinkludi, fit-talba tagħha, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza straordinarja sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari.

  • Il-proċedura b'urġenza għal deċiżjoni preliminari (PUDP)

Din il-proċedura tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta f'terminu kunsiderevolment qasir l-iktar kwistjonijiet sensittivi li jikkonċernaw il-qasam tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali kif ukoll il-viżi, l-ażil, l-immigrazzjoni u l-politiki l-oħra relatati mal-moviment liberu ta' persuni). Il-kawżi suġġetti għall-PUDP huma assenjati lil awla b'ħames imħallfin maħtura apposta u l-parti bil-miktub isseħħ, fil-prattika, essenzjalment permezz ta' mezzi elettroniċi u tnaqqset b'mod estrem, kemm fiż-żmien kif ukoll fl-għadd ta' persuni li jitħallew jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, bil-parti 'l kbira mill-persuni jintervjenu waqt il-fażi orali tal-proċedura, li hija mandatorja.

  • Il-proċedura għall-miżuri provviżorji

Il-proċedura għall-miżuri provviżorji hija intiża biex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta' att ta' istituzzjoni, li huwa wkoll is-suġġett ta' rikors, jew kull miżura provviżorja oħra li hija neċessarja biex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli, lil waħda mill-partijiet.

L-ispejjeż tal-proċedura

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija mingħajr ħlas. Iżda l-qorti ma hijiex responsabbli għall-ispejjeż tal-avukat li l-partijiet ikollhom isostnu sabiex jirrappreżentahom u li jrid ikun awtorizzat li jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru. Madankollu, parti li ma hijiex kapaċi tħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedura jew parti minnhom tista’ titlob, mingħajr ma tkun rappreżentata minn avukat, il-benefiċċju tal-għajnuna legali. Mat-talba għandha tiġi mehmuża l-informazzjoni neċessarja kollha li tipprova l-bżonn tal-għajnuna legali.

Is-sistema lingwistika

Fir-rikorsi diretti, il-lingwa użata għar-rikors (li tista’ tkun waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) tkun bħala prinċipju l-lingwa tal-kawża fil-proċedura, jiġifieri l-lingwa li fiha tinżamm il-kawża. Fl-appelli, il-lingwa tal-kawża tkun dik tas-sentenza jew tad-digriet tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-appell. F’dak li jirrigwarda r-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-lingwa tal-kawża tkun dik tal-qorti nazzjonali li tkun indirizzat ruħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-trattazzjonijiet matul il-fażi orali tal-proċedura huma suġġetti għal interpretazzjoni simultanja, skont il-bżonn, għal-lingwi differenti tal-Unjoni Ewropea. L-Imħallfin jiddeliberaw mingħajr interpreti f’lingwa waħda, li, tradizzjonalment, hija l-Franċiż.

Skema tal-proċedura

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Rikorsi diretti u appelli

 

Rinviji għal deċiżjoni preliminari

Fażi bil-miktub

Rikors
Notifika tar-rikors lill-konvenut mir-Reġistratur
Avviż dwar ir-rikors fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
(serje C)
[Miżuri provviżorji]
[Intervent]
Risposta
[Eċċezzjoni ta' inammissibbiltà]
[Replika u kontroreplika]

[Talba għal għajnuna legali]
Ħatra tal-Imħallef Relatur u tal-Avukat Ġenerali

Deċiżjoni ta' rinviju tal-qorti nazzjonali
Traduzzjoni fil-lingwi l-oħra uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Avviż dwar id-domandi preliminari fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (serje C)
Notifika lill-partijiet fil-kawża, lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, lill-Istati taż-ŻEE u lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA
Osservazzjonijiet bil-miktub tal partijiet, tal-Istati u tal

L-Imħallef Relatur jipprepara r-rapport preliminari
Laqgħa ġenerali tal-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali
Rinviju tal-kawża lill-qorti
[Miżuri istruttorji]

Fażi orali

[Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali]

Deliberazzjoni tal-Imħallfin

Sentenza

Il-passi fakultattivi tal-proċedura huma indikati permezz ta' parenteżi
It-tipi grassi jindikaw dokument pubbliku
 

Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sistema legali tal-Unjoni Ewrpea

Sabiex tinbena l-Ewropa, l-Istati (illum 27) ikkonkludew bejniethom trattati li waqqfu l-Komunitajiet Ewropej, imbagħad l-Unjoni Ewropea, mgħammra b’istituzzjonijiet li jadottaw regoli ta’ dritt f’oqsma speċifiċi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA). Hija komposta minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li l-ewwel dmir tagħhom huwa li jeżaminaw il-legalità tal-atti tal-Unjoni u li jiżguraw interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tagħha.

Bil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat l-obbligu li għandhom l-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali li japplikaw b’mod komplet id-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-isfera ta’ kompetenza tagħhom u li jipproteġu d-drittijiet mogħtija minnu liċ-ċittadini (applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni), filwaqt li żammet milli tiġi infurzata kull dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tmur kontrih, kemm jekk saret qabel u kemm jekk wara d-dritt tal-Unjoni (supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali).

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa, min-naħa, element li jsaħħaħ b'mod deċiżiv il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi permezz tar-regoli tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, fattur li jista' jgħin sabiex dawn ir-regoli jiġu implementati b'mod iktar għaqli mill-Istati Membri. Il-ksur, imwettaq minn dawn tal-aħħar jista' għaldaqstant joħloq obbligu ta' ħlas ta' danni li jistgħu, f'ċerti każijiet, jeffettwaw sewwa l-finanzi pubbliċi tagħhom. Barra minn hekk, kull nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni jista' jasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-każ li sentenza li tkun ikkonstatat tali nuqqas ma tiġix eżegwita, din tkun tista' timponi fuqu multa f'perijodi regolari u/jew il-ħlas ta' penali ta' darba. Madankollu, fil-każ ta' nuqqas li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva lill-Kummissjoni u fuq proposta ta' din tal-aħħar, sanzjoni pekunjarja tista' tkun imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja lil Stat Membru sa mill-istadju tal-ewwel sentenza dwar in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem ukoll mal-qrati nazzjonali, bħala l-qrati tad-dritt komuni tad-dritt tal-Unjoni. Kull qorti nazzjonali li tintalab tiddeċiedi dwar kwistjoni li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tista', u xi kultant għandha, tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja b'dan il-mod tintalab sabiex tagħti l-interpretazzjoni tagħha ta' regola tad-dritt tal-Unjoni, jew sabiex tivverifika l-legalità tagħha.

L-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħha turi l-kontribuzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ħolqien ta' spazju ġuridiku li jirrigwarda ċ-ċittadini billi jħares id-drittijiet mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma differenti tal-ħajja tagħhom ta' kuljum.

Prinċipji fundamentali stabbiliti mill-ġurisprudenza

Fil-ġurisprudenza mibdija bis-sentenza Van Gend & Loos fl-1963, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet il-prinċipju tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri, li attwalment jippermetti liċ-ċittadini Ewropej jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni direttament quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom.

Waqt li kienet qed timporta merkanzija mill-Ġermanja fl-Olanda, il-kumpannija tat-trasport Van Gend & Loos kellha tħallas dazji doganali li, fil-fehma tagħha, kienu jmorru kontra r-regola tat-Trattat KEE li tipprojbixxi lill-Istati Membri li jżidu d-dazji doganali fir-relazzjonijiet kummerċjali reċiproċi. Ir-rikors kien iqiegħed il-kwistjoni ta' konflitt bejn liġi nazzjonali u r-regoli tat-Trattat KEE. Meta ntalbet minn qorti Olandiża, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet il-kwistjoni billi ddikjarat il-prinċipju tal-effett dirett, u b'dan il-mod tat lill-kumpannija tat-trasport garanzija diretta tad-drittijiet tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni quddiem il-qorti nazzjonali.

Fl-1964, is-sentenza Costa stabbilixxiet is-supremazija tad-dritt Komunitarju fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. F'din il-kawża, qorti Taljana kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-liġi Taljana dwar in-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika kinitx konformi ma' ċertu numru ta' regoli tat-Trattat KEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju billi bbażatu fuq l-ispeċifiċità tas-sistema legali Komunitarja li għandha tingħata applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha.

Fl-1991, fis-sentenza Francovich et, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipju fundamentali ieħor, jiġifieri dak tar-responsabbiltà ta' Stat Membru lejn l-individwi għad-danni li jkun ikkawżalhom minħabba ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq minn dan l-Istat. Mill-1991, iċ-ċittadini Ewropej għandhom għaldaqstant dritt ta' rikors għal ħlas ta' danni kontra Stat li jikser regola Komunitarja.

Żewġ ċittadini Taljani, li min iħaddimhom, li kien falla, kellu jagħtihom xi ħlasijiet, kienu fetħu kawża li fiha invokaw in-nuqqas tal-Istat Taljan li ma kienx ittraspona d-dispożizzjonijiet Komunitarji li jipproteġu l-impjegati fil-każ ta' falliment ta' min iħaddem. Meta ġiet mitluba minn qorti Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-direttiva inkwistjoni kienet intiża tagħti lill-individwi drittijiet li minnhom huma kienu ġew imċaħħda minħabba n-nuqqas tal-Istat li ma kienx ittrasponihom u, b'dan il-mod, indikat id-dritt ta' azzjoni għad-danni kontra l-istess Stat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ħajja taċ-ċittadin tal-Unjoni

Fost l-eluf ta' sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja , il-parti l-kbira, b'mod partikolari dawk mogħtija b'riżultat ta' domanda preliminari, b'mod ċar kellhom konsegwenzi importanti fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. Xi wħud minn dawn ser jissemmew hawn isfel bħala eżempju tal-oqsma l-iktar importanti tad-dritt tal-Unjoni.

  • Moviment liberu ta' merkanzija

Mis-sentenza Cassis de Dijon, mogħtija fl-1979, dwar il-prinċipju tal-moviment liberu ta' merkanzija, il-kummerċjanti jistgħu jimpurtaw f'pajjiżhom kull prodott li ġej minn pajjiż ieħor tal-Unjoni - bil-kundizzjoni li dan ikun inħadem u nbiegħ legalment u li ma teżisti l-ebda raġuni li tiġġustifika t-twaqqif tal-importazzjoni tiegħu, bħal pereżempju l-ħarsien tas-saħħa jew tal-ambjent.

  • Moviment liberu tal-persuni

Is-sentenzi li ngħataw fuq il-moviment liberu tal-persuni huma numerużi.
Fis-sentenza Kraus (1993), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-sitwazzjoni ta' ċittadin Komunitarju li għandu kwalifika ta' livell universitarju, li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor u li biha jkun jista' jeżerċita professjoni jew attività ekonomika, hija rregolata mid-dritt Komunitarju, anki f'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet ta' dan iċ-ċittadin mal-Istat Membru li minnu joriġina. B'dan il-mod, jekk Stat Membru jista' jissuġġetta l-użu ta' dan it-titolu fit-territorju tiegħu għal awtorizzazzjoni amministrattiva, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għandha jkollha biss bħala għan li tivverifika li t-titolu jkun ingħata b'mod regolari.
Fost is-sentenzi mogħtija f'dan il-qasam, waħda mill-iktar magħrufa hija s-sentenza Bosman (1995), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq talba ta' qorti Belġjana, dwar il-konformità tar-regoli tal-federazzjonijiet tal-futbol mal-moviment liberu tal-ħaddiema. Hija indikat li sport ipprattikat f'livell professjonali huwa attività ekonomika u li l-eżerċizzju tiegħu ma jistax ikun imxekkel minn regoli dwar it-trasferiment tal-plejers ċittadini ta' Stati Membri oħra. Din l-aħħar premessa ġiet estiża, f'sentenzi li ngħataw wara, għal sitwazzjonijiet ta' atleti professjonali minn pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehim ta' assoċjazzjoni (sentenza Deutscher Handballbund, 2003) jew ta' partenarjat (sentenza Simutenkov, 2005) mal-Komunitajiet Ewropej.

  • Libertà tal-provvista tas-servizzi

Sentenza tal-1989 dwar il-libertà tal-provvista tas-servizzi tikkonċerna turist Britanniku li kien ġie attakkat u sofra ġrieħi gravi fil-metro ta' Pariġi. Mitluba minn qorti Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala turist, huwa kellu dritt għal servizzi barra minn pajjiżu u kien jaqa' taħt il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità tad-dritt Komunitarju. Huwa kellu għalhekk dritt għall-istess kumpens li ċittadin Franċiż seta' jippretendi (sentenza Cowan).
Mitluba minn qrati Lussemburgiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li liġi nazzjonali li tiċħad lil persuna assigurata r-rimborż tal-ispejjeż ta' intervent għand dentista minħabba li s-servizz kien ingħata fi Stat Membru ieħor hija restrizzjoni mhux ġustifikata tal-libertà ta-provvista tas-servizzi (sentenza Kohll, 1998) u li rifjut ta' rimborż ta' spejjeż għax-xiri ta' nuċċali f'pajjiż barrani huwa kkunsidrat bħala restrizzjoni inġustifikata tal-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Decker, 1998).

  • Ugwaljanza ta' trattament u drittijiet soċjali

Hostess tal-ajru kienet fetħet kawża kontra min iħaddimha minħabba d diskriminazzjoni fil-paga li kienet tirċievi meta mqabbla mal-kollegi rġiel tagħha li kienu jwettqu l-istess xogħol. Mitluba minn qorti Belġjana, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-1976, li r-regola tat-Trattat li timponi l-prinċipju tal-ugwaljanza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel għall-istess xogħol kellha effett dirett (sentenza Defrenne).
Fl-interpretazzjoni tagħha tar-regoli Komunitarji dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxiet għall-protezzjoni tan-nisa mit-tkeċċija minħabba tqala. Peress li ma setgħetx taħdem minħabba diffikultajiet marbuta mat-tqala tagħha, mara kienet tkeċċiet mix-xogħol. Fl-1998, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din it-tkeċċija kienet kontra d-dritt Komunitarju. It-tkeċċija ta' mara matul it-tqala tagħha minħabba assenzi kkawżati minn mard marbut mat-tqala stess hija diskriminazzjoni minħabba sess li hija pprojbita (sentenza Brown).
Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni u s-sigurtà tas-saħħa tal-ħaddiema, huwa neċessarju li huma jkunu jistgħu jgawdu minn leave annwali mħallas. Fl-1999, is-sindakat Ingliż BECTU kkontesta l-leġiżlazzjoni Britannika li kienet iċċaħħad dan id-dritt lil ħaddiema li kellhom kuntratt ta' xogħol ta' żmien qasir, għaliex ma kinitx konformi ma' direttiva Komunitarja fuq l-arranġament għall-ħin tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet (sentenza BECTU, 2001) li d-dritt għal-leave annwali mħallas huwa dritt soċjali mogħti direttament lill-ħaddiema kollha mid-dritt Komunitarju u li l-ebda ħaddiem ma jista' jiġi mċaħħad minnu.

  • Drittijiet fundamentali

Billi ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti indiviżibbli tal prinċipji ġenerali tad-dritt li hija tinforza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxiet kunsiderevolment sabiex jogħlew l-istandards tal-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet. F'dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u fuq l-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li għalihom ikkooperaw jew aderew l-Istati Membri. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, hija tista' tapplika u tinterpreta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta' Diċembru 2000, li ngħatat mit-Trattat ta' Lisbona l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.
Wara numru ta' attentati terroristiċi kontra l-pulizija fl-Irlanda ta' Fuq, il-pulizija bdew iġorru arma tan-nar fuqhom. Madankollu, minħabba raġunijiet ta' sigurtà pubblika, il-ġarr ta' armi ma kienx ġie awtorizzat għall-pulizija nisa (fuq il-bażi ta' ċertifikat maħruġ mill-ministeru kompetenti li ma kienx appellabbli quddiem il-qrati). Minħabba f'hekk, ma seta' jiġi offrut l-ebda kuntratt ta' xogħol full-time lill pulizija nisa fl-Irlanda ta' Fuq. Mitluba minn qorti tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-esklużjoni ta' kull stħarriġ ġudizzjarju fuq ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali tmur kontra l-prinċipju tar-rimedju ġudizzjarju effettiv li kull min iħoss li qed jiġi ddiskriminat minħabba sess għandu dritt għalih (sentenza Johnston, 1986).

  • Ċittadinanza tal-Unjoni

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal-unjoni, li skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jingħata lil kull perunsa li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din timplika d-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. B'hekk, ċittadin taħt l-età ta' Stat Membru, li għandu assigurazzjoni tal-mard u riżorsi suffiċjenti, għandu wkoll dritt ta' residenza. Hija saħqet li d-dritt Komunitarju ma jitlobx li l-minuri jkun hu stess dak li jiddisponi mir-riżorsi neċessarji, u li r-rifjut li jingħata permess ta' residenza lil ommu, ċittadina ta' pajjiż terz, fl-istess ħin iċaħħad effettivament mid-dritt ta' residenza lill-minuri (sentenza Zhu u Chen, 2004).
Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, anki fil-każ fejn l-għan tal-kisba taċ-cittadinanza ta' Stat Membru huwa li ċittadin ta' stat terz jikseb dritt ta' residenza bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, Stat Membru ma jistax inaqqas l-effetti tal-għoti taċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor.