Protezzjoni tad-Data personali

L-Unjoni Ewropea hija impenjata biex tiżgura r-rispett tal-ħajja privata tal-utent.

Il-politika dwar il-“protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità” bħalissa hija bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 (u mhux fuq ir-Regolament 2016/679 (“RGPD”) li jħassar id-Direttiva 95/46/KE). Il-verżjoni l-ġdida tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 bħalissa qed tiġi adottata. L-avviżi legali f’dan is-sit ser jiġu aġġornati skont il-verżjoni l-ġdida.

Għalkemm int tista’ tinnaviga fil-parti l-kbira ta’ dan is-sit mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni dwarek innifsek, f’xi każijiet, l-informazzjoni personali hija meħtieġa sabiex jiġu pprovduti s-servizzi online li int tkun qed titlob.

Il-paġni u s-servizzi li jirrikjedu din l-informazzjoni jittrattawha konformement mal-politika spjegata fir-Regolament iċċitat iktar ’il fuq u fihom dikjarazzjoni speċifika fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata li tindika kif dik id-data tintuża.

F’dan ir-rigward:

  • għal kull servizz online speċifiku, kontrollur jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali u jiżgura l-konformità tas-servizz online speċifiku mal-politika dwar ir-rispett tal-ħajja privata;
  • l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament jiġu applikati u jagħti pariri lill-kontrolluri dwar l-osservanza tad-dmirijiet tagħhom (ara l-Artikolu 24 tar-Regolament);
  • għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, ħlief għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jaġixxi bħala awtorità indipendenti ta’ superviżjoni.

F’xi każijiet, dan is-sit jipprovdi links għal siti esterni. Peress li ma nistgħux nikkontrollawhom, inħeġġuk taqra l-politika tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata. 

X’inhu servizz online?

Servizz online huwa servizz jew riżorsa disponibbli fuq l-internet sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-impriżi minn naħa u l-Istituzzjonijiet Ewropej min-naħa l-oħra.

Tliet tipi ta’ servizzi online qegħdin jew sejrin jiġu offruti minn dan is-sit:

  • is-servizzi ta’ informazzjoni li jipprovdu liċ-ċittadini, il-midja, l-impriżi, l-amministrazzjonijiet u persuni oħra responsabbli b’aċċess ħafif u effettiv għall-informazzjoni, b’tali mod li jiżdiedu t-trasparenza u l-ftehim tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE;
  • is-servizzi ta’ komunikazzjoni interattivi li jippermettu kuntatt aħjar maċ-ċittadini, l-impriżi, is-soċjetà ċivili u l-atturi pubbliċi;
  • is-servizzi ta’ tranżazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għall-forom bażiċi kollha ta’ tranżazzjonijiet mal-UE, li jirrigwardaw pereżempju l-kuntratti pubbliċi, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-reklutaġġ, ir-reġistrazzjoni għal avveniment, il-ksib jew ix-xiri ta’ dokumenti, eċċ.