In-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea

In-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (NĠUE) ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Presidenti tal-qrati kostituzzjonali u supremi tal-Istati Membri fl-okkażjoni tal-Forum tal-Maġistrati organizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Marzu 2017 sabiex jitfakkar is-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma.

Id-diskussjonijiet, ispirati minn interess komuni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Ewropa sabiex ikun hemm ġustizzja ta’ kwalità, taw lok, sa minn Jannar 2018, għall-ħolqien ta’ pjattaforma sikura ta’ skambju bejn il-qrati li huma membri tan-NĠUE, li kienet l-ewwel wirja konkreta ta’ din il-kooperazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni fuq din il-pjattaforma hija ta’ interess kbir għall-iżvilupp u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati parteċipanti għażlu, fi stadju ulterjuri, li jikkondividu mal-pubbliku ġenerali d-dokumenti kollha ta’ natura mhux kunfidenzjali billi jinfetaħ spazju ddedikat għan-NĠUE fuq is-sit Curia.

Fil-fatt, l-għan prinċipali ta’ dan l-ispazju huwa li jiġu kkondiviżi u ċċentralizzati l-informazzjoni u d-dokumenti utli għall-finijiet tal-applikazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-istadju tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat u applikat mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll mill-qrati nazzjonali. Dan l-ispazju għandu wkoll l-għan li jiffavorixxi l-għarfien u l-komprensjoni reċiproċi tad-drittijiet u tas-sistemi tal-Istati Membri, f’perspettiva ta’ dritt komparattiv li tista’ tiffaċilita t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet legali ta’ kull Stat Membru.

Għal dan il-għan, l-ispazju NĠUE jippermetti:

aċċess dirett għall-kawżi għal deċiżjoni preliminari (permezz ta’ sistema b’parametri ddefiniti minn qabel li tipprovdi kriterji ta’ tfittix fil-mutur ta’ tfittix) u, b’mod partikolari, konsultazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminarimressqa wara l-1 ta’ Lulju 2018, fil-lingwa tal-kawża kif ukoll fil-lingwi disponibbli kollha;

konsultazzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali magħżula mill-qrati kostituzzjonali u supremi tal-Istati Membri minħabba l-interess tagħhom għad-dritt tal-Unjoni;

konsultazzjoni ta’ diversi dokumenti ta’ natura xjentifika jew pedagoġika, li joriġinaw minn xogħlijiet ta’ riċerka jew ta’ monitoraġġ imwettqa mill-qrati membri tan-NĠUE, li jistgħu jkunu noti jew studji, dokumenti tematiċi dwar il-ġurisprudenza tad-dritt tal-Unjoni jew għodda ta’ monitoraġġ legali.

 

Aċċess għall-pjattaforma mhux pubblika tan-NĠUE [aċċess limitat għall-qrati membri]