Il-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun meħtieġa tipproċessa data personali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tal-funzjonijiet mhux ġudizzjarji tagħha.

Il-protezzjoni tad-data personali għandha karatteristiċi speċifiċi skont in-natura tal-funzjonijiet inkwistjoni. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huma fil-fatt suġġetti għal rekwiżiti speċifiċi, li jirriżultaw min-natura stess ta’ dawn il-funzjonijiet u, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ pubbliċità tal-ġustizzja.

Funzjonijiet ġudizzjarji

Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jiġbru u jipproċessaw data personali għall-finijiet li jiżguraw it-twettiq xieraq tal-proċeduri ġudizzjarji u, b’mod partikolari, li jiżguraw il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali lill-partijiet fil-proċedura.

Dan l-ipproċessar għandu l-għan ukoll li jippermetti t-tixrid ta’ informazzjoni utli dwar il-proċeduri ġudizzjarji, pendenti jew magħluqa, konformement mal-prinċipju ta’ pubbliċità tal-ġustizzja.

Din l-informazzjoni tingħata, rispettivament, mill-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati u mit-testi adottati fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Dawn it-testi jistgħu jiġu kkonsultati fil-paġni ddedikati għal dan il-għan:

-     Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

-     Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

 

Minħabba l-fatt li jista’ jsir riferiment għall-informazzjoni relatata mal-proċeduri ġudizzjarji ppubblikati fuq l-internet, u sussegwentement din tinstab permezz ta’ muturi ta’ tfittxija, il-persuni li jipparteċipaw fi proċedura quddiem xi waħda mill-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma mistiedna jaqraw bir-reqqa l-ispjegazzjonijiet li ġejjin rigward l-għoti tal-anonimat fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji:

-     Għoti tal-anonimat fil-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

-     Għoti tal-anonimat fil-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

 

It-talbiet intiżi sabiex jinkiseb l-anonimat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għandhom jiġu indirizzati lill-qorti kkonċernata, skont ir-Regoli tal-Proċedura applikabbli.

Il-metodi varji sabiex tikkuntattja r-reġistru tal-qorti kkonċernata huma stabbiliti fil-paġni rispettivi tagħhom:

-     Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja

-     Reġistru tal-Qorti Ġenerali

 

Meta r-Reġistratur tal-qorti kkonċernata jkun responsabbli għall-ipproċessar tad-data msemmija f’talba, pereżempju taħt l-obbligu tiegħu li jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-qorti u, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet tagħha, huwa għandu jiddeċiedi fuq din it-talba f’terminu ta’ xahrejn, li fi tmiemhom kull nuqqas ta’ tweġiba tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba.

Id-deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tista’, fi żmien xahrejn, tkun is-suġġett ta’ lment imressaq quddiem kumitat stabbilit, rispettivament, fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li huwa responsabbli sabiex jiżgura l-osservanza tar-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data.

Il-kundizzjonijiet li fihom ir-Reġistratur u l-kumitat kompetenti jistgħu jiġu aditi huma ppreċiżati fid-deċiżjonijiet li ġejjin:

-     Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha

-     Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti Ġenerali li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha

Il-kumitat kompetenti għandu terminu ta’ erba’ xhur sabiex jiddeċiedi fuq ilment. Nuqqas ta’ tweġiba mill-kumitat f’dan it-terminu jikkostitwixxi konferma impliċita tad-deċiżjoni tar-Reġistratur li kontriha jkun sar l-ilment.

Huwa importanti li jiġi ppreċiżat li dawn il-kumitati huma kompetenti biss li jaqtgħu kwistjonijiet dwar id-deċiżjonijiet adottati mir-Reġistratur tal-qorti bħala l-persuna responsabbli għall-ipproċessar inkwistjoni. Ir-riferiment lil dawn il-kumitati għalhekk ma jikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni ġudizzjarja adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali.

Funzjonijiet oħra mhux ġudizzjarji

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tkun meħtieġa tipproċessa data personali fil-kuntest ta’ funzjonijiet oħra mhux ġudizzjarji, pereżempju fil-kuntest tal-attivitajiet amministrattivi tagħha.

Drittijiet tal-persuni kkonċernati

Meta d-data personali tiġi pproċessata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ funzjonijiet oħra mhux ġudizzjarji, il-persuni li d-data tagħhom tiġi pproċessata jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mir-Regolament (UE) 2018/1725 u, b’mod partikolari, id-dritt li jitolbu lill-kontrollur tad-data sabiex ikollhom aċċess għad-data tagħhom u, id-dritt li dawn jiġu rrettifikati jew imħassra jew id-dritt li jiksbu limitazzjoni fl-ipproċessar li jkun sar. Taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ oppożizzjoni għal dan l-ipproċessar huwa previst ukoll mir-regolament iċċitat iktar ’il fuq, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tillimita l-portata ta’ ċerti drittijiet. Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jiġu applikati għad-dritt ta’ informazzjoni, għad-dritt ta’ aċċess, għad-dritt ta’ rettifika, għad-dritt ta’ tħassir, għad-dritt li tillimita l-ipproċessar, għall-obbligu ta’ notifika għal dak li jikkonċerna dawn id-drittijiet, għall-obbligu li persuna tiġi informata dwar ksur tad-data jew tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Dawn il-limitazzjonijiet huma rregolati mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ottubru 2019 dwar regoli interni relatati mal-limitazzjoni ta’ ċerti drittijiet ta’ persuni kkonċernati fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra mhux ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Kull deċiżjoni li tillimita d-drittijiet tal-persuni kkonċernati għandha tkun meħtieġa u proporzjonata fid-dawl tal-kawża inkwistjoni. B’mod partikolari, din tista’ tkun meħtieġa:

-    fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet varji, eżamijiet, verifiki jew proċeduri interni oħra;

-    meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tibgħat informazzjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

-    fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

-    matul l-ipproċessar mid-dipartimenti amministrattivi ta‘ kawżi ġudizzjarji li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun hija stess parti fihom.

Dawn il-limitazzjonijiet huma suġġetti għal monitoraġġ regolari u għal eżami mill-ġdid perjodiku.

L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-ipproċessar tad-data personali effettwati fil-kuntest ta’ attivitajiet oħra tal-Istituzzjoni mhux ġudizzjarji u l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħek.

Għal dan il-għan, inti mistieden tagħmel użu mill-formola ta’ kuntatt prevista u tagħżel, mil-lista li tinfetaħ, “Il-mistoqsija tiegħi tirrigwarda: l-ipproċessar tad-data personali tiegħi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE”.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Meta persuna tqis li l-ipproċessar tad-data personali tagħha ma jikkonformax mar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha d-dritt li tressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Madankollu, dan tal-aħħar ma għandux is-setgħa li jikkontrolla l-ipproċessar ta’ data personali effettwata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha.