Covid-19 - Informazzjoni - Partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Adattament tal-attività ġudizzjarja

[15/7/2020]

Minħabba l-kriżi sanitarja attwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet kostretta tadatta l-modalitajiet ta’ xogħol tagħha minn Marzu 2020. Dawn l-adattamenti jikkonċernaw kemm l-iżvolġiment tal-fażi bil-miktub tal-proċedura – u b’mod partikolari, il-proroga ta’ ċerti termini għall-preżentata tan-noti jew tal-osservazzjonijiet tal-partijiet – kif ukoll l-iżvolġiment tal-fażi orali tagħha.

L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa li jiġbor fil-qosor, għall-attenzjoni tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom, dawn il-miżuri kollha. Peress li dawn tal-aħħar huma suġġetti għal adattamenti frekwenti, skont l-evoluzzjoni tal-kriżi sanitarja, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jikkonsultaw regolarment dan is-sit.

Termini proċedurali

It-termini għall-preżentata ta’ rikors u ta’ appell ser jibqgħu jiddekorru minkejja l-kriżi sanitarja u l-partijiet huma marbuta josservawhom, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sal‑31 ta’ Awwissu 2020, it-termini mogħtija fil-proċeduri pendenti – ħlief għall-proċeduri li huma ta’ urġenza partikolari, bħall-proċeduri b’urġenza, il-proċeduri mħaffa u l-proċeduri sommarji – ser jiżdiedu b’xahar. Huma ser jiskadu fl-aħħar tal-ġurnata li, fix-xahar ta’ wara, ikollha l-istess numru tal-ġurnata li fiha kien ikollu jiskadi t-terminu jew, jekk din il-ġurnata ma tkunx tista’ titqies fix-xahar ta’ wara, fl-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar. Sakemm tingħata indikazzjoni kuntrarja, din il-proroga ta’ xahar tikkonċerna wkoll it-termini li ġew stabbiliti mir-reġistru.

Mill‑1 ta’ Settembru 2020, it-termini proċedurali mhux ser jiġu iktar ipprorogati b’xahar. Għaldaqstant, it-termini proċedurali ordinarji japplikaw għall-atti proċedurali kollha nnotifikati mir-reġistru minn din id-data.

Seduti għat-trattazzjoni

Is-seduti għat-trattazzjoni, li ġew sospiżi mis‑16 ta’ Marzu li għadda minħabba l-kriżi sanitarja, tkomplew mit-Tnejn, 25 ta’ Mejju 2020. Kif wieħed jista’ jara mil-linji gwida li ġejjin, ittieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ dawn is-seduti, kemm mil-lat loġistiku kif ukoll minn dak sanitarju, imma ż-żamma u l-iżvolġiment ta’ dawn is-seduti jibqgħu evidentement jiddependu mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus. Fil-każ li parti tkun assolutament ma tkunx tista’ tivvjaġġa lejn il-Lussemburgu, din tkun tista’ tiġi ammessa, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex tipparteċipa fis-seduta permezz ta’ videokonferenza. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li ċerti seduti jkollhom jiġu ssostitwiti b’mistoqsijiet lill–partijiet għal tweġiba bil-miktub minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-Covid‑19.

Għall-organizzazzjoni xierqa tas-seduti, b’mod partikolari fuq livell lingwistiku, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jinformaw lir-reġistru mill-iktar fis possibbli dwar il-preżenza tagħhom f’dawn is-seduti.

Komunikazzjoni mal-partijiet – Importanza tal-applikazzjoni e‑Curia

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-partijiet f’dan iż-żmien ta’ kriżi, qed jiġi ssuġġerit bil-qawwa lill-qrati tal-Istati Membri u lir-rappreżentanti tal-partijiet li għad ma għandhomx kont e‑Curia jeżaminaw din l-applikazzjoni sigura (e‑Curia), li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mezz elettroniku fil-kawżi mressqa quddiem il-qorti. L-informazzjoni kollha dwar il-funzjonalitajiet ta’ din l-applikazzjoni u dwar il-modalitajiet tal-ftuħ ta’ kont jinsabu hawn: e‑Curia.

Minħabba ċ-ċirkustanzi, il-formoli ta’ talba għal ftuħ ta’ kontijiet mibgħuta lir-reġistru permezz tal-posta elettronika jintlaqgħu, eċċezzjonalment, bil-kundizzjoni li jkollhom magħhom id-dokumenti ta’ sostenn neċessarji, debitament iffirmati u skannjati.

Miżuri sanitarji meħuda sabiex jiġi żgurat żvolġiment tajjeb tas-seduti għat-trattazzjoni (applikabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Qorti Ġenerali)

Wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali sabiex progressivament jerġgħu jibdew is-seduti għat-trattazzjoni mill‑25 ta’ Mejju 2020, ittieħdu l-iktar miżuri sanitarji stretti, konformement mar-regoli adottati mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, sabiex jiġi żgurat l-aħjar żvolġiment ta’ dawn is-seduti fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

Dawn il-miżuri jikkonċernaw kemm l-aċċess għall-bini tal-Istituzzjoni u r-regoli dwar il-mobbiltà ġewwa fihom li għandhom jiġu osservati f’kull waqt (I) kif ukoll il-modalitajiet għall-organizzazzjoni tas-seduta nnifisha, li kienu ġew adattati għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-mument (II).

I. L-aċċess għall-bini tal-Istituzzjoni u r-regoli essenzjali ta’ kondotta fi ħdan il-bini

L-aċċess għar-rappreżentanti tal-partijiet fil-bini tal-Istituzzjoni għandu jseħħ esklużivament mid-daħla tal-bini Erasmus (rue du fort Niedergrünewald, L 2925 il-Lussemburgu).

Il-proċedura li fiha jintlaqgħu r-rappreżentanti tal-partijiet hija simili għall-proċedura tas-soltu, suġġetta għal kontroll tat-temperatura mwettaq mill-bogħod (il-persuni li għandhom temperatura ’l fuq minn 38 °C ma jiġux awtorizzati jidħlu fil-bini).

Jekk ir-rappreżentanti tal-partijiet ma jkollhomx maskri xierqa meta jaslu l-Qorti tal-Ġustizzja, huma jingħataw maskra mid-dipartiment tas-sigurtà. Din għandha tintlibes matul kull ċaqliq fil-bini tal-Istituzzjoni u kull fejn ma tkunx tista’ tiġi osservata distanza ta’ 2 metri bejn żewġ persuni.

Bħall-membri kollha tal-persunal tal-Istituzzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet ukoll huma mistiedna jaqraw b’attenzjoni l-indikazzjonijiet murija fuq is-sinjali u josservaw skrupolożament l-istruzzjonijiet stabbiliti. Fejn ikun il-każ, flimkien ma’ dawn is-sinjali ser ikun hemm indikazzjonijiet adegwati kemm mal-art kif ukoll mal-ħitan.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li servizz limitat ta’ ristorazzjoni (bħal sandwiches u xorb) huwa żgurat.

II. Modalitajiet għall-organizzazzjoni tas-seduti għat-trattazzjoni

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, id-diżinfestazzjoni ta’ mwejjed, mikrofoni u awrikolari titwettaq qabel u wara kull seduta għat-trattazzjoni.

L-Istituzzjoni ma hijiex tqiegħed togi għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet. L-aġenti u l-avukati huma għalhekk mistiedna jġibu magħhom it-toga tagħhom stess għall-finijiet tas-seduta għat-trattazzjoni, iżda, jekk dan ma jkunx possibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jaċċettaw, b’deroga mir-regoli applikabbli, li r-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom mingħajr toga.

Kuntrarjament għall-prassi normali, il-membri tal-kulleġġ ġudikanti ma jiltaqgħux mar-rappreżentanti tal-partijiet qabel ma tibda s-seduta. Il-preżenza attwali ta’ dawn ir-rappreżentanti tiġi kkontrollata mill-bogħod, qabel is-seduta, mir-reġistratur u mill-marixxall għas-seduta.

Ittieħdu wkoll id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ distanza fiżika f’kull awla. Ir-rappreżentanti tal-partijiet jitqiegħdu b’tali mod li distanza ta’ żewġ metri tiġi osservata bejn kull persuna preżenti fl-awla.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet jitkellmu mill-post indikat lilhom. Fil-każ li mikrofonu jkollu jintuża minn diversi persuni, dan jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat wara kull intervent.

Ir-rappreżentanti li jixtiequ jipprovdu minn qabel it-test eventwali jew forma miktuba tas-sottomissjonijiet orali tagħhom għall-bżonnijiet tad-dipartiment tal-interpretazzjoni huma mistiedna jikkomunikawhom, sa fejn huwa possibbli, qabel nofsinhar (ħin tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) tal-jum ta’ xogħol li jippreċedi d-data tas-seduta fl-indirizz Interpretation@curia.europa.eu.