Covid-19 - Informazzjoni - Partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali

Adattament tal-attività ġudizzjarja tal-qorti ġenerali minħabba l-pandemija relatata mal-coronavirus Covid-19

[15/07/2020]

Termini

It-termini għall-preżentata ta’ rikors ser jibqgħu jiddekorru u l-partijiet huma marbuta josservawhom, bla ħsara għall-possibbiltà li jiġi invokat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fejn it-termini jkunu prorogabbli, huma l-partijiet li għandhom jitolbu proroga tagħhom fi żmien xieraq lill-qorti sabiex jippermetti lil din tal-aħħar tieħu deċiżjoni.

Id-diffikultajiet leġittimi li kellhom jaffaċċjaw il-partijiet minħabba l-kriżi sanitarja ġġustifikaw il-fatt li t-termini proċedurali ffissati mir-reġistru jiġu adattati għall-kuntest. L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni globali tiġġustifika li din il-pożizzjoni terġa’ tiġi evalwata.

Għaldaqstant, mill‑1 ta’ Settembru 2020, it-termini proċedurali ffissati mir-reġistru ser jerġgħu jkunu dawk li kienu fis-seħħ qabel il-kriżi sanitarja.

Seduti għat-trattazzjoni

Is-seduti għat-trattazzjoni, li kien ġew sospiżi fis‑16 ta’ Marzu li għadda minħabba l-kriżi sanitarja, tkomplew mill‑11 ta’ Ġunju 2020 fl-awli tal-Qorti Ġenerali. Qed jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi ggarantit l-aħjar żvolġiment ta’ dawn is-seduti, kemm mil-lat loġistiku kif ukoll mil-lat sanitarju. Il-qorti hija madankollu konxja li ż-żamma u l-iżvolġiment tas-seduti jibqgħu suġġetti għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus. Sabiex jiffaċilita l-vjaġġ sal-Lussemburgu, ir-reġistru jista’ jagħti lir-rappreżentanti, fuq talba, dokument ta’ leġittimazzjoni li jiċċertifika s-sejħa għas-seduta għat-trattazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-każ li parti assolutament ma tkunx tista’ tivvjaġġa lejn il-Lussemburgu, il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tipproponilha tipparteċipa fis-seduta permezz ta’ videokonferenza, taħt ċerti kundizzjonijiet.

Miżuri sanitarji meħuda sabiex jiġi żgurat żvolġiment tajjeb tas-seduti għat-trattazzjoni (applikabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Qorti Ġenerali)

Wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali sabiex progressivament jerġgħu jibdew is-seduti għat-trattazzjoni mill 25 ta’ Mejju 2020, ittieħdu l-iktar miżuri sanitarji stretti, konformement mar-regoli adottati mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, sabiex jiġi żgurat l-aħjar żvolġiment ta’ dawn is-seduti fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

Dawn il-miżuri jikkonċernaw kemm l-aċċess għall-bini tal-Istituzzjoni u r-regoli dwar il-mobbiltà ġewwa fihom li għandhom jiġu osservati f’kull waqt (I) kif ukoll il-modalitajiet għall-organizzazzjoni tas-seduta nnifisha, li kienu ġew adattati għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-mument (II).

I. L-aċċess għall-bini tal-Istituzzjoni u r-regoli essenzjali ta’ kondotta fi ħdan il-bini

L-aċċess għar-rappreżentanti tal-partijiet fil-bini tal-Istituzzjoni għandu jseħħ esklużivament mid-daħla tal-bini Erasmus (rue du fort Niedergrünewald, L 2925 il-Lussemburgu).

Il-proċedura li fiha jintlaqgħu r-rappreżentanti tal-partijiet hija simili għall-proċedura tas-soltu, suġġetta għal kontroll tat-temperatura mwettaq mill-bogħod (il-persuni li għandhom temperatura ’l fuq minn 38 °C ma jiġux awtorizzati jidħlu fil-bini).

Jekk ir-rappreżentanti tal-partijiet ma jkollhomx maskri xierqa meta jaslu l-Qorti tal-Ġustizzja, huma jingħataw maskra mid-dipartiment tas-sigurtà. Din għandha tintlibes matul kull ċaqliq fil-bini tal-Istituzzjoni u kull fejn ma tkunx tista’ tiġi osservata distanza ta’ 2 metri bejn żewġ persuni.

Bħall-membri kollha tal-persunal tal-Istituzzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet ukoll huma mistiedna jaqraw b’attenzjoni l-indikazzjonijiet murija fuq is-sinjali u josservaw skrupolożament l-istruzzjonijiet stabbiliti. Fejn ikun il-każ, flimkien ma’ dawn is-sinjali ser ikun hemm indikazzjonijiet adegwati kemm mal-art kif ukoll mal-ħitan.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li servizz limitat ta’ ristorazzjoni (bħal sandwiches u xorb) huwa żgurat.

II. Modalitajiet għall-organizzazzjoni tas-seduti għat-trattazzjoni

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, id-diżinfestazzjoni ta’ mwejjed, mikrofoni u awrikolari titwettaq qabel u wara kull seduta għat-trattazzjoni.

L-istituzzjoni ma hijiex tqiegħed togi għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet. L-aġenti u l-avukati huma għalhekk mistiedna jġibu magħhom it-toga tagħhom stess għall-finijiet tas-seduta għat-trattazzjoni, iżda, jekk dan ma jkunx possibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jaċċettaw, b’deroga mir-regoli applikabbli, li r-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom mingħajr toga.

Kuntrarjament għall-prassi normali, il-membri tal-kulleġġ ġudikanti ma jiltaqgħux mar-rappreżentanti tal-partijiet qabel ma tibda s-seduta. Il-preżenza attwali ta’ dawn ir-rappreżentanti tiġi kkontrollata mill-bogħod, qabel is-seduta, mir-reġistratur u mill-marixxall għas-seduta.

Ittieħdu wkoll id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ distanza fiżika f’kull awla. Ir-rappreżentanti tal-partijiet jitqiegħdu b’tali mod li distanza ta’ żewġ metri tiġi osservata bejn kull persuna preżenti fl-awla.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet jitkellmu mill-post indikat lilhom. Fil-każ li mikrofonu jkollu jintuża minn diversi persuni, dan jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat wara kull intervent.

Ir-rappreżentanti li jixtiequ jipprovdu minn qabel it-test eventwali jew forma miktuba tas-sottomissjonijiet orali tagħhom għall-bżonnijiet tad-dipartiment tal-interpretazzjoni huma mistiedna jikkomunikawhom, sa fejn huwa possibbli, qabel nofsinhar (ħin tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) tal-jum ta’ xogħol li jippreċedi d-data tas-seduta fl-indirizz Interpretation@curia.europa.eu.