Dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura organizzat bħala ċelebrazzjoni għas-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma

 

L-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi Unjoni ta’ dritt li mhux biss għaddiet minn tkabbir iżda wkoll minn approfondiment minn meta ġew iffirmati t-Trattati ta’ Ruma.

Is-60 anniversarju ta’ dak l-iffirmar joffri l-okkażjoni biex tiġi enfasizzata l-importanza tad-djalogu, kostantement imġedded, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, fir-rispett tal-kulturi u s-sistemi legali speċifiċi tagħhom u tal-lingwi li fihom jesprimu ruħhom.

F’dan l-ispirtu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea laqgħet fil-Lussemburgu l-Presidenti tal-qrati kostituzzjonali u supremi tal-Istati Membri sabiex jiġi approfondit in-netwerk ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, prova ta’ kif żviluppa verament spazju ġuridiku Ewropew.

Hija trid tenfasizza r-rwol essenzjali tan-netwerk ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea kompost mill-qrati nazzjonali u mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-iżvilupp u r-rispett tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tal-valuri ta’ demokrazija u tal-Istat ta’ dritt li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni stretta mal-qrati nazzjonali, ser tkompli twettaq il-missjoni fdata lilha mit-Trattati li tiżgura l-osservanza tad-dritt minn kulħadd u għal kulħadd u, bis-saħħa ta’ dan, li tiggarantixxi l-valuri komuni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Istati Membri.