Il-binja Thémis
Bint Uranus u Gaia, li jirrappreżentaw rispettivament is-sema u l-art, Themis hija meqjusa, fil-mitoloġija Griega, bħala l-alla tal-Ġustizzja. Mart Zeus, hija tpoġġi fuq il-lemin tiegħu u, filwaqt li tagħtih pariri, tikkontribwixxi għaż-żamma tal-ordni stabbilit. Allegorija tal-Ġustizzja omnipreżenti, Themis hija ġeneralment ippreżentata bl-attributi tagħha, li huma l-miżien u x-xabla, xi drabi b’għata fuq għajnejha bħala sinjal ta’ imparzjalità. Il-miżien, simbolu tal-ordni soċjali, tal-ekwilibriju u tal-armonija, jikkuntrasta max-xabla, li tirrappreżenta s-sentenza u l-awtorità ġudizzjarja, u li tagħti, permezz tax-xafra li taqta’ minn żewġ naħat u li għalhekk tista’ tissanzjona lil kull parti, saħħa eżekuttiva lid-deċiżjonijiet tagħha. Themis b’hekk saret l-immaġni universali tal-Ġustizzja. L-għażla tal-isem Themis jevoka d-deċiżjoni tal-ewwel Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, ispirati mit-tradizzjonijiet kulturali komuni tagħhom, għażlu, fl-1952, il-miżien u x-xabla ta’ Themis bħala l-logo tal-Awtorità Ġudizzjarja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Din il-binja, it-tielet u l-aħħar fost l-ewwel sensiela ta’ estensjonijiet tal-Palazz, ġiet inawgurata fl-1994. B’differenza miż-żewġ estensjonijiet l-oħra, din il-binja qatt ma kienet ingħatat isem u għaddiet iktar minn 25 sena magħrufa bħala l-“Anness C”, qabel ma ngħatat l-isem “Thémis” fl-2022. Bil-forma ta’ kubu tagħha, din il-binja tikkompleta s-sensiela ta’ binjiet mibnija f’livell inferjuri għall-Palazz u għandha, fil-faċċata tan-Nofsinhar tagħha, rotunda semiċirkulari li tospita s-sala tad-deliberazzjonijiet wara l-Awla Prinċipali għas-Seduti tal-Qorti Ġenerali. Bħall-binjiet Erasmus u Thomas More, il-faċċata tal-binja Thémis hija wkoll tal-granit bi struttura ta’ aluminju u ħġieġ, u hija mżewqa b’kolonni ta’ granit roża. Minbarra l-Awla Prinċipali għas-Seduti tal-Qorti Ġenerali, din il-binja tilqa’ fiha l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u l-uffiċċji tagħhom. |