Language of document : ECLI:EU:T:2018:786

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Novembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Sistema fiskali li tippermetti lill-impriżi fiskalment iddomiċiljati fi Spanja jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi fiskalment iddomiċiljati barra mill-pajjiż – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Dispożizzjoni li tippermetti lis-sistema tkompli tapplika parzjalment – Talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Persistenza tal-interess ġuridiku – Aspettattivi leġittimi – Assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni – Leġittimità tal-aspettattivi – kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑207/10,

Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn A. Cordewener u J. Schönfeld, sussegwentement minn J. Schönfeld, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Martenczuk, T. Maxian Rusche u C. Urraca Caviedes, sussegwentement minn Maxian Rusche, Urraca Caviedes, u finalment minn Maxian Rusche, Urraca Caviedes u K. Blanck-Putz, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ebro Foods, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan u R. Calvo Salinero, sussegwentement minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro u R. Calvo Salinero, avukati,

minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan u R. Calvo Salinero, sussegwentement minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro u R. Calvo Salinero,

minn

Iberdrola, SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado, M. Núñez Müller u J. Domínguez Pérez, sussegwentement minn Ruiz Calzado, Domínguez Pérez u S. Völcker, avukati,

u minn

Telefónica, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado, M. Núñez Müller u J. Domínguez Pérez, sussegwentement minn Ruiz Calzado, Domínguez Pérez u S. Völcker, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, K. Kowalik–Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ diversi domandi bil-miktub magħmula fl-2005 u fl-2006 (E-4431/05, E-4772/05, E-5800/06 u P-5509/06), membri tal-Parlament Ewropew staqsew lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 12(5) introdotta fil-Ley del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (il-Liġi 24/2001, li tadotta miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott mir-Real Decreto Legislativo 4/2004, de 5 de marzo, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem is-“sistema kontenzjuża”).

2        Skont ir-risposta mogħtija fit-19 ta’ Jannar 2006 għall-mistoqsija E‑4431/05:

“Il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonferma jekk l-offerti għoljin tal-kumpaniji Spanjoli humiex dovuti għal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola li tippermetti lill-impriżi li jamortizzaw l-avvjament finanzjarju iktar malajr mill-kontropartijiet tagħhom Franċiżi jew Taljani. Il-Kummissjoni tista’ tikkonferma, madankollu, li dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat, iżda pjuttost jikkostitwixxu regoli ġenerali ta’ deprezzament applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja.”

3        Skont ir-risposta mogħtija fis-17 ta’ Frar 2006 għall-mistoqsija E‑4772/05:

“Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha fil-preżent fil-pussess tagħha, jidher li r-regoli fiskali Spanjoli relatati mal-amortizzazzjoni tal-avvjament huma applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-forma legali tagħhom jew jekk humiex proprjetà privata jew pubblika, billi dawn jikkostitwixxu regoli ta’ amortizzazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, ma jidhirx li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Naturalment, il-Kummissjoni ser twettaq investigazzjoni fil-fond fir-rigward ta’ kull informazzjoni kuntrarja li tinġieb għall-għarfien tagħha.”

4        Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tas-sistema kontenzjuża. Permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Frar u tal-4 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba.

5        Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment mir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, li jafferma li s-sistema kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-21 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 311, p. 21), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar is-sistema kontenzjuża.

7        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bejn it-18 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet ta’ 32 terz interessat, fosthom dawk tar-rikorrenti fit-12 ta’ Frar 2008. Permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju 2008 u tat-22 ta’ April 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati.

8        Il-Kummissjoni temmet il-proċedura, għal dak li jikkonċerna l-akkwisti ta’ ishma mwettaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni 2011/5/KE tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Id-Deċiżjoni kkontestata tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni s-sistema kontenzjuża, li tippermetti lill-impriżi taxxabbli fi Spanja li jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwist ta’ ishma f’impriżi barranin stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

10      Madankollu, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li s-sistema kontenzjuża tkompli tapplika matul il-perijodu kollu ta’ amortizzazzjoni previst mill-imsemmija sistema, rispettivament, għall-akkwisti ta’ ishma mwettqa qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-21 ta’ Diċembru 2007, tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u għall-akkwisti ta’ ishma li t-twettiq tagħhom, suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li lilha kienet giet innotifikata l-operazzjoni qabel din id-data, kien ġie b’mod irrevokabbli aċċettat qabel il-21 ta’ Diċembru 2007.

11      L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-obbligu ta’ rkupru impost fuq ir-Renju ta’ Spanja ma jikkonċernax l-għajnuna dwar akkwisti ta’ ishma msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni. Il-Kummissjoni spjegat, matul is-seduta, li l-assenza ta’ riferiment fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata għall-akkwisti ta’ ishma msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni kienet żball materjali, u dwar dan ittieħdet nota fil-verbal tas-seduta.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

13      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu u fis-7 ta’ Settembru 2010, Ebro Foods, SA, Banco Santander, S.A., Iberdrola, SA u Telefónica, SA talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tas-26 ta’ Novembru 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi u awtorizza lil Iberdrola u lil Telefónica sabiex jużaw l-Ingliż matul il-fażi orali tal-proċedura.

14      Il-proċedura ġiet sospiża darbtejn, fl-ewwel lok permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Marzu 2014, sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanzi fil-Kawżi T‑219/10, Autogrill España vs Il-Kummissjoni, u T‑399/11, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, u sussegwentement permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-9 ta’ Marzu 2015, sakemm tingħata deċiżjoni li taqta’ l-appelli kontra s-sentenzi mogħtija fiż-żewġ kawżi (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, T-399/11, EU:T:2014:938, u tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni, T-219/10, EU:T:2014:939). Il-proċedura tkompliet fil-21 ta’ Diċembru 2016, data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981), li ddeċidiet dawn l-appelli. B’deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba tar-rikorrenti għas-sospensjoni ta’ din il-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża T-219/10 RENV, World Duty Free Group vs Il-Kummissjoni.

15      B’deċiżjonijiet tal-20 u tat-30 ta’ Ottubru 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-intervenjenti jittrattaw bl-Ispanjol waqt is-seduta.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ressqet talba li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ġiet magħquda mal-mertu permezz tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2017.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Novembru 2017.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tannulla d-[deċiżjoni kkontestata] fir-rigward tar-regola dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi prevista fl-Artikolu 1(2) u (3), favur ċerti investituri Spanjoli indikati fiha” (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw mill-interventi li għandhom jitħallsu mill-intervenjenti u, sussidjarjament, fil-każ li tiċħad ir-rikors, tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha stess;

–        sussidjarjament, tissospendi din l-istanza sakemm ikun hemm deċiżjoni definittiva fuq ir-rikorsi kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/314 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35550 (13/C) (ex 13/NN) (ex 12/CP) implimentata minn Spanja – Skema għall-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji barranin (ĠU 2015, L 56, p. 38).

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Ebro Foods, Banco Santander, Iberdrola u Telefónica jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

21      Il-Kummissjoni ssostni, insostenn tat-talba tagħha sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors, li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha. Skont il-Kummissjoni, l-akkwist ta’ ishma ta’ Telefónica, kompetitriċi tar-rikorrenti, fil-kumpannija O2, invokat mir-rikorrenti insostenn tal-interess tagħha li titlob l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, peress li din kienet awtorizzat lil din il-kompetitriċi tapplika s-sistema kontenzjuża fuq il-bażi ta’ dan l-akkwist inkwistjoni, ma kienx kopert mill-imsemmija dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida tas-sistema kontenzjuża mill-awtoritajiet Spanjoli (Opinjoni Vinkolanti V0608–12 tal-21 ta’ Marzu 2012) u mill-evalwazzjoni tagħha mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2015/314. L-erba’ intervenjenti indikaw li ma kinux qegħdin isostnu din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u l-motivi li jsostnuha, filwaqt li enfasizzaw, b’mod partikolari, li l-eżami ta’ dawn il-motivi jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-motivi invokati insostenn tar-rikorsi tagħhom kontra d-Deċiżjoni 2015/314 (Kawżi T‑12/15, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, T‑256/15, Telefónica vs Il-Kummissjoni, u T‑260/15, Iberdrola vs Il-Kummissjoni).

22      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan is-suġġett tat-tilwima għandu jippersisti, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżumi li, bir-riżultat tiegħu, ir-rikors jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li miċ-ċirkustanzi wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors jirriżulta li d-dispożizzjoni kkontestata ma kinitx tippermetti lil Telefónica tapplika s-sistema kontenzjuża u b’hekk ma ġietx vantaġġata meta sar l-akkwist tal-kumpannija O2. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex iktar interess titlob l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata sabiex tikseb it-tħassir retroattiv tal-vantaġġ mogħti lill-kompetitriċi tagħha.

24      Għandu jitfakkar li l-persistenza ta’ tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit (ara s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki jekk jiġi presuppost, kif issostni l-Kummissjoni, li Telefónica ma setgħetx tibbenefika mis-sistema kontenzjuża qabel l-interpretazzjoni amministrattiva msemmija hawn fuq u li għalhekk din ma kinitx prevista mid-dispożizzjoni kkontestata, l-interess tar-rikorrenti li tikseb l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni jippersisti.

26      Dan l-interess jirriżulta, qabelxejn, mill-kwalità tar-rikorrenti bħala parti interessata lanjanti kif ukoll miċ-ċaħda parzjali u fis-sustanza ta’ dan l-ilment mid-dispożizzjoni kkontestata.

27      Fil-fatt, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-dispożizzjoni kkontestata, ma kinitx tikkostitwixxi tweġiba espliċita għall-ilment tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T-289/03, EU:T:2008:29, punt 317 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti kienet invokat fl-ilment tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat fiha li s-sistema kontenzjuża setgħet tkompli tapplika f’ċerti ipoteżijiet li ġew speċifikati. Issa, tali rifjut huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-interess ġuridiku tar-rikorrenti f’dan il-każ, fis-sens li l-annullament ta’ din iċ-ċaħda fuq il-bażi tal-motiv uniku li hija qajmet jista’ jagħtiha benefiċċju, dak li s-sistema kontenzjuża tiġi ddikjarata illegali u pprojbita, inkluż fl-ipoteżijiet previsti mid-dispożizzjoni kkontestata.

28      Ma huwiex fil-fatt fatt ikkontestat li r-rikorrenti hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 1999, L 83, p. 1), kif emendat, “li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna”, li għandha b’hekk bħala definizzjoni “interess” fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni u, korrelattivament, fid-dawl taċ-ċaħda tal-ilment tagħha mill-imsemmija deċiżjoni, interess li tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni li ma hijiex favorevoli għaliha. Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti hija barra minn hekk il-parti interessata li ressqet l-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, spjegat ir-raġunijiet għat-tressiq tiegħu, fl-ewwel lok u qabel ma ssemma l-iżvantaġġ kompetittiv sostnut matul l-operazzjoni relatata mal-kumpanija O2, billi invokat il-vantaġġ kompetittiv mogħti b’mod ġenerali lill-kumpanniji Spanjoli tas-settur tat-telekomunikazzjoni fejn topera wkoll ir-rikorrenti u dak mogħti b’mod ġenerali lill-kompetitriċi Spanjola tagħha Telefónica, indipendentement mill-akkwist tagħha ta’ ishma fil-kumpannija O2.

29      Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza allegata mill-Kummissjoni u li allegatament seħħet wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, li Telefónica ma setgħetx tibbenefika mis-sistema kontenzjuża ddikjarata illegali mid-deċiżjoni kkontestata meta akkwistat ishma fil-kumpannija O2 u ma kinitx awtorizzata mid-dispożizzjoni kkontestata tapplika l-imsemmija sistema fuq il-bażi ta’ dan l-akkwist ta’ ishma, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed f’dubju l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-dispożizzjoni kkontestata. Li kieku kien mod ieħor u, b’mod partikolari, kieku kien meħtieġ mill-partijiet interessati u b’mod partikolari minn dawk li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li jistabbilixxu wkoll, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, il-kwalità tagħhom ta’ kompetitur ta’ benefiċjarju effettiv tas-sistema kontenzjuża eżaminata mid-deċiżjoni kkontestata, dan iwassal għal konfużjoni bejn il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà essenzjali u ewlenija għal kwalunkwe azzjoni tal-interess ġuridiku, li għandu jibqa’ jeżisti sakemm l-azzjoni tintemm, u l-kundizzjoni tal-locus standi, li huma kundizzjonijiet distinti li persuna fiżika jew ġuridika għandha tissodisfa b’mod kumulattiv (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punti 58 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jingħad ukoll li ma huwiex ikkontestat li, qabel iċ-ċirkustanzi li ġew wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors invokati mill-Kummissjoni, Telefónica kienet effettivament ibbenefikat mis-sistema kontenzjuża fuq il-bażi tal-akkwist ta’ ishma fil-kumpannija O2, kif qieset il-Qorti Ġenerali fid-digriet tal-21 ta’ Marzu 2012, Telefónica vs Il-Kummissjoni (T-228/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:140, punt 26), u li dan il-benefiċċju effettiv tas-sistema kontenzjuża favur il-kompetitur ta’ lanjant, li speċifikament irraporta fl-ilment tiegħu l-vantaġġ mogħti fl-ambitu ta’ dan l-akkwist ta’ ishma, jippermetti wkoll u fi kwalunkwe każ li jiġi kkunsidrat li dan il-lanjant għandu interess ġuridiku sabiex jaġixxi kontra deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment.

31      Sussegwentement, għandu jitqies li r-rikorrenti għandha wkoll interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li biha hija allegatament ġiet affettwata ma terġax isseħħ fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li l-illegalità allegata tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi li taw lok għal dan ir-rikors, peress li hija tqiegħed inkwistjoni, indipendentement minn dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-portata ratione temporis tal-protezzjoni li tista’ tingħata skont dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-45/06, EU:T:2008:398, punt 43).

32      Minn dan isegwi li t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed pożizzjoni fuq il-portata tad-Deċiżjoni 2015/314 u, għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li tintlaqa’ t-talba ta’ sospensjoni mressqa mir-rikorrenti biss f’każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tippronunzja ruħha fuq l-imsemmija deċiżjoni li għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq il-fondatezza tar-rikors

33      Ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat favur ċerti benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża, meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma kinux ġew issodisfatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din is-sistema u ma tawtorizzatx l-implimentazzjoni tal-imsemmija sistema għall-akkwisti ta’ ishma preċedenti għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ġġustifikat l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni tas-sistema kontenzjuża għal ċerti akkwisti ta’ ishma – akkwisti ta’ ishma li saru qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li saret fil-21 ta’ Diċembru 2007, u akkwisti ta’ ishma li l-implimentazzjoni tagħhom, suġġetta għall-awotrizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li lilha l-operazzjoni ġiet innotifikata qabel din id-data, kienet irrevokabbilment stabbilita qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 – u l-assenza ta’ rkupru ta’ ċertu tnaqqis fiskali korrispondenti bl-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-benefiċjarji li l-għajnuna inkwistjoni kienet ngħatat konformement mar-regoli tat-Trattat KE. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, biż-żewġ dikjarazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Jannar u tas-17 ta’ Frar 2006 bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari, hija kienet tat, u dan sal-21 ta’ Diċembru 2007, data tal-publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, garanziji speċifiċi, inkundizzjonati u konkordanti ta’ natura li l-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża kellhom fuq il-bażi tagħhom tama ġġustifikata li l-imsemmija sistema ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (premessi 158 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Għandu wkoll jitfakkar li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, “[f]ejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”. It-tħassir ta’ għajnuna illegali mogħtija, permezz tal-irkupru, huwa l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Fil-fatt, l-obbligu li l-Istat għandu li jħassar għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż li jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T-116/01 u T-118/01, EU:T:2003:217, punt 223 u l-ġurisprudenza ċċitata), billi jtellef lill-benefiċjarju l-vantaġġ li huwa effettivament ibbenefika minnu fil-konfront tal-kompetituri tiegħu (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, EU:C:2002:143, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ April 204, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, EU:C:2004:238, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni, T-177/07, EU:T:2010:233, punt 169).

36      Madankollu, din l-istess dispożizzjoni tipprovdi li “[l]-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

37      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju kien fil-fatt is-suġġett ta’ rikonoxximent progressiv fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tal-ġurisprudenza, li stabbilixxietu bħala “regola superjuri tad-dritt” li tipproteġi lill-individwi (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, EU:C:1975:59, punt 44), u “prinċipju fundamentali tal-Komunità” (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, EU:C:2005:362, punt 73) jew “prinċipju ġenerali” (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-403/99, EU:C:2001:507, punt 35). Dan huwa kkunsidrat li huwa korollari għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi, fis-sens li jfittex, f’każ li r-regola tinbidel, li jiżgura b’mod partikolari l-protezzjoni tas-sitwazzjonijiet leġittimament miksuba minn persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C-107/97, EU:C:2000:253, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C-217/03, EU:C:2006:89, punt 367).

38      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu li s-sistema kontenzjuża ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u li l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE ma ġiex għalhekk osservat.

39      Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li r-rikorrenti ammettiet fis-seduta li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kien japplika, b’mod eċċezzjonali, għal għajnuna mhux innotifikata u b’hekk rrinunzjat għall-ilment tagħha bbażat fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan il-prinċipju meta sistema ta’ għajnuna tkun formalment illegali minħabba l-assenza ta’ notifika, u dwar dan ittieħdet nota fil-verbal tas-seduta.

40      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-aspettattivi leġittimi jistgħu jipproteġu lill-benefiċjarji ta’ għajnuna mhux innotifikata, iżda biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

41      Speċfikament, ġie deċiż ukoll li fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, li huwa ta’ natura imperattiva, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tal-imsemmija għajnuna biss jekk din tkun ngħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE, u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li l-imsemmija proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr ma qabel tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-mument, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tagħha, ħlief meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, EU:C:1987:502, punti 16 u 17; tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, EU:C:1990:320, punti 14 u 16; tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 134; tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, EU:T:1998:7, punt 182; tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑177/10, EU:T:2014:897, punt 61, u tat-22 ta’ April 2016, L-Irlanda u Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II, EU:T:2016:227, point 214).

42      L-ammissjoni ta’ din l-eċċezzjoni hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-istatus differenti tal-Istati Membri u tal-benefiċjarji fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ notifika. Fil-fatt, huma biss l-Istati Membri li huma destinatarji ta’ dan l-obbligu u dawn ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-aġir illegali tagħhom stess sabiex imorru kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-effett utli tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jinvokaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fir-rigward tal-legalità ta’ għajnuna li huma ma nnotifikawx (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, f’ċerti każijiet, lanqas l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, EU:C:1997:10, punti 48 u 49, u tat-22 ta’ April 2016, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑56/06 RENV II, EU:T:2016:228, punt 43).

43      Min-naħa l-oħra, sa fejn il-benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistgħux jiġu akkużati li ma nnotifikawx l-għajnuna, din l-assenza ta’ notifika ma tistax twassal għall-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li jinvokaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom dwar il-legalità tal-għajnuna inkwistjoni.

44      L-eċċezzjoni permessa favur il-benefiċjarji tal-għajnuna hija barra minn hekk iġġustifikata mill-fatt, ġustament enfasizzat mill-Kummissjoni, li, mingħajr l-aċċettazzjoni tagħha, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jkun imċaħħad mis-sustanza tiegħu fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li l-obbligu ta’ rkupru li dan il-prinċipju jipprevedi li jimmitiga japplika biss għall-għajnuna mhux innotifikata implimentata mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, ġie deċiż li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 kienet ħolqot sitwazzjoni ġdida f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, billi dan ir-regolament afferma n-natura sistematika tal-irkupru (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999), filwaqt li pprovda għal eċċezzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999) fil-każ fejn l-irkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni ġdida li minnha għandhom jiġu dedotti l-konsegwenzi legali kollha u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tadotta d-deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikolari billi tastjeni, jekk ikun il-każ, milli tordna l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punti 275 u 276). Jekk l-aspettattivi leġittimi ma setgħux jiġu invokati mill-benefiċjarji ta’ għajnuna għas-sempliċi raġuni li din ma ġietx innotifikata, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn jipprovdi li l-Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna jekk, b’hekk, din tkun qiegħda tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt, jiġi mċaħħad mill-iskop tiegħu, meta dan ġie speċifikament adottat mil-leġiżlatur sabiex jillimita l-portata tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali u ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni.

45      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza f’dan il-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi favur ċerti benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża, billi targumenta li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq l-aspettattivi leġittimi jippreżumi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi f’moħħ il-persuna li lilha jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet inkwistjoni għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C-47/07 P, EU:C:2008:726, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T-282/02, EU:T:2006:64, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa ppreċiżat li assigurazzjonijiet partikolari fl-assenza ta’ rkupru ta’ għajnuna, li jistgħu jirriżultaw minn assigurazzjonijiet partikolari mogħtija fl-assenza ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżura inkwistjoni, huma konformi mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, T-399/11 RENV, punti 272 sa 278).

47      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li din it-tielet kundizzjoni ġiet issodisfatta, iżda tikkontesta li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet ġew issodisfatti, li fir-rigward tagħhom għandu jiġi enfasizzat li dawn huma fihom innifishom restrittivi u jippermettu li jikkaratterizzaw, kif ikkonfermat mar-rarità tal-ipoteżijiet li fihom dawn ikunu ssodisfatti, ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punti 278 sa 289; tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, T‑328/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:498, punti 25 sa 30, u tat-22 ta’ April 2016, L‑Irlanda u Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punti 222, 225 u 252).

48      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li ġiet issodisfatta f’dan il-każ kundizzjoni addizzjonali li tirriżulta minn ċerti sentenzi li ppronunzjaw ruħhom fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u li jeħtieġu li l-għoti tal-protezzjoni inkwistjoni ma jkunx imur kontra interess pubbliku perentorju (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il quddiem). Madankollu, jista’ jiġi rrilevat li l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, interess individwali tal-persuna kkonċernata minn naħa u interess pubbliku tal-Unjoni min-naħa l-oħra, involut fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, jikkontribwixxi wkoll u bħala tali għar-rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li jippermetti, minkejja li l-assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija ħolqu aspettattivi leġittimi u li b’hekk huma ssodisfatti l-ewwel żewġ kundizzjonijiet ta’ dan ir-rikonoxximent, li ma jiġux protetti l-aspettattivi leġittimi għalkemm irrikonoxxuti minħabba li interess pubbliku tal-Unjoni jipprekludi dan.

49      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettament it-tliet kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi kkontestati mir-rikorrenti u, jekk iva, jekk hija ddelimitatx korrettament il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti, ikkontestat ukoll mir-rikorrenti.

 Fuq l-assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għal żewġ mistoqsijiet parlamentari

50      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni mit-tweġibiet mogħtija f’isem il-Kummissjoni għal żewġ mistoqsijiet parlamentari. Iż-żewġ tweġibiet tal-Kummissjoni, informazzjoni bl-Ingliż minn membru tal-Kummissjoni, ġew parzjalment riprodotti u tradotti fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Skont it-tweġiba mogħtija fit-19 ta’ Jannar 2006 għall-mistoqsija bil-miktub E‑4431/05 (iktar ’il quddiem l-“ewwel tweġiba”):

“5. Il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonferma jekk l-offerti għoljin tal-impriżi Spanjoli humiex dovuti għal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola li tippermetti lill-impriżi li jamortizzaw l-avvjament finanzjarju iktar malajr mill-kontropartijiet tagħhom Franċiżi jew Taljani. Il-Kummissjoni tista’ tikkonferma, madankollu, li dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, iżda pjuttost jikkostitwixxu regoli ġenerali ta’ deprezzament applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja.” (The Commission cannot confirm whether the high bids by Spanish companies are due to Spain’s tax legislation enabling undertakings to write off goodwill more quickly than their French or Italian counterparts. The Kummissjoni can confirm, however, that such national legislations do not fall within the scope of application of state aid rules, because they rather constitute general depreciation rules applicable to all undertakings in Spain.)

52      Skont it-tweġiba mogħtija fis-17 ta’ Frar 2006 għall-mistoqsija bil-miktub E‑4772/05 (iktar ’il quddiem it-“tieni tweġiba”):

“Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha fil-preżent fil-pussess tagħha, jidher li r-regoli fiskali Spanjoli relatati mal-amortizzazzjoni tal-avvjament huma applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-forma legali tagħhom jew jekk humiex proprjetà privata jew pubblika, billi dawn jikkostitwixxu regoli ta’ amortizzazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, ma jidhirx li dawn jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Naturalment, il-Kummissjoni ser twettaq investigazzjoni fil-fond fir-rigward ta’ kull informazzjoni kuntrarja li tinġieb għall-għarfien tagħha.” [According to the information currently in its possession, it would however appear to the Commission that the Spanish(tax) rules related to the write off of ‘goodwill’ are applicable to all undertakings in Spain independently from their sizes, sectors, legal forms or if they are privately or publicly owned because they constitute general depreciation rules. Therefore, huma do not appear to fall within the scope of application of the state aid rules. The Commission will of course thoroughly investigate any information that would come to its knowledge indicating the contrary.]

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi garanziji li jistgħu jnisslu aspettattivi fondati informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63; tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C-630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T-487/11, EU:T:2014:1077, punt 125). Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti lilu mill-amministrazzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 72, u tat-18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C-681/11, EU:C:2013:404, punt 41).

54      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li l-Kummissjoni tat billi tibbaża ruħha kemm fuq il-forma taż-żewġ tweġibiet ta’ din tal-aħħar kif ukoll fuq il-kontenut tagħhom.

–       Fuq il-forma taż-żewġ tweġibiet tal-Kummissjoni

55      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-forma li fiha l-assigurazzjonijiet tal-amministrazzjoni għandhom jiġu kkomunikati hija irrilevanti (sentenzi tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, EU:T:2006:47, punt 88, u tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla vs Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, T‑20/03, EU:T:2008:395, punt 146).

56      Ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-ġurisprudenza, li hija tfakkar, iżda ssostni, essenzjalment, li l-allegati assigurazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni kellhom, tal-inqas, minn naħa, ikunu intiżi għall-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża, li ma huwiex il-każ fil-każ tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għal mistoqsijiet parlamentari li joriġinaw minn diskussjoni legali interistituzzjonali, u, min-naħa l-oħra, jinġiebu għall-attenzjoni tagħhom, li lanqas ma huwa l-każ, fid-dawl tal-metodu ta’ diffużjoni magħżul.

57      Madankollu, l-ewwel nett, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-ġurisprudenza li huma biss l-atti tal-istituzzjonijiet speċifikament indirizzati jew intiżi għal operaturi li jistgħu joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tagħhom. B’dan il-mod, ġiet irrikonoxxut bħala li tipprovdi lil operatur assigurazzjonijiet preċiżi prattika tal-Kummissjoni dwar kawżi ta’ konċentrazzjoni li ma jinvolvux li dan l-operatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, EU:T:2004:275, punti 108 sa 112). Dan huwa a fortiori l-każ fir-rigward ta’ att ta’ istituzzjoni li jirrigwarda speċifikament l-għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 158), li tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija parlamentari, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, kienet ippermettiet lill-benefiċjarji tas-sistema inkwistjoni li jkollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tagħha.

58      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma jirriżultax li l-parti interessata għandha tkun formalment id-destinatarja tal-att li joriġina l-assigurazzjonijiet preċiżi, iżda li l-espressjoni ta’ assigurazzjonijiet “ipprovduti” jew “indirizzati” lill-parti interessata tfisser li din il-parti interessata għandha tkun ikkonċernata minn u informata bl-assigurazzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T-310/00, EU:T:2004:275, punti 108 u 112). Fir-rigward tad-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il-Kummissjoni (C-44/00 P, EU:C:2000:686, punt 50), invokat ukoll mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, irrifjutat li dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ membru tal-Kummissjoni pprovdew assigurazzjonijiet preċiżi lir-rikorrenti, iżda dan ir-rifjut kien prinċipalment ir-riżultat tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, meqjusa bħala ġenerali wisq.

59      Jista’ jingħad ukoll, insegwitu għall-Kummissjoni, li l-proċedura ta’ mistoqsijiet parlamentari, anki jekk isseħħ bejn żewġ istituzzjonijiet, f’dan il-każ il-Parlament u l-Kummissjoni, hija intiża sabiex tinforma lir-rappreżentanti taċ-ċittadini miġbura fi ħdan il-Parlament, bil-pożizzjoni tal-istituzzjoni destinatarja tal-mistoqsija, f’dan il-każ il-Kummissjoni, li hija l-istituzzjoni prinċipali kompetenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dwar suġġetti ta’ preokkupazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini, biex b’hekk dawn ikunu jistgħu jiddeterminaw l-azzjoni tagħhom.

60      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kif tammetti r-rikorrenti fir-replika, it-tweġibiet tal-Kummissjoni ġew ippubblikati. B’mod iktar speċifiku, ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali n-numru tal-mistoqsija, l-awtur tagħha, is-suġġett tagħha xi ftit jew wisq iddettaljat, l-istituzzjoni destinatarja kif ukoll l-indikazzjoni tal-eżistenza u tad-data tat-tweġiba (ĠU 2006, C 327, p. 164 u p. 192), b’riferiment għas-sit tal-internet tal-Parlament, fejn huma ppubblikati l-mistoqsijiet u t-tweġibiet fil-verżjoni sħiħa tagħhom, li timmerita, skont il-ġurisprudenza (digriet tad-19 ta’ Settembru 2005, Air Bourbon vs Il-Kummissjoni, T‑321/04, EU:T:2005:328, punt 34, u s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 35), pubblikazzjoni u, f’kull każ, pubbliċità suffiċjenti partikolari għat-tweġibiet tal-Kummissjoni.

61      Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-indikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Parlament li “[l-]informazzjoni ppubblikata fuq dan is-sit hija ta’ natura ġenerali u għalhekk ma nħalqitx sabiex jiġi ssodisfatt bżonn individwali” ma tpoġġix fid-dubju n-natura pubblika tal-informazzjoni inkwistjoni, u lanqas il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni bħala assigurazzjonijiet preċiżi tal-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan l-avviż ma joriġinax mill-awtur tal-informazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għoti ta’ assigurazzjonijiet preċiżi jimplika li l-benefiċjarju tagħhom ikun ikkonċernat mill-imsemmija assigurazzjonijiet, iżda mhux li jkun individwalizzat minnhom, fis-sens li huwa jkun wieħed mill-uniċi, jekk mhux l-uniku benefiċjarju.

62      Bl-istess mod, ma jistax jitqies, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti elementi tat-tweġibiet tal-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali hija sors f’dan il-każ ta’ inċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni żżomm, bħala data tal-element li ġġenera l-aspettattivi leġittimi, id-data tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari fid-deċiżjoni kkontestata u dik ta’ din il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fir-risposta tagħha. Fil-fatt, kif ser jiġi ppreċiżat fil-punti 91 sa 105 iktar ’il quddiem, id-data tal-att li jiġġenera l-aspettattivi leġittimi ma hijiex determinanti għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-għajnuna li tista’ ma tkunx suġġetta għal obbligu ta’ rkupru. Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, din l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tikkontesta fir-realtà dikjarazzjoni tar-risposta tal-Kummissjoni, ma tistax tikkonfuta l-legalità tad-dispożizzjoni kkontestata.

63      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, in-natura u l-mod ta’ pubblikazzjoni tat-tweġibiet tal-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi eskluż bħala tali li dawn setgħu jipprovdu assigurazzjonijiet preċiżi lill-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża. Għall-kuntrarju, dawn setgħu jikkonfortaw l-aspettattivi tal-benefiċjarji fir-rigward tal-legalità ta’ din is-sistema.

–       Fuq il-kontenut tat-tweġibiet tal-Kummissjoni

64      Fir-rigward tal-ewwel tweġiba tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, minn naħa, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti bl-allegazzjoni tagħha li l-mistoqsija magħmula hija ġenerali, il-mistoqsija sekondarja Nru 5 tal-imsemmija mistoqsija tirreferi b’mod ċar għas-sistema kontenzjuża billi ssemmi “l-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola [li] tqiegħed lill-impriżi f’sitwazzjoni li jamortizzaw l-avvjament imħallas”. Jista’ jiġi rrilevat li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni wieġbet kemm b’mod preċiż, billi rriferiet b’mod ċar għal-leġiżlazzjoni msemmija fil-mistoqsija sekondarja Nru 5 (l-ewwel paragrafu tat-tweġiba Nru 5), li hija barra minn hekk invokat għal leġiżlazzjoni fiskali Spanjola oħra (it-tieni paragrafu tat-tweġiba Nru 5), kif ukoll b’mod inkundizzjonat, billi indikat b’termini sodi u mingħajr ambigwità li s-sistema kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (“Il-Kummissjoni tista’ tikkonferma li [l-]leġiżlazzjonijiet nazzjonali tat-tip [tas-sistema kontenzjuża] ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”).

65      Fir-rigward tat-tieni tweġiba tal-Kummissjoni, jista’ jiġi aċċettat, insegwitu għar-rikorrenti, li, anki jekk żammet l-istess sens, din hija espressa b’mod iktar prudenti mill-ewwel tweġiba. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni tuża darbtejn il-verb “jidher” (appear) u, min-naħa l-oħra, hija tikkonkludi t-tweġiba tagħha bl-avviż ta’ investigazzjoni fil-fond f’każ ta’ informazzjoni kuntrarja miġjuba għall-attenzjoni tagħha.

66      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din il-prudenza ma tikkonfutax in-natura preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema kontenzjuża. Din il-prudenza hija fil-fatt spjegata prinċipalment mill-fatt li l-mistoqsija magħmula kienet preċiżament tirrigwarda biss is-sistema kontenzjuża u kienet intiża sabiex iżżomm lill-Kummissjoni responsabbli għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha f’dan ir-rigward, b’mod li tqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni li tiġġustifika lilha nnifisha fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 659/1999. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza tispjega l-fatt li hija speċifikat li, fil-każ ta’ informazzjoni li tissuġġerixxu li s-sistema kontenzjuża hija għajnuna mill-Istat, hija kellha tinvestiga fil-fond, mhux is-sistema kontenjuża kif tallega r-rikorrenti, iżda l-informazzjoni inkwistjoni, hekk kif jirrikjedi l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament.

67      It-terminu “jidher” (appear) għandu wkoll jitqiegħed fil-perspettiva mal-fatt, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tippreżenta pożizzjoni motivata wara [“it would […] appear to the Commission that the Spanish(tax) rules related to the writeoff of ‘goodwill’ are applicable to all undertakings in Spain independently from their sizes, sectors, legal forms or if they are privately or publicly owned because they constitute general depreciation rules”], it-tieni nett, li hija b’mod ċar tikkuntrasta din il-pożizzjoni b’assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni dwar l-aspett imsemmi fis-sentenza preċedenti (“the Commission cannot confirm whether […] it would however appear”). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni tweġiba ssegwi l-ewwel waħda espressa inqas minn xahar qabel mill-istess Membru tal-Kummissjoni u li saret fl-istess sens billi tuża parzjalment l-istess kliem (“constitute general depreciation rules”), b’mod li tafferma n-natura konkordanti tal-informazzjoni pprovduta.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni, it-tweġibiet tal-Kummissjoni ta’ Jannar u ta’ Frar 2006 għall-mistoqsijiet parlamentari kienu pprovdew assigurazzjonijiet preċiżi lill-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża li din ma kinitx taqa’ taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u li kienet tikkonsisti f’regoli ġenerali ta’ amortizzazzjoni, applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kienet issodisfatta.

 Fuq in-natura leġittima tal-aspettattivi ġġenerati

69      Hija ġurisprudenza stabbilita li huma biss aspettattivi “leġittimi” li jistgħu jiġu protetti. B’mod partikolari, l-aspettattivi huma protetti biss meta l-persuna kkonċernata setgħet raġonevolment tafda fiż-żamma jew fl-istabbiltà tas-sitwazzjoni maħluqa (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:256, punt 78). Sabiex issir l-evalwazzjoni tal-leġittimità tal-aspettattivi allegati, il-qorti tal-Unjoni tibbaża ruħha fuq operatur raġonevolment prudenti, informat u diliġenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑177/10, EU:T:2014:897, punti 60 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija tqis ukoll il-qasam jew is-suġġett tal-allegati aspettattivi leġittimi. B’hekk, fid-dawl tan-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 25), l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li miżura partikolari ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat ma toħloqx sitwazzjoni ġuridika li tista’ tiġi mmodifikata b’mod frekwenti fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet, kif dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, f’qasam bħal dak tal-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, li l-għan tagħhom jinkludi adattament kostanti skont il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C-217/03, EU:C:2006:89, punt 419), u għalhekk ma jistax jitqies li l-operaturi ekonomiċi jista’ leġittimament ikollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti (ara s-senenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, EU:C:2004:443, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, pożizzjoni mill-Kummissjoni, li hija l-awtorità prinċipali ta’ implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-unika waħda inkarigata bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, tagħti fiha nnifisha leġittimità lill-aspettattivi li jirriżultaw minnha.

71      Minn dan isegwi wkoll li huma, għalhekk, irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-leġittimità tal-aspettattivi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża l-atti kollha u l-aġir li ma joriġinawx mill-Kummissjoni, bħal dawk tal-istampa, tar-rikorrenti, tal-benefiċjarji jew tal-awtoritajiet Spanjoli invokati mir-rikorrenti.

72      Għandu jingħad ukoll li, anki jekk il-prudenza li toħroġ mit-tieni tweġiba tal-Kummissjoni għandha twassal għal eżami ulterjuri ta’ dawn l-atti u l-aġir, minn dan ma tistax tiġi dedotta assenza ta’ leġittimità tal-aspettattivi allegati, fis-sens li dawn kellhom iwasslu lill-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża jipprevedu l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Fil-fatt, fir-rigward tal-artikoli tal-istampa internazzjonali invokati, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn essenzjalment jillimitaw ruħhom sabiex jikkonstataw is-sistema kontenzjuża u l-allegati konsegwenzi ekonomiċi tagħha u li l-uniku artikolu li jinvoka, mingħajr ma jispeċifika, kritiċi fir-rigward tar-regoli li jipprekludu l-għajnuna mill-Istat, isegwi d-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni li s-sistema kontenzjuża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma hijiex ta’ benefiċċju għal impriżi jew għal setturi partikolari.

74      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni rċeviet fit-28 ta’ Awwissu 2007 u l-artikoli tal-istampa li jirraportawh, għandu jitfakkar li l-forniment ta’ informazzjoni dwar allegata għajnuna illegali jagħti biss lok għal obbligu li teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien (l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999) u li tinforma lil-lanjant bis-segwitu li ngħata għall-ilment tiegħu (Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999), iżda ma jimplikax il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, u lanqas a fortiori l-adozzjoni ta’ “deċiżjoni negattiva” li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 659/1999). Jista’ jingħad ukoll li tressaq biss ilment wieħed dwar is-sistema kontenzjuża quddiem il-Kummissjoni, meta s-sistema kontenzjuża kienet ilha fis-seħħ diversi snin fid-data tat-tressiq ta’ dan l-ilment.

75      Fir-rigward tal-attitudni ta’ Telefónica, ma jirriżultax mill-komunikazzjoni ta’ din il-kumpannija, wara d-deċiżjoni kkontestata u prodotta mir-rikorrenti, li din il-kumpannija kienet irrinunzjat li tapplika s-sistema kontenzjuża sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha. Fi kwalunkwe każ, din il-prudenza partikolari ta’ waħda mill-benefiċjarji tas-sistema kkontestata ma tistax fiha nnifisha tippermetti li jitqies li l-aspettattivi tal-benefiċjarji tal-imsemmija sistema ma humiex ta’ natura leġittima.

76      Fir-rigward tal-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli li kienu “ddiskutew” il-kompatibbiltà tas-sistema kontenzjuża mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma hijiex sostnuta mill-provi pprovduti. Fil-fatt, l-artikoli tal-istampa ppreżentati fl-anness għar-replika jsemmu ċertament id-diffikultajiet affaċċjati u rrikonoxxuti mill-awtoritajiet Spanjoli fl-implimentazzjoni tas-sistema kontenzjuża, iżda dawn id-diffikultajiet ma għandhomx rabta mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-problemi ta’ konformità mar-regoli li jipprekludu l-għajnuna mill-Istat imsemmija f’dawn l-artikoli huma biss dawk imsemmija mill-Kummissjoni (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

77      Għandu jingħad ukoll, fir-rigward preċiżament tal-atti u l-aġir invokati mill-Kummissjoni, dan li ġej.

78      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ sistemi fiskali allegatament simili li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni fl-2000 (deċiżjoni kkonfermata mis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438) u fl-2006, għandu jiġi kkunsidrat li n-natura individwali tal-evalwazzjoni ta’ kull għajnuna nnotifikata jew irraportata teskludi li l-evalwazzjoni ta’ għajnuna partikolari tista’ tqiegħed f’dubju l-leġittimità tal-aspettattivi marbuta mal-evalwazzjoni ta’ għajnuna simili, iżda distinta. Fil-fatt, bħalma deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar għajnuna ma tistax tkun bażi għal aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji potenzjali ta’ proġetti futuri ta’ għajnuna simili fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, EU:T:2011:493, punt 283 u l-ġurisprudenza ċċitata), deċiżjoni negattiva ma tistax timmina l-aspettattivi leġittimi maħluqa minn assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ sistemi nazzjonali simili.

79      It-tieni nett, fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli), bħal dawk imsemmija fiż-żewġ artikoli tal-istampa ta’ Frar u ta’ Ġunju 2007 (ara wkoll il-punt 4 iktar ’il fuq), dawn ma kinux jimplikaw, fl-istadju li fih ittieħdu, pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (ara wkoll il-punt 111 iktar ’il quddiem) u ma jistgħux għalhekk bħala tali jimminaw il-leġittimità tal-aspettattivi li jirriżultaw mill-assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija barra minn hekk mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-62/08, EU:T:2010:268, punt 280).

80      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kkunsidrat validament f’dan il-każ li l-aspettattivi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża fir-rigward tal-legalità tagħha kienu ta’ natura leġittima. Jista’ jingħad ukoll li operatur ekonomiku prudenti u informat seta’ daqstant inqas jiddubita mil-legalità ta’ din is-sistema sa fejn il-Qorti Ġenerali nnifisha ddeċidiet, fl-2014, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-imsemmija sistema, aċċessibbli għal kull impriża mingħajr distinzjoni ta’ kategoriji, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, T‑399/11, EU:T:2014:938, u tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni, T-219/10, EU:T:2014:939, annullati permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981).

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti

81      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “skont il-każistika preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi tal-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ interess pubbliku ewlieni [perentorju], […] [il]-benefiċjarji [kellhom] jitħallew igawdu l-benefiċċji [tas-sistema inkwistjoni]”.

82      Għalhekk, ma jistax jitqies, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina f’dan il-każ il-kundizzjoni ta’ rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi marbuta mal-assenza ta’ interess pubbliku perentorju li joħloq ostakolu għal dan. Fil-fatt, għalkemm fil-qosor, hija kkonstatat b’mod ċar l-assenza, fil-każ tas-sistema kontenjuża, ta’ interess pubbliku sabiex tiġi pprojbita l-applikazzjoni kontinwa tagħha u sabiex jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ din is-sistema, minkejja li l-kundizzjonijiet l-oħra għar-rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi kienu ssodisfatti.

83      Fil-każ li r-rikorrenti tiddeduċi mill-qosor tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li din tal-aħħar fil-fatt ma vverifikatx jekk interess pubbliku perentorju kienx jimpedixxi f’dan il-każ ir-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjoni marbuta mal-“interess pubbliku perentorju” (jew mal-“interess ta’ ordni pubbliku” skont espressjoni oħra użata wkoll fil-ġurisprudenza) hija kundizzjoni negattiva, fis-sens li din ma għandhiex tkun preżenti sabiex aspettattivi leġittimi jkunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 148). B’dan il-mod, mis-sentenzi li vvalidaw il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali llimitaw ruħhom għal sempliċi indikazzjoni tal-assenza ta’ interess pubbliku perentorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C-90/95 P, EU:C:1997:198, punt 39), indikazzjoni bħal dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, jew ma semmew xejn fir-rigward ta’ dan l-interess, fl-assenza ta’ kontestazzjoni mill-partijiet ta’ din il-kundizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, EU:C:1987:502, punti 13 sa 17, u tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑6/99, EU:T:2001:145, punti 188 sa 191).

84      Minn dan jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni għandha tispjega f’iktar dettall l-eżami tagħha tal-kundizzjoni inkwistjoni biss jekk hija tikkunsidra li ma tipproteġix l-aspettattivi leġittimi minħabba li interess pubbliku perentorju jipprekludi dan, li fil-każ ineżami ma huwiex il-każ, jew jekk allegazzjonijiet ta’ interess pubbliku partikolari jkunu tressqu mill-partijiet interessati, li lanqas ma kien l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-atti tal-proċedura amministrattiva li jinsabu fil-proċess ma tirriżulta ebda allegazzjoni, partikolarment tar-rikorrenti (fl-ilment tagħha u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali), dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ interess pubbliku perentorju li impedixxa r-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża. Ir-rikorrenti indikat ukoll, waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma li hija kienet invokat interess pubbliku perentorju matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li ppreċiżat li ma kienx ir-rwol tagħha li tinvoka, fid-dawl tal-obbligu ta’ tħassir u ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali.

85      Fil-każ li r-rikorrenti ssostni wkoll, b’mod partikolari permezz ta’ din l-aħħar allegazzjoni, li l-Kummissjoni kellha f’dan il-każ tiffavorixxi l-interess pubbliku perentorju tat-tħassir komplet tal-vantaġġi marbuta mas-sistema kontenzjuża fil-konfront ta’ dawk tal-benefiċjarji ta’ din is-sistema, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-interess pubbliku essenzjalment jingħaqad mal-prinċipju nnifsu tal-irkupru tal-għajnuna illegali, li għalih il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tikkostitwixxi eċċezzjoni. Dan l-interess ma jistax, għalhekk, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fin-noti tagħha u matul is-seduta, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ interess pubbliku perentorju fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi dan l-interess tal-aħħar huwa marbut ma’ kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk dedotti mill-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u jista’ jingħaqad, pereżempju, mal-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ambjent. Barra minn hekk, għalkemm l-ibbilanċjar ma’ tali interess kellu jiġi aċċettat, l-għoti ta’ ħafna piż lil dan l-interess fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar ikollu l-effett li titħassar l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u li fir-rigward tagħha għandu jitfakkar li din tfittex li tiggarantixxi l-osservanza ta’ “prinċipju fundamentali” (ara l-punt 37 iktar ’il fuq.)

86      B’hekk, fil-każ ineżami, l-operazzjonijiet li jibbenefikaw mis-sistema kontenzjuża kienu impenji għal żmien twil, fid-dawl tat-tul ta’ amortizzazzjoni ta’ 20 sena previst minn din is-sistema (ara b’mod partikolari l-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata), u tali impenji jistgħu jitqiesu li jippermettu li l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar jiffavorixxi l-interessi individwali tal-benefiċjarji tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punti 164 sa 166). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li din iż-żamma għal żmien twil tikkonċerna biss it-tnaqqis fiskali li jikkorrispondi għall-akkwisti ta’ ishma li saru matul il-perijodu kopert mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (2002-2007) u ma timplikax li s-sistema kontenzjuża għandha tkompli tapplika fir-rigward tal-akkwisti ta’ ishma li saru wara l-2007. Finalment, il-kobor tal-vantaġġi individwali mogħtija lill-benefiċjarji, invokat mir-rikorrenti, jimmilita pjuttost favur iż-żamma ta’ dawn il-vantaġġi, sabiex dawn ma jsostnux dannu ċert u sostanzjali, milli favur irkupru li jista’ jkun iġġustifikat, jekk ikun il-każ, fil-każ li l-ambitu tal-effetti dannużi fil-livell ta’ Unjoni jkun huwa stess sinjifikattiv, pereżempju minħabba n-numru ta’ benefiċjarji u ta’ akkwisti ta’ ishma kkonċernati, li lanqas ma huwa allegat mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:89, punti 428 u 429).

87      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, jista’ jiġi kkunsidrat f’dan il-każ li l-Kummissjoni wettqet eżami xieraq, kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza, tal-kundizzjoni ta’ rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża dwar il-bilanċ tal-interessi.

 Fuq il-portata ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi protetti

88      Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li b’mod żbaljat estendiet il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għall-akkwisti ta’ ishma kollha li seħħew qabel il-21 ta’ Diċembru 2007, inklużi dawk preċedenti għaż-żewġ tweġibiet tal-Kummissjoni tal-2006 u dawk sussegwenti għal tweġiba tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2007 għal mistoqsija parlamentari.

–       Fuq l-inklużjoni tal-għajnuna marbuta ma’ akkwisti ta’ ishma preċedenti għaż-żewġ tweġibiet tal-Kummissjoni tal-2006

89      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset dan li ġej fid-deċiżjoni kkontestata:

“(164)      Fir-rigward tal-impatt tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, il-Kummissjoni tqis li għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ perjodi: (a) il-perjodu li jibda mid-dħul fis-seħħ tal-miżura fl-1 ta’ Jannar 2002 sad-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċedura f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-21 ta’ Diċembru 2007; u (b) il-perjodu wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċedura f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

(165)      B’referenza għall-ewwel perjodu, […]

(166)      [...K]walunkwe dikjarazzjoni preċiża u inkondizzjonali għan-nom tal-Kummissjoni li jkollha l-effett li miżura nazzjonali ma għandhiex titqies li hija għajnuna mill-Istat għandha naturalment tinftiehem li tfisser li l-miżura “mhux għajnuna” mill-bidu (i.e. anke qabel id-dikjarazzjoni inkwistjoni). Kwalunkwe impriża li qabel ma kinitx ċerta dwar jekk fil-futur kinitx ser tkun kapaċi, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-istat, tirkupra l-vantaġġi li kienet kisbet taħt l-iskema tal-amortizzazzjoni tal-avvjament li joħorġu mit-tranżazzjonijiet li tkun daħlet fihom qabel d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni setet tistabbilixxi li din l-inċertezza ma kellhiex bażi, għax ma setetx tkun mistennija li turi diliġenza akbar mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi, u meta wieħed iżomm f’moħħu li l-liġi tal-Komunità ma titlobx id-dimostrazzjoni ta’ konnessjoni każwali bejn l-assigurazzjonijiet mogħtija minn istituzzjoni tal-Komunità u l-imġiba minn ċittadini jew impriżi li magħhom huma relatati dawn l-assigurazzjonijiet, […] kwalunkwe imprenditur diliġenti seta’ raġonevolment jistenna li l-Kummissjoni sussegwentament ma kienet ser timponi l-ebda rkupru […] fir-rigward ta’ miżuri li hija stess kienet ikklassifikat qabel, f’dikjarazzjoni lil istituzzjoni oħra tal-Komunità, bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna, irrispettivament minn meta kienet ġiet konkluża t-tranżazzjoni li tibbenefika mill-miżura tal-għajnuna.

(167)      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-benefiċjarji tal-miżura kkontestata kellhom aspettattiva leġittima li l-għajnuna ma kinitx ser tiġi rkuprata u għaldaqstant mhijiex titlob irkupru tal-għajnuna fiskali mogħtija lil dawk il-benefiċjarji fil-kuntest ta’ kwalunkwe ishma miżmuma minn kumpanija akkwirenti Spanjola, direttament jew indirettament f’kumpanija barranija qabel id-data tal-pubblikazzjoni […] f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċedura tal-investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, li setgħet imbagħad tibbenefika mill-miżura inkwistjoni.”

90      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-approċċ tal-Kummissjoni, li jwassal biex jinkludi fil-kamp ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi operazzjonijiet imwettqa qabel id-data taż-żewġ tweġibiet tal-Kummissjoni tal-2006. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, minn naħa, fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif irrikonoxxut fid-dritt Ġermaniż, u, min-naħa l-oħra, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

91      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ raġunijiet ma jissostanzjawx it-teżi difiża mir-rikorrenti.

92      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif irrikonoxxut fid-dritt Ġermaniż, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza li stabbilixxiet il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fid-dritt tal-Unjoni ddeduċietu, skont il-metodu tradizzjonali ta’ “skoperta” tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, minn studju tad-dritt komparattiv tas-sitt Stati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (sentenza tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblea Komuni, 7/56 u 3/57 sa 7/57, EU:C:1957:7, p. 115). B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha biss fuq il-prinċipju tad-dritt Ġermaniż, li jeħtieġ li l-benefiċjarju tal-aspettattivi leġittimi jikkonkretizza dawn l-aspettattivi permezz ta’ att ta’ aspettattivi neċessarjament wara l-att li jiġġenera l-aspettattivi, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa wkoll meħtieġ fid-dritt tal-Unjoni. Jista’ jiġi rrilevat ukoll li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Westzucker (1/73, EU:C:1973:61), iċċitati mir-rikorrenti, l-Avukat Ġenerali Roemer rrefera, ċertament, għal sentenza tal-Bundesverfassungsgericht Ġermaniża (p. 741), iżda wkoll — skont il-metodu tradizzjonali msemmija hawn fuq tal-identifikazzjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — għal sentenza tal-Cour de cassation Franċiża u għal oħra tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell (p. 739).

93      Il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt Ġermaniż sabiex wieħed jibbenefika mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, b’mod partikolari dwar l-att tal-aspettattivi, ma għandhomx, għalhekk, jiġu applikati għal dan il-każ ineżami.

94      Fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti, din lanqas ma tippermetti li jiġi dedott li jistgħu jiġu koperti mill-aspettattivi leġittimi biss l-operazzjonijiet li saru wara l-kisba ta’ dawn l-aspettattivi.

95      Fil-fatt, fis-sentenzi kollha ċċitati u b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975, Deuka (78/74, EU:C:1975:44, punt 14), kienet prinċipalment tirrigwarda l-prinċipju ta’ ċertezza legali —, kienet inkwistjoni s-sitwazzjoni partikolari u distinta minn dik inkwistjoni f’din il-kawża fejn il-vantaġġi protetti mill-aspettattivi leġittimi kienu ġew mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li dan l-għoti kkostitwixxa fl-istess ħin l-att li ġġenera l-aspettattivi (għoti taċ-ċertifikat ta’ esportazzjoni u ffissar minn qabel tal-ammont kumpensatorju fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, EU:C:1975:59; għoti tal-premium ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-sentenzi tat-28 ta’ April 1988, Mulder, 120/86, EU:C:1988:213; tat-28 ta’ April 1988, von Deetzen, 170/86, EU:C:1988:214, u tal-10 ta’ Jannar 1992, Kühn, C-177/90, EU:C:1992:2). Din il-koinċidenza kienet timplika neċessarjament li l-aspettattivi leġittimi kienu jkopru biss il-vantaġġi mogħtija fuq il-bażi tal-att li jiġġenera l-aspettattivi, mingħajr ma jista’ jiġi dedott li, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ dan il-każ fejn il-vantaġġ huwa mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali indipendentement mill-att li jiġġenera l-aspettattivi maħluqa mill-Kummissjoni, huma biss tali vantaġġi li jistgħu jiġu protetti.

96      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni (T-6/99, EU:T:2001:145), iċċitata mill-Kummissjoni fil-kontroreplika, li l-Qorti Ġenerali aċċettat, minn tal-inqas fil-prinċipju, anki jekk f’ċirkustanzi differenti minn dawk ta’ dan il-każ, li l-aspettattivi leġittimi setgħu jkunu ta’ benefiċċju għal operazzjonijiet li saru qabel l-att li jiġġenera dawn l-aspettattivi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 190 ta’ dik is-sentenza, li garanzija mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-kumpannija rikorrenti fi tmiem is-sena 1994 kienet koperta mill-aspettattivi leġittimi dedotti minn assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Jannar 1995. Għalkemm iż-żmien li għadda bejn l-għoti tal-għajnuna koperta mill-aspettattivi leġittimi u l-att li ġġenera l-aspettattivi leġittimi huwa qasir, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tagħti assigurazzjonijiet preċiżi ta’ natura li joħolqu aspettattivi fondati dwar il-legalità ta’ għajnuna mogħtija qabel. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, ma huwiex determinanti l-fatt li l-garanzija inkwistjoni kienet tixbah garanzija oħra koperta wkoll mill-aspettattivi leġittimi minħabba l-assigurazzjonijiet mogħtija fl-1 ta’ Marzu 1993, peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 78 iktar ’il fuq, deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni dwar għajnuna ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi ta’ benefiċjarji ta’ proġetti futuri ta’ għajnuna simili fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

97      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li t-teżi difiża mir-rikorrenti tikkonfondi d-data tal-kisba tal-aspettattivi leġittimi, li tikkorrispondi mad-data ta’ għarfien tal-assigurazzjonijiet preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 38), u s-suġġett tal-aspettattivi leġittimi miksuba, li jista’ jestendi għal operazzjonijiet li saru qabel din id-data, skont it-termini tal-assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija.

98      Madankollu, l-aspettattivi leġittimi jinvolvu l-iktar ta’ spiss, u b’mod partikolari f’dan il-każ, iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li bħala tali toriġina qabel l-att li jiġġenera aspettattivi għaż-żamma tagħha. F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-att li jiġġenera l-aspettattivi leġittimi ma jipproduċix effett retroattiv, fis-sens li joħloq aspettattivi leġittimi minn avvenimenti preċedenti inkwistjoni, iżda sempliċiment ikopri, mid-data ta’ meta seħħ, avvenimenti li seħħew qabel din id-data u l-effetti futuri tagħhom.

99      Jekk it-teżi tar-rikorrenti kellha tiġi aċċettata, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jkunx jista’ jiġi validament invokat sabiex jopponi l-irkupru ta’ għajnuna illegali li, min-natura tagħha, hija mogħtija qabel ma l-Kummissjoni, li hija l-iktar waħda li tista’ tipprovdi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali, konkordanti u affidabbli, setgħet tippronunzja ruħha, bi kwalunkwe mod, fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 ikun b’hekk imċaħħad mill-effettività tiegħu.

100    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mit-tweġibiet tagħha tal-2006 kienu jirrigwardaw iż-żamma tas-sistema kontenzjuża li daħlet fis-seħħ fl-2002 u, għaldaqstant, kienet tkopri ishma akkwistati minn dik id-data u għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din is-sistema fuq il-bażi ta’ dawn l-akkwisti ta’ ishma, u dan anki jekk din ingħatat qabel it-tweġibiet tal-2006.

101    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li s-sistema kontenzjuża ma ġietx f’dan il-każ innotifikata lill-Kummissjoni u li l-benefiċjarji ta’ din is-sistema jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-għoti tagħha biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara l-punti 39 u 40 iktar ’il fuq). Fil-fatt, minkejja li mill-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mhux innotifikata ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità u taż-żamma tagħha, mill-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi jirriżulta li, b’effett mill-għoti ta’ assigurazzjonijiet preċiżi ta’ natura li joħolqu fi ħdan il-benefiċjarju tal-għajnuna aspettattivi fondati fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna, li jikkaratterizzaw dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali (ara l-punti 47 u 48 iktar ’il fuq), u sakemm dawn l-assigurazzjonijiet mogħtija ma jipprevedux limitu ratione temporis, dan il-benefiċjarju ma jistax jitqies iktar bħala li seta’ leġittimament ikun jaf matul ċertu perijodu bl-illegalità tal-għajnuna inkwistjoni.

102    Li kieku kien mod ieħor, dan kien iwassal sabiex jiġu injorati l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-assigurazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata ratione temporis tal-imsemmija assigurazzjonijiet, u b’hekk sabiex titneħħa waħda mill-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi, b’mod li jikkontribwixxi madankollu fil-każ ta’ għajnuna mhux innotifikata għall-konklużjoni li l-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità ta’ din l-għajnuna jkunu rrikonoxxuti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Fil-fatt, jekk kellhom jiġu koperti biss mill-aspettattivi leġittimi l-operazzjonijiet wara l-att li jiġġenera l-aspettattivi leġittimi, anki meta dan tal-aħħar kien speċifika li jkopri operazzjonijiet preċedenti, dan iwassal għal limitazzjoni tal-portata ta’ dawn l-assigurazzjonijiet bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

103    L-analiżi proposta mir-rikorrenti għandha wkoll l-effett li ġġiegħel lill-benefiċjarji ta’ miżura fiskali, bħall-vantaġġ stabbilit mis-sistema kontenzjuża, jeżerċitaw diliġenza partikolari li tmur lil hinn mill-obbligi fuq operatur ekonomiku raġonevolment diliġenti u ekwivalenti essenzjalment għal dik tad-debitur tal-obbligu ta’ notifika, meta l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ta’ miżura bħal din ma tistax tiġi preżunta u l-assenza tal-obbligu ta’ notifika fuq benefiċjarji tikkostitwixxi preċiżament wieħed mill-pedamenti tal-possibbiltà li jiġi rrikonoxxut lilhom il-benefiċċju ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità ta’ għajnuna mhux innotifikata (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq).

104    Għandu jingħad ukoll li t-teżi difiża mir-rikorrenti twassal ukoll, f’dan il-każ, għaċ-ċaħda tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża għall-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din is-sistema fir-rigward tal-akkwisti ta’ ishma li saru sa Frar 2006, sussegwentement minn Novembru 2007. Minbarra l-kumplessità tal-obbligu ta’ rkupru fdat lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ sistema ta’ għajnuna ta’ tnaqqis fiskali li tapplika għal perijodu ta’ 20 sena, tali approċċ iwassal b’mod partikolari sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-aspettattivi jkun suġġett għall-inċertezzi tal-intervent ta’ atti li jiġġeneraw aspettattivi leġittimi u b’hekk joħloq inċertezza legali fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa meqjus minn ġurisprudenza stabbilita bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq).

105    Barra minn hekk, anki jekk din ma hijiex determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-427/04 u T-17/05, EU:T:2009:474, punt 277), jista’ jiġi rrilevat li l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata ġie adottat ukoll f’deċiżjonijiet oħra, kif il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta, mingħajr ma dan l-approċċ qatt ġie ddubitat mill-qorti tal-Unjoni.

106    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod żbaljat li l-aspettattivi leġittimi kienu jestendu għall-għajnuna mogħtija skont is-sistema kontenzjuża sa mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-2002.

–       Fuq l-inklużjoni tal-għajnuna relatata ma’ akkwisti ta’ ishma wara l-5 ta’ Frar 2007

107    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 164 u 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża fir-rigward tal-legalità ta’ din is-sistema ntemmu fil-21 ta’ Diċembru 2007, data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-imsemmija sistema, peress li, minn din id-data, operatur ekonomiku diliġenti kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-dubji li l-Kummissjoni espremiet fir-rigward tal-legalità tas-sistema kontenzjuża.

108    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-aspettattivi leġittimi jistgħu jintemmu fid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura ta’ għajnuna, li f’dan il-każ saret fil-21 ta’ Diċembru 2007, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2016, L-Irlanda u Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, T-50/06 RENV II u T-69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punti 221 u 224, u tal-1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il-Kummissjoni, T-454/13, EU:T:2017:134, punt 293 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tas-sistema kontenzjuża ntemmu f’dan il-każ fil-5 ta’ Frar 2007, data tat-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija parlamentari oħra.

109    Il-parti ta’ din it-tweġiba li tittratta s-sistema kontenzjuża taqra kif ġej:

“F’dan il-każ, il-Kummissjoni qatt ma ddeċidiet, sal-lum, dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, ta’ dispożizzjonijiet fiskali Spanjoli dwar id-deduċibbiltà fiskali tal-avvjament finanzjarju, li ma jidhrux li jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet tar-Raba’ Direttiva tal-Kontabbiltà. […] Il-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tindika li l-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura sussegwenti ta’ kontroll ta’ miżuri eventwali ta’ għajnuna li għalihom l-Onorevoli Membru tal-Parlament jirreferi ma għandux jiġi ppreġudikat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li hija tista’, fuq il-bażi tas-setgħat tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, teżiġi l-irkupru ta’ kull miżura ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u mogħtija illegalment sabiex ittellef lill-benefiċjarju tagħha mill-vantaġġ li minnu huwa bbenefika fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u, b’dan il-mod, tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kien hemm qabel l-għoti tal-għajnuna.” (In this case, the Commission has yet to give its opinion on the compatibility, from a state aid point of view, of the Spanish goodwill write-off provisions; they do not, however, appear to be contrary to the Fourth Accounting Directive. […] In any case, he Commission would point out that it is impossible to predict the outcome of any subsequent investigation of the possible aid measures referred to by the Honourable Member. In this regard, the Commission would reiterate that it may, by virtue of its state aid control powers, order the recovery of any incompatible or illegally granted aid so as to deprive the recipient of any advantage it may have enjoyed over its competitors, thereby restoring the pre-aid competitive market situation.)

110    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq jirriżulta li operatur ekonomiku diliġenti ma jistax jibqa’ jkollu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-għoti ta’ għajnuna wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jimplika li l-Kummissjoni għandha dubji serji dwar il-legalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li, sabiex aspettattivi leġittimi debitament stabbiliti jintemmu, ir-rimarki magħmula mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha tat-5 ta’ Frar 2007 kellhom, tal-inqas, joħolqu dubji serji dwar il-legalità tas-sistema kontenzjuża.

111    Issa, tali dubji bl-ebda mod ma huma dedotti mit-tweġiba tal-5 ta’ Frar 2007. Skont din it-tweġiba fil-fatt, huma ipotetiċi kemm il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tas-sistema kontenzjuża, li setgħet turi dubji serji dwar il-legalità tas-sistema kontenzjuża, kif ukoll, a fortiori, l-eżitu ta’ tali proċedura. Il-Kummissjoni ċertament tirreferi essenzjalment, fit-tweġiba tagħha, għat-talba għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli fil-15 ta’ Jannar 2007 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), iżda tali talba taqa’ biss, f’dan il-każ, taħt il-fażi preliminari tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar il-miżura nazzjonali kkonċernata (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li ma twassalx neċessarjament għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, billi l-Kummissjoni tista’ tibqa’ fil-fażi preliminari sabiex tieħu deċiżjoni favur miżura nazzjonali jekk hija tkun tista’ tkun konvinta, fi tmiem l-ewwel investigazzjoni, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew, jekk hija kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat FUE (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 186 u 187, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463, punt 31). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma għamlet, f’din it-tweġiba, ebda evalwazzjoni, lanqas fil-qosor jew vaga, tas-sistema kontenzjuża, billi sempliċement fakkret is-setgħat li hija għandha fir-rigward ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti diretti kontra id-delimitazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu milqugħa.

113    Għalhekk, hemm lok li l-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud.

114    Għalhekk ir-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex titlob l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, b’mod li, mingħajr ħtieġa li tingħata deċiżjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà eċċepita mill-Kummissjoni, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, point 52).

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deutsche Telekom AG hija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.