Language of document : ECLI:EU:T:2011:609





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2011 — Alfastar Benelux vs Il-Kunsill

(Kawża T-57/09)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi relatati mal-manutenzjoni teknika u mas-servizzi ta’ help desk u ta’ intervent fuq il-post għall-kompjuters, għall-printers u għat-tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet - Motivazzjoni - Obbligu - Portata - Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li offerta tiġi miċħuda - Evalwazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni li r-rikorrent kellu meta ppreżenta r-rikors - Assenza ta’ komunikazzjoni tal-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula - Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3)) (ara l-punti 24-29, 36-43)

2.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Kundizzjonijiet - Illegalità - Dannu - Rabta kawżali - Annullament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, ċaħdet offerta - Realtà tal-illegalità u tar-rabta kawżali li tiddependi fuq l-eżami tal-motivi li għandhom jiġu invokati kontra d-deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata - Natura prematura tat-talba għal kumpens (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE) (ara l-punti 45‑53)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2008, li tiċħad l-offerta tal-grupp ta’ impriżi Alfastar-Siemens, kompost minn Alfastar Benelux u minn Siemens IT Solutions and Services SA, ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti UCA/218/07 għall-manutenzjoni teknika u s-servizzi ta’ help desk u ta’ intervent fuq il-post għall-kompjuters, għall-printers u għat-tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (ĠU 2008/S 91‑122796), u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2008, li tiċħad l-offerta tal-grupp ta’ impriżi kompost minn Alfastar Benelux u minn Siemens IT Solutions and Services SA, ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti UCA/218/07 għall-manutenzjoni teknika u s-servizzi ta’ help desk u ta’ intervent fuq il-post għall-kompjuters, għall-printers u għat-tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor hija annullata.

2)

It-talba għad-danni hija miċħuda.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.