Language of document : ECLI:EU:T:2014:160

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

27 ta’ Marzu 2014 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ftehimiet ta’ qsim ta’ swieq u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Multi – Applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Reċidiva – Ammont addizzjonali – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Limitu tal-multa – Dħul mill-bejgħ konsolidat tal-grupp”

Fil-Kawżi T‑56/09 u T‑73/09,

Saint-Gobain Glass France SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG, stabbilita f’Aix-la-Chapelle (il-Ġermanja),

Saint-Gobain Sekurit France SAS, stabbilita f’Thourotte (Franza),

inizjalment irrappreżentati minn B. van de Walle de Ghelcke, B. Meyring, E. Venot u M. Guillaumond, sussegwentement minn B. van de Walle de Ghelcke, B. Meyring u E. Venot, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑56/09,

Compagnie de Saint-Gobain SA, stabbilita f’Courbevoie, irrappreżentata minn P. Hubert u E. Durand, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑73/09,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre, M. Kellerbauer u N. von Lingen, sussegwentement minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre, M. Kellerbauer u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Karlsson u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

intervenjent fil-Kawża T‑56/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, u permezz tad-Deċiżjoni C (2013) 1118 finali, tat-28 ta’ Frar 2013, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għal annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din timponi multa fuq ir-rikorrenti jew, iktar sussidjarjament, talbiet għal tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President tal-Awla, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorsi preżenti ġew ippreżentati bil-għan li jinkiseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 173, p. 13). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat b’mod partikolari li ċertu numru ta’ impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kienu kisru dawn id-dispożizzjonijiet billi pparteċipaw, f’perijodi varji bejn Marzu 1998 u Marzu 2003, f’sensiela ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Saint-Gobain Glass France SA, Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG u Saint-Gobain Sekurit France SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Saint‑Gobain”), rikorrenti fil-Kawża T‑56/09, huma kumpanniji attivi fil-produzzjoni, ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ materjali, fosthom il-ħġieġ tal-vetturi. Huma sussidjarji 100 % ta’ Compagnie de Saint-Gobain SA (iktar ’il quddiem “Compagnie”), rikorrenti fil-Kawża T‑73/09. Pilkington Group Ltd tiġbor fiha b’mod partikolari l-kumpanniji Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pilkington”). Pilkington, li wkoll ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑72/09), hija waħda mill-ikbar produtturi fid-dinja tal-ħġieġ u ta’ prodotti għat-twieqi, b’mod partikolari fis-settur tal-vetturi. Soliver NV, li ppreżentat rikors għal annullament kontra l-istess deċiżjoni (Kawża T‑68/09), hija produttriċi tal-ħġieġ tal-iżgħar daqs, attiva b’mod partikolari fis-settur tal-vetturi.

3        Asahi Glass Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Asahi”) hija produttriċi tal-ħġieġ, ta’ prodotti kimiċi u ta’ komponenti elettroniċi, stabbilita fil-Ġappun. Asahi hija l-proprjetarja tal-ishma kollha tal-impriża Belġjana li tipproduċi l-ħġieġ Glaverbel SA/NV, din tal-aħħar hija l-proprjetarja 100 % ta’ AGC Automotive France (iktar ’il quddiem “AGC”). AGC kellha, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, l-isem Splintex Europe SA (iktar ’il quddiem “Splintex”). Asahi, li hija waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ma ppreżentatx rikors kontra din tal-aħħar.

4        L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nbdiet sussegwentement għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, minn avukat Ġermaniż li kien qed jaġixxi għan-nom ta’ klijent anonimu, ta’ ittri li jinkludu informazzjoni li tirrigwarda akkordji u prattiki miftiehma min-naħa ta’ diversi impriżi attivi fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ħġieġ tal-vetturi.

5        Fi Frar u f’Marzu 2005, il-Kummissjoni pproċediet bi spezzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti kif ukoll f’dawk ta’ Pilkington, ta’ Soliver u ta’ AGC. Il-Kummissjoni ssekwestrat numru ta’ dokumenti u fajls f’dawn l-ispezzjonijiet.

6        Sussegwentement għal dan, Asahi u Glaverbel kif ukoll is-sussidjarji tagħhom ikkonċernati mill-investigazzjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“applikanti għal klemenza”) ippreżentaw talba għal immunità jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002”). It-talba għal immunità kundizzjonali ta’ multa ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2006, minkejja li din tal-aħħar informat lill-applikanti għal klemenza li kellha tapplikalhom tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 % tal-ammont tal-multa li normalment kien jiġi impost fuqhom, u dan b’mod konformi mal-punt 26 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002.

7        Bejn is-26 ta’ Jannar 2006 u t-2 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ressqet diversi talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti kif ukoll lil Pilkington, lil Soliver, lil Asahi, lil Glaverbel u lil AGC, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). L-impriżi kkonċernati rrispondew għal dawn it-talbiet varji.

8        Min-naħa l-oħra, fuq l-istess bażi, il-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni lil produtturi varji tal-vetturi, lil produttur Taljan ta’ kowċis kif ukoll lil żewġ assoċjazzjonijiet professjonali tal-industrija tal-ħġieġ, li lkoll irrispondewha.

9        Fit-18 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ksur uniku u kontinwat li kkonsista f’akkordji jew prattiki miftiehma bejn produtturi tal-ħġieġ tal-vetturi, bil-għan tat-tqassim ta’ kuntratti għal provvista lil produtturi tal-vetturi. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet innotifikata lir-rikorrenti kif ukoll lil Pilkington, Soliver, Asahi, Glaverbel u lil AGC. Kull waħda mill-impriżi destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha aċċess għall-fajl u ġiet mistiedna mill-Kummissjoni sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Fl-24 ta’ Settembru 2007, seħħet seduta għand il-Kummissjoni, li fiha pparteċipaw l-imsemmija destinatarji kollha.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Fit-12 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Hija sostniet b’mod partikolari li Saint-Gobain u Compagnie kienu pparteċipaw f’akkordji u f’prattiki miftiehma previsti fil-punt 1 iktar ’il fuq bejn l-10 ta’ Marzu 1998 u l-11 ta’ Marzu 2003 [Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata] u imponiet inizjalment ‘in solidum’ multa ta’ EUR 896 miljun [Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

11      L-applikanti għal klemenza, li nstabu li pparteċipaw fil-ksur fil-perijodu bejn it-18 ta’ Mejju 1998 u l-11 ta’ Marzu 2003, ġew ikkundannati għal multa ta’ EUR 113.5 miljun [Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata].

12      Fir-rigward ta’ Pilkington, il-Kummissjoni ddeċidiet li din l-impriża kienet ipparteċipat fl-akkordji u fil-prattiki miftiehma mill-10 ta’ Marzu 1998 sat-3 ta’ Settembru 2002 [Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata]. Hija imponiet fuqha inizjalment multa ta’ EUR 370 miljun [Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

13      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Soliver, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-impriża kienet ipparteċipat fil-ksur mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003 [Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata]. Hija imponiet fuqha inizjalment multa ta’ EUR 4 396 000 [Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata].

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-punt li l-karatteristiċi tas-suq tal-ħġieġ tal-vetturi, jiġifieri b’mod partikolari tar-rekwiżiti tekniċi importanti kif ukoll ta’ livell għoli ta’ innovazzjoni, jiffavorixxu lill-fornituri integrati u ta’ skala internazzjonali. AGC, Pilkington u Saint-Gobain kienu fost il-produtturi prinċipali tal-ħġieġ tal-vetturi fuq skala mondjali u flimkien kienu jkopru, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ċirka 76 % tad-domanda mondjali tal-ħġieġ destinat għas-suq tal-ewwel twaħħil (twaħħil tal-ħġieġ tal-vetturi fil-fabbrika, fil-mument tal-immuntar tal-vettura). Il-Kummissjoni tosserva wkoll volum sinjifikattiv ta’ skambji bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri tal-EFTA li jiffurmaw parti miż-ŻEE fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi. Il-produtturi tal-vetturi barra minn hekk jinnegozjaw il-kuntratti ta’ xiri għall-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi fil-livell taż-ŻEE.

15      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fornituri tal-ħġieġ tal-vetturi previsti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni segwew b’mod kontinwu l-ishma tagħhom rispettivi tas-suq fil-perijodu tal-ksur, mhux biss ‘skont il-vettura’, jiġifieri fir-rigward tal-ammont tal-bejgħ skont il-mudell tal-vettura, iżda wkoll globalment, tal-vetturi kollha f’daqqa.

16      Pilkington, Saint-Gobain u AGC kienu, f’dan ir-rigward, ipparteċipaw f’laqgħat trilaterali, xi kultant imsejħa “laqgħat tal-klabb”. Dawn il-laqgħat, organizzati b’rotazzjoni minn kull waħda minn dawn l-impriżi, seħħew f’lukandi fi bliet differenti fl-Ewropa, f’residenzi privati li jappartjenu lil impjegati ta’ dawn l-impriżi kif ukoll fil-bini tal-association professionnelle Groupement européen de producteurs de verre plat (GEPVP) (Assoċjazzjoni professjonali tal-Grupp Ewropew ta’ produtturi tal-ħġieġ ċatt) u f’dawk tal-Associazione nazionale degli industriali del vetro (Assovetro) (Assoċjazzjoni nazzjonali tal-industriji tal-ħġieġ).

17      Laqgħat jew kuntatti bilaterali ġew organizzati wkoll bejn dawn il-kompetituri, bil-għan li jiddiskutu l-provvista ta’ twieqi tal-vetturi għall-mudelli preżenti jew futuri. Dawn il-varji kuntatti jew laqgħat irrigwardaw l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-partijiet mis-suq, it-tqassim tal-kunsinni ta’ ħġieġ tal-vetturi lill-produtturi u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva u l-koordinazzjoni tal-istrateġiji ta’ dawn il-kompetituri differenti fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet u ta’ provvista tal-klijenti.

18      L-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat bilaterali, li fiha pparteċipaw Saint-Gobain u Pilkington, seħħet fl-10 ta’ Marzu 1998 fil-lukanda Hyatt Regency tal-ajruport Charles-de-Gaulle f’Pariġi (Franza). L-ewwel laqgħa trilaterali seħħet fir-rebbiegħa tal-1998 f’Königswinter (il-Ġermanja), fir-residenza privata tal-persuna responsabbli mill-klijenti l-kbar ta’ Splintex (AGC). Dawn il-laqgħat kienu ppreċeduti minn kuntatti esploratorji bejn Saint-Gobain u Pilkington, mill-1997, fejn l-għan tagħhom kien l-armonizzazzjoni teknika tat-twieqi oskuri (tinted) prodotti minn dawn l-impriżi, fir-rigward tal-kulur, tal-ħxuna u tat-trażmissjoni tad-dawl. Il-Kummissjoni madankollu ma inkludietx dawn il-kuntatti fl-akkordju kontenzjuż, peress li huma kienu jirrigwardaw essenzjalment, skont din, stadju avvanzat fil-linja ta’ produzzjoni tal-ħġieġ ċatt, qabel ma jiġi ipproċessat fi ħġieġ tal-vetturi.

19      Il-Kummissjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata bejn wieħed u ieħor 90 laqgħa u kuntatti bejn ir-rebbiegħa tal-1998 u x-xahar ta’ Marzu 2003. L-aħħar kuntatt trilaterali kien seħħ fil-21 ta’ Jannar 2003, u b’hekk l-aħħar laqgħa bilaterali seħħet fit-tieni nofs tax-xahar ta’ Marzu 2003, bejn Saint-Gobain u AGC. Il-parteċipanti użaw abbrevjazzjonijiet jew ismijiet b’kodiċi sabiex jidentifikaw ruħhom f’dawn il-laqgħat u kuntatti.

20      Il-parteċipazzjoni ta’ Soliver fl-akkordju ma bdietx qabel id-19 ta’ Novembru 2001 u damet sal-11 ta’ Marzu 2003. Jidher li Soliver ġiet ikkuntattata minn Saint-Gobain mis-sena 2000 sabiex tipparteċipa fl-akkordju kontenzjuż. Il-parteċipanti inizjali fl-akkordju, f’dan il-każ Saint-Gobain, Pilkington u AGC, użaw, għal dan il-għan, id-dipendenza ta’ Soliver lejn il-produtturi tal-materja prima, Soliver ma kinitx tipproduċi l-ħġieġ ċatt neċessarju għall-manifattura tat-twieqi tal-vetturi.

21      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-pjan ġenerali tal-akkordju jikkonsisti fi tqassim tal-kunsinni tal-ħġieġ tal-vetturi bejn il-parteċipanti għall-akkordju, kemm f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ provvista eżistenti kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-kuntratti ġodda. Dan il-pjan kellu l-għan li jiggarantixxi l-istabbiltà tal-partijiet mis-suq ta’ dawn il-parteċipanti. Sabiex jilħqu dan l-għan, il-parteċipanti, fil-laqgħat u fil-kuntatti previsti fil-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq, kienu skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll data oħra sensittivi. Barra minn hekk, huma kkoordinaw il-politika tagħhom tal-iffissar tal-prezzijiet u ta’ provvista lill-klijenti. B’mod partikolari, sar ftehim fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għat-talbiet ta’ offerti ta’ prezzijiet mill-produtturi tal-vetturi, b’mod li tiġi influwenzata l-għażla minn dawn tal-aħħar ta’ fornitur tal-ħġieġ, saħansitra ta’ ħafna fosthom f’każ ta’ provvista multipla. Il-parteċipanti kellhom, f’dan ir-rigward, żewġ mezzi sabiex jiffavorixxu l-għoti ta’ kutratt ta’ provvista lill-produttur li sar qbil dwaru, jiġifieri jew li ma ssirlu l-ebda offerta, jew li ssirlu offerta ta’ kopertura, jiġifieri offerta li tinkludi prezzijiet ogħla minn dawk tal-imsemmi produttur. Miżuri korrettivi, fil-forma ta’ kumpens mogħtija lil parteċipant wieħed jew varji parteċipanti, kienu ġew deċiżi peress li dan kien ikkunsidrat neċessarju, sabiex jiġi ggarantit li s-sitwazzjoni globali tal-offerta fil-livell taż-ŻEE jibqa’ konformi mat-tqassim miftiehem. Meta miżuri korrettivi kellhom jaffettwaw kuntratti ta’ provvista kurrenti, il-proċess użat mill-kompetituri sabiex jaġġustaw il-partijiet mis-suq kien jikkonsisti f’li l-produtturi tal-vetturi jiġu avżati dwar il-problema teknika jew skarsezza ta’ materja prima li jaffettwaw il-kunsinna tal-partijiet ordnati u li jissuġġerixxu lil din tagħmel talba lil fornitur sostitut.

22      Sabiex jinżamm it-tqassim tal-kuntratti kif sar qbil dwarhom, il-parteċipanti għall-akkordju kienu barra minn hekk ftiehmu, f’ħafna okkażjonijiet, dwar tnaqqis fil-prezzijiet li għandu jingħata lill-produtturi tal-vetturi abbażi tat-titjib fil-produttività miksub, saħansitra fuq żidiet eventwali fil-prezzijiet applikati għal mudelli ta’ vetturi li l-livell ta’ produzzjoni tagħhom ikun iktar baxx mill-previżjonijiet. Huma kienu wkoll ftiehmu, f’dan il-każ, li jillimitaw l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż reali tagħhom ta’ produzzjoni lill-produtturi tal-vetturi, sabiex jevitaw talbiet frekwenti wisq ta’ tnaqqis tal-prezzijiet minn dawn l-aħħar imsemmija.

23      Il-ftehim li għandu bħala għan l-istabbiltà tal-partijiet mis-suq sar possibbli, b’mod partikolari, permezz tat-trasparenza tas-suq tal-provvista tal-ħġieġ tal-vetturi. L-evoluzzjoni tal-partijiet mis-suq ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tal-previżjonijiet ta’ bejgħ, billi jiġu kkunsidrati l-kuntratti ta’ provvista eżistenti.

24      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-applikanti għal klemenza kkonfermaw li l-iktar tard mis-sena 1998 rappreżentanti ta’ Splintex ipparteċipaw, ma’ ċerti kompetituri, f’attivitajiet illeċiti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta’ kontestazzjoni, minn Saint-Gobain, tal-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tiġi interpretata bħala approvazzjoni, minn din l-impriża, tad-deskrizzjoni li saret mill-Kummissjoni tal-kontenut tal-laqgħat u tal-kuntatti kontenzjużi.

25      Fl-aħħar nett, Pilkington, Saint-Gobain u AGC ftiehmu, f’laqgħa li seħħet fis-6 ta’ Diċembru 2001, fuq metodu ġdid ta’ kalkolu għall-finijiet tat-tqassim u tal-għoti mill-ġdid ta’ kuntratti ta’ provvista.

26      Huwa fuq il-bażi ta’ din il-ġabra ta’ indizji li l-Kummissjoni kkunsidrat lil Saint-Gobain, lil Compagnie, lil Pilkington, lil Soliver u lil applikanti għal klemenza responsabbli ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

27      L-arranġamenti konklużi bejn dawn il-partijiet jammontaw, skont il-Kummissjoni, għal akkordji jew għal prattiki miftiehma fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li xekklu l-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi. Dan il-ksur ikun, barra minn hekk, uniku u kontinwu peress li l-parteċipanti għall-akkordju esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu b’mod partikolari fis-suq u adottaw pjan komuni intiż li jillimita l-awtonomija kummerċjali individwali tagħhom billi jaqsmu l-kunsinni ta’ ħġieġ tal-vetturi destinati għal vetturi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief kif ukoll billi jgħawwġu l-prezzijiet ta’ dawn it-twieqi bil-għan li jiżguraw stabbiltà globali fis-suq u li jmantnu prezzijiet artifiċjalment għolja. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-frekwenza u l-karattru mhux interrott ta’ dawn il-laqgħat u ta’ dawn il-kuntatti, fuq perijodu ta’ ħames snin, kellhom bħala riżultat li l-produtturi kollha kbar li jipproduċu vetturi tal-passiġġieri u vetturi ħfief fiż-ŻEE kienu koperti mill-akkordju.

28      Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra kkunsidrat li xejn ma kien jindika li l-akkordji u l-prattiki miftiehma bejn il-fornituri tal-ħġieġ tal-vetturi wasslu għal kisba ta’ iktar effiċjenza jew iffaċilitaw il-progress tekniku jew ekonomiku fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi. Il-Kummissjoni konsegwentement, ċaħdet applikazzjoni f’din il-kawża tal-Artikolu 81(3) KE.

29      Fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li Compagnie għandha indirettament 100 % tal-ishma ta’ Saint-Gobain. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkunsidrat li Compagnie kienet preżunta li kellha influwenza partikolari fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain. Elementi oħra bħall-istruttura kummerċjali tal-grupp ikkontrollat direttament jew indirettament minn Compagnie (iktar ’il quddiem il-“grupp Saint-Gobain”) u l-kompożizzjoni tal-Bord tad-diretturi ta’ Saint-Gobain, jikkonfermaw din l-influwenza determinanti. Compagnie ma kinitx f’pożizzjoni li tirribatti din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet tifforma flimkien ma’ Saint-Gobain impriża waħda li pparteċipat fil-ksur u, b’hekk, imponiet fuq Compagnie u fuq Saint-Gobain multa li huma responsabbli għaliha in solidum.

30      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li Saint-Gobain u Compagnie kienu pparteċipaw fih mill-10 ta’ Marzu 1998 sal-11 ta’ Marzu 2003. Il-parteċipazzjoni ta’ Pilkington ġiet evalwata għall-perijodu mill-10 ta’ Marzu 1998 sat-3 ta’ Settembru 2002. Fir-rigward ta’ Soliver, hija pparteċipat fil-ksur mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003.

31      Fir-rigward tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbiliet il-valur tal-bejgħ tat-twieqi tal-vetturi li nkiseb minn kull impriża li pparteċipat fi ħdan iż-ŻEE b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur. Hija għamlet distinzjoni, għal dan il-għan, bejn bosta perijodi. Għall-perijodu li beda minn Marzu 1998 u li spiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2000, ikklassifikat bħala l-perijodu taż-“żieda”, hija kkunsidrat li kellha provi tal-ksur biss għall-parti mill-produtturi Ewropej tal-vetturi. Il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat biss, f’dak li jirrigwarda dan il-perijodu, il-bejgħ tal-ħġieġ tal-vetturi lill-produtturi li għalihom hija kellha provi diretti tal-akkordju. F’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2000 u t-3 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni osservat li l-kontijiet li kienu s-suġġett tal-akkordju kienu jikkonċernaw għall-inqas 90 % tal-bejgħ fi ħdan iż-ŻEE. Hija b’hekk ikkonkludiet li, fir-rigward ta’ dan il-perijodu, it-totalità tal-bejgħ ta’ ħġieġ tal-vetturi fi ħdan iż-ŻEE, mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, fl-aħħar tal-perijodu ta’ ksur, jiġifieri bejn it-3 ta’ Settembru 2002 u x-xahar ta’ Marzu 2003, l-attivitajiet tal-kartell naqsu wara t-tluq ta’ Pilkington. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra biss, għal dan il-perijodu, il-bejgħ lill-produtturi tal-vetturi li dwarhom kellha provi diretti tal-akkordju. Barra minn hekk, ġiet ikkalkolata ċifra medja annwali ppeżata ta’ dawn iċ-ċifri ta’ bejgħ għal kull fornitur tal-ħġieġ tal-vetturi ikkonċernat, billi ġew diviżi l-valuri ta’ bejgħ imsemmija iktar ’il fuq bin-numru ta’ xhur li għalihom kull wieħed mill-imsemmija fornituri kien ipparteċipa fil-ksur u mbagħad ir-riżultat ta’ din id-diviżjoni ġie multiplikat bi tnax.

32      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-ksur inkwistjoni, li kkonsista fi tqassim tal-klijenti, kien wieħed mir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni l-iktar gravi. Fir-rigward tan-natura ta’ dan il-ksur, għall-portata ġeografika tiegħu u għas-sehem mis-suq kombinat tal-impriżi li pparteċipaw fih, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, proporzjon ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża involuta, multiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multi ġie miżjud b’ammont addizzjonali (jew miżata tad-dħul) stabbilit għal 16 % tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet ta’ deterrent.

33      L-ammont bażiku tal-multa impost in solidum fuq Saint-Gobain u fuq Compagnie ġie miżjud b’60 % minħabba r-reċidiva. Fir-rigward tal-ammont tal-multa impost fuq Soliver, dan tnaqqas għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar, b’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ingħata tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa lill-applikanta għal klemenza, hekk kif jirriżulta mill-provi li hija kienet ittrażmettiet lill-Kummissjoni u li ppermettew lil din tal-aħħar li tifhem aħjar id-dokumenti miġbura fl-ispezzjonijiet.

34      Fil-11 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 863 finali, li tirrettifika d-deċiżjoni kkontestata fuq numru limitat ta’ punti.

35      Fit-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 1118 finali, li tirrettifika b’mod partikolari d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ Saint-Gobain lil [kunfidenzjali] qabel il-31 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tirrettifika tat-28 ta’ Frar 2013”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkorreġiet l-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti u stabbiliet dan għal EUR 880 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2009, Saint-Gobain ressqet rikors fil-Kawża T‑56/09. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2009, Compagnie ressqet rikors fil-Kawża T‑73/09.

37      Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u sussegwentement għat-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-imsemmija proċeduri minn Compagnie fil-Kawża T‑73/09, din tal-aħħar ippreżentat sottomissjonijiet kumplimentari, li waslu fir-Reġistru fis-6 ta’ Settembru 2010. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn is-sottomissjonijiet kumplimentari.

38      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, dawn il-kawżi ġew għalhekk assenjati lil din l-Awla.

39      Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ April 2012, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li nstemgħu l-partijiet, iddeċieda li jgħaqqad il-kawżi T‑56/09 u T‑73/09 għall-finijiet tal-proċedura orali.

40      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012. Il-partijiet ġew mistiedna, f’din l-okkażjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq għaqda eventwali tal-Kawżi T‑56/09 u T‑73/09 għall-finijiet tas-sentenza u huma indikaw li ma kellhomx osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

41      Fil-Kawża T‑56/09, Saint-Gobain titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardaha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jirrigwardaha;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata għal ammont xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑56/09 bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Saint-Gobain għall-ispejjeż.

43      B’ittra li waslet fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2009, Saint-Gobain adattat it-talbiet tagħha għal annullament, bil-għan li tikseb, minn naħa, l-annullament tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif emendata bid-Deċiżjoni C (2009) 863 finali tal-11 ta’ Frar 2009 u, min-naħa l-oħra u sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa impost skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni modifikata.

44      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni fil-Kawża T‑56/09 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-President tas-seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2009.

45      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad bħala infondat ir-rikors fil-Kawża T‑56/09;

–        tiddeċiedi kif jixraq fuq l-ispejjeż.

46      Fil-Kawża T‑73/09, Compagnie titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha, u li tasal għall-konsegwenzi kollha neċessarji f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa impost fuqha fid-deċiżjoni kkontestata, in solidum ma’ Saint-Gobain;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑73/09 bħala infondat;

–        tikkundanna lil Compagnie għall-ispejjeż.

48      Sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika tat-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Marzu 2013, talbet lill-Qorti Ġenerali terġa’ tiftaħ il-proċeduri orali.

49      Wara li nstemgħu l-partijiet dwar dan is-suġġett, it-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tat-23 ta’ April 2013, iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċeduri orali.

50      Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Lulju 2013, Saint-Gobain informat lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, b’adattament tat-talbiet tagħha sabiex tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni ta’ rettifika tat-28 ta’ Frar 2013. Saint-Gobain, filwaqt li sostniet li r-rikors tagħha għal annullament kien fondat u ddikjarat li żżomm it-talba tagħha għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż, madankollu fformulat sussidjarjament talba għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas parzjali tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, ikkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija deċiżjoni ta’ rettifika kif ukoll fuq ir-rinunzja minn Saint-Gobain ta’ parti minn wieħed mill-motivi tagħha f’ittra datata t-30 ta’ Lulju 2013. Permezz ta’ ittri datati rispettivament t-22 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu 2013, il-Kunsill u Compagnie indikaw lill-Qorti Ġenerali li huma ma kellhomx osservazzjonijiet xi jressqu f’dan ir-rigward.

51      Il-proċedura orali ġiet sussegwentement magħluqa fil-11 ta’ Settembru 2013.

 Id-dritt

52      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, hemm lok li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

I –  Fuq is-suġġett tar-rikors

53      B’mod konformi mal-osservazzjonijiet mressqa mir-rikorrenti kemm fis-seduta kif ukoll wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali, kif ukoll fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn Saint-Gobain fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Marzu 2013 lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorsi preżenti huma diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata hekk kif ġie modifikat l-aħħar bid-deċiżjoni ta’ rettifika tat-28 ta’ Frar 2013, u dan bħal fil-każ tal-imsemmija rikorsi bil-għan tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni hekk kif jipprovdu għat-tnaqqis tal-multa mill-Qorti Ġenerali imposta in solidum fuq ir-rikorrenti.

II –  Fuq it-talbiet imqajma prinċipalment u intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

54      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-motivi ta’ annullament imqajma fil-Kawża T‑56/09. Peress li xi wħud mill-motivi u mill-argumenti mressqa minn Saint-Gobain jingħaqdu ma’ dawk ippreżentati minn Compagnie fil-Kawża T‑73/09, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien. Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti speċifiċi tar-rikors għal annullament imressqa minn Compagnie u li ma jirrelataw ma ebda waħda mill-motivi ppreżentati minn Saint-Gobain.

A –  Kawża T‑56/09

55      Saint-Gobain tqajjem, essenzjalment, sitt motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ żball fil-kalkolu tal-multa, ir-raba’, fuq żball ta’ liġi fl-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain lil Compagnie, ta’ ksur tal-prinċipji tal-individwalità tal-pieni u tal-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipji tan-nuqqas ta’ retroattività tal-pieni u tal-aspettattivi leġittimi, u fl-aħħar nett, is-sitt, fuq il-karattru sproporzjonat tal-multa imposta fuq Saint-Gobain.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1/2003

56      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Saint-Gobain tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn dan jagħti lill-Kummissjoni kemm setgħat ta’ investigazzjoni kif ukoll setgħat ta’ sanzjoni fil-qasam ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE. Peress li din l-eċċezzjoni hija, essenzjalment identika għal dik mqajma minn Compagnie fil-Kawża T‑73/09, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

57      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, tali akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet mill-Kummissjoni tikser id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali. Fit-tieni lok, is-segħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet ta’ sanzjoni skont l-Artikolu 81 KE ma tkunx konformi mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali

 L-argumenti tal-partijiet

58      Saint-Gobain u Compagnie jsostnu, essenzjalment, li l-akkumulazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni fl‑implementazzjoni tal-Artikolu 81 KE, hekk kif organizzata bir-Regolament Nru 1/2003, tiċħad id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, filwaqt li hija garanzija essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq inkluż fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

59      Saint-Gobain issostni, l-ewwel nett, li s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest għandhom karattru kriminali, mhux biss għaliex l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE hija indirizzata lill-impriżi kollha u mhux biss għal kategoriji ta’ impriżi partikolari, iżda wkoll minħabba l-għan dissważiv u repressiv ta’ tali sanzjonijiet. L-indikazzjoni mil-leġiżlatur, fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003, li dawn is-sanzjonijiet ma għandhomx karattru kriminali tkun irrilevanti f’dan ir-rigward. Id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali b’hekk tapplika mingħajr restrizzjoni f’din il-kawża.

60      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tikkwalifikax bħala qorti indipendenti u imparzjali.

61      L-invalidità tar-Regolament Nru 1/2003 li tirriżulta ma tkunx kontradita mill-possibbiltà offruta lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni meħuda mill-Kummissjoni, skont l-imsemmi regolament, li tippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità għandhom ikunu rrispettati fl-istadju stess fejn hija deċiża s-sanzjoni.

62      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, Saint-Gobain tfakkar li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ikkaratterizzati minn rekwiżiti partikolari ta’ effettività u minn nuqqas ta’ gravità tal-ksur, li s-setgħa li tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu ta’ akkuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB tista’ tkun is-suġġett ta’ delega għal qorti amministrattiva fejn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem qorti ta’ ġurisdizzjoni llimitata. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jeżistux f’din il-kawża.

63      Għalkemm għandu jiġi kkunsidrat li s-sanzjonijiet inkwistjoni ma jaqgħux fl-ambitu tal-liġi kriminali, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni magħmula għad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali mis-sistema ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea tmur kontra l-prinċipji ta’ leġittimità u tal-proporzjonalità. B’hekk, l-ebda riskju ta’ saturazzjoni ġudizzjarja ma tiġġustifika l-akkumulazzjoni tal-funzjonijiet organizzati minn din is-sistema. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali tkun sproporzjonata fir-rigward mhux biss tal-gravità tas-sanzjonijiet imposti fuq il-bażi tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003, iżda wkoll tal-karatteristiċi tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’każ ta’ rikors.

64      F’dan ir-rigward, Saint-Gobain u Compagnie jsostnu li l-Qorti Ġenerali, meta tiddeċiedi fuq rikorsi għal annullament diretti kontra deċiżjonijiet ta’ sanzjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 KE, ma teżerċitax stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni llimitata fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha bħala prinċipju, fl-okkażjoni ta’ tali stħarriġ, għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ eventwali użu ħażin ta’ poter. Hemm lok li jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma għandux effett ta’ sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

65      Saint-Gobain topponi wkoll l-argument imqajjem mill-Kunsill li skont dan, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tar-Regolament Nru 1/2003 tpoġġi fid-dubju l-validità tal-Artikolu 83(2) KE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tat-trattat ma tipprovdix li l-Kummissjoni takkumula l-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, liema għażla saret mil-leġiżlatur.

66      Fl-aħħar nett, Compagnie ssostni li l-problema li ġġib magħha l-akkumulazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni hija kkonfermata mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta’ Ġunju 2009, Dubus SA vs Franza (Nru 5242/04).

67      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jopponu din il-kritika.

68      Filwaqt li ma tiċħadx li l-impriżi implikati f’proċedura amministrattiva ta’ stħarriġ fil-qasam ta’ kompetizzjoni għandhom dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, il-Kummissjoni tikkontesta l-perspettiva li skont din l-Artikolu 6(1) tal-KEDB japplika bl-istess mod fil-qasam tad-dritt kriminali stricto sensu u f’dak tas-sanzjonijiet amministrattivi.

69      Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, is-sanzjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 81 KE ma għandhomx karattru kriminali. Hija ssostni wkoll li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, hija ma tkunx ikkunsidrata bħala qorti li timponi sanzjonijiet penali. B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 6 tal-KEDB ma japplikax totalment għaliha meta tieħu deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 81(1) KE. Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni (T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra), b’hekk kienet ddeċidiet li l-akkumulazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni ma kinitx tmur kontra l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

70      Barra minn hekk, Saint-Gobain kienet żbaljata meta ħasbet li setgħet tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tliet kundizzjonijiet kumulattivi għal delega ta’ setgħa ta’ sanzjoni lill-qorti amministrattiva f’oqsma li jaqgħu barra mill-ambitu tal-liġi kriminali. Minn naħa, anki multi ta’ ammont għoli jistgħu jaqgħu barra mill-ambitu tal-liġi kriminali. Min-naħa l-oħra, il-garanziji offerti mill-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludux li awtorità amministrattiva tista’ teżerċita setgħa ta’ sanzjoni f’oqsma li ma humiex ikkaratterizzati minn numru kbir ta’ ksur, dment li l-għan imħaddan ikun leġittimu. Issa, ikun evidenti li l-effettività tal-investigazzjoni u tas-sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun għan leġittimu.

71      Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu l-karatteristiċi kollha ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan huwa l-każ a fortiori, fil-qasam tal-multi imposti fil-qasam ta’ akkordji, li l-Qorti Ġenerali tista’ tintalab li tivverifika n-natura xierqa bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, ma jkunx importanti li l-Qorti Ġenerali għamlet biss, sal-preżent, użu limitat tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni llimitata sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni.

72      Fl-aħħar nett, dan il-motiv, sa fejn jimplika li jirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw u jippenalizzaw ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex vinkolanti u li jistgħu jiġu implementati, imorru kontra l-prinċipju li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità sakemm ma jkunux ġew annullati jew imħassra kif ukoll il-prinċipju inkluż fl-Artikolu 242 KE li skont dan, ir-rikors għal annullament ma għandux, bħala prinċipju, effett li jissospendi l-att ikkontestat.

73      Il-Kunsill jelabora argumenti essenzjalment simili għal dawk tal-Kummissjoni. Hija ssostni, b’mod partikolari, li s-sistema ta’ sanzjoni implementata bir-Regolament Nru 1/2003 ma taqax taħt il-liġi kriminali u li, b’hekk, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma huwiex applikabbli f’din il-kawża. Il-Kunsill isostni minn naħa l-oħra li, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li hija tqajjem, Saint-Gobain fir-realtà għandha l-għan li tikkontesta l-validità tal-Artikolu 83(2) KE, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li huwa l-leġiżlatur li għandu jiddefinixxi r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Issa, il-qorti tal-Unjoni tkun inkompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju.

74      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Compagnie tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kawża Dubus SA vs Franza, punt 66 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-imsemmija sentenza huma differenti minn dawk tal-kawża preżenti. Fil-fatt, din is-sentenza tikkonċerna akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet investigattivi u ta’ sanzjoni mill-Kummissjoni bankarja fi Franza, fejn id-deċiżjonijiet ikollhom in-natura ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Issa, il-Kummissjoni fiha nnifisha ma tistax tkun ikkunsidrata bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

75      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-motiv preżenti ppreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑73/09, li l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija infondata, hekk kif jirriżulta, b’analoġija, mill-ġurisprudenza dwar kawżi fejn kienet ikkontestata, essenzjalment, il-validità tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament ta’ implementazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punti 55 sa 65; tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punti 23 sa 40, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 36 sa 47).

76      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li d-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, issa inkluż fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

77      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 7) u lanqas fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi speċifikament li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandhomx karattru kriminali.

78      Madankollu, fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell tal-gravità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, id-dritt għal smigħ xieraq japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi suġġetti għal deċiżjoni ta’ multi jew penali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 20 u 21, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 143).

79      B’hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha l-okkażjoni tippreċiża, fis-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics srl vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Nru 43509/08), il-kundizzjonijiet li fihom multa li, kif jirriżulta mill-ammont tagħha u mill-għan ta’ prevenzjoni u dissważjoni tagħha, taqa’ taħt il-qasam kriminali tista’ tiġi imposta minn awtorità amministrattiva, ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. F’din is-sentenza kienet qiegħda tiġi ttrattata s-sistema Taljana ta’ dissważjoni tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikat, essenzjalment, li r-rispett tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma jeskludix li tista’ tiġi imposta “piena” minn awtorità amministrattiva li għandha s-setgħa li timponi sanzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, sa fejn id-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ulterjuri minn entità ġudizzjarja ta’ ġurisdizzjoni llimitata. Fost il-karatteristiċi ta’ tali entità ġudizzjarja ta’ dan it-tip hija inkluża s-setgħa ta’ riforma fuq il-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, tad-deċiżjoni meħuda, mogħtija mill-qorti inferjuri. B’hekk, l-istħarriġ imwettaq mill-qorti, f’tali każ, ma jkunx limitat għal verifika tal-legalità “esterna” tad-deċiżjoni suġġetta għall-istħarriġ tagħha, il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-proporzjonalità tal-għażliet tal-awtorità tal-kompetizzjoni u li tivverifika l-evalwazzjonijiet tagħha ta’ natura teknika.

80      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

81      L-ewwel nett għandu jingħad f’dan ir-rigward, li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Kummissjoni missjoni ta’ sorveljanza li tinkludi l-kompitu li tinvestiga l-ksur tal-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni hija obbligata, fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva, li tirrispetta l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 1/2003, barra minn hekk, jagħtiha s-setgħa li timponi, permezz ta’ deċiżjoni, penali fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li wettqu, b’mod intenzjonat jew negliġenti, ksur għal dawn id-dispożizzjonijiet.

82      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li jikkonstata u jippenalizza ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (sentenza Enso Española vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 60). Dan il-prinċipju issa huwa inkluż fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 30 u 31, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 49).

83      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu ppenalizzati ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni, stabbilit mit-trattati u kkompletat bir-Regolament Nru 1/2003, huwa konformi ma’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p.I-12789, punt 106, u Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p.I-13085, punt 67).

84      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali hija qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/KEFA, KEE, Euratom, tal-24 ta’ Ottubru 1988, li tistabbilixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181, rettifika fil-ĠU 1989, L 241, p. 4). Hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tal-imsemmija deċiżjoni, ġiet stabbilita b’mod partikolari bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni ġudizzjarja tal-kwerelanti fir-rikorsi li jeħtieġu eżami profond tal-fatti kumplessi.

85      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 88/591, sabiex teżerċità l-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-trattati u mill-atti meħuda għall-eżekuzzjoni tagħhom, b’mod partikolari “f’kawżi kontra l-istituzzjoni […] miġjuba kemm minn persuna naturali kif ukoll legali, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu [230] u [...] li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriża”. Fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 230 KE, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multa fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati, għandha tiġi kkunsidrata bħala stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ dan l-att. Fil-fatt, il-motivi li jistgħu jitqajmu mill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata insostenn tat-talba tagħha għal annullament huma ta’ natura li jippermettu lill-Qorti Ġenerali li tevalwa l-mertu fid-dritt kif ukoll ta’ kull akkuża mressqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

86      Fit-tielet lok, b’mod konformi mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 230 KE huwa kkompletat minn stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni llimitata, li tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mill-istħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, li tnaqqas jew li żżid il-multa jew il-piena imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692).

87      B’hekk jirriżulta li l-argument ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie li skont dan, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali għar-raġuni biss li din ittieħdet fil-kuntest ta’ sistema li torganizza akkumulazzjoni mill-Kummissjoni tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE ma huwiex fondat u li, għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-injorar tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza

 L-argumenti tal-partijiet

88      Fit-tieni parti, Saint-Gobain u Compagnie jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, inkluża fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB kif ukoll fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li hija ġiet adottata minn awtorità amministrattiva li ma għandhiex kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali u li, barra minn hekk, rikors eventwali kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma għandhiex effett ta’ sospensjoni.

89      Skont Saint-Gobain, dan il-ksur, li ġej minn illegalità tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistax jiġi miċħud biss minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi, b’mod żbaljat, li dan ir-regolament ma jiksirx id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali minħabba l-possibbiltà mogħtija lid-destinatarji ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE li tikkontesta dan quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, il-ħtija tad-destinatarji ta’ tali deċiżjoni tkun legalment stabbilita biss, jekk ikun il-każ, mid-data tal-konferma ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

90      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka b’mod żbaljat id-dritt tad-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li teżiġi l-annullament ta’ din li tforni garanzija bankarja lill-Kummissjoni, minflok ħlas immedjat tal-multa. Apparti li din titħalla totalment għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, tali possibbiltà bl-ebda mod ma tbiddel il-fatt li d-deċiżjoni tibda tipproduċi l-effetti tagħha qabel ma tiddeċiedi l-Qorti Ġenerali.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx legalment ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn Saint-Gobain u Compagnie u b’hekk hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom.

92      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jopponu din il-kritika.

93      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, impriża li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija preżunta innoċenti sakemm il-Kummissjoni turi li din hija implikata f’tali ksur. Il-Kunsill iżid li ma hemmx ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza f’din il-kawża peress li ma hemmx deċiżjoni finali fuq l-eżistenza u l-attribuzzjoni tal-ksur lil Saint-Gobain tant li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar dan.

94      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-argumenti ta’ Saint-Gobain jammontaw għal tqajjim ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 242 KE, li skont dawn ir-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx effett ta’ sospensjoni. Issa, il-qorti tal-Unjoni ma tkunx kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dispożizzjoni rilevanti tad-dritt primarju.

95      Il-Kummissjoni tinvoka fl-aħħar nett il-fatt li, minkejja l-assenza ta’ karattru ta’ sospensjoni tar-rikors preżenti fuq id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jiddepożitaw garanzija bankarja minflok jagħmlu ħlas provviżorju tal-multa. Din il-possibbiltà tirriżulta, fost l-oħrajn, mill-fatt li l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għadha ma ġietx stabbilita minn qorti indipendenti u imparzjali qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm il-kawża u li l-ammont tal-multa ma jistax jiġi kkunsidrat bħala definittivament stabbilit qabel l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

96      Permezz ta’ din it-tieni parti, Saint-Gobain u Compagnie jsostnu, essenzjalment, li, peress li l-Kummissjoni ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, din ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi legalment il-ħtija ta’ impriżi li hija tikkunsidra li pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE. Is-sanzjonijiet li hija timponi fuq il-bażi tal-Artikolu 81(1) KE jkunu b’hekk adottati bi ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

97      Skont ġurisprudenza stabbilita, hekk kif jirriżulta minn natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll minn natura u mil-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet relatati miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, inkluż fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jiffaċċjaw multi jew penali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 216).

98      Ġurisprudenza stabbilita sew ippreċiżat il-portata ta’ dan il-prinċipju.

99      Il-preżunzjoni tal-innoċenza timplika li kull akkużat għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix ppruvat li huwa ħati skont il-liġi. Hija b’hekk tipprekludi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni li għandha bħala għan ir-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun setgħet tibbenefika mill-garanziji kollha inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża f’kuntest ta’ proċeduri li jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 106).

100    Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punti 43 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 129).

101    Ir-rekwiżiti bil-għan tar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandhom jiggwidaw l-azzjoni tal-qorti tal-Unjoni meta din tkun mitluba tistħarreġ id‑deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE. B’hekk, l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement skont il-liġi jekk jibqgħalha dubji fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 60).

102    B’hekk jirriżulta mill-punti 99 sa 101 iktar ’il fuq li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza ma jostakolax li r-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita abbażi ta’ proċeduri li jseħħu totalment skont il-metodi preskritti mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE, tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) u fil-kuntest li fih id-drittijiet tad-difiża setgħu b’hekk ikunu totalment eżerċitati.

103    Peress li s-setgħa ta’ sanzjoni mogħtija lill-Kummissjoni f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE ma tiksirx, fil-prinċipju, il-preżunzjoni tal-innoċenza, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ karattru ta’ sospensjoni ta’ rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni li tippenalizza ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa inoperattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma huwa neċessarju li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk, hekk kif isostni l-Kunsill, tali lment jammonta għal eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 242 KE.

104    F’kull każ, hemm lok li jingħad li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha Janosevic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002 (Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet, 2002‑VII, p. 1, § 106 sa 110), iddeċidiet li d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza ma jipprekludix, bħala prinċipju, li sanzjonijiet ta’ natura kriminali adottati minn korp amministrattiv jistgħu jiġu implementati qabel ma jsiru finali, skont proċedimenti ta’ appell quddiem qorti, dment li tali implementazzjoni taqa’ f’limiti raġonevoli li jipprovdu ekwilibriju tajjeb bejn l-interessi involuti u li d-destinatarja tas-sanzjoni tkun tista’ terġa’ titpoġġa fis-sitwazzjoni inizjali tagħha f’każ li r-rikors tagħha jintlaqa’. Issa, ma tressaq l-ebda argument mir-rikorrenti li jippermetti li jiġi konkluż li s-sistema ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hekk kif irregolat bir-Regolament Nru 1/2003 u implementat, fl-ewwel lok, mill-Kummissjoni, ma tkun konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

105    Fid-dawl tal-analiżi msemmija iktar ’il fuq, u bla ħsara għall-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti msemmija fil-punti 97 sa 101 iktar ’il fuq f’dan il-każ partikolari, fil-kuntest ta’ motivi oħra tar-rikors, għandha b’hekk tiġi miċħuda bħala infondata t-tieni parti u, b’hekk, l-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kollu kemm hu, mingħajr ma jkun hemm lok li tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta’ dan.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)     L-argumenti tal-partijiet

106    Permezz tat-tieni motiv tagħha, Saint-Gobain issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru mill-Kummissjoni peress li din tal-aħħar adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multa li ġie finalment użat. Il-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-multa, kienet b’hekk ikkunsidrat ċertu numru ta’ fatturi li ma kinux ġew ikkomunikati lil Saint-Gobain, b’mod partikolari l-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur. L-indikazzjonijiet kontenuti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ppermettewx lil Saint-Gobain li tikkomunika b’mod effettiv il-perspettiva tagħha f’dan ir-rigward, b’mod li l-valur tal-bejgħ jammonta għal punt ta’ fatt determinanti għall-kalkolu tal-multa u li, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandu jiġi suġġett għal dibattitu kontradittorju. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ma tikkontjenix informazzjoni dwar il-bejgħ ikkunsidrat għal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u għall-metodu li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ssegwi sabiex tidentifika l-ksur rilevanti. Barra minn hekk, dan id-dokument ma jikkontjeni ebda indikazzjoni fir-rigward tar-rata ta’ gravità li l-Kummissjoni kienet ser tapplika jew inkella l-mod kif ir-reċidiva setgħet tiġi kkunsidrata.

107    L-ebda talba għal informazzjoni kumplimentari indirizzata lil Saint-Gobain fi stadju ulterjuri, dwar id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, ma kienet għamlet tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet. Fir-rigward tal-indikazzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-bejgħ li saru jkunu ddeterminati mill-applikazzjoni tal-punt 13 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), din tkun irrilevanti f’din il-kawża peress li dan il-metodu ta’ kalkolu jkun iktar inċert fiż-żmien meta ġiet ippreparata d-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-inċertezzi jkunu riflessi b’mod partikolari minn nuqqas ta’ koerenza tat-talbiet diversi għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lil Saint-Gobain dwar dan is-suġġett.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Saint-Gobain tikkunsidra li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika effettivament il-perspettiva tagħha fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

109    Saint-Gobain tikkritika wkoll il-ġurisprudenza li skont din il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċeduri bil-għan li jiġu investigati u li jiġu ppenalizzati l-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni, tkun biss marbuta tindika lid-destinatarji tad-deċiżjonijiet tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li jistgħu jwasslu għal impożizzjoni ta’ multa, mingħajr ma dawn l-istess destinatarji jkunu jistgħu jeżiġu dritt li jantiċipaw tali deċiżjonijiet. Skont din, tali ġurisprudenza ma hijiex ta’ natura li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni iktar preċiża fil-proċeduri ta’ investigazzjoni mhux neċessarjament tippermetti lill-impriżi kkonċernati li jantiċipaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma tkunx marbuta minn tali indikazzjonijiet fil-mument li tadotta d-deċiżjoni.

110    Saint-Gobain issostni wkoll li, permezz tal-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni llimitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar il-bażi ta’ kalkolu tal-multa, il-kunċett tal-“bejgħ imwettqa” jammonta għal element oġġettiv u verifikabbli. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni, f’kull każ, ma bbażatx ruħha f’din il-kawża fuq il-ġurisprudenza li għandha l-għan li tneħħi r-riskju ta’ antiċipazzjoni mhux xierqa ta’ deċiżjonijiet futuri tal-kulleġġ tal-Kummissarji.

111    Il-Kummissjoni tfakkar l-ewwel nett li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li jingħataw indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi previsti, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jammonta għal antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjonijiet tagħha. Issa, l-impriżi ma għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jantiċipaw bi preċiżjoni l-livell ta’ multi sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. B’hekk, id-dritt għal smigħ ikun rrispettat dment li l-Kummissjoni tindika, f’tali komunikazzjoni, li hija sejra teżamina jekk hemmx bżonn li jiġu imposti multi fuq impriżi kkonċernati u li hija tikkomunikalha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li twassal għall-kundanna għal tali multi.

112    Il-Kummissjoni barra minn hekk ssostni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil Saint-Gobain kienet tannunċja b’mod ċar li l-metodu tal-kalkolu kontenut fil-linji gwida tal-2006 jkun applikat f’din il-kawża. Hija ssostni wkoll li hija indirizzat lill-impriżi kkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni fuq il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-multa. Hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha għall-kalkolu tal-multi f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni b’hekk tqis li d-drittijiet tad-difiża ta’ Saint-Gobain ġew totalment irrispettati fid-deċiżjoni kkontestata.

113    Il-Kummissjoni topponi wkoll l-argument ta’ Saint-Gobain li skont dan ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika b’mod effettiv il-perspettiva tagħha fuq il-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija ġibdet speċifikament l-attenzjoni ta’ Saint-Gobain, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar iċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva kif ukoll fuq diversi konstatazzjonijiet preċedenti tal-ksur tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni, b’dan il-mod, tkun eċċediet l-obbligi tagħha skont is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq (punt 50). Il-fatt li Saint-Gobain irċeviet informazzjoni suffiċjenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fir-rigward tar-reċidiva, kien attestat mill-argumenti mressqa minn din l-impriża bil-għan li tiġi kkontestata din iċ-ċirkustanza aggravanti fir-risposta tagħha għall-imsemmija dikjarazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

114    L-argumenti ta’ Saint-Gobain jinkludu żewġ ilmenti distinti, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

115    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, Saint-Gobain tikkritika lill-Kummissjoni li ma indikatilhiex, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-bejgħ li hija kkunsidrat għall-kalkolu tal-multa impost fuqha, il-metodu tal-kalkolu impost għal dan il-għan kif ukoll ir-rata ta’ gravità li tkun applikata.

116    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-fatt li jingħataw indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi previsti, dment li l-impriżi ma tpoġġewx f’pożizzjoni li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ilmenti kkunsidrati kontrihom, jammontaw għal antiċipazzjoni b’mod mhux xieraq tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 21, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 434, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fil-fatt, il-fatt li operatur ekonomiku ma jistax, ikun jaf bil-quddiem, bi preċiżjoni, l-livell tal-multi li l-Kummissjoni tkun ser timponi f’kull każ, jidher ġustifikat fir-rigward tal-għanijiet ta’ repressjoni u ta’ dissważjoni mħaddna mill-politika tas-sanzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dawn l-għanijiet ikunu mhedda jekk l-impriżi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw il-vantaġġi li huma jieħdu mill-parteċipazzjoni tagħhom għal ksur b’kunsiderazzjoni, bil-quddiem, tal-ammont tal-multa li jkun impost fuqhom minħabba dan l-aġir illeċitu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 83).

118    B’hekk, hekk kif il-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi għal smigħ xieraq. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 428, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 181).

119    Min-naħa l-oħra, hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tannunċa lill-impriżi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-portata ta’ eventwali żieda tal-multa li ssir sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv ta’ din (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 62).

120    B’hekk jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tul, il-gravità u l-karattru antikompetittiv tal-fatti allegati, iżda min-naħa l-oħra ma teħtieġx li din il-possibbiltà tkopri l-mod kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-kriterji obbligatorji tal-gravità u tat-tul tal-ksur fid-dawl ta’ tali determinazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 439). Barra minn hekk, l-impriżi kkonċernati jibbenefikaw minn garanzija supplimentari, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, inkwantu l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni llimitata u tista’ b’mod partikolari tħassar jew tnaqqas il-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 200, u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    F’din il-kawża, hemm lok l-ewwel nett li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ppreżentat fid-dettall, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Saint-Gobain kienet id-destinatarja tagħha, il-kuntest fattwali li fuqu hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Hija barra minn hekk esponiet, fil-paġni 129 sa 131 kif ukoll fil-paġni 132 sa 135 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-kuntatti li għalihom kienet ipparteċipat Saint-Gobain kienu jammontaw għal akkordji jew prattiki miftiehma fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

122    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet ukoll fil-paġni 132 sa 135 u 152 sa 155 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li fuqhom kienet ibbażat sabiex tevalwa, b’mod partikolari, it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Saint-Gobain fil-ksur. Hija ddeskriviet ukoll, fil-paġni 156 u 157 tal-imsemmija dikjarazzjoni, il-fatturi prinċipali li hija tikkunsidra bil-għan li tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, jiġifieri b’mod partikolari l-fatt li arranġamenti kollużorji tat-tip li huma fil-qofol tal-kawża preżenti jidhru fost il-ksur l-iktar serji għall-Artikolu 81(1) KE, li dawn l-arranġamenti affettwaw is-settur kollu tal-ħġieġ tal-vetturi, għad-detriment mhux biss tal-produtturi tal-vetturi, iżda wkoll tal-pubbliku inġenerali, li l-parteċipanti għall-akkordju kienu konxji dwar il-karattru illegali tal-aġir tagħhom u li l-attivitajiet tal-akkordju ġabu fuq iż-ŻEE kollha.

123    Fil-punt 489 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ippreċiżat li hija kellha l-intenzjoni li tikkunsidra r-rwol tas-sieħeb ewlieni potenzjali ta’ Saint-Gobain fl-akkordju, peress li dan kien, f’diversi okkażjonijiet, irrappreżenta l-interessi ta’ impriżi oħra fil-laqgħat tal-klabb u li hija, barra minn hekk, tkun ikkonvokat il-parti l-kbira tal-laqgħat tal-imsemmi klabb. Hija żżid ukoll li hija tikkalkola wkoll l-ammont tal-multi abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fl-akkordju kif ukoll ta’ eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

124    Issa, peress li kienet indikat b’dan il-mod il-punti ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li fuqhom tibbaża l-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq, ma kinitx obbligata tippreċiża l-mod kif kienet qiegħda tuża kull wieħed mill-imsemmija elementi għad-determinazzjoni tal-livell tal-multa. Ma huwiex importanti, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni finalment ċaħdet inparti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-bejgħ rilevanti preskritt fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006.

125    F’kull każ, għandu jingħad li l-Kummissjoni indikat, fil-paġna 156 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-multa li hija timponi f’din il-kawża tkun ikkalkolata b’referenza għall-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida tal-2006. Issa, b’hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessi 664 sa 667 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet f’din il-kawża li tagħmel eċċezzjoni inparti għal dan il-metodu ta’ kalkolu għal dak li jirrigwarda l-bejgħ tat-twieqi kkunsidrat, preċiżament bil-għan li tingħata risposta għal xi wħud mill-oġġezzjonijiet imressqa mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-bejgħ rilevanti preskritt fil-punt 13 tal-imsemmija linji gwida, fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq din id-dikjarazzjoni kif ukoll fir-risposti tagħhom għat-talbiet diversi għal informazzjoni li kienu indirizzati lilhom mill-Kummissjoni.

126    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni informat b’mod suffiċjenti lil Saint-Gobain, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ din fi ksur tal-Artikolu 81 KE u li d-drittijiet tad-difiża ta’ Saint-Gobain ġew, b’dan il-mod, irrispettati. Għaldaqstant, l-ewwel ilment ma jistax jintlaqa’.

127    Permezz tat-tieni lment tiegħu, Saint-Gobain issostni li l-Kummissjoni ma poġġitiex f’pożizzjoni, fil-proċeduri amministrattivi, li ssostni l-perspettiva tagħha f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti.

128    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad, bla ħsara għall-eżami tal-ewwel parti tas-sitt motiv iktar ’il quddiem, li, fil-paġni 157 u 158 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni mhux biss ġibdet l-attenzjoni tal-impriżi kkonċernati fuq il-fatt li hija tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet dwar ir-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, iżda ppreċiżat ukoll, fil-każ ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie, it-tliet deċiżjonijiet preċedenti li jippenalizzaw ksur tal-Artikolu 81(1) KE li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha sabiex tikkonstata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward tagħhom. Min-naħa l-oħra jirriżulta mir-risposta ppreżentata minn Saint-Gobain fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li din ressqet diversi argumenti bil-għan li topponi żieda eventwali fil-multa għar-reċidiva, ibbażata fuq waħda jew oħra minn dawn id-deċiżjonijiet.

129    It-tieni lment b’hekk ma jintlaqax. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq żball fil-kalkolu tal-multa

130    Għandhom jiġu eżaminati bħala motiv uniku, il-motivi li Saint-Gobain tippreżenta fir-rikors bħala t-tielet u r-raba’ motivi tagħha, sa fejn huma jammontaw għal żewġ partijiet tal-istess motiv, dwar iċ-ċifri ta’ bejgħ kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa impost fuq Saint-Gobain.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti

 L-argumenti tal-partijiet

131    Fl-ewwel parti, Saint-Gobain issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li din ma tindikax b’mod preċiż iċ-ċifri ta’ bejgħ differenti li fuq il-bażi tagħha ġiet ikkalkolata l-multa, b’applikazzjoni tal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006. L-obbligu li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mmotivata fuq dan il-punt huwa aktar u aktar meħtieġ fir-rigward ta’ qasam li fih il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali bil-għan li timponi multi akbar.

132    Saint-Gobain tikkritika b’mod iktar partikolari lill-Kummissjoni li ma forniet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi jekk iċ-ċifra ta’ bejgħ ikkunsidrata fir-rigward tagħha hija r-riżultat ta’ kalkolu eżatt u koerenti jew, għall-kuntrarju, jekk dan il-kalkolu huwa vvizzjat b’difett. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati l-produtturi li ġew ikkunsidrati fil-perijodi ta’ żieda u fit-tmiem tal-ksur, li fir-rigward tagħhom, il-Kummissjoni ssostni li għandha provi diretti li huma s-suġġett tal-akkordju kontenzjuż. Jirriżulta wkoll li Saint-Gobain ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika jekk tali provi jeżistux. Id-deċiżjoni lanqas ma tindika l-ammont ta’ bejgħ għal kull produttur fit-tliet fażijiet tal-ksur. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ma turix in-numru eżatt ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-medja annwali tal-valur tal-bejgħ imwettaq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha b’mod adegwat u d-deċiżjoni kkontestata tkun ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti.

133    L-obbligu ta’ motivazzjoni li kien jaqa’ fuq il-Kummissjoni kien imsaħħaħ mill-fatt li din tal-aħħar kienet, fid-deċiżjoni kkontestata, eskluża mir-regoli li jirriżultaw mil-linji gwida tal-2006 fir-rigward tal-bejgħ li għandhom iservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-multa. Filwaqt li dawn il-linji gwida kienu jippreskrivu l-kunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ tal-beni kkonċernati fl-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat f’din il-kawża ċifra li tirrappreżenta ċifra medja annwali ppeżata tal-bejgħ fil-perijodu kollu ta’ ksur.

134    Saint-Gobain iżżid li l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat, ma jkunx ikkumpensat mill-informazzjoni kkomunikata fil-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali. F’kull każ, l-informazzjoni supplimentari mressqa mill-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha ta’ risposta ma kinux ta’ natura li jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti, ta’ domandi importanti li jibqgħu mingħajr risposta.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta din il-kritika. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni spjegazzjoni dwar il-metodu li hija użat sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa. Issa, jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 56), li xi figuri ma humiex indispensabbli sabiex il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa tkun tista’ tidher bħala suffiċjenti.

136    Skont il-Kummissjoni, l-ispjegazzjonijiet addizzjonali li hija forniet fil-kuntest tal-kitbiet tagħha ta’ risposta setgħu diġà jiġu dedotti minn eżami bir-reqqa tad-deċiżjoni kkontestata jew, għall-inqas, kienu prevedibbli.

137    B’hekk, kuntrarjament għal dak li tallega Saint-Gobain, il-produtturi tal-vetturi li ġew ikkunsidrati fil-fażijiet ta’ żieda u ta’ tnaqqis tal-akkordju jkunu identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, fil-preżentazzjoni tal-kuntest fattwali ta’ dan. L-istess japplika mill-fatt li produttur li kien is-suġġett ta’ kollużjoni matul sena partikolari ġie wkoll ikkunsidrat għas-snin segwenti. In-numru ta’ xhur ikkonċernati, għal kull parteċipant għall-ksur u għal kull perijodu, setgħu wkoll jiġu dedotti mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

138    Fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat għas-sena 1998, il-Kummissjoni indikat li, fin-nuqqas ta’ dettalji suffiċjentement ikkomunikati mill-impriżi kkonċernati dwar dan is-suġġett, hija kienet effettivament imġiegħla tapplika stima fuq il-bażi tal-figuri tas-sena 1999, iżda billi jiġu kkunsidrati biss il-produtturi li kienu s-suġġett ta’ kollużjoni fl-1998.

139    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet debitament spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha tidderoga f’din il-kawża għall-prinċipju tal-kunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, hekk kif previst mil-linji gwida tal-2006. Din id-deroga tkun ġustifikata mill-karatteristiċi tal-akkordju li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, dwar kuntratti ta’ provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi konklużi wara sejħa għall-offerti u li kienu ntalbu li jibqgħu fis-seħħ għal perijodi twal. Dan il-kuntest kien għamel neċessarju l-kunsiderazzjoni tal-fażijiet distinti, li jirreflettu b’mod partikolari ż-żieda tal-akkordju u d-deklin ta’ dan sat-tmiem tiegħu. Din id-deroga kienet min-naħa l-oħra favorevoli għall-impriżi destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, peress li, skont il-Kummissjoni, il-multa kienet ħafna ogħla kieku ġie kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ totali mwettaq fl-aħħar sena tal-ksur.

140    Il-Kummissjoni żżid li hija ma setgħetx tiżvela ċ-ċifri ta’ bejgħ iktar speċifiċi fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn jammontaw għal-sigrieti kummerċjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

141    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, Saint-Gobain takkuża essenzjalment lill-Kummissjoni, minn naħa, li ma spjegatx fid-deċiżjoni kkontestata l-kalkolu li permezz tiegħu hija kkunsidrat fatturat rilevanti ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun u, min-naħa l-oħra, li ma spjegatx ir-raġunijiet li wassluha tidderoga f’din il-kawża mill-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006.

142    Madankollu, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ ilmenti ma ntlaqa’.

143    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, b’mod konformi mal-Artikolu 253 KE, issa kkompletat mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet li hija adottat.

144    L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali għandu bħala skop li jippermetti lill-Qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li tagħti lill-parti interessata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata b’mod ġust jew jekk hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li jagħti lok għal kontestazzjoni tal-validità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Il-motivazzjoni għaldaqstant għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tingħata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-parti interessata ssir taf bir-raġunijiet għad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22).

146    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, billi l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

147    Fir-rigward tal-indikazzjoni tal-figuri dwar il-kalkolu tal-multi, għandu jingħad li l-Kummissjoni effettivament ma elenkatx, fid-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċifri ta’ bejgħ speċifiċi ta’ Saint-Gobain li hija kkunsidrat bil-għan tal-kalkolu tal-multa imposta fuqha.

148    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta hija indikat, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur imwettaq, mingħajr ma kienet obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew tindika ċ-ċifri relatati mal-mod ta’ kalkolu tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 66; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, Ġabra p. II‑477, punt 311, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑138/07, Ġabra p. II‑4819, punt 243, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    B’hekk, l-indikazzjoni ta’ figuri li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, għalkemm utli bħala data, ma hijiex indispensabbli għar-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 75 sa 77, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffaisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 414).

150    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-iffissar tal-ammont tal-multi f’termini assoluti, għandu jitfakkar li, billi jipprovdi, b’mod partikolari li l-multa imposta fuq impriża li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija stabbilita billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità ta’ dan il-ksur, u li l-imsemmija multa ma tistax teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti minn din l-impriża, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex jorjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 335, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Issa, li kieku l-Kummissjoni kellha l-obbligu li fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, dan jaffettwa l-effett dissważiv tagħhom. Kieku l-ammont tal-multa kien ir-riżultat ta’ kalkolu li jsegwi formola aritmetika sempliċi, l-impriżi jkollhom fil-fatt il-possibbiltà li jipprevedu s-sanzjoni eventwali u li jikkomparawha mal-benefiċċji li huma jiksbu mill-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi BPB vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 336, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 83).

152    Kuntrarjament għal dak li ssostni Saint-Gobain, l-unika ċirkustanza li l-metodu ta’ kalkolu tal-multi kien adattat fil-kuntest tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex ta’ natura li tpoġġi fid-dubju dawn il-konstatazzjonijiet.

153    Mill-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ jew tas-servizzi mwettqa mill-impriża kkonċernata, f’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE u li hija normalment tikkunsidra l-bejgħ tal-impriża fl-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Barra minn hekk, billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tal-linji gwida, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ġustifikazzjoni, suġġetta li taffaċċja sanzjonijiet, skont il-każ, għall-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 211).

154    B’hekk jirriżulta li għandu jiġi vverifikat jekk, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, Saint-Gobain setgħet tifhem li l-kalkolu tal-ammont tal-multa impost fuqha kien sar fuq il-bażi ta’ metodu alternattiv għal dak previst fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006 u kinitx taf ir-raġunijiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni li tisvija f’din il-kawża mil-linji ta’ kondotta li hija stabbiliet fl-imsemmi punt.

155    L-ewwel nett hemm lok li jingħad f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni indikat, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, li l-multa tkun ikkalkolata b’referenza għall-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida tal-2006. Hija fakkret b’mod partikolari, fil-premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-regola ta’ kalkolu tal-bejgħ rilevanti msemmija fil-punt 13 tal-imsemmija linji gwida. Il-Kummissjoni esponiet ukoll ir-raġunijiet li għalihom, skont din, il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ rilevanti ma setax iseħħ, f’din il-kawża, b’referenza għall-kuntratti biss li għalihom hija kellha provi diretti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma. Sabiex tiġġustifika dan l-approċċ, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari, fil-premessi 660 sa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux biss li l-akkordji jew prattiki miftiehma setgħu jkunu stabbiliti fir-rigward tal-produtturi kbar tal-vetturi kollha fiż-ŻEE, fil-perijodu ta’ ksur, iżda wkoll li dan l-akkordju kellu bħala għan l-istabbiltà globali tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti u li din l-istabbiltà kienet partikolarment mħaddna permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontijiet kollha individwali u li jinvolvi l-elementi kollha tat-twieqi.

156    Il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li hija kienet tbiegħdet, f’din il-kawża, mill-metodu ta’ kalkolu li jikkonsisti f’li jiġu kkunsidrati biss il-bejgħ imwettqa fl-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Fil-premessi 664 sa 667 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat din id-deroga għar-regola inkluża fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, essenzjalment, bil-fatt li l-akkordju kontenzjuż kien għadda minn intensità varjabbli bejn Marzu 1998 u Marzu 2003. Matul l-ewwel perijodu, bejn Marzu 1998 u l-ewwel nofs tas-sena 2000, ikklassifikat bħala perijodu ta’ “żieda”, il-Kummissjoni kellha biss provi diretti tal-ksur dwar parti mill-produtturi Ewropej tal-vetturi. Min-naħa l-oħra, fil-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Lulju 2000 u t-3 ta’ Settembru 2002, l-akkordji jew il-prattiki miftiehma kienu kkonċernaw għall-inqas 90 % tal-bejgħ tal-ħġieġ tal-vetturi tal-ewwel twaħħil fi ħdan iż-ŻEE. Fl-aħħar nett, il-perijodu bejn it-3 ta’ Settembru 2002 u t-tmiem tal-perijodu ta’ ksur, ikklassifikat bħala perijodu ta’ “tnaqqis”, kien ikkaratterizzat minn tnaqqis fl-attivitajiet tal-kartell sussegwentement għat-tluq ta’ Pilkington.

157    Hekk kif jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni indikat li użat approċċ “iktar kalibrat” li jikkonsisti f’li jitnaqqas il-piż tal-perijodu ta’ żieda kif ukoll dak tal-perijodu ta’ tnaqqis fil-kalkolu tal-multa bażika, u li f’dan il-kuntest ikkunsidrat biss il-valur tal-bejgħ tal-produtturi tal-vetturi li dwarhom kellha provi diretti li kienu s-suġġett ta’ kollużjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-bejgħ kollha fi ħdan iż-ŻEE kienu ġew ikkunsidrati għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2000 u t-3 ta’ Settembru 2002. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 155 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġġustifikat b’mod partikolari dan l-approċċ, fil-premessi 660 sa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn indikat li akkordji jew prattiki miftiehma setgħu jiġu stabbiliti fir-rigward tal-produtturi kollha kbar tal-vetturi fiż-ŻEE, fil-perijodu tal-ksur, iżda wkoll li dan l-akkordju kellu bħala għan l-istabbiltà globali tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti u li din l-istabbiltà kienet imħaddna b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontijiet kollha individwali u li jinvolvi l-elementi kollha tat-twieqi.

158    Skont il-premessa 667 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bejgħ ikkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa ġew iddeterminati, għal kull parteċipant fil-kartell, fuq il-bażi tal-bejgħ totali peżati bil-mod kif ġie spjegat, diviż bin-numru ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni għall-ksur u mmultiplikat bi tnax sabiex tinkiseb ċifra medja annwali ppeżata. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li dawn il-kalkoli kienu twettqu fuq il-bażi taċ-ċifri fornuti mill-impriżi kkonċernati bħala risposta għat-talba għal informazzjoni li kienet saritilhom fil-25 ta’ Lulju 2008.

159    Hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl ta’ partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata, dwar b’mod partikolari il-funzjonament tal-akkordju (premessi 120 sa 428 tad-deċiżjoni kkontestata), li fihom il-Kummissjoni identifikat sistematikament lill-produtturi li kienu s-suġġett ta’ kuntatti illegali matul il-perijodi differenti tal-ksur.

160    Barra minn hekk, il-Kummissjoni forniet diversi dettalji, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-metodu li hija użat sabiex tikkalkola l-multi li hija imponiet fuq kull impriża kkonċernata f’din il-kawża, fir-rigward b’mod partikolari taċ-ċifri ta’ bejgħ rilevanti, tal-proporzjoni tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat, tal-ammont addizzjonali kif ukoll tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multa.

161    Fl-aħħar nett, jekk huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix spjegazzjoni fir-rigward taċ-ċifri ta’ bejgħ li ġew ikkunsidrati għas-sena 1998, għandu jiġi kkonstatat li Saint-Gobain ma fornietx ċifri ta’ bejgħ mill-produttur għal din is-sena fl-investigazzjoni. B’hekk jirriżulta, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, li kien b’mod leġittimu u prevedibbli, f’dan il-kuntest, li hija użat iċ-ċifri ta’ bejgħ tas-sena l-iktar qrib, f’dan il-każ is-sena 1999, bil-għan li tikkalkola l-multa imposta fuq Saint-Gobain.

162    Hekk kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu lil Saint-Gobain li tifhem mhux biss il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni tidderoga parzjalment mir-regola ġenerali inkluża fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006 f’din il-kawża, iżda wkoll l-elementi li fuq il-bażi tagħhom, il-Kummissjoni eżaminat il-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tal-multa. B’hekk, minkejja l-fatt li d-dettalji ta’ dan il-kalkolu ma jidhrux fid-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ma hijiex vizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

163    Għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv ma hijiex fondata.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq żball fil-kalkolu

 L-argumenti tal-partijiet

164    Saint-Gobain, li ssostni li skopriet, fil-qari tar-risposta tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonsisti fi żball ta’ kalkolu tal-multa, tqajjem f’dan ir-rigward motiv ġdid fir-replika tagħha.

165    Saint-Gobain issostni li ċ-ċifri tal-bejgħ inizjalment allokati kkunsidrati mill-Kummissjoni, għal dak li jirrigwardaha, kienu ta’ EUR [kunfidenzjali]. Issa, billi tiġi applikata b’mod skrupluż il-metodu ta’ kalkolu rrakomandat mill-Kummissjoni, Saint-Gobain tasal għal ċifra ta’ EUR [kunfidenzjali], jiġifieri ammont inferjuri ta’ EUR [kunfidenzjali] minn dak ikkunsidrat mill-Kummissjoni. Din id-differenza tista’ tiġi spjegata, skont Saint-Gobain, minn l-inklużjoni fil-bażi ta’ kalkolu tal-multi ta’ ċifri li jikkorrispondu ma’ bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE. Issa, b’mod konformi mal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, ma jkunux ikkunsidrati tali ċifri fil-kalkolu ta’ multa għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

166    Il-Kummissjoni turi dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din il-parti tal-motiv. Skont din, Saint-Gobain setgħet diġà tressaq dan l-ilment fir-rikors tagħha, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li huma ċ-ċifri ta’ bejgħ ikkomunikati minn Saint-Gobain li servew ta’ bażi għall-kalkolu tal-multa imposta fuq din l-impriża.

167    Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li hija kkunsidrat iċ-ċifri ta’ bejgħ li ġew ikkomunikati lilha minn Saint-Gobain. Ċertament, din tal-aħħar kienet indikat, fl-investigazzjoni, li parti mill-bejgħ korrispondenti għall-imsemmija ċifri ma kinux affettwati mill-akkordju u li ċerti bejgħ ikkonċernati kienu twettqu barra miż-ŻEE. Madankollu, Saint-Gobain ma speċifikatx it-tip ta’ bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE, la l-klijenti kkonċernati minnhom, u lanqas l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li huma jirrappreżentaw. Barra minn hekk, iċ-ċifri mressqa minn Saint-Gobain, fuq dan il-punt, ma kinux ġew iċċertifikati.

168    Il-Kummissjoni tressaq varji ċirkustanzi oħra li, skont din, jostakolaw it-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ rilevanti mfittex minn Saint-Gobain, fir-rigward tal-bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE. L-ewwel nett, Saint-Gobain ma spjegatx jekk dawn il-kunsinni eventwali barra miż-ŻEE kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet ċentralizzati mill-produtturi jew jekk dawn jaqgħu barra mit-tmexxija ċentralizzata. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż, skont il-Kummissjoni, li dawn il-kunsinni kienu destinati għal imħażen tal-produtturi fl-Unjoni, bil-għan ta’ użu minn bejjiegħa bl-imnut awtorizzati barra miż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, tnaqqis eventwali taċ-ċifri ta’ bejgħ f’dan is-sens kien jeħtieġ, għal ċerti perijodi tal-ksur, tqassim preċiż tal-bejgħ għal kull produttur ikkonċernat, li ma ġiex fornut minn Saint-Gobain. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li Saint-Gobain ma ressqet l-ebda prova affidabbli li turi li kien sar bejgħ barra miż-ŻEE. Min-naħa l-oħra jirriżulta mill-fajl tal-investigazzjoni li Saint-Gobain stess irrinunċat milli tipproċedi b’analiżi dettaljat ta’ dan it-tip, hekk kif jirriżulta minn ammont affidabbli tal-bejgħ ikkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

169    Il-Qorti Ġenerali ssostni, preliminarjament, li l-Kummissjoni kkonfermat l-ipoteżi mressqa minn Saint-Gobain li skont din il-multa li ġiet imposta fuq din tal-aħħar ġiet ikkalkolata billi ma tnaqqsux iċ-ċifri ta’ bejgħ li jikkomunikaw l-ammonti eventwali li jikkorrispondu ma’ bejgħ allegatament imwettqa barra miż-ŻEE.

170    Barra minn hekk għandu jingħad li, fit-talbiet għal informazzjoni li hija kienet indirizzat lil Saint-Gobain fl-10 ta’ Diċembru 2007 u fil-25 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni kienet talbet lil din l-aħħar imsemmija li tikkomunikalha d-dħul mill-bejgħ tagħha imwettaq fi ħdan iż-ŻEE matul varji snin finanzjarji suċċessivi. F’kull waħda minn dawn it-talbiet, il-Kummissjoni kienet talbet lil Saint-Gobain li tforni, jekk possibbli, iċ-ċifri ċertifikati u li tiddistingwi d-dħul mill-bejgħ imwettaq għal kull produttur tal-vetturi kkonċernat.

171    Fir-risposti tagħha kkomunikati lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2008 u fit-22 ta’ Awwissu 2008, Saint-Gobain tat informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ globali tagħha u għal kull produttur għas-snin 1999 sa 2004, mid-database kummerċjali internazzjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, Saint-Gobain indikat, f’dawn l-istess risposti, li ċ-ċifri kkomunikati jinkludu wkoll bejgħ ta’ ħġieġ tal-vetturi lil klijenti li jinstabu barra miż-ŻEE, jiġifieri fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja. Madankollu, billi qieset li dan il-bejgħ jirrappreża dħul mill-bejgħ relattivament baxx u li kien ikun diffiċli li jittieħdu mid-database kummerċjali internazzjonali, Saint-Gobain ikkomunikat lill-Kummissjoni li hija kienet irrinunċat milli tipproċedi b’adattament tal-imsemmi database f’dan is-sens. Hija madankollu naqset mid-dħul mill-bejgħ globali, għal kull sena kkonċernata, perċentwal intiż li jirrefletti l-bejgħ imwettaq barra miż-ŻEE.

172    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-risposti previsti fil-punt preċedenti ma jikkontjenux kalkolu speċifiku, għal kull produttur u għal kull sena, tal-bejgħ imwettaq lil klijenti li jinsabu barra miż-ŻEE, minkejja talbiet għal informazzjoni indirizzati f’dan is-sens mill-Kummissjoni lill-Saint-Gobain. Issa, mill-premessa 667 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-perijodi ta’ żieda u ta’ tnaqqis tal-akkordju, ikkunsidrat biss iċ-ċifri ta’ bejgħ lil produtturi li dwaru hija kienet f’pożizzjoni li turi li kuntratti ta’ provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi kienu s-suġġett tal-akkordji jew ta’ prattiki ta’ kollużjoni. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kienet ġiet fornuta lilhom minn Saint-Gobain, tiddetermina jekk u, fl-affermattiv, b’liema mod, il-perċentwali ta’ bejgħ li dawn isostnu li wettqu barra miż-ŻEE jikkonċernaw lil dawn il-produtturi.

173    Iktar ġeneralment, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-Kummissjoni, li fl-investigazzjoni, Saint-Gobain ma ppreżentat l-ebda element ta’ tip li juri li l-perċentwali ta’ dħul mill-bejgħ li hija kellha l-intenzjoni li jitnaqqas fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-multa, jikkorrispondi sew mal-bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE.

174    Għalhekk, anki f’każ li l-parti preżenti tal-motiv tkun ammissibbli b’mod li hija kienet preżenti biss fl-istadju tar-replika, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkunsidrat bħala dħul mill-bejgħ, għall-kalkolu tal-multa imposta fuq Saint-Gobain, id-dħul mill-bejgħ totali u mill-produttur li kienu ġew ikkomunikati lilha minnha, mingħajr ma tnaqqsu minn dawn tal-aħħar perċentwal f’daqqa li allegatament jikkorrispondi għal bejgħ imwettaq barra miż-ŻEE.

175    B’hekk jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv, sa fejn din issostni t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, magħha, it-tielet motiv kollu kemm hu. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li din il-parti hija wkoll eżaminata fil-punti 463 sa 477 iktar ’il quddiem, sa fejn din issostni t-talbiet għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

4.     Fuq ir-raba’ motiv ibbażat, fuq żball fl-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir tal-ksur ta’ Saint-Gobain f’Compagnie, fuq ksur tal-prinċipji tal-individwalità tal-pieni u fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

176    Il-motiv preżenti jikkorrispondi, essenzjalment, ma waħda mill-motivi mqajma minn Compagnie fil-Kawża T‑73/09. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien.

177    It-tielet motiv imqajjem minn Compagnie fil-kuntest tal-Kawża T‑73/09 jikkontjeni madankollu lment sussidjarju, ibbażat ukoll fuq qabża tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda bbażat fuq argumenti differenti. Compagnie fil-fatt issostni li, għalkemm għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament żammitha responsabbli mill-aġir tas-sussidjarja tagħha Saint-Gobain Glass France, hija madankollu wettqet żball meta kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Saint-Gobain għall-finijiet li jiġi kkalkolat il-limitu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Peress li dan l-ilment huwa distint minn dak li huwa s-suġġett tal-motiv preżenti, huwa eżaminat separatament (ara l-punti 442 sa 458 iktar ’il quddiem).

a)     L-argumenti tal-partijiet

178    Saint-Gobain u Compagnie jakkużaw lill-Kummissjoni li attribwiet li din l-aħħar imsemmija aġir ta’ Saint-Gobain Glass France, li hija wettqet 100 %, b’mod li ma setax jiġi muri li Compagnie kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain.

179    Compagnie ssostni f’dan ir-rigward li, kemm minħabba n-natura tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell tal-gravità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom, persuna ġuridika ma għandhiex tkun ippenalizzata għal din ir-raġuni ħlief jekk il-Kummissjoni hija f’sitwazzjoni li turi, b’mod pożittiv, l-implikazzjoni tagħha f’tali ksur. L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ta’ ksur lil kumpannija parent, għall-aġir ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, tkun possibbli meta huwa stabbilit li din tal-aħħar ma aġixxietx b’mod awtonomu jew kulma għamlet kien li applikat l-istruzzjonijiet tal-imsemmija kumpannija parent. Compagnie tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi meta tikkonkludi, bħal f’din il-kawża, tali attribuzzjoni mingħajr ma tkun ivverifikat jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. L-attribuzzjoni ta’ aġir ta’ ksur f’tali kundizzjonijiet twassal sabiex jiġu konfużi l-kunċetti ta’ persuna ġuridika u ta’ impriża u, b’hekk, li jinkiser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni.

180    Skont Compagnie, jekk l-element li jirrigwarda ż-żamma tal-kapital kollu ta’ sussidjarja jammonta għal indikazzjoni b’saħħitha tal-eżistenza, fi ħdan il-kumpannija parent, ta’ setgħa ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq, tali ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tippermetti li tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja fl-imsemmija kumpannija parent. Sensiela kumplimentari ta’ indizji tkun indispensabbli għal dan il-għan, minkejja li l-ġurisprudenza tal-Unjoni diġà ddeċidiet kuntrarju.

181    Huwa bi ksur ta’ dan il-prinċipju, rikonoxxut f’sistemi ġuridiċi oħra, kif ukoll tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza li l-Kummissjoni attribwiet lil Compagnie l-ksur mwettaq minn Saint-Gobain Glass France, b’mod li l-ebda element ma jippermetti li jintwera li din tal-aħħar illimitat ruħha li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha. B’mod partikolari, struzzjonijiet ġenerali mogħtija lil sussidjarja jew l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet mhux eżekuttivi, fi ħdan il-kumpannija parent, mill-persuna responsabbli ta’ sussidjarja ma jkunux ta’ tip li jistabbilixxu l-eżerċizzju ta’ tali stħarriġ. Il-Kummissjoni b’hekk tkun stabbiliet preżunzjoni inkonfutabbli ta’ influwenza determinanti li hija responsabbiltà ta’ Compagnie, bi ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237).

182    Compagnie tikkunsidra li hija għandha tkun tista’ tillimita ruħha li turi li l-grupp li hija tmexxi ma hijiex organizzata b’mod tali li hija għandha riżorsi umani u materjali suffiċjenti sabiex timplika ruħha b’mod regolari u profondi fit-tmexxija tal-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha. Issa, dan intwera.

183    L-ewwel nett, l-uniku fatt li teżisti strateġija komuni għall-grupp Saint-Gobain kollu, ippubblikata fis-sit internet tagħha, ma tkunx ta’ natura li turi l-eżerċizzju minn Compagnie ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain, peress li l-prinċipji kostituttivi ta’ din l-istrateġija ma jkollhomx rabta mal-politika kummerċjali tal-oqsma ta’ attività differenti fi ħdan l-imsemmi grupp. Barra minn hekk, ir-riżorsi umani limitati li tiddisponi minnhom Compagnie, kif ukoll l-għan esklussivament funzjonali tad-dipartimenti differenti li jiffurmawha, huma xhieda tal-impossibbiltà prattika li fiha tinstab teżerċita influwenza, anki ġenerali, fuq il-politika kummerċjali tal-mijiet ta’ sussidjarji tagħha. Compagnie b’hekk ma tagħti l-ebda struzzjoni fuq it-tekniċi kummerċjali li għalihom s-sussidjarji tagħha għandhom jirrikorru bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom. Il-komunikazzjoni ta’ numru limitat ta’ informazzjoni lil Compagnie, bħall-baġits u r-rapporti finanzjarji, barra minn hekk tkun organizzata skont sistema “mill-qiegħ ’il fuq”, ikkaratterizzata minn ġestjoni diċentralizzata u ta’ natura diversifikata ħafna tal-attivitajiet tal-grupp Saint-Gobain. B’hekk, il-Kummissjoni ma waslitx li turi li rapporti preċiżi fuq l-attivitajiet kummerċjali tad-diviżjoni “Twieqi” ta’ Saint-Gobain kienu indirizzati lil Compagnie.

184    Barra minn hekk, ir-rwol individwali fi ħdan Compagnie ta’ M. A., ex-direttur tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain, ma jippermettix li tiġi stabbilita l-assenza ta’ awtonomija kummerċjali tal-imsemmi qasam. B’hekk, Compagnie ssostni li l-funzjonijiet ta’ M. A. fi ħdanha ma kinux eżekuttivi, it-titolu tiegħu ta’ assistent direttur ġenerali ta’ Compagnie jippreżentaw karattru onorarju. M. A. Fl-ebda mument ma kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Compagnie, li, suġġett għall-funzjonijiet tal-Bord tad-diretturi, jieħu biss id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ Compagnie fi ħdan il-grupp. M. A. barra minn hekk eżerċita funzjonijiet fi ħdan Compagnie biss mill-15 ta’ Ottubru 2001, jiġifieri kważi erba’ snin wara l-bidu tal-ksur, u ma kienx responsabbli tal-innovazzjoni fil-grupp ħlief minn l-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri iktar minn sena wara t-tmiem tal-akkordju kontenzjuż. Fir-rigward tal-kumitat tad-Direttorat Ġenerali, jekk is-suġġetti li huma ttrattati minnu jkunu ta’ interess komuni għall-grupp kollu, l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata tkun ġenerali wisq sabiex tippermetti li titnaqqas l-eżistenza ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain.

185    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ żewġ impjegati ta’ Compagnie fil-bord tad-diretturi ta’ Saint-Gobain Glass France, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din tkun irrilevanti f’din il-kawża. Tkun fil-fatt ħaġa abitwali li azzjonist ta’ 100 % ta’ kumpannija jokkupa ċertu numru ta’ siġġijiet fi ħdan il-Bord tad-diretturi tagħha. B’hekk jirriżulta li l-fatt li tali element jiġi meqjus bil-għan li jiġi attribwit il-ksur lil Compagnie, bħal sempliċi skambji ta’ informazzjoni ġenerali ma’ Saint-Gobain Glass France, jikkontribwixxi li jagħmlu inkonfutabbli l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-ġurisprudenza.

186    F’ilment separat, Saint-Gobain u Compagnie min-naħa l-oħra jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, peress li l-attribuzzjoni tal-ksur lil Compagnie kellha bħala l-uniku għan, skont din, li tippermetti li l-multa għolja ħafna li ġiet imposta fuqhom ma teċċedix il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull “impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi parteċipanti fil-ksur”, stabbilit fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk jirriżulta li, indipendentement stess minn motivi oħra tar-rikors, il-multa li ġiet imposta fuqhom ma kellhiex teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Saint-Gobain matul is-sena finanzjarja preċedenti, jiġifieri EUR [kunfidenzjali] miljun.

187    Il-Kummissjoni tressaq, preliminarjament, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tal-motiv preżenti, hekk kif mqajma minn Saint-Gobain, sa fejn din tal-aħħar tikkuntenta ruħha li tirreferi f’din il-kawża għal ċerti argumenti mressqa minn Compagnie fl-investigazzjoni u sunti fid-deċiżjoni kkontestata.

188    Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li Compagnie żbaljat meta akkużatha li ħaltet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunċetti ta’ impriża u ta’ persuna ġuridika. Il-Kummissjoni fil-fatt attribwixxiet biss lil Compagnie l-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain wara li kkonstatat li dawn il-kumpanniji jiffurmaw impriża unika fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

189    Il-Kummissjoni barra minn hekk tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja hija preżunta li eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar u, b’hekk, qiegħda f’pożizzjoni li jiġi attribwit lilha l-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn din. Din il-preżunzjoni tkun ġustifikata mill-fatt li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, sussidjarja li hija 100 % ikkontrollata minn kumpannija parent ma tmexxix il-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu. Kuntrarjament għal dak li ssostni Compagnie, ma jkunx b’hekk neċessarju li l-Kummissjoni tressaq prova pożittiva li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat tali influwenza f’din il-kawża.

190    Il-Kummissjoni barra minn hekk tesponi li, jekk hija semmiet fid-deċiżjoni kkontestata ċerti elementi addizzjonali bil-għan li tibbaża ruħha fuq din il-preżunzjoni, ma jistax jiġi dedott li hija tikkunsidra li dawn l-elementi jkunu indispensabbli sabiex Compagnie tinżamm responsabbli tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain.

191    Skont il-Kummissjoni, l-ebda raġuni ma tiġġustifika l-abbandun tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq. L-ewwel nett, ma huwiex importanti li l-ordinamenti ġuridiċi ta’ stati terzi ma jirrikonoxxux forma ta’ preżunzjoni konfutabbli simili għal din li tiġi deskritta. Barra minn hekk, din il-preżunzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn kumpanniji parent li jkollhom il-kapital kollu ta’ sussidjarja u dawk li jkollhom biss parti iktar limitata minn din, peress li dawn il-kumpanniji ma jkunux f’sitwazzjonijiet simili. Fl-aħħar nett, f’kull każ, il-Kummissjoni diġà kkunsidrat, f’deċiżjonijiet preċedenti, ir‑responsabbiltà ta’ kumpannija parent li jkollha biss parti mill-kapital ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha.

192    Fir-rigward tal-prattika amministrattiva preċedenti li Compagnie ħasbet li tista’ tidentifika, il-Kummissjoni tindika mhux biss li tali prattika ma tirriżultax minn preċedent wieħed, iżda wkoll li, f’kull każ, prattika eventwali ta’ dan it-tip ma tobbligahiex tagħmel evalwazzjonijiet identiċi fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet ulterjuri. F’kull każ, il-Kummissjoni tirrifjuta l-eżistenza ta’ kwalunkwe kontradizzjoni bejn id-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, iċċitati minn Compagnie, u d-deċiżjoni kkontestata, fejn din tal-aħħar taqa’ f’kuntest fattwali differenti.

193    Min-naħa l-oħra, hekk kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, l-unika ċirkustanza li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti hija diffiċli li tiġi kkonfutata ma tfissirx li din il-preżunzjoni hija inkonfutabbli. F’din il-kawża, Compagnie ma tkunx ressqet provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li taqa’ fuqha. Compagnie fil-fatt tifforma impriża unika ma’ Saint-Gobain Glass France, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Jirriżulta wkoll li l-ilment li skont dIn id-deċiżjoni kkontestata tikser, fuq dan il-pjan, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jew inkella l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandu jiġi miċħud bħala infondat.

194    Din it-talba tkun ikkonfermata minn elementi differenti.

195    L-ewwel nett, l-istruttura kummerċjali tal-grupp Saint-Gobain, implementata minn Compagnie, turi li din tal-aħħar eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ Saint-Gobain France. Fil-fatt, Compagnie fasslet l-istrateġija tal-imsemmi grupp u ddividiet l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar f’setturi speċifiċi. Dan l-aħħar element juri l-volontà tagħha li tħares, fl-aħħar lok, il-kontroll tal-istruttura u tat-tmexxija ta’ dan il-grupp, mingħajr mal-għarfien tal-ksur minn Compagnie tkun rilevanti fid-dawl tal-implementazzjoni tal-preżunzjoni. Ikun normali f’dan il-kuntest, li l-kompiti differenti tal-impriża ppenalizzata fid-deċiżjoni kkontestata jkunu diviżi bejn Compagnie u s-sussidjarji tagħha li jaqgħu fid-diviżjoni “Twieqi” u li Compagnie għandha riżorsi umani iktar limitati mill-imsemmija sussidjarji.

196    L-allegazzjoni ta’ Compagnie li skont din hija ma tagħti l-ebda struzzjoni preċiża lis-sussidjarji tagħha barra minn hekk bl-ebda mod ma ġiet sostnuta mill-provi. Hemm lok li jiġi nnutat li, fuq dan l-imsemmi punt, jeżisti, fi ħdan Compagnie, dipartiment li jitratta r-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-innovazzjoni, kif ukoll post ta’ avukat speċjalizzat fid-dritt tal-proprjetà intellettwali u post ta’ kap tal-kuntratti internazzjonali.

197    Il-Kummissjoni barra minn hekk tikkunsidra li l-funzjonijiet eżerċitati minn M. A. kemm fi ħdan is-Saint-Gobain Glass France kif ukoll fi ħdan Compagnie jikkontribwixxu sabiex juru l-influwenza determinanti li kellha Compagnie fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. M. A. kien, fil-fatt, impjegat minn Saint-Gobain Glass France u direttur tad-diviżjoni “Twieqi” fi ħdan il-grupp Saint-Gobain, responsabbli mill-kumpanniji operattivi kollha li jipproduċu u jikkummerċjalizzaw it-twieqi. Kuntrarjament għal dak li tallega Compagnie, M. A. kienet eżerċitat il-funzjoni ta’ direttur tad-diviżjoni “Twieqi” fi ħdan l-imsemmi grupp minn Ottubru 1996 sa Ottubru 2001, qabel ma eżerċitat il-funzjonijiet tagħha ta’ assistent direttur ġenerali. Issa, M. A. f’numru ta’ okkażjonijiet, f’dawn id-diversi kwalitajiet, jirrapporta dwar attivitajiet tad-diviżjoni “Twieqi” lil Compagnie u din ma wrietx li dawn il-funzjonijiet ma jinvolvu ebda rwol eżekuttiv.

198    Barra minn hekk, ma jkunx ikkontestat li M. A. tifforma parti mill-kumitat tad-Direttorat Ġenerali, li l-missjoni tiegħu huwa, skont ir-risposti mressqa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet minn Compagnie, li taqsam l-informazzjoni ġenerali li tista’ tippreżenta interess għad-diriġenti tal-grupp u teżamina xahar wara xahar ir-riżultati kkonsolidati tal-grupp Saint-Gobain kif ukoll l-evoluzzjoni tal-effeti globali tiegħu. Dan il-kumitat jifforma, flimkien mal-kumitat eżekuttiv, it-tim ta’ tmexxija tal-grupp Saint-Gobain.

199    Fir-rigward tal-preżenza ta’ bosta membri tat-tmexxija ta’ Compagnie fit-tmexxija ta’ Saint-Gobain Glass France, din turi l-importanza tal-implikazzjoni ta’ din il-kumpannija parent fl-attivitajiet tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain.

200    Barra minn hekk, la l-baġit tad-diviżjoni “Twieqi” għas-sena 2001, u lanqas il-pjan strateġiku għal dan l-istess qasam għall-perijodu 2002‑2006, ippreżentati minn Compagnie annessi mar-replika tagħha, ma huma ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-konklużjonijiet tagħha. Fil-fatt, anki f’każ li dawn id-dokumenti ġew ippreparati fil-livell tad-diviżjoni “Twieqi” u ngħataw lura biss wara lil Compagnie, ma ġiex muri li din tal-aħħar ma kinitx f’pożizzjoni li tbiddilhom, li tiċħadhom jew li tistħarreġ l-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-qasam “Twieqi” ikun totalment awtonomu fil-grupp Saint-Gobain, hekk kif jirriżulta mill-parti l-kbira li jirrappreżenta fi ħdan dan tal-aħħar skont id-dħul mill-bejgħ u mir-riżultati.

201    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza, imressaq minn Compagnie fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha, tressaq tard u, b’hekk, huwa inammissibbli. Sussidjarjament, hija ssostni li preżunzjonijiet ta’ ħtija huma possibbli fil-qasam kriminali, dment li huma ma jeċċedux ċertu limitu. Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-ġlieda kontra l-prattiki antikompetittivi tammonta għal kwistjoni importanti u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet tad-difiża ta’ Compagnie ġew totalment irrispettati f’din il-kawża, fejn din kienet f’pożizzjoni, wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tirrifjuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain Glass France.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv hekk kif imqajjem minn Saint-Gobain

202    Qabel ma jiġi eżaminat il-motiv fuq il-mertu, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà opponuta mill-Kummissjoni fl-imsemmi motiv, hekk kif mqajma minn Saint-Gobain. Billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li Saint-Gobain, fir-rikors tagħha, ikkuntentat ruħha li tirreferi għal argumenti mressqa minn Compagnie fl-investigazzjoni u sunti fil-premessi 606 u 607 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma tiżviluppahom.

203    Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi r-rikors, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschppij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 39). Jekk it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u komplut, fuq punti speċifiċi, riferiment globali għal dokumenti oħra ma għandux jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ argumenti essenzjali fid-dritt, li, skont id-dispożizzjoni msemmija aktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess (digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Marzu 2009, Alves dos Santos vs Il-Kummissjoni, T‑184/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 19).

204    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-partijiet tar-rikors ta’ Saint-Gobain li jirrigwardaw il-motiv preżenti huma konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Hekk kif il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fil-kitbiet tagħha, Saint-Gobain ma hijiex limitata, f’din il-kawża, li tirreferi purament u sempliċement għal argumenti kontenuti f’kitbiet oħra. Ir-rikors fil-fatt jikkontjeni argumenti varji insostenn tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, tal-fatt tal-attribuzzjoni lil Compagnie tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain, kif ukoll ta’ qabża tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u ta’ użu ħażin ta’ poter.

205    B’hekk jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-motiv preżenti, hekk kif tqajmet minn Saint-Gobain, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

206    Fuq il-mertu, jeħtieġ li jingħad, preliminarjament, li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 107).

207    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, dik l-unità ekonomika tkun komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur, li għandu jiġi attribwit b’mod inekwivoku lil persuna ġuridika li fuqha jkunu jistgħu jiġu imposti multi. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha min-naħa l-oħra tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u tindikalha b’liema mod ġiet akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun attribwit lill-kumpannija parent partikolarment meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan huwa hekk għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 206 u 207 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    Fil-fatt, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u inqas u inqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda hekk kif ġie muri, li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 58).

211    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas‑sussidjarja tagħha (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

212    B’hekk, jekk huwa minnu li l-Qorti ressqet, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, apparti li għandha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħal nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji fil-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanzi ssemmew mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża, biss bil-għan li jiġu esposti l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha fl-aħħar nett li din ma hijiex ibbażata biss fuq iż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża ma tkunx interpretata bħala li timplika modifika tal-kundizzjonijiet li fihom topera l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti prevista fil-punt preċedenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 62, u tat-30 ta’ April 2009, Itochu vs Il-Kummissjoni, T‑12/03, Ġabra p. II‑883, punt 50).

213    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Imbagħad, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma ġġibx provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punt 61, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 57).

214    Sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tistabbilixxi b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, ma jeħtieġx biss li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“likwidità” jew inkella l-istokks u l-marketing. Jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati wkoll, hekk kif tfakkru fil-punt 209 iktar ’il fuq, l-elementi kollha rilevanti dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u b’hekk ma jkunux is-suġġett ta’ elenkar eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punt 65, u s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punti 64 u 65).

215    Preżunzjoni, anki waħda diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sa fejn hija proporzjonata mal-għan leġittimu mħaddan, li teżisti l-possibbiltà li titressaq prova kuntrarja u li d-drittijiet tad-difiża huma żgurati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, Ġabra p. I‑12073, punti 43 u 44, u Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Janosevic vs L-Isvezja, punt 104 iktar ’il fuq, § 101 sa 110).

216    Issa, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja li hija fil-proprjetà totali jew kważi-totali tal-kumpannija parent tagħha hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jinstab ekwilibriju bejn, minn naħa, l-importanza tal-għan li jiġi eliminat l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 81 KE, u ta’ prevenzjoni tat-tiġdid tiegħu u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tan-natura individwali tal-pieni u taċ-ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inklużi l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 59).

217    B’hekk jirriżulta li tali preżunzjoni hija proporzjonata mal-għan leġittimu segwit.

218    Barra minn hekk, il-preżunzjoni msemmija fil-punt 211 iktar ’il fuq, hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kumpannija li żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl ta’ din il-parti tal-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u li skont din, l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment tkun iktar utli li tkun imfittxija fil-qasam tal-entitajiet li kontrihom tintuża il-preżunzjoni użata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun biżżejjed għal parti kkonċernata li, sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, sempliċement tressaq allegazzjonijiet mhux sostnuti, tali preżunzjoni ma tkunx utli. Din il-preżunzjoni hija madankollu konfutabbli u l-entitajiet li jixtiequ li jdawruha jistgħu jressqu kull prova dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent u li huma jikkunsidraw bħala ta’ natura li turi li s-sussidjarja u l-kumpannija parent ma tammontax għal entità ekonomika waħda, iżda li s-sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 60 u 61; ara, f’dan is-sens, sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 29).

219    Fl-aħħar nett, il-kumpannija parent għandha tinstema’ mill-Kummissjoni qabel ma din tadotta deċiżjoni minflokha u din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li għandha tiddeċiedi fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 110).

220    F’din il-kawża, huwa stabbilit li Compagnie għandha 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ Saint-Gobain Glass France fiż-żmien meta seħħ il-ksur.

221    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza esposta b’mod partikolari fil-punti 213 sa 215 iktar ’il fuq, jirriżulta li meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti sabiex timputa r-responsabbiltà għal ksur lil kumpannija parent, hija din tal-aħħar li għandha tikkonfutaha billi tipproduċi provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomija fis-suq. F’dan ir-rigward, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq kull prova dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha u s-sussidjarja tagħha b’mod li turi li huma ma jammontawx għal entità ekonomika waħda.

222    B’hekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-provi li tressqu minn Compagnie matul l-investigazzjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-awtonomija kummerċjali ta’ Saint-Gobain Glass France fis-suq u, b’hekk, li turi li din u Compagnie ma jiffurmawx entità ekonomika waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

223    Hekk kif jidher fil-punti 600 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq tliet tipi ta’ kunsiderazzjonijiet għall-finijiet li tiġi sostnuta l-preżunzjoni li skont din Compagnie teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain Glass France fiż-żmien meta seħħ il-ksur.

224    Il-Kummissjoni tressaq, fl-ewwel lok, argumenti li jirrigwardaw l-organizzazzjoni kummerċjali tal-grupp Saint-Gobain. B’hekk, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għal diversi rapporti annwali ta’ Compagnie, issostni li, jekk l-oqsma differenti ta’ attività tal-grupp Saint-Gobain imexxu l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom u jiddefinixxu u jimplementaw l-istrateġiji kummerċjali u ta’ marketing marbuta mal-attività proprja tagħhom, dawn l-oqsma madankollu jagħmlu parti minn qafas ta’ tmexxija operattiva bażika, stabbilita minn Compagnie, destinata sabiex timplementa l-mudell kummerċjali tal-grupp. Il-Kummissjoni ssemmi f’dan ir-rigward ittra li intbagħtitilha minn Saint-Gobain Glass France fl-4 ta’ Ottubru 2006, bħala risposta għal talba għal informazzjoni li kienet bagħtitilha, u fejn jirriżulta li l-inizzjattivi meħuda u r-riżultati miksuba mill-qasam “Twieqi” tal-grupp ikunu konformi mal-prijoritajiet u mal-għanijiet stabbiliti għall-attivitajiet kollha tal-grupp, hekk kif definiti mid-Direttorat Ġenerali ta’ Compagnie. Skont il-Kummissjoni, din l-istess ittra tindika li, għalkemm l-orjentazzjonijiet kummerċjali, bħall-pjanijiet ta’ esplojtazzjoni u l-baġits kif ukoll ta’ deċiżjonijiet kummerċjali operattivi importanti, ikunu mfassla fil-livell tal-unitajiet kummerċjali, huma adottati, ultimament, mid-direttur tad-diviżjoni “Twieqi” ta’ Saint-Gobain.

225    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tressaq provi ta’ natura strutturali. Hija ssostni b’hekk, l-ewwel nett, ir-rabtiet li jeżistu bejn it-tmexxija ta’ Compagnie u dik tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain. B’hekk, M. A. kien okkupa l-funzjonijiet ta’ assistent direttur ġenerali ta’ Compagnie u, b’dan il-mod, irrapporta lid-direttur ġenerali delegat tal-grupp. M. A. kien min-naħa l-oħra president tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain kif ukoll ta’ Saint-Gobain Glass France u ta’ Saint-Gobain Sekurit France. Kien ukoll president ta’ Saint-Gobain Sekurit International sal-2001. M. A. kien ipparteċipa fil-laqgħat tal-kumitat operattiv u tal-kumitat tad-direttorat ġenerali ta’ Compagnie u kien, barra minn hekk, responsabbli mill-innovazzjoni fi ħdan il-grupp Saint-Gobain. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li tliet membri tal-Bord tad-diretturi ta’ Saint-Gobain Glass France kienu jokkupaw simultanjament karigi fit-tmexxija fi ħdan Compagnie.

226    Il-Kummissjoni żżid li M. A. huwa membru tat-tim ta’ tmexxija tal-grupp, bħad-direttur ġenerali delegat ta’ din, u li l-imsemmi direttur ġenerali delegat huwa fih innifsu wkoll membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ Compagnie. Issa, ma jkunx plawżibbli li membri tat-tim ta’ tmexxija li jmexxu settur kummerċjali, bħala M. A., jikkomunikaw biss bejniethom u b’hekk jassumu t-tmexxija tal-grupp mingħajr il-parteċipazzjoni tal-kumitat eżekuttiv ta’ Compagnie.

227    It-tielet lok, fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li Compagnie u Saint-Gobain Glass France għandhom is-sede tagħhom fl-istess indirizz. Din iċ-ċirkustanza tiffaċilita l-iżvilupp ta’ politika kummerċjali uniformi fi ħdan din l-impriża.

228    Compagnie u Saint-Gobain jikkontestaw din il-perspettiva.

229    F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu li ċerti provi mressqa minn Compagnie jindikaw li Saint-Gobain Glass France għandha awtonomija kbira, xorta jibqa’ l-fatt li Compagnie naqqset milli tikkonfuta l-preżunzjoni li taqa’ fuqha f’din il-kawża.

230    Fl-ewwel lok, l-argument ta’ Compagnie ma jintlaqax meta ssostniet li l-awtonomija ta’ Saint-Gobain hija attestata mit-tmexxija diċentralizzata tal-grupp Saint-Gobain u mill-fatt li Compagnie hija biss kumpannija holding li ma tassumix responsabbiltajiet operattivi u ma tintervjenix fit-tmexxija operattiva tas-sussidjarji tagħha.

231    Fil-fatt, l-ewwel nett, Compagnie ssostni li l-“kodiċi tal-etika” tagħha tillimita ruħha li tistabbilixxi prinċipji ġenerali mingħajr rabta mal-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha u ssostni li, jekk hija tistabbilixxi l-istrateġija ġenerali tal-grupp Saint-Gobain, hija min-naħa l-oħra tħalli l-oqsma ta’ attività liberi li jiddefinixxu u jimplementaw il-politika kummerċjali tagħhom. Għandu madankollu jiġi kkonstatat li Compagnie la ressqet il-“kodiċi tal-etika” tagħha u lanqas xi dokument ta’ natura li jsaħħaħ dak li kienet qed issostni.

232    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding għandha l-għan li tiġbor fi grupp il-parteċipazzjoni f’diversi kumpanniji u għandha bħala għan li tiżgura l-għaqda tat-tmexxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 63, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 283). B’hekk, fl-assenza ta’ indizji li juru li dan ma huwiex il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rabtiet li jgħaqqdu lil Compagnie ma’ Saint-Gobain Glass France huma ta’ natura li jimplikaw li Compagnie teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fiż-żmien meta twettaq il-ksur, billi jiġu kkoordinati b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Saint-Gobain (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑299/08, Ġabra p. II‑2149, punt 99). F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad, minn naħa, li Compagnie tammetti li stabbiliet l-għanijiet ġenerali ta’ qligħ lis-sussidjarji tagħha, żgurat il-bilanċ finanzjarju u r-reputazzjoni ta’ dawn, ikkontribwixxiet għall-finanzjament tal-investimenti li huma jwettqu u, min-naħa l-oħra, li, skont iċ-ċifri kkomunikati minn Compagnie stess, kważi nofs l-impjegati ta’ din huma konnessi mal-attivitajiet finanzjarji.

233    Fir-rigward tat-tqassim intern ta’ diversi attivitjiet ta’ Compagnie, li huwa simili għal tmexxija diċentralizzata, bejn varji diviżjonijiet jew dipartimenti, huwa jammonta għal fenomenu normali fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji bħal dik li tmexxi Compagnie u b’hekk mhux aktar ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni li skont din Compagnie u Saint-Gobain jammontaw għal impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 99).

234    Fit-tieni lok, ma tistax tintlaqa’ l-allegazzjoni ta’ Compagnie, li Saint-Gobain Glass France dejjem iddefiniet b’mod awtonomu l-istrateġija kummerċjali tagħha, peress li Compagnie qatt ma ddeċidiet u lanqas ma approvat il-pjanijiet tagħha ta’ attività u l-baġits tagħha u li Saint-Gobain Glass France kienet, fil-prattika, f’pożizzjoni li taġixxi b’mod awtonomu fis-suq u, min-naħa l-oħra, li Saint-Gobain Glass France kellha awtonomija finanzjarja sħiħa, peress li l-kontroll li kienet teżerċita fuqha Compagnie kienet ġenerali ħafna.

235    Fil-fatt, minbarra li Compagnie ma tressaq l-ebda prova ta’ tip li ssaħħaħ tali affermazzjonijiet, għandu jingħad li, skont ittra mibgħuta minn Saint-Gobain Glass France lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2006, bħala risposta għal talba għal informazzjoni li kienet bagħtitilha din tal-aħħar, Compagnie approvat l-investimenti u l-baġits ta’ kull waħda mill-oqsma ta’ attività tal-grupp Saint-Gobain u kienet tikkontrolla regolarment ir-riżultati miksuba minn dawn l-oqsma differenti. Din il-prova għandha t-tendenza li tikkorrobora l-konklużjoni li skont din Compagnie teżerċita influwenza partikolari fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Saint-Gobain (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 102).

236    F’kull każ, anki jekk il-pjanijiet ta’ attività kienu ġew approvati mit-tmexxija tad-diviżjoni “Twieqi” qabel ma eventwalment intbagħtu lil Compagnie, barra minn hekk ma jkunx dedott li din tal-aħħar ma setgħetx timmodifikahom, u lanqas tiċħadhom jew inkella tistħarreġ l-applikazzjoni tagħhom.

237    Fit-tielet lok, l-argument ta’ Compagnie li skont dan Saint-Gobain Glass France kienet ikkomunikatilha informazzjoni skont sistema “bottom up” (minn isfel ’il fuq) u li t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni ma tagħtix lok għall-għoti sussegwenti ta’ struzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha, kien irrilevanti. Fil-fatt, anki jekk dan kien il-każ, dan il-metodu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni ta’ sussidjarja lil kumpannija parent tagħha huwa bla ħsara għall-fakultà li għandha din tal-aħħar li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja inkwistjoni fis-suq. F’din il-kawża, il-konferma minn Compagnie li l-informazzjoni kontenuta fil-baġits u r-rapporti finanzjarji tas-sussidjarji tagħha li kienu ġew ikkomunikati lilha għall-kuntrarju tikkonferma li din il-kumpannija parent kienet totalment f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-aġir tas-sussidjarja inkwistjoni fis-suq billi tikkontrolla l-qligħ ta’ din tal-aħħar u, abbażi tar-riżultati miksuba, billi tiggwida l-għażliet kummerċjali strateġiċi tagħha. Din il-konklużjoni hija msaħħa wkoll mill-indikazzjoni fornuta fil-proċeduri amministrattivi minn M. A., direttur tad-diviżjoni “Twieqi” fi ħdan il-grupp Saint-Gobain, li skont dan jippreżenta lid-direttur ġenerali delegat ta’ Compagnie l-attivitajiet tal-fergħa “Ħġieġ tal-vetturi” tal-imsemmi grupp.

238    Fir-raba’ lok, min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti li skont dawn, minn naħa, Compagnie qatt ma pparteċipat fil-ksur u lanqas ma kienet taf bih, peress li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet tal-bejgħ, is-sottomissjonijiet tal-offerti speċifiċi lil produtturi tal-vetturi u l-politika tal-iskontijiet jikkorrispondu esklużivament għal sussidjarji li jiffurmaw parti mid-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain, u, min-naħa l-oħra, is-suq tal-ħġieġ tal-vetturi jammonta għal settur speċifiku fost il-ħames oqsma ta’ attività tal-grupp Saint-Gobain, peress li kellha biss rapporti mill-bogħod mas-setturi l-oħra li jaqgħu taħt id-diviżjoni “Twieqi”.

239    L-ebda waħda minn dawn l-argumenti ma hija fil-fatt ta’ natura li tistabbilixxi li Saint-Gobain Glass France tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu fis-suq.

240    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni li tirrigwarda l-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas, a fortiori, involviment tal-ewwel fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 58; ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, T‑72/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74). B’hekk, ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi li jeżistu bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza min-naħa ta’ din tal-ewwel fuq l-istrateġija tat-tieni u, għaldaqstant, jiġġustifikaw li dawn jiġu meqjusa bħala entità ekonomika waħda (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 83).

241    Barra minn hekk, il-fatt li l-attivitajiet ta’ Saint-Gobain Glass France kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss wieħed mill-ħafna swieq li fihom il-grupp Saint-Gobain huwa attiv huwa irrilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, ma hijiex xi ħaġa mhux abitwali għal gruppi bħal dak li jmexxi lil Compagnie, li jkun preżenti f’numru ta’ swieq u li jagħti r-responsabbiltà tal-attivitajiet li jirrigwardaw lil din lil sussidjarji differenti jew gruppi ta’ sussidjarji, mingħajr madankollu li tali ċirkustanza tammonta għal ostakolu sabiex il-kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji differenti tagħha.

242    B’hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Compagnie li skont dan, essenzjalment, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi li saret taf dwarhom fl-investigazzjoni ma jippermettux li jiġi stabbilit li Compagnie ma teżerċitax influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain Glass France.

243    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq li l-livell tal-prova meħtieġa mill-Kummissjoni f’din il-kawża, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni, kienet tittrasforma l-preżunzjoni li teżerċita influwenza determinanti f’preżunzjoni inkonfutabbli, ma jintlaqax. B’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 213 sa 215 iktar ’il fuq, fil-fatt ma ġiex meħtieġ minn Compagnie li hija tressaq il-prova tal-assenza tagħha ta’ interferenza fit-tmexxija tas-sussidjarja tagħha, iżda biss li hija tipproduċi provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 120). Issa, l-unika ċirkustanza li entità ma tressaqx, f’każ partikolari, provi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tfissirx li l-imsemmija preżunzjoni ma tistax, f’ebda każ, tiġi kkonfutata (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 65 u 66).

244    B’hekk hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar provi mressqa minn Compagnie sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li taqa’ fuqha f’din il-kawża ma tammontax, meħuda kollha kemm hi, bħala probatio diabolica.

245    Fir-rigward tar-referenzi differenti li saru minn Compagnie għal ċerti deċiżjonijiet adottati preċedentement mill-Kummissjoni, li fihom din tal-aħħar ma attribwietx lill-kumpanniji parent l-aġir ta’ ksur ta’ sussidjarji li huma miżmuma minnha 100 %, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma hijiex, fiha nnifisha, qafas ġuridiku tal-multi fil-qasam tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li din hija biss definita fir-Regolament Nru 1/2003, hekk kif applikata fid-dawl tal-linji gwida, u li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li hija wettqet preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 123).

246    Bl-istess mod, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li r-regoli ta’ attribuzzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni differenti japplikaw f’sistemi ġuridiċi oħra.

247    Mill-ispjegazzjonijiet li saru iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-attribuzzjoni lil Compagnie tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain Glass France ma jintlaqax.

248    Peress li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li Compagnie u Saint-Gobain Glass France jammontaw għal impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jeħtieġ min-naħa l-oħra li jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument ta’ Compagnie li skont dan, essenzjalment, il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li minnha għamlet użu tagħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-legalità, fil-prinċipju, fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, tmur kontra l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni. Bl-istess mod, l-ilment meħud minn Compagnie ta’ ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza inkluż fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, anki f’każ li kien ammissibbli b’mod li kien preżenti biss fl-istadju tas-sottomissjonijiet kumplimentari, ma jintlaqax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni, T‑78/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 sa 41).

249    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-konklużjoni li tidher fil-punt 247 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn l-attribuzzjoni lil Compagnie tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain kienet iġġustifikata biss mix-xewqa tal-Kummissjoni li timponi fuq din tal-aħħar multa li teċċedi l-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

250    Għalhekk, il-motiv preżenti huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-pieni u tal-aspettattivi leġittimi

251    Dan il-motiv jingħaqad, essenzjalment, ma’ wieħed mill-motivi mqajma minn Compagnie fil-Kawża T‑73/09. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien.

a)     L-argumenti tal-partijiet

252    Saint-Gobain u Compagnie jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tan-nonretroattività tal-pieni, inkluż fl-Artikolu 7 tal-KEDB u fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni tapplika l-linji gwida tal-2006 b’mod li dawn ġew adottati wara li l-ksur inkwistjoni intemm. Din l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida kienet wasslet għal żieda sinjifikattiva tal-livell tal-multi li setgħet tkun prevista fil-mument tal-fatti, skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5), [CA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

253    B’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-prinċipju tan-nonretroattività tal-pieni jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur, li jkollu effett aggravanti fuq il-livell tal-multi imposti, jekk din l-evoluzzjoni ma kinitx raġonevolment prevedibbli fiż-żmien fejn twettaq il-ksur u jekk din ma hijiex neċessarja sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti f’din il-kawża. Minn naħa, peress li l-livell tal-multi impost mill-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 kien sproporzjonat ma’ dak tal-multi imposti qabel, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-evoluzzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija linji gwida ma kinitx raġonevolment prevedibbli. Dan ikun dovut, b’mod partikolari, għall-importanza mogħtija għall-fattur tat-tul tal-ksur fil-kalkolu tal-multa fil-kuntest tal-linji gwida tal-2006, li jkun nettament iktar importanti milli taħt il-linji gwida tal-1998. Min-naħa l-oħra, il-livell għoli ħafna tal-multi impost mill-Kummissjoni skont il-linji gwida tal-2006 ma jkunx neċessarju sabiex jiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

254    Skont Compagnie, għalkemm għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni applikat, f’din il-kawża, ir-Regolament Nru 17, il-linji gwida tal-2006 ikunu komparabbli għal tibdil tal-linji ta’ kondotta li l-Kummissjoni kienet ċarament stabbiliet fil-linji gwida tal-1998, fis-sens ta’ severità akbar. Il-linji gwida tal-2006 b’hekk japplikaw biss għal sitwazzjonijiet wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

255    Dawn il-konklużjonijiet ma jkunux ikkontestati mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-1998. B’hekk, din is-sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni tal-linji gwida għal fatti li seħħew fi żmien meta tali linji gwida ma kinux għadhom ġew ippubblikati. B’hekk jirriżulta li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża preżenti, il-ksur inkwistjoni f’din il-kawża kien twettaq fi żmien ta’ inċertezza legali kbira fir-rigward tal-kalkolu tal-multi u li fih, konsegwentement, l-impriżi kkonċernati ma setgħux jiżviluppaw ebda aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward. F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kellhom ir-raġunijiet kollha li jistennew li l-aġir futur tagħhom ikun ippenalizzat skont il-linji gwida tal-1998, u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet il-karattru normattiv ta’ dawn tal-aħħar fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq.

256    Compagnie barra minn hekk tressaq diskorsi varji li saru qabel l-2006 minn Kummissarji Ewropej responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, fejn jirriżulta li l-adozzjoni ta’ linji gwida ġodda fil-qasam tal-kalkolu tal-multi ma kinitx prevedibbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti kontenzjużi.

257    B’hekk jirriżulta li, skont Saint-Gobain u Compagnie, il-multa kellha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1998.

258    Il-Kummissjoni tfakkar li l-bażi legali tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni inklużi fl-Artikolu 81 KE hija l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-linji gwida tal-2006 jillimitaw ruħhom li jippreċiżaw il-metodi li bihom dawn il-multi huma kkalkolati. B’hekk, kemm taħt il-linji gwida tal-1998 kif ukoll taħt dawk tal-linji gwida tal-2006, il-kalkolu tal-multi għandu jsir b’referenza għall-gravità u t-tul tal-ksur, hekk kif previst mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Peress li l-linji gwida tal-2006 jirreflettu metodu adattat għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali li ma tbiddlitx, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, hija trasponibbli f’din il-kawża. Tant hu hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, identifikat il-prinċipji ġenerali f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida fuq il-kalkolu tal-multi.

259    Issa, għalkemm ċertament ingħatat iktar importanza lill-kriterju tat-tul taħt il-linji gwida tal-2006, din l-evoluzzjoni kienet, skont il-Kummissjoni, prevedibbli fil-mument fejn twettaq il-ksur, minħabba l-fatt li l-valur tal-bejgħ ikkonċernati seta’ jiġi kkunsidrat fil-futur għall-kalkolu tal-multa, pjuttost milli somma f’daqqa. B’hekk, qabel l-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà esprimiet ċerta preferenza għall-kunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ ikkonċernati pjuttost milli somma f’daqqa fil-kalkolu ta’ multa. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-ammont addizzjonali impost bil-għan tad-dissważjoni kien diġà kontenut fis-somma f’daqqa applikata fiż-żmien fejn il-linji gwida tal-1998 kienu fis-seħħ, abbażi tal-gravità tal-ksur. Fl-aħħar nett, Compagnie ssostni b’mod infondat li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti kontenzjużi, kien prevedibbli li l-Kummissjoni kienet ser tipprojbixxi milli ssir applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida ġodda li hija setgħet eventwalment tadotta. Il-Kummissjoni fil-fatt tfakkar il-prinċipju li skont dan hija libera li tadatta l-linji gwida abbażi tan-neċessitajiet, sa fejn tali adattamenti jirrispettaw il-qafas legali stabbilit bir-Regolament Nru 1/2003.

260    Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li, minn naħa, il-linji gwida tal-1998 bl-ebda mod ma jippreċiżaw li huma applikabbli għad-deċiżjonijiet fuq ksur imwettqa fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom u li, min-naħa l-oħra, il-linji gwida tal-2006, li hija ma tistax tevita mingħajr ġustifikazzjoni, jindikaw li huma japplikaw fil-każijiet kollha fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet wara l-1 ta’ Settembru 2006. Issa, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet intbagħtet, f’din il-kawża, fit-18 ta’ April 2007.

261    Barra minn hekk jirriżulta minn ġurisprudenza reċenti li l-għan tal-linji gwida tal-1998 kien it-trasparenza u l-imparzjalità, iżda mhux il-prevedibbiltà tal-ammont tal-multi. Tali prevedibbiltà ma tkunx mixtieqa peress li hija tista’ tippreġudika l-effett dissważiv tal-multi billi tpoġġi lill-impriżi kkonċernati f’pożizzjoni li tikkompara bi preċiżjoni s-sanzjoni eventwali li tista’ tiġi imposta fuqhom f’każ ta’ ksur għall-vantaġġi li huma jistgħu jieħdu minn tali ksur.

262    Skont il-Kummissjoni, dawn il-konklużjonijiet ma jkunux ikkontestati mill-prinċipju ta’ nonretroattività tal-pieni. Ċertament, bħala prinċipju, l-adozzjoni tal-linji gwida li tista’ tbiddel il-politika ġenerali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-multi tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. B’hekk jirriżulta li dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jopponi l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida ġodda, sa fejn ir-regoli kontenuti f’dawn tal-aħħar ma kinux raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-ksur. Il-Kummissjoni madankollu ssostni li ċ-ċirkustanza li l-linji gwida tal-2006 jistgħu jagħtu lok għal multi iktar għolja minn dawk li kienu imposti fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1998 ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju tan-nonretroattività peress li, minn naħa, paragun tal-multi imposti f’kawżi differenti ma jammontawx għal metodu affidabbli f’dan ir-rigward u li, min-naħa l-oħra, Compagnie u Saint-Gobain ma setgħux jantiċipaw il-livell eżatt tal-multa li ġiet imposta fuqhom skont il-linji gwida tal-1998.

263    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll ir-rilevanza, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, tar-referenza li saret minn Compagnie għad-diskors tal-Kummissarji Ewropej responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni ppronunċati wara t-tmiem tal-ksur. Fil-fatt, minbarra l-fatt li s-setgħa diskrezzjonali tal-kulleġġ tal-Kummissarji ma ġietx illimitata minn tali diskors, dan tal-aħħar ma jkun fl-ebda każ ta’ natura li juri li l-adattament tal-linji gwida tal-1998 ma kienx raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta seħħ il-ksur.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

264    Permezz tal-motiv preżenti, Saint-Gobain u Compagnie jikkritikaw essenzjalment lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tan-nonretroattività tal-pieni meta applikat f’din il-kawża il-linji gwida tal-2006 b’mod li, fil-mument meta twettaq il-ksur, il-linji gwida tal-1998 kienu applikabbli. L-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 kienu implikaw żieda sinjifikattiva tal-ammont tal-multa kkomparat ma’ dak li kien jirriżulta minn applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998, prinċipalment minħabba l-multiplikazzjoni tal-valur tal-bejgħ tal-beni kkonċernati mill-ksur mit-tul ta’ din tal-aħħar.

265    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ssostni, preliminarjament, li l-argumenti li skont dawn iż-żieda tal-livell tal-multi li ġiet ikkawżata mill-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 hija manifestament sproporzjonata fir-rigward tal-għan imħaddan mill-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma mħallta, essenzjalment, mal-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv imqajjem fil-kawża T‑56/09. Hija b’hekk eżaminata fil-punti 353 sa 391 iktar ’il quddiem.

266    Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-multi li l-Kummissjoni imponiet f’din il-kawża huma rregolati mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkorrispondi mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, li kien fis-seħħ fil-mument meta seħħ il-ksur. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost fuq impriżi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien tiegħu. Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida tal-2006, li ġew ippubblikati qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti fit-18 ta’ April 2007.

267    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju tan-nonretroattività tal-liġijiet kriminali, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-KEDB u, issa wkoll, fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi rrispettat fl-impożizzjoni ta’ multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li s-sanzjonijiet imposti jikkorrispondu ma’ dawk li kienu ġew stabbiliti fiż-żmien meta seħħ il-ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 202; sentenzi tal-Qorti Ġenerali LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punti 218 sa 221, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 39).

268    B’hekk, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB li għandu jiġi interpretat u applikat b’mod li jiżgura protezzjoni effettiva kontra l-akkużi kriminali, il-kundanni u s-sanzjonijiet arbitrarji (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza S. W. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nru 335‑B, § 35), jimponi li jiġi vverifikat li, fil-mument fejn akkużat wettaq l-att li wassal għall-akkużi u għall-kundanna, teżisti dispożizzjoni legali li tagħmel l-att punibbli u li l-piena imposta ma eċċedietx il-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2000‑VII, § 145; Achour vs Franza tad-29 ta’ Marzu 2006, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2006‑IV, § 43, u Gurguchiani vs Spanja tal-15 ta’ Diċembru 2009, Nru 16012/06, § 30).

269    Min-naħa l-oħra, il-linji gwida jista’ jkollhom effetti legali. Dawn l-effetti legali jirriżultaw mhux mir-regoli proprji, iżda mill-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida mill-Kummissjoni. Din l-adozzjoni u din il-pubblikazzjoni tal-linji gwida twassal għal awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, li ma tistax tabbandunahom suġġetta li tiġi ppenalizzata, f’dan il-każ, għall-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali, il-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima u ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 209 sa 212).

270    Il-linji gwida, bħala strument ta’ politika fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’hekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tan-nonretroattività, bħal fil-każ tal-interpretazzjoni ġdida ġurisprudenzjali ta’ regola li tistabbilixxi ksur, hekk kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 7(1) tal-KEDB (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi S. W. u C. R. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nri 335‑B u 335‑C, § 34 sa 36 u § 32 sa 34; Cantoni vs Franza tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 1996‑V, § 29 sa 32, u Coëme et vs Il-Belġju, punt 268 iktar ’il fuq, § 145). Skont din il-ġurisprudenza, ksur ta’ din id-dispożizzjoni tista’ twassal għal interpretazzjoni ġurisprudenzjali fejn ir-riżultat ma huwiex raġonevolment prevedibbli fil-mument meta jitwettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni.

271    Madankollu, il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Għalhekk, il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna inkwistjoni jkollha tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika biex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan huwa l-każ speċjalment għall-professjonisti, imdorrija li juru prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom u fejn wieħed jista’ jistenna li huma jagħtu attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 215 sa 223; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 44; ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Cantoni vs Franza, punt 270 iktar ’il fuq, § 35, u Sud Fondi Srl et vs L-Italja tal-20 ta’ Jannar 2009, Nru 75909/01, § 109).

272    Barra minn hekk, il-garanziji mogħtija mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB ma jkunux interpretati bħala li jipprojbixxu l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali, fid-dawl b’mod partikolari tal-adattament għat-tibdil tas-sitwazzjoni, għall-kundizzjoni li r-riżultat ikun koerenti mas-sustanza tal-ksur u raġonevolment prevedibbli (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jorgic vs Il-Ġermanja tat-12 ta’ Lulju 2007, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2007‑III, § 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

273    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li saret referenza għaliha, hemm lok, sabiex jiġi mistħarreġ il-prinċipju tan-nonretroattività f’din il-kawża, li jiġi vverifikat jekk il-modifiki li seħħew fil-metodu ta’ kalkolu tal-multa, wara l-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006, kienu raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta twettqu l-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 224).

274    F’dan ir-rigward għandu jingħad li l-motiv prinċipali li wassal għall-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006 kien, fuq il-bażi tat-tagħlim minn prattika passata, li jbiddel il-politika tal-akkużi fil-qasam ta’ ksur taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE, bil-għan li jiġi żgurat li l-multi imposti għal dan il-għan ikollhom karattru suffiċjentement dissważiv. Dan l-għan jissarraf b’mod partikolari fi tliet innovazzjonijiet prinċipali, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-referenza li ssir għall-valur tal-bejgħ ta’ beni fir-rigward tal-ksur bħala bażi għall-istabbiliment tal-multi, minflok sistema ta’ tariffi, it-tieni nett, l-inklużjoni fl-ammont bażiku tal-multa ta’ ammont addizzjonali destinat li jiddisswadi l-impriżi milli jipparteċipaw fil-ksur l-iktar gravi għad-dritt tal-kompetizzjoni u, it-tielet nett, ir-rikonoxximent ta’ piż ikbar tat-tul tal-ksur fil-kalkolu tal-multa.

275    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi punt, il-Kummissjoni kkunsidrat li, hekk kif jirriżulta mill-impatt li neċessarjament għandu t-tul ta’ ksur fuq il-konsegwenzi potenzjali ta’ din fis-suq, huwa importanti li l-multa tirrefletti wkoll in-numru ta’ snin li fihom l-impriża pparteċipat fil-ksur. Il-multiplikazzjoni tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur bit-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur huwa b’hekk mistenni li jikkontribwixxi għall-iffissar ta’ multa li tirrefletti mhux biss l-importanza ekonomika tal-imsemmi ksur, iżda wkoll il-piż relattiv għal kull impriża li pparteċipat fih.

276    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, u fiż-żmien meta sar l-akkordju kontenzjuż, jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dak il-livell, anki b’mod sinjifikattiv, fil-limiti previsti bir-Regolament Nru 17 u bir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li f’kull mument il-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 109; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 81, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 227). Din il-marġni ta’ manuvrar hija ġustifikata, b’mod partikolari mill-fatt li, jekk l-ammont tal-multa kien ir-riżultat ta’ kalkolu li jsegwi sempliċi formola aritmetika, l-impriżi jkollhom il-possibbiltà li jbassru l-eventwali sanzjoni u li jikkomparawha mal-vantaġġi li huma jiksbu mill-ksur għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza BPB vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 336).

277    Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa la jistgħu jiksbu aspettattivi leġittimi mil-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex ser tmur lil hinn mil-livell ta’ multi li kien jiġi applikat preċedentement u lanqas mill-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 228). Dan japplika wkoll jekk iż-żieda fil-livell tal-multi tirriżulta mill-applikazzjoni, f’każijiet partikolari, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali, bħal-linji gwida tal-2006 (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 229 u 230, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 59).

278    Din il-konklużjoni ma tiġix ikkontestata mill-argument ta’ Compagnie li skont din “[il-] politika ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tirrappreżenta […] investiment fejn il-kalibrar huwa partikolarment determinat mil-livell mistenni tas-sanzjonijiet”, li, skont Compagnie, għandha tinkoraġġixxi lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv preżenti, li tikkunsidra l-isforz partikolari li hija ssostni li jkollha taċċetta sabiex tikkonforma ruħha mar-regoli li jirriżultaw mill-imsemmija liġi. Fil-fatt, tali argument ma jistax jintlaqa’ peress li r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni ma għandhomx karattru supplimentari u li impriża b’hekk ma tistax tinvoka b’suċċess l-ispiża tagħha sabiex tikkonforma magħhom.

279    Kuntrarjament għal dak li ssostni Compagnie, huwa barra minn hekk irrilevanti li ż-żieda tal-livell medju tal-multi li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 seħħet wara perijodu li fih kienu ġew applikati regoli oħra ta’ kondotta ta’ portata ġenerali.

280    Fil-fatt, fl-ewwel lok, din iż-żieda ma tistax, fiha nnifisha, tiġi kkunsidrata bħala illegali fir-rigward tal-prinċipji tan-nonretroattività u tal-aspettattivi leġittimi, peress li taqa’ fil-kuntest legali definit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, hekk kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2012, EI du Pont de Nemours et vs Il-Kummissjoni, T‑76/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Dow Chemical vs Il-Kummissjoni, T‑77/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, b’mod konformi mal-punt 32 tal-linji gwida tal-2006, l-applikazzjoni tal-metodu ġdid tal-kalkolu previst minn dawn il-linji gwida hija bla ħsara għar-regoli inklużi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li skont dawn il-multi imposti fl-ebda każ ma jistgħu jeċċedu l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq mill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li pparteċipaw fil-ksur matul is-sena finanzjarja preċedenti. Barra minn hekk, il-linji gwida tal-2006 jipprovdu li l-multa hija kkalkolata billi tiġi kkunsidrata l-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li b’hekk tirrefletti r-regola stabbilita fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

281    Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-prinċipji msemmija fil-punti 276 u 277 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li ssostni Compagnie, la l-fatt li l-linji gwida tal-1998 setgħu jkollhom l-applikazzjoni tagħhom estiża għaż-ŻEE kollha f’Jannar 2003, u lanqas id-diskorsi ppronunċati minn Kummissarji responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni fl-2003 u fl-2005, ma kienu ta’ natura li jikkrejaw, għall-operaturi ekonomiċi, aspettattivi leġittimi fil-fatt li dawn l-istess linji gwida ma jkunux modifikati fil-ġejjieni.

282    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni applikat f’din il-kawża r-regola ta’ kondotta msemmija fil-punt 38 tal-linji gwida tal-2006, li skont din l-imsemmija linji gwida japplikaw għall-każijiet kollha li għalihom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet notifikata wara l-1 ta’ Settembru 2006. B’hekk, il-pretensjoni ta’ Compagnie ma tistax tirnexxi meta hija tallega li kellha aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-Kummissjoni teskludi l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu previst mil-linji gwida tal-2006 fil-kawża preżenti.

283    Mir-raġunament espost fil-punti 274 sa 282 iktar ’il fuq jirriżulta li, fiż-żmien meta twettqu il-ksur, iż-żieda fil-livell medju tal-multi imposti fuq l-impriżi għal ksur tal-Artikolu 81 KE wara l-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006 kienet raġonevolment prevedibbli għall-operaturi notifikati bħal Saint-Gobain u Compagnie. Minn dan isegwi li dan ir-raġunament ma jistax jintlaqa’ peress li dan jikkritika lill-Kummissjoni li applikat f’din il-kawża l-linji gwida tal-2006 u, b’dan il-mod, li injorat il-prinċipji ta’ nonretroattività tal-pieni u tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn din l-għażla wasslet għall-impożizzjoni ta’ multa ogħla minn dik li kienet irriżultat mill-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni lanqas ma kellha tispjega, fil-linji gwida tal-2006, li ż-żieda fil-livell tal-multi kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 128).

284    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq karattru eċċessiv tal-multa

285    Is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi tar-rikors ta’ Saint-Gobain għandhom jiġu interpretati bħala tliet partijiet tal-istess motiv, ibbażati fuq il-karattru eċċessiv tal-multa. L-ewwel nett hemm lok li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk huma eżaminati l-ilmenti bbażati fuq karattru sproporzjonat tal-multa u tal-kunsiderazzjoni insuffiċjenti, mill-Kummissjoni, tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti minn Saint-Gobain.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, ta’ ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

286    Din l-ewwel parti tingħaqad, essenzjalment, ma’ waħda mill-motivi mqajma minn Compagnie fil-kuntest tal-Kawża T‑73/09. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

287    Saint-Gobain u Compagnie jsostnu li, billi jikkunsidraw fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi aggravanti, f’din il-kawża, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 84/388/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar proċeduri taħt l-Artikolu [81 KE] (IV/30.988 — Akkordji u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħġieġ ċatt fil-pajjiżi tal-Benelux) (ĠU L 212, p. 13) [iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux)”] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 89/93/KEE, tas-7 ta’ Diċembru 1988, dwar proċeduri taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (IV/31.906 – Ħġieġ ċatt) (ĠU 1989, L 33, p. 44) [iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja)”], il-Kummissjoni applikat b’mod skorrett ir-regoli dwar ir-reċidiva inklużi fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

288    L-ewwel nett, Compagnie ssostni li l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006, f’dan ir-rigward, jiksru l-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tan-nonretroattività peress li dawn il-linji gwida ma kinux ġew adottati u lanqas ippubblikati fiż-żmien tal-fatti kontenzjużi.

289    Barra minn hekk, il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-impriżi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jopponu l-kunsiderazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Saint-Gobain. Fil-fatt, din tal-aħħar ma kinitx id-destinatarja ta’ ebda waħda minnhom u barra minn hekk, ma kellha l-ebda setgħa ta’ tmexxija fuq l-impriżi destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Anki jekk kellha tikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-grupp Saint-Gobain jifforma impriża waħda, il-Kummissjoni kienet wettqet żball meta attribwiet l-aġir kollu ta’ grupp lil kumpanniji li ma kinux qed imexxuh. Din il-konklużjoni tapplika, b’iktar mod qawwi, għad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja), peress li l-unika kumpannija destinatarja ta’ din kienet Fabbrica Pisana, bl-esklużjoni ta’ Compagnie. Il-kunsiderazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tinjora wkoll id-drittijiet tad-difiża ta’ Compagnie, peress li din tal-aħħar, peress li ma hijiex destinatarja ta’ din, ma kinitx f’pożizzjoni li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha la fuq l-aġir attribwit lis-sussidjarja tagħha u lanqas fuq ir-responsabbiltà tagħha, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet indirizzata biss lill-Fabbrica Pisana għandha t-tendenza li turi li Compagnie, li kienet il-kumpannija parent ta’ Fabbrica Pisana, ma teżerċitax influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din.

290    Din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tkun, barra minn hekk, ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni kkunsidrat iż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni bħala ċirkustanzi aggravanti tal-ksur imwettqa minn Saint-Gobain, mingħajr madankollu ma esponiet il-provi ta’ natura li jiġġustifikaw li jkunu attribwiti lil din tal-aħħar l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji kif ukoll dawk ta’ Compagnie.

291    Saint-Gobain u Compagnie jikkunsidraw, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat, sabiex tistabbilixxi r-reċidiva, id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux), għalkemm din ġiet adottata fl-1984. It-terminu ta’ erbatax-il sena li skada bejn is-sena 1984 u l-bidu tal-ksur f’din il-kawża jkun fil-fatt eċċessiv f’dan ir-rigward.

292    F’kull każ, Compagnie tikkunsidra li, anki jekk id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) setgħet tiġi kkunsidrata bħala reċidiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ż-żieda ta’ 60 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, in solidum ma’ Saint-Gobain, hija sproporzjonata hekk kif jirriżulta mhux biss mill-qedem ta’ din id-deċiżjoni, iżda wkoll mill-fatt li dan huwa l-uniku terminu ta’ reċidiva li jista’ jiġi oppost lilha. B’hekk jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, bil-għan li tirrispetta l-prinċipji ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha għall-inqas teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha f’din il-kawża u tnaqqas is-sanzjoni b’tali mod li din tirrefletti b’mod iktar adegwat il-gravità tal-ksur. Saint-Gobain tistaqsi wkoll lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha billi tnaqqas il-multa għal ammont xieraq.

293    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tfakkar l-ewwel nett li kien ġustifikat li jiġu applikati f’din il-kawża r-regoli li jirrigwardaw ir-reċidiva kontenuti fil-linji gwida tal-2006 u li, f’kull każ, anki jekk dan ma huwiex il-każ, ir-reċidiva tidher diġà fost iċ-ċirkustanzi aggravanti li l-Kummissjoni setgħet tapplika bis-saħħa tal-linji gwida tal-1998.

294    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li Saint-Gobain u Compagnie jappartjenu lill-istess impriża u li Compagnie teżerċita kontroll effettiv fuq kull wieħed mis-sussidjarji tagħha.

295    Fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha Ħġieġ ċatt (l-Italja), il-Kummissjoni tikkunsidra li hija kellha l-fakultà li tastjeni milli tindirizza lil din lil Compagnie, mingħajr ma din l-astensjoni tammonta għal indikazzjoni ta’ awtonomija tas-sussidjarja tagħha Fabbrica Pisana lejn din tal-aħħar. Għall-kuntrarju, Compagnie ma kinitx ikkontestat li, fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, Fabbrica Pisana kienet 100 % tagħha. B’hekk jirriżulta li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, din tal-aħħar ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu u li, b’hekk, il-Kummissjoni setgħet, jekk hija kienet tixtieq dan, timponi l-multa fuq Compagnie f’din il-kawża. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li hija ġustament ikkunsidrat id-deċiżjoni inkwistjoni għall-finijiet li tikkonstata r-reċidiva tal-impriża mressqa minn Saint-Gobain u Compagnie fid-deċiżjoni kkontestata.

296    Fir-rigward tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux), li mbagħad intbagħtet lil Compagnie, il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tar-reċidiva jiffurmaw parti mis-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u li hija b’hekk ma tkunx marbuta b’terminu eventwali ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni għandha ċerta diskrezzjoni sabiex tevalwa, f’kull każ, l-indizji li jistgħu jikkonfermaw eventwali tendenza tal-impriżi kkonċernati li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż it-terminu li ddekorra bejn il-ksur inkwistjoni. Issa, anki jekk ma għandhiex tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja), adottata fl-1988, hemm lok madankollu li jiġi kkonstatat li l-fatt li għaddew inqas minn erbatax-il sena bejn id-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur fil-Kawża Ħġieġ ċatt (il-Benelux) u r-repetizzjoni tal-aġir ta’ ksur juri tendenza tal-impriża magħmula minn Compagnie u Saint-Gobain sabiex ma tirrispettax id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan ikun iktar il-każ peress li l-ksur kollu kkonstatat jikkonċerna l-qasam “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain.

297    Id-deċiżjoni kkontestata, barra minn hekk, ma tkunx ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li, minn naħa, il-Kummissjoni tiżvela r-raġunijiet li għalihom, skont din, Saint-Gobain u Compagnie tappartjeni għall-istess impriża u li, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar kienet destinatarja tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) u setgħet tkun destinatarja tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, Saint-Gobain kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet għaliex dawn it-termini ta’ reċidiva ġew ikkunsidrati fir-rigward tal-impriża li hija tifforma ma’ Compagnie.

298    Fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja), huma kienu totalment irrispettati, peress li Compagnie kellha l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jippruvaw li jikkonfutaw il-preżunzjoni konfutabbli li ppermettiet lill-Kummissjoni li ssostni r-reċidiva, billi turi li Fabbrica Pisana kienet tifforma impriża distinta.

299    Il-Kummissjoni tikkunsidra fl-aħħar nett li l-argument meħud minn Compagnie ta’ allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, invokat fl-istadju tar-replika, jammonta għal motiv ġdid u huwa, b’hekk, inammissibbli. F’kull każ, billi tapplika f’din il-kawża rata ta’ żieda ta’ 60 %, il-Kummissjoni tkun baqgħet nettament inqas miż-żieda massima prevista mil-linji gwida tal-2006, jiġifieri rduppjar tal-multa bażika. Il-possibbiltà mogħtija lill-Qorti Ġenerali li tivverifika l-proporzjonalità tal-multa turi, barra minn hekk, li l-istħarriġ li hija teżerċita huwa ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti kontenuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u esposti minn Compagnie fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha

300    Hemm lok li preliminarjament tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-argument imqajjem minn Compagnie fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha insostenn tal-motiv preżenti, ibbażat fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-pieni msemmi fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

301    F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta minn naħa, li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett u jikkontjeni sunt tal-motivi invokati u, min-naħa l-oħra, li l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-mezzi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċeduri. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Soluzzjoni analoga hija imposta għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156).

302    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, bir-referenzi li saru fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha għall-prinċipju tal-proporzjonalità tal-pieni previsti fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Compagnie ma tressaq l-ebda motiv jew ilment ġdid fir-rigward tal-motivi u lmenti li hija semmiet qabel, iżda llimitat ruħha li tinvoka dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tikkompleta l-bażi ġuridiku ta’ wieħed mill-ilmenti mqajma fir-rikors tagħha.

303    B’hekk jirriżulta li l-argumenti mressqa minn Compagnie f’dan ir-rigward, fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha, huma ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

304    Preliminarjament, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Compagnie li skont dan il-Kummissjoni ma tistax tapplika f’din il-kawża l-linji gwida tal-2006 għall-finijiet li jiġi miżjud l-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva. Minbarra li Compagnie ma tressaq l-ebda argument konkret insostenn ta’ din il-pretensjoni, hemm lok li jingħad li r-reċidiva kienet diġà tidher fost iċ-ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa taħt il-linji gwida tal-1998 u li, b’hekk, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipji msemmija fil-punti 265 sa 273 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-linji gwida tal-2006 ma tkunx, f’dan ir-rigward, ikkritikata la f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tan-nonretroattività tal-liġijiet kriminali, u lanqas f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

305    Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġdid wara li kienet ġiet ippenalizzata għal ksur simili (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617). B’hekk, wieħed mill-eżempji ta’ ċirkustanzi aggravanti ċċitati fil-punt 28 tal-linji gwida tal-2006 huwa l-każ fejn “impriża twettaq jew tirrepeti ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ikkonstatat li dawn l-impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 jew tal-Artikolu 82 [KE]”.

306    F’dan ir-rigward, mir-raġunament espost fil-punti 206 sa 247 iktar ’il fuq jirriżulta li mingħajr ma wettqet żball, il-Kummissjoni kkunsidrat li Compagnie u Saint-Gobain Glass France jappartjenu lill-istess impriża fiż-żmien meta seħħ il-ksur ippenalizzat mid-deċiżjoni kkontestata.

307    Peress li Saint-Gobain u Compagnie ma jsostnux li l-ksur kontenzjuż ma jkunx simili jew identiku għall-ksur li ġie ppenalizzat fiż-żewġ deċiżjonijiet preċedenti kkunsidrati f’din il-kawża mill-Kummissjoni għall-finijiet li tiġi kkonstatata r-reċidiva, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, b’mod konformi mar-regoli kontenuti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fil-punt 28 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dawn il-ksur diversi kienu twettqu mill-istess impriża. Minn naħa għandu jiġi eżaminat ukoll l-ilment imressaq minn Saint-Gobain u minn Compagnie li skont dan id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) ma setgħetx tiġi kkunsidrata f’din il-kawża hekk kif jirriżulta mit-terminu li għadda bejn dan u l-bidu tal-ksur kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, l-ilment meħud ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

308    Fir-rigward l-ewwel nett tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja), adottata fl-1988, huwa stabbilit li din kellha b’mod partikolari bħala destinatarja l-kumpannija Fabbrica Pisana, li hija sussidjarja ta’ Compagnie, iżda li la din tal-aħħar u lanqas Saint-Gobain ma kienu destinatarji. Barra minn hekk, ma huwiex kkontestat li Fabbrica Pisana kienet proprjetarja ta’ 100 % ta’ Compagnie fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja).

309    Hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290, u l-ġurisprudenza ċċitata), li, peress li żewġ sussidjarji huma miżmuma direttament jew indirettament 100 %, jew kważi 100 %, mill-istess kumpannija parent, jista’ jiġi raġonevolment konkluż li tali sussidjarji ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq u jammontaw mal-kumpannija parent tagħhom għal entità ekonomika u b’hekk impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. B’hekk, jista’ jiġi kkunsidrat il-ksur preċedenti imwettaq minn waħda mis-sussidjarji tal-grupp sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ sussidjarja oħra ta’ dan il-grupp.

310    Madankollu, l-aġir ta’ ksur ta’ tali sussidjarja, li hija 100 % jew kważi 100 % tal-kumpannija parent tagħha, ma jistax jiġi attribwit lil din tal-aħħar u l-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha sakemm il-kumpannija parent ma taqlibx il-preżunzjoni konfutabbli ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja, b’mod konformi mal-prinċipji msemmija fil-punti 211, 213 u 214 iktar ’il fuq.

311    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li tikkonstata li impriża “setgħet” teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ impriża oħra, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Għal kuntrarju, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha turi tali influwenza determinanti fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ tmexxija eventwali ta’ waħda mill-impriżi fir-rigward tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra p. II‑5129, punt 311, u l-ġurisprudenza ċċitata).

312    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għall-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 81(1) KE, huwa neċessarju li tiġi identifikata entità li għandha personalità ġuridika li tkun destinatarja tal-att (sentenza PVC II, punt 203 iktar ’il fuq, punt 978). B’hekk, skont il-ġurisprudenza, meta l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija stabbilita, għandha tiġi ddeterminata l-persuna fiżika jew morali li kienet responsabbli mill-operat tal-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur sabiex din twieġeb għaliha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 27; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 236). B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni, hija għandha tidentifika l-persuna jew il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ppenalizzati f’dan ir-rigward, u li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punti 250 u 251, u l-ġurisprudenza ċċitata).

313    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq (punt 99), li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna jew lill-istess familja ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ekonomika li għandha bħala konsegwenza, skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li l-aġir ta’ wieħed jista’ jiġi attribwit lill-ieħor u li wieħed jista’ jintalab iħallas il-multa għall-ieħor.

314    Għalhekk, ma jkunx ammess li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li, fil-kuntest tal-istabbiliment taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie, li dawn jistgħu jiġu miżmuma responsabbli ta’ ksur preċedenti, li għalihom huma ma ġewx ippenalizzati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, u fil-kuntest tal-istabbiliment li fih huma ma kinux destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod li huma ma kinux tpoġġew f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom għall-finijiet li jikkontestaw, fir-rigward tagħhom, l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika ma’ kumpannija destinatarja jew oħra tad-deċiżjoni preċedenti.

315    B’hekk, fir-rigward tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 308 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi deċiż li d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) ma setgħetx tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni għall-finijiet li jiġi stabbilit f’din il-kawża każ ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie.

316    Din il-konklużjoni ma tkunx ikkontestata permezz tal-argument tal-Kummissjoni li skont dan il-kumpannija parent kellha l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkontesta l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejnha u l-impriżi ppenalizzati fid-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja).

317    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din, minn naħa, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi fuq impriża multa fil-qasam tal-kompetizzjoni mingħajr ma tkun ikkomunikatilha minn qabel l-ilmenti fil-konfront tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda legali u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża mingħajr ekwivoku l-persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u għandha tkun indirizzata lil din tal-aħħar (ara s-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 318, u l-ġurisprudenza ċċitata).

318    Għalhekk, ma jkunx ammess li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra, fil-kuntest tal-istabbiliment taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, li impriża għandha tinżamm responsabbli ta’ ksur preċedenti, li għalih hija ma ġietx ippenalizzata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, li fir-rigward tagħha hija ma kinitx destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod li tali impriża ma kinitx f’pożizzjoni, fil-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti, li tippreżenta l-argumenti tagħha għall-finijiet li tikkontesta, għal dak li jirrigwardaha, l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika ma’ kumpannija destinatarja waħda jew l-oħra tad-deċiżjoni preċedenti (sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 319).

319    Din is-soluzzjoni hija iktar u iktar iġġustifikata peress li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tkunx marbuta b’terminu eventwali ta’ preskrizzjoni għal konstatazzjoni ta’ reċidiva u li tali konstatazzjoni tista’ b’hekk titwettaq ħafna snin wara l-konstatazzjoni ta’ ksur, f’mument meta l-impriża kkonċernata tkun, f’kull każ, fl-impossibbiltà li tikkontesta l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika, b’mod partikolari jekk issir applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti msemmija iktar ’il fuq (sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 320).

320    F’dan ir-rigward, jekk huwa raġonevolment permess li jiġi kkunsidrat li kumpannija parent tkun taf dwar deċiżjoni preċedenti li l-Kummissjoni indirizzat lis-sussidjarja tagħha, li tagħha hija għandha kważi l-kapital kollu, tali għarfien ma jagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni preċedenti, ta’ unità ekonomika bejn tali kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, sabiex tiġi attribwita lill-imsemmija kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur preċedenti u jkun hemm żieda tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba r-reċidiva (sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 322). Fil-fatt, il-mogħdija ta’ perijodu li jista’ jkun twil wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti huwa, f’dan il-każ, ta’ natura li jagħmel diffiċli ħafna, saħansitra impossibbli, il-kontestazzjoni mill-kumpannija parent mhux biss tal-eżistenza ta’ tali unità ekonomika, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, tal-elementi kostituttivi tal-ksur stess.

321    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi dwar l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, din tal-aħħar hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il‑Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie fuq il-bażi tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja).

322    Bid-differenza tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja), id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux), adottata fl-1984, mhux biss ġiet indirizzata, b’mod partikolari, lil sussidjarja tal-grupp Saint-Gobain, f’dan il-każ l-SA Glaceries de Saint-Roch, iżda wkoll lil Compagnie.

323    Issa, mir-raġunament espost fil-punti 206 sa 247 iktar ’il fuq jirriżulta li mingħajr ma wettqet żball, il-Kummissjoni kkunsidrat li Compagnie u Saint-Gobain Glass France kienu jappartjenu lill-istess impriża fiż-żmien meta twettaq il-ksur.

324    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-impriża magħmula minn Saint-Gobain u Compagnie, prevista mid-deċiżjoni kkontestata, kienet diġà ġiet ippenalizzata għal ksur identiku jew simili tal-Artikolu 81 KE, fil-kuntest tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux). Ftit huwa ta’ importanza, f’dan ir-rigward, li Compagnie ma pparteċipatx direttament fil-ksur ippenalizzat fid-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux). Fil-fatt, peress li l-unità ekonomika hija l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ impriżi fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa suffiċjenti li dan ikun involut f’varji ksur sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata reċidiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2012, UPM-Kymmene vs Il-Kummissjoni, T‑53/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 129).

325    Saint-Gobain u Compagnie jsostnu li mis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, jifhmu li l-passaġġ ta’ terminu ta’ iktar minn għaxar snin bejn konstatazzjonijiet preċedenti ta’ ksur u r-repetizzjoni tal-aġir ta’ ksur minn impriża kkonċernata jostakola l-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni tar-reċidiva. Id-deċiżjoni kkontestata tikser fuq dan l-aspett il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

326    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jiffurmaw parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont ta’ multa, u li l-Kummissjoni ma tkunx marbuta minn eventwali terminu ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 38; sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 383, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, p. II‑3555, punt 141).

327    B’hekk, ir-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni hija mistennija li tevalwa, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex l-impriżi li jkunu wrew inklinazzjoni li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, jiġu mħeġġa jbiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ f’kull każ, tikkunsidra l-indizji li jistgħu jwasslu għall-konferma ta’ tali tendenza, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 39; BPB vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 383, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 326 iktar ’il fuq, punt 142).

328    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 70), li l-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni ikun ikkunsidrat fl-evalwazzjoni tar-rieda tal-impriża li tevita dawn ir-regoli. Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fuq l-atti tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali u, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu, b’hekk, jintalbu li jivverifikaw jekk il-Kummissjoni osservatx l-imsemmi prinċipju meta żiedet, minħabba r-reċidiva, il-multa imposta, u, b’mod partikolari, jekk it-tali żieda ġietx imposta b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni.

329    F’dan ir-rigward għandu jingħad li, jekk il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq (punti 354 u 355), ċertament ammettiet li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra deċiżjoni adottata kważi tmintax-il sena qabel ma beda l-aġir ta’ ksur inkwistjoni f’din il-kawża, kien f’kuntest fejn ir-reċidiva kienet setgħet ukoll tiġi kkonstatata fuq il-bażi ta’ deċiżjoni inqas antika u fejn terminu relattivament qasir, jiġifieri inqas minn għaxar snin, kien issepara kull ksur. Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha mogħtija f’appell, ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali mill-Qorti Ġenerali (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 40).

330    F’din il-kawża, filwaqt li kien żball li d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) ġiet ikkunsidrata għall-finijiet li tikkonstata r-reċidiva ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie (ara l-punti 308 sa 321 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li għadda terminu ta’ ċirka tlettax-il sena u tmien xhur bejn il-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux), jiġifieri t-23 ta’ Lulju 1984, u dak meta beda l-ksur ippenalizzat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri ix-xahar ta’ Marzu 1998. B’hekk, l-impriża magħmula minn Saint-Gobain u Compagnie ma wrietx tendenza li tirrepeti l-aġir ta’ ksur fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni eżattament komparabbli ma’ dak attribwit lill-Groupe Danone fil-kawża ċċitata fil-punt preċedenti.

331    B’hekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-fatt li tiġi kkunsidrata biss din id-deċiżjoni għall-finijiet li tiġi kkonstatata l-inklinazzjoni ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie li jiksru r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni jwassalx, f’din il-kawża, għal ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

332    Fid-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux), il-Kummissjoni ppenalizzat b’mod partikolari lil Compagnie kif ukoll lil xi uħud mis-sussidjarji tagħha li jaqgħu fid-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-istess qasam ta’ attivitajiet bħal dak li jaqgħu fih is-sussidjarji tal-grupp Saint-Gobain destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

333    Barra minn hekk, l-akkordju previst mid-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) għandu karatteristiċi simili ħafna għal dak li ġie ppenalizzat fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dan l-akkordju kien jikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-prezzijiet, f’tqassim tal-klijenti u fl-attentat ta’ stabbiltà tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti.

334    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-passaġġ ta’ terminu ta’ ċirka tlettax-il sena u tmien xhur bejn il-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) u dak meta beda l-ksur ippenalizzat fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx jostakola li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata, mingħajr ma tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità, li l-impriżi mwaqqfa mir-rikorrenti kellhom tendenza li jevitaw ir-regoli tal-kompetizzjoni. B’hekk, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) sabiex tistabbilixxi ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie.

335    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni attribwiet lil Saint-Gobain id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) b’mod li din ma kinitx ġiet indirizzata lilha, ma jistax jiġi aċċettat.

336    Fil-fatt għandu jitfakkar li Compagnie kienet destinatarja tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux). Issa, il-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li Compagnie u Saint-Gobain jiffurmaw biss impriża waħda, Compagnie ma kinitx irnexxiela li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain Glass France, li hija proprjetà tagħha 100 % (premessi 599 sa 622 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessi 686 u 688 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkritikat lill-impriża komposta minn Saint-Gobain u minn Compagnie għall-aġir reċidiv tagħha, billi għamlet referenza speċifika għad-deċiżjonijiet Ħġieġ ċatt (l-Italja) u Ħġieġ ċatt (il-Benelux).

337    Fuq il-bażi ta’ dawn l-aspetti diversi, għandu jiġi kkunsidrat li Saint-Gobain, meta saret taf bid-deċiżjoni kkontestata, kienet f’pożizzjoni li tifhem li, sabiex tistabbilixxi r-reċidiva, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Compagnie kienet tifforma flimkien magħha impriża waħda u li, b’hekk, huwa l-aġir passat ta’ din l-impriża u mhux ta’ Saint-Gobain biss li jkun ikkunsidrat.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

338    F’tieni parti, Saint-Gobain takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-pieni kif ukoll ir-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-multi, inklużi fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, meta imponiet fuqha multa ta’ EUR 880 miljun. Preliminarjament, Saint-Gobain issostni li l-proporzjonalità tal-multa li ġiet imposta fuqha għandha tkun xierqa mhux b’referenza għall-ammont ta’ din il-multa hekk kif tidher fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, iżda b’referenza għall-ammont tal-vantaġġi qabel it-taxxa li jkun neċessarju sabiex titħallas l-imsemmija multa, jiġifieri iktar minn EUR 1.3 biljun.

339    Din il-parti tal-motiv tinkludi ħames ilmenti.

340    Fl-ewwel lok, Saint-Gobain tikkunsidra li ngħata piż kbir wisq lit-tul tal-ksur f’din il-kawża, minħabba l-effett multiplikatur inkluż fil-punt 24 tal-linji gwida tal-2006. It-tul b’hekk kellu impatt darbtejn ikbar mill-gravità fil-kalkolu tal-multa.

341    Fit-tieni lok, Saint-Gobain issostni li l-linji gwida tal-2006, billi jimponu li l-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa fil-qasam tal-ksur orizzontali huwa ta’ bejn 16 u 30 %, jillimita b’mod indebitu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi ffissata multa abbażi tal-gravità reali tal-ksur ikkonstatat. F’din il-kawża, perċentwal inferjuri għal 16 % kellu jkun ikkunsidrat sabiex jirrefletti l-impatt ekonomiku limitat tal-ksur fis-suq, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mis-setgħa tan-negozjar eċċezzjonali li għandhom il-produtturi tal-vetturi. Barra minn hekk, il-linji gwida tal-2006 jillimitaw b’mod indebitu s-setgħa ta’ manuvrar tal-Kummissjoni li tipprekludi li din tal-aħħar iżżomm ammont addizzjonali li jirrappreżenta inqas minn 15 % tal-valur tal-bejgħ rilevanti.

342    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Saint-Gobain għar-reċidiva, b’mod li l-ammont bażiku tal-multa jinkludi diġà fattur ta’ dissważjoni. Il-linji gwida tal-2006 jipprovdu fil-fatt, kuntrarjament għal-linji gwida tal-1998, li għandu jiġi applikat ammont addizzjonali fil-kalkolu ta’ dan l-ammont bażiku. Huwa fuq il-bażi ta’ dan li żieda ta’ 60 % ġiet applikata mill-Kummissjoni fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Saint-Gobain. B’hekk jirriżulta li l-għan ta’ dissważjoni kien ġie kkunsidrat f’żewġ livelli differenti, fir-rigward ta’ Saint-Gobain, din l-akkumulazzjoni tkun wasslet għal żieda fl-ammont tal-multa ta’ iktar minn [kunfidenzjali] miljun Euro. Din l-akkumulazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni.

343    Fir-raba’ lok, Saint-Gobain issostni li l-Kummissjoni kellha tagħti attenzjoni akbar ta’ żewġ fatturi addizzjonali fil-kalkolu tal-multa. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett dissważiv tal-multa ta’ EUR 133.9 miljun imposta fuq Saint-Gobain Glass France fid-deċiżjoni C (2007) 5791 finali tagħha, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.165 – Ħġieġ ċatt) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Ħġieġ ċatt”, sunta fil-ĠU 2008, C 127, p. 9). Id-deċiżjoni kkontestata tiddevja mingħajr raġuni, fuq dan il-punt, mir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C (2002) 5083 finali tagħha, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.667 – Grafita speċjali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Grafita speċjali”), li fiha l-Kummissjoni kienet tat tnaqqis ta’ 33 % tal-ammont tal-multa imposta fuq waħda mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni Grafita speċjali, sabiex tiġi kkunsidrata multa li kienet ġiet imposta fuq din l-istess impriża sena u ħames xhur qabel. Barra minn hekk, Saint-Gobain issostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-kriżi ekonomika eċċezzjonali li kienet qed taffettwa s-settur tal-vetturi fil-mument meta d-deċiżjoni ttieħdet u li aggravat b’mod sinjifikattiv l-impatt reali tal-multa. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi punt, Saint-Gobain ssostni li dawn id-diffikultajiet ekonomiċi ma kinux ir-riżultat tal-inkapaċità tagħha li tadatta ruħha għall-kundizzjonijiet tas-suq, iżda pjuttost jirreflettu sitwazzjoni ta’ kriżi li tolqot is-settur sħiħ fil-mument meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata.

344    Fil-ħames lok, fl-aħħar nett, il-karattru sproporzjonat tal-multa imposta fuq Saint-Gobain jirriżulta mill-fatt li din teċċedi b’mod kbir il-livell ta’ multa ottimali, li jikkorrispondi għal ammont daqs jew ftit ogħla mill-vantaġġ illeċitu li l-membri ta’ kartell jiksbu minn dan tal-aħħar.

345    Il-Kummissjoni ssostni li l-multa imposta fuq Saint-Gobain hija sproporzjonata.

346    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument ibbażat fuq l-assenza tal-possibbiltà tat-tnaqqis fiskali tal-multa ma jistax jintlaqa’. Din l-assenza ta’ possibbiltà tat-tnaqqis bl-ebda mod ma żżid l-ammont tal-multa. Għal kuntrarju, skont il-Kummissjoni, eventwali possibbiltà tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa tad-dħul taxxabbli tal-impriża kkonċernata tippermetti lil din tal-aħħar li tirkupra indebitament parti importanti tal-multa li ġiet imposta fuqha.

347    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li huwa illeġittimu li jiġi kkunsidrat, fil-kalkolu tal-multa, li l-gravità ta’ ksur tiddependi b’mod partikolari fuq it-tul ta’ żmien tiegħu. F’din il-kawża, billi ssir distinzjoni bejn tliet fażijiet tal-ksur, hija kienet naqqset indirettament l-importanza tat-tul totali tal-ksur fl-iffissar tal-livell tal-multa.

348    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċentwal tal-bejgħ ikkunsidrat, il-Kummissjoni tikkontesta li l-linji gwida tal-2006 jiċħduha minn marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi fil-każ ta’ ksur orizzontali. Dawn il-ksur fil-fatt jidhru fost l-iktar gravi, li jiġġustifikaw li jinżamm, fir-rigward tagħhom, perċentwal ta’ bejgħ għoli sabiex jiġi stabbilit kemm l-ammont varjabbli kif ukoll l-ammont addizzjonali tal-multa. F’kull każ, il-linji gwida jħallu lill-Kummissjoni marġni suffiċjenti bil-għan li ssir distinzjoni skont il-gravità tal‑ksur. Il-Kummissjoni barra minn hekk topponi l-argument ibbażat fuq setgħa ta’ negozjar tal-produtturi tal-vetturi, peress li skont din, il-ġurisprudenza tistabbilixxi f’dan is-sens li ċirkustanza ta’ dan it-tip ma għandhiex neċessarjament tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa.

349    Fir-rigward tal-argument li skont dan l-għan tad-dissważjoni ġie kkunsidrat darbtejn, abbażi tal-ammont addizzjonali, minn naħa, u fiż-żieda tal-multa skont ir-reċidiva, min-naħa l-oħra, dan, skont il-Kummissjoni, ma għandux jintlaqa’. Minbarra li l-qorti tal-Unjoni kienet diġà ċaħdet dan l-argument f’kawżi oħra, l-ammont addizzjonali u ż-żieda għar-reċidiva ma għandhomx ikunu mħawda, l-ewwel wieħed jammonta għal żieda ġenerali destinata li jirrifletti l-gravità tal-akkordji orizzontali, filwaqt li t-tieni wieħed ikun fattur ta’ żieda individwali destinat li jikkunsidra l-aġir preċedenti ta’ impriża.

350    Il-Kummissjoni ssostni li l-kritika li saritilha li ma kkunsidratx il-multa imposta fuq Saint-Gobain Glass France fid-deċiżjoni Ħġieġ ċatt ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-kunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanza taqa’ fil-marġni tagħha ta’ diskrezzjoni.

351    Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, hija ma hijiex obbligata li tnaqqas il-multi li hija timponi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni inkunsiderazzjoni tad-diffikultajiet finanzjarji eventwali tal-impriżi previsti, peress li dan jammonta għal għoti ta’ vantaġġ kompetittiv lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq.

352    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq eċċess tal-ammont ta’ multa ottimali, il-Kummissjoni ssostni li diġà ġie deċiż li limitazzjoni tal-ammont tal-multi fil-qasam tal-akkordji għall-vantaġġ biss ta’ parteċipanti għal din ittellef lil dawn il-multi l-karattru dissważiv tagħhom u, barra minn hekk, l-eventwali assenza tal-vantaġġi ma tostakolax l-impożizzjoni ta’ multi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

353    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 428).

354    Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni sabiex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa impost fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

355    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa minn Saint-Gobain fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv.

356    Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ Saint-Gobain li skont dan il-proporzjonalità tal-multa li ġiet imposta fuqha għandha tiġi evalwata mhux b’referenza għall-ammont ta’ din il-multa hekk kif tidher fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 880 miljun, iżda b’referenza għall-ammont tal-vantaġġi qabel it-taxxa li tkun neċessarja sabiex titħallas tali multa, jiġifieri, skont iċ-ċifra mressqa minn Saint-Gobain, iktar minn EUR 1.3 biljun.

357    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-assenza tal-possibbiltà mogħtija lil Saint-Gobain li tnaqqas mill-qligħ taxxabbli tagħha l-multa li ġiet imposta lilha ma tammontax għal ċirkustanza rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ din il-multa. Fil-fatt, fil-kalkolu ta’ multa, il-Kummissjoni ġustament titlaq mill-prinċipju li din tittieħed fuq il-qligħ wara t-taxxa, peress li, jekk il-multa kellha tittieħed fuq il-qligħ taxxabbli, din ikollha bħala konsegwenza li parti mill-multa jkollu jbatiha l-Istat li fih taqa’ l-impriża għal skopijiet fiskali u li tali konsegwenza tmur kontra l-loġika wara r-regoli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑10/89, Ġabra p. II‑629, punt 369).

358    Min-naħa l-oħra hemm lok li jitfakkar li l-effettività tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni imponiet multi fuq impriżi tista’ tkun partikolarment imnaqqsa jekk il-kumpanniji kkonċernati jkunu awtorizzati jnaqqsu totalment jew inparti l-ammont tal-multi li jiġu sostnuti minnhom mill-ammont tal-qligħ taxxabbli tagħhom, peress li tali possibbiltà jkollha bħala effett li tikkumpensa parzjalment il-piż tal-imsemmija multi permezz ta’ tnaqqis tal-piż fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009, X, C‑429/07, Ġabra p. I‑4833, punt 39).

359    B’hekk jirriżulta li huwa b’referenza għall-ammont ta’ EUR 880 miljun, hekk kif jidher fl-Artikolu 2(b) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tiġi evalwata l-konformità tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq Saint-Gobain mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

360    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq l-importanza mogħtija lit-tul tal-ksur fil-kalkolu tal-multa, b’applikazzjoni tal-effett multiplikatur inkluż fil-punt 24 tal-linji gwida tal-2006. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-Kummissjoni, fil-limiti previsti mir-Regolament Nru 1/2003, għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 123), din is-setgħa hija madankollu limitata. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida destinati li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-trattat, il-kriterji li hija għandha l-intenzjoni li tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa sa fejn din għandha tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija stess imponiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 328 iktar ’il fuq, punt 95). Hija ma tistax tiddevja f’każ partikolari mingħajr ma jingħataw raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 209).

361    F’dak li jirrigwarda il-koeffiċjent multiplikatur skont it-tul, il-punt 24 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, “[s]abiex tieħu totalment inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont determinat abbażi tal-valur tal-bejgħ […] ikun immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni fil-ksur”, u li l-perijodi ta’ inqas minn semestru jkunu “ikkalkolati bħala nofs[-]sena”, b’mod li l-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena, huma “kkalkolati bħala sena kompluta”. Min-naħa l-oħra, il-multiplikazzjoni għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, prevista fil-linji gwida tal-2006, tekwivali ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa b’100 % għal kull sena.

362    Dan l-approċċ jippreżenta bidla fil-metodoloġija fundamentali f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-akkordju. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprekludix madankollu tali evoluzzjoni, peress li din id-dispożizzjoni tagħti piż kbir lill-gravità daqs kemm tagħti lit-tul tal-ksur fl-iffissar tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. II‑3569, punt 109).

363    Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma timponix li dawn iż-żewġ fatturi jkollhom l-istess effett, minn perspettiva aritmetika, fuq l-ammont tal-multa.

364    Issa, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, bħala prinċipju, il-qligħ illeġittimu li l-parteċipanti għal akkordju jiksbu minn dan huwa iktar importanti mill-ksur u mit-tul tiegħu. B’hekk, f’din il-kawża, huwa biss wara li eżaminat l-effetti fuq is-suq tal-prattiki miftiehma inizjalment implementati li dehret in-neċessità ta’ aġġustamenti u tal-miżuri korrettivi, sabiex tasal għall-għan ta’ stabbiltà tal-partijiet mis-suq bejn il-parteċipanti. Barra minn hekk, fil-każ fejn akkordju jirrigwarda t-tqassim ta’ kuntratti ta’ provvista fejn l-implementazzjoni hija kunsiderevolment twila, bil-għan li tiġi żgurata stabbiltà globali tal-partijiet mis-suq, jistgħu jgħaddu numru ta’ snin qabel mal-akkordju jseħħ f’parti sinjifikattiva tas-suq.

365    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, b’hekk jidher li l-applikazzjoni fil-każ preżenti tar-regola ta’ multiplikazzjoni kontenuta fil-punt 24 tal-linji gwida tal-2006 tkun iġġustifikata u li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

366    Permezz tat-tieni lment tagħha, Saint-Gobain issostni li l-linji gwida tal-2006, billi jimponu li l-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa fil-qasam tal-ksur orizzontali jkun bejn 16 u 30 % fil-każ tal-ksur orizzontali, dawn jillimitaw indebitament il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi stabbilita multa abbażi tal-gravità reali tal-ksur ikkonstatat.

367    It-tieni lment tqajjem għall-ewwel darba fir-replika. B’hekk, peress li tqajjem insostenn tas-sitt motiv imsemmi fir-rikors promotur, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, u li ppreżenta miegħu rabta mill-qrib, għandu, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, ikun iddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Joynson vs Il-Kummissjoni, punt 301 iktar ’il fuq, punt 156, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punt 85).

368    Fuq il-mertu, għandu jingħad, l-ewwel nett, li, skont il-punt 21 tal-linji gwida tal-2006, “[b]ħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ inkunsiderazzjoni jkun stabbilit f’livell li jista’ jitla’ sa’ 30 %”. Skont il-punt 23 ta’ dawn l-istess linji gwida, “[l]-akkordji orizzontali tal-iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi” u għandhom ikun “serjament ippenalizzati”; “[b]’konsegwenza, il-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat għal tali ksur ikun ġeneralment ikkunsidrat li huwa fil-parti ta’ fuq tal-iskala”.

369    Jirriżulta b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “[b]ħala regola ġenerali” u “ġeneralment” li l-Kummissjoni, meta tadotta dawn id-dispożizzjonijiet, ma imponietx regola ta’ kondotta assoluta, iżda pprovdiet speċifikament il-possibbiltà li titbiegħed, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, sa fejn tesponi dawn fid-deċiżjoni tagħha. B’hekk l-argument ta’ Saint-Gobain ma jintlaqax meta hija tgħid li l-Kummissjoni fl-ebda każ ma tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi perċentwal tal-bejgħ iktar baxx minn 16 % fil-qasam tal-ksur orizzontali.

370    Barra minn hekk, Saint-Gobain ma tikkontestax il-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni, fil-premessa 670 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din, l-akkordju kontenzjuż kellu bħala għan it-tqassim tal-klijenti bejn kompetituri, permezz ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz jiffurmaw parti mill-ksur l-iktar gravi tad‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u b’hekk jistgħu, fihom infushom, ikunu kklassifikati bħala gravi ħafna (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 103, u tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “FETTCSA”, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 262). B’hekk, il-mekkaniżmi deskritti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsistu fit-tqassim ikkonċertat tal-kuntratti dwar il-provvista tat-twieqi tal-vetturi fiż-ŻEE permezz tal-koordinazzjoni tal-politika tal-prezz u tal-istrateġiji ta’ provvista tal-klijenti bil-għan li jkun hemm stabbiltà globali tal-partijiet mis-suq tal-impriżi li pparteċipaw fiha, jaqgħu fil-forom l-iktar gravi ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn għandhom it-tendenza li jeliminaw purament u sempliċiment lil din bejn l-impriżi li jimplementawha.

371    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordji u l-prattiki miftiehma inkwistjoni jammontaw, min-natura tagħhom stess, għal ksur gravi ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 147). Tali konstatazzjoni hija saħansitra iktar konvinċenti f’din il-kawża peress li ma ġiex ikkontestat li, minn naħa, il-partijiet mis-suq rilevanti akkumulati tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu ta’ ċirka 60 % bħala medja fil-perijodu ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, l-akkordji u l-prattiki miftiehma kontenzjużi kkonċernaw progressivament il-kważi-totalità tal-produtturi tal-vetturi fi ħdan iż-ŻEE.

372    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-impatt ekonomiku allegatament limitat tal-ksur, hekk kif jirriżulta mis-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi tal-vetturi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, peress li dan għandu bħala għan li jipprekludi, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ li jintwerew l-effetti antikompetittivi reali jekk l-għan antikompetittiv tal-aġir ikkritikat huwa stabbilit (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk u f’kull każ, jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni, fil-premessa 677 tad-deċiżjoni kkontestata, rrikonoxxiet li l-produtturi tal-vetturi kienu bbenefikaw minn setgħa ta’ negozjar li ppermettitilhom ifasslu strateġiji ta’ rispons għat-tnaqqis jew l-oppożizzjoni tal-akkordju. Issa, minn qari flimkien ta’ dan il-passaġġ tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 673 ta’ din jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod xieraq din iċ-ċirkustanza bil-għan li ma jiġix ikkunsidrat perċentwal tal-bejgħ rilevanti iktar għoli fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

373    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li f’din il-kawża, il-Kummissjoni qasmet il-perijodu ta’ ksur fi tliet fażijiet, għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ rilevanti, u kkunsidrat valur medju fuq il-perijodu kollu ta’ ksur (ara l-punti 31, 156 u 158 iktar ’il fuq). Dan il-metodu jidderoga r-regola kontenuta fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, li skont din huma normalment ikkunsidrati il‑bejgħ tal-impriża fl-aħħar sena kompluta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-deroga billi spjegat, fil-premessi 664 sa 667 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha provi diretti tal-prattiki kollużorji biss għal ċerti produtturi tal-vetturi fir-rigward tal-perijodi ta’ “żieda” u tat-“tnaqqis” tal-akkordju u li dawn jiġġustifikaw li jiġu kkunsidrati biss bħala bejgħ rilevanti matul dawn iż-żewġ perijodi, il-bejgħ tal-ħġieġ tal-vetturi lill-imsemmija produtturi. Issa, huwa fuq il-valur tal-bejgħ ikkalkolat b’dan il-mod li ġew applikati r-rati kkunsidrati mill-Kummissjoni skont il-punti 21 u 23 tal-linji gwida tal-2006 kif ukoll l-ammont addizzjonali. B’hekk jirriżulta li l-metodu tal-kalkolu użat mill-Kummissjoni ppermetta li l-ammont tal-multa impost fuq l-impriża komposta minn Saint-Gobain u Compagnie jirrefletti bl-aħjar mod il-gravità tal-ksur imwettaq minn din l-istess impriża, evalwat kollu kemm hu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 354 iktar ’il fuq.

374    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tistabbilixxi ammont addizzjonali iktar baxx minn 15 %, dan huwa simili essenzjalment għat-tielet ilment u b’hekk jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

375    It-tieni lment b’hekk ma jintlaqax.

376    Permezz tat-tielet ilment tagħha, Saint-Gobain tikkritika lill-Kummissjoni li żiedet l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għar-reċidiva, b’mod li l-ammont bażiku tal-multa jinkludi diġà fattur ta’ dissważjoni, jiġifieri l-ammont addizzjonali. Skont Saint-Gobain, din l-akkumulazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

377    Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat.

378    Minn naħa, għandu jitfakkar li l-effett dissważiv tal-multa ma għandux l-għan biss li jiddisswadi lill-impriża inkwistjoni minn reċidiva, ħaġa li taqa’ fil-qasam tal-prevenzjoni speċjali. Il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li tiddeċidi dwar il-livell tal-multi bil-għan li jiġi msaħħaħ l-effett dissważiv tiegħu b’mod ġenerali, b’mod partikolari meta ksur ta’ tip partikolari għadhom relattivament frekwenti u għandhom jiġu kkunsidrati bħala gravi, ħaġa li taqa’ fil-qasam tal-prevenzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 370 iktar ’il fuq, punt 134, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni, T‑566/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 460). Hija preokkupazzjoni ta’ dan it-tip li hija riflessa fil-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, li tipprovdi għall-inklużjoni fl-ammont bażiku tal-multa ta’ somma bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ f’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, sabiex l-impriżi jiġu dissważi milli jipparteċipaw f’akkordji orizzontali ta’ ffissar ta’ prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni.

379    Issa, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprevjeni b’mod ġenerali l-ksur tal-Artikolu 81 KE kienet tkun mhedda kieku din ma kinitx f’pożizzjoni li tikkunsidra l-għan tad-dissważjoni fl-iffissar tal-ammont bażiku ta’ multa, peress li huwa dan l-aħħar imsemmi ammont, miksub fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-iffissar tal-multa, li huwa mistenni li jirrefletti l-gravità tal-ksur abbażi tal-elementi proprji tagħha, bħan-natura tagħha, il-parti tas-suq kombinat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tagħha jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra p. II‑7583, punt 264, u l-ġurisprudenza ċċitata).

380    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dissważjoni tammonta għal finalità tal-multa u għal rekwiżit ġenerali li jiggwida lill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ din. B’hekk, l-għan tad-dissważjoni ma jeħtieġx neċessarjament li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat minn stadju speċifiku destinat għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan l-għan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 226, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 131).

381    Għalhekk, anki jekk ir-rekwiżit tad-dissważjoni jammonta għar-raġuni tal-applikazzjoni ta’ żieda fil-multa skont ir-reċidiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 309 iktar ’il fuq, punt 293), il-Kummissjoni tista’ validament tikkunsidra l-għan tad-dissważjoni wkoll fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, b’applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza UPM-Kymmene vs Il-Kummissjoni, punt 324 iktar ’il fuq, punt 137). F’dan ir-rigward għandu jingħad li, jekk l-inklużjoni ta’ ammont addizzjonali fl-ammont bażiku tal-multa u ż-żieda ta’ dan l-ammont bażiku abbażi tar-reċidiva jfittxu kull għan ta’ dissważjoni, huma min-naħa l-oħra ġustifikati minn kunsiderazzjonijiet distinti. B’hekk, b’mod konformi mar-raġunament espost fil-punti 378 u 379 iktar ’il fuq, l-ammont addizzjonali, li fir-rigward tiegħu l-kliem stess tal-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż u bil-Ġermaniż (“inclura”, “will include” u “fügt hinzu”), jissuġġerixxi li għandu karattru awtomatiku f’dak li jirrigwarda l-ksur flagranti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 362 iktar ’il fuq, punt 117), jipprovdi li l-ammont bażiku tal-multa jirrefletti l-gravità partikolari tal-akkordji orizzontali tal-iffissar ta’ prezz, ta’ tqassim tal-partijiet mis-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, b’mod li ż-żieda għar-reċidiva għandha bħala għan li tippenalizza b’mod ikbar l-aġir ta’ ksur ta’ impriżi li juru rieda sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu evitati.

382    Permezz tar-raba’ lment tagħha, Saint-Gobain issostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra żewġ fatturi kumplimentari fl-iffissar tal-multa, jiġifieri, minn naħa, id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt, li permezz tagħha hija ġiet ippenalizzata għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni inqas minn sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, il-kriżi ekonomika eċċezzjonali li laqtet is-settur tal-vetturi fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

383    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt fil-kalkolu tal-multa, hemm lok li jingħad li Saint-Gobain bl-ebda mod ma wriet u lanqas ma allegat li din kellha l-għan li tippenalizza l-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bħal dik li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, ġie diġà deċiż li l-eżistenza tas-swieq ta’ prodotti differenti, iżda viċini, hija kriterju rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-portata u, b’hekk, tal-identità tal-ksur tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118 sa 124, u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 354 iktar ’il fuq, punti 309 sa 314).

384    Barra minn hekk, fir-rigward tar-referenza li saret minn Saint-Gobain għat-tnaqqis ta’ 33 % tal-ammont tal-multa mogħtija mill-Kummissjoni lil waħda mill-impriżi previsti b’mod partikolari mid-deċiżjoni Grafita speċjali, din ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku għal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li din hija biss definita fir-Regolament Nru 1/2003, hekk kif applikata fid-dawl tal-linji gwida, u li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li hija ressqet preċedentement (ara l-punt 245 iktar ’il fuq). Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa impost fuq SGL Carbon AG, b’mod partikolari, fid-deċiżjoni Grafita speċjali, kienet ġustifikata minn taħlita ta’ fatturi, jiġifieri mhux biss mill-fatt li din l-impriża kienet diġà ġiet ippenalizzata ftit żmien qabel għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli ħafna li hija kienet qed taffaċċja kif ukoll il-fatt li ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ reċidiva (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 383 iktar ’il fuq, punti 405 u 406). Issa, Saint‑Gobain ma ressqet l-ebda prova konkreta ta’ natura li turi li hija kienet f’sitwazzjoni finanzjarja simili fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti 300 sa 334 iktar ’il fuq, Saint-Gobain kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ reċidiva meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

385    Fir-rigward tal-kriżi ekonomika eċċezzjonali li tkun affettwat lis-suq tal-vetturi fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li kienet aggravat b’mod sinjifikattiv l-impatt reali tal-multa fuq Saint-Gobain, din iċ-ċirkustanza, jekk wieħed jissoponi li seħħet, hija irrilevanti f’din il-kawża. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ żbilanċ ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jammonta għal li jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 105; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 175, u l-ġurisprudenza ċċitata).

386    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali diffikultajiet finanzjarji, li jistgħu jikkonkretizzaw ruħhom permezz ta’ degradazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi u ta’ kontabbiltà tal-impriża kkonċernata, jew permezz ta’ sitwazzjoni finanzjarja ta’ żbilanċ, jirriżultaw minn kuntest ta’ kriżi li taffettwa s-swieq li fihom din l-impriża hija attiva.

387    Fl-ewwel lok, tali kriżi għandha bħala prinċipju impatt iktar importanti fuq l-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq. Fit-tieni lok, obbligu eventwali għall-Kummissjoni li tikkunsidra kull sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika għall-finijiet li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fil-qasam ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-effettività tal-projbizzjoni kontenuta f’din id-dispożizzjoni peress li frekwentement tali kartelli jibdew fil-mument meta settur jiffaċċja diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punt 122). Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ċirkustanzi bħal tnaqqis kontinwu fid-domanda jew fil-kapaċità ta’ produzzjoni żejda li jistgħu jirriżultaw, anki jekk ikunu seħħew, huma riskji inerenti għal kull attività ekonomika u li, fihom infushom, ma jikkaratterizzawx sitwazzjoni strutturali jew ekonomika eċċezzjonali li tista’ tiġi kkunsidrata fl-iffissar tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 414).

388    Minn dan isegwi li r-raba’ lment għandu wkoll jiġi miċħud.

389    Permezz tal-ħames ilment tagħha, fl-aħħar nett, Saint-Gobain issostni li l-multa li ġiet imposta fuqha hija sproporzjonata minħabba l-fatt li hija teċċedi multa ottimali.

390    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fis-sentenzi tagħha tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 141, u T‑59/02, punt 271 iktar ’il fuq, punt 130), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, jekk il-multa kellha tkun stabbilita f’livell li tillimita ruħha li tannulla l-vantaġġ mogħti mill-akkordju, hija ma jkollha l-ebda effett dissważiv. Jista’ fil-fatt jiġi raġonevolment preżunt li impriżi razzjonalment jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu finanzjarju tagħhom u fit-tmexxija tagħhom, mhux biss tal-livell tal-multi li huma jistgħu jirċievu fil-każ ta’ ksur, iżda wkoll tal-livell tar-riskju li jiġi skopert l-akkordju. Barra minn hekk, li kieku kellha titnaqqas il-funzjoni tal-multa għas-sempliċi tneħħija tal-profitt jew tal-benefiċċju li jirriżulta, ma tkunx ingħatat biżżejjed kunsiderazzjoni tan-natura ta’ ksur tal-imġiba kkonċernata skont l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, billi tnaqqas il-multa għal sempliċi ħlas ta’ kumpens għal dannu subit, tkun qed tintnesa, minbarra l-effett dissważiv li huwa intiż għall-imġiba fil-ġejjieni, in-natura repressiva ta’ tali miżura fir-rigward tal-ksur konkret effettivament imwettaq. B’hekk, kemm l-effett dissważiv kif ukoll l-effett penali tal-multa jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tista’ timponi multa li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tista’ anki taqbeż sostanzjalment l-ammont tal-profitt previst mill-impriża kkonċernata.

391    B’hekk jirriżulta li l-ħames ilment għandu jiġi miċħud u, miegħu, it-tieni parti tal-motiv.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti minn Saint-Gobain, kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti

 L-argumenti tal-partijiet

392    Saint-Gobain tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2)(a) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, meta ma naqsietx l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għar-raġuni biss li hija ma kinitx invokat ċirkustanzi attenwanti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. In-neċessità ta’ tali tnaqqis f’din il-kawża tirriżulta mhux biss mill-ġurisprudenza, iżda wkoll mill-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 kif ukoll mill-punt 21 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002. B’hekk, skont Saint-Gobain, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li, bid-differenza ta’ impriżi oħra kkonċernati, hija ma kkontestatx, fl-imsemmija risposta, il-materjalità tal-fatti li kienu ġew attribwiti lilha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

393    Skont Saint-Gobain, tali atitudni tnaqqas il-livell tal-gravità tal-aġir tagħha, peress li din l-assenza ta’ kontestazzjoni ġiet użata ħafna mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li Saint-Gobain ma fittxitx speċifikament il-kunsiderazzjoni ta’ dan il-fattur bħala ċirkustanza attenwanti fl-investigazzjoni, peress li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatti kollha li kienet taf bihom fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

394    Id-deċiżjoni kkontestata tinjora wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li l-Kummissjoni tkun tat il-benefiċċju tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 lill-applikanti għal klemenza, mingħajr ma eżaminat jekk l-ammont tal-multa impost fuq Saint-Gobain seta’ wkoll jitnaqqas inkunsiderazzjoni ta’ dan l-avviż. Din l-aħħar imsemmija ċirkustanza barra minn hekk hija ta’ kuntrast mal-prattika amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni.

395    Saint-Gobain issostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti peress li r-raġunijiet li jiġġustifikaw li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħha tal-fatti ma ġiex ikkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti għandu jidher fiha.

396    Saint-Gobain fl-aħħar nett tistieden lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha f’din il-kawża billi tnaqqas l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi kkunsidrata l-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni.

397    Il-Kummissjoni tindika, l-ewwel nett, li l-kritika li saritilha li ma kkunsidratx l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti minn Saint-Gobain ma għandha l-ebda bażi fattwali. Hija kienet effettivament eżaminat jekk l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti, minn din l-impriża, tiġġustifikax tali tnaqqis.

398    Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li l-utilità tal-kooperazzjoni ta’ Saint-Gobain ma għandhiex tkun sopravalutata peress li l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kkontestata minn din tal-aħħar tkun prinċipalment serviet sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza kif ukoll tal-fatti stabbiliti mill-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, Saint-Gobain tkun ikkontestat ċerti aspetti tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kostituttivi tal-ksur, kif ukoll ċerti fatti.

399    Barra minn hekk, Saint-Gobain ma ressqet l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha barra mis-sistema ta’ klemenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, li sempliċi assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti, minn impriża implikata f’akkordju illegali, ma tagħtix lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jiġi impost fuqha. Din il-konklużjoni ma tkunx ikkontestata minn prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq l-avviż tagħha li jirrigwarda n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż fuq il-klemenza tal-1996”).

400    Il-Kummissjoni tikkontesta min-naħa l-oħra li d-deċiżjoni tagħha tkun insuffiċjentement motivata fuq dan il-punt. Hija tikkunsidra li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mir-raġunament kontenut fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti mill-applikanti għal klemenza li tali assenza ta’ kontestazzjoni ma setgħetx, f’ebda każ, tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa impost fuq Saint-Gobain.

401    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-ebda raġuni ma tiġġustifika, f’din il-kawża, li l-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa impost fuq Saint-Gobain abbażi tal-ġurisdizzjoni llimitata tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

402    Il-parti preżenti għandha tiġi eżaminata billi tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-punti 20 sa 23 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti barra mill-program ta’ klemenza, b’applikazzjoni tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006.

403    Fir-rigward l-ewwel nett tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, applikabbli ratione temporis fil-każ preżenti, għandu jingħad li l-Kummissjoni ppreċiżat fih il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikooperaw magħha fl-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li huma kellhom iħallsu.

404    B’hekk ġie ppreċiżat, fil-punt 20 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, li l-impriżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-multa, previsti fit-Titolu A tal-imsemmi avviż, jistgħu madankollu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li fin-nuqqas ta’ dan kien jiġi impost fuqhom. Mill-punt 21 tal-avviż imsemmi jirriżulta li, “[s]abiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud sinjifikattiv b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssospettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

405    Il-Qorti Ġenerali reċentement iddeċidiet li, fil-kuntest tal-program ta’ klemenza previst mill-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, il-proċeduri ta’ għoti tal-immunità totali minn multi lil impriża tinkludi tliet fażijiet distinti, l-ewwel waħda fosthom tikkonsisti f’talba mressqa mill-impriżi kkonċernati lill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il-Kummissjoni, T‑12/06, Ġabra p. II‑5639, punti 111 u 112).

406    Taħt titolu intitolat “Proċeduri”, il-punti 24 u 25 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 jindikaw dan li ġej:

“24. Impriża li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis f’multa għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-kartell imsemmi.

25. L-impriża għandha tirċievi rikonoxximent ta’ l-irċevuta mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni li tirreġistra d-data meta l-provi rilevanti ġew imressqa. Il-Kummissjoni mhux ser tikkunsidra sottomissjonijiet ta’ provi mingħand applikant għat-tnaqqis ta’ multa qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq kull applikazzjoni eżistenti għal immunità minn multi fir-rigward ta’ l-istess ksur tal-liġi issuspettat.”

407    Mill-kliem ta’ dawn is-siltiet tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jinkiseb il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-program ta’ klemenza stabbilit mill-imsemmi avviż, impriża għandha tagħmel talba f’dan is-sens lill-Kummissjoni u tagħti lil din provi dwar akkordju preżunt li jaffettwa l-kompetizzjoni fl-Unjoni. Din l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 hija iktar u iktar ġustifikata peress li l-program ta’ klemenza jintroduċi kwalifika lill-konsegwenzi li bħala prinċipju huma relatati mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-impriżi responsabbli ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE. Filwaqt li jista’ jidher opportun li jingħata trattament favorevoli lill-impriżi li jikooperaw mal-Kummissjoni fl‑investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-akkordji sigrieti li jaffettwaw l-Unjoni, tali trattament għandu jkun irriżervat lill-impriżi li jirrispettaw mill-qrib il-kundizzjonijiet proċedurali u tal-mertu previsti mill-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002.

408    Issa, f’din il-kawża, Saint-Gobain ma fittxitx speċifikament li tibbenefika minn Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 fl-investigazzjoni u hija llimitat ruħha li ssostni li hija ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li kienu ġew attribwiti lilha fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan il-kuntest, ma jiġix attribwit lill-Kummissjoni li ma ppruvatx tiddetermina jekk Saint-Gobain setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont dan l-avviż. Din il-konklużjoni ma tkunx affettwata ħafna mill-fatt li l-approċċ f’din il-kawża tal-Kummissjoni tvarja minn prassi deċiżjonali preċedenti, peress li din bl-ebda mod ma tista’ sservi, fiha nnifisha, bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 245 iktar ’il fuq). B’hekk jirriżulta wkoll li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew ta’ motivazzjoni insuffiċjenti fuq dan il-punt ma huwiex fondat.

409    Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-passat li, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, impriża għandha tinforma speċifikament lill-Kummissjoni li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal-fatti, wara li saret taf bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 303), hekk kif kien il-każ f’din il-kawża, u li, fil-każ fejn kienet saret tali talba, hija l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, li għandha tesponi r-raġunijiet li għalihom hija madankollu tikkunsidra li ma kienx hemm lok li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 415, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 326 iktar ’il fuq, punti 98 u 99).

410    Fil-fatt, dawn il-konklużjonijiet kienu marbuta mill-qrib mal-fatt li l-Avviż fuq il-klemenza tal-1996 kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tal-punt D intitolat “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa”, li l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha jistgħu jagħtu lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, tali regola ma tidhirx iktar fl-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, din kienet issemmi biss, barra mill-ipoteżi ta’ immunità, il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-każ fejn impriża tforni lill-Kummissjoni “provi tal-ksur preżunti li għandhom valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-provi diġà fil-pussess [tagħha]”.

411    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-applikanti għal klemenza kienu, bid-differenza ta’ Saint-Gobain, ibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, dan ma jintlaqax. Ċertament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni fornuta mill-membri ta’ akkordju, ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 124), li tipprekludi li xi sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux trattati b’mod simili, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et, C‑101/08, Ġabra p. I‑9823, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hekk kif jirriżulta madankollu minn raġunament espost fil-punti 406 sa 408 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Saint-Gobain u l-applikanti għal klemenza ma jkunux f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002.

412    Fir-rigward, barra minn hekk, taċ-ċirkustanzi attenwanti li għalihom saret referenza fil-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, għandu jiġi kkonstatat li Saint-Gobain tikkritika essenzjalment lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx ir-regola msemmija fir-raba’ inċiż tal-imsemmi punt li skont dan, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas “meta l-impriża kkonċernata tikoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż [fuq il-kooperazzjoni tal-2002] u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikoopera”.

413    Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

414    Għandu jingħad, f’dan ir-rigward, li r-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, bħal fil-każ tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-1998, jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza attenwanti l-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża għall-proċeduri barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż fuq il-kooperazzjoni u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi ta’ kooperazzjoni.

415    Madankollu, fil-każ tal-akkordji sigrieti, il-Kummissjoni hija fondata li tapplika r-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 biss b’mod eċċezzjonali. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma tistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-avviż dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tiegħu. Issa, mill-imsemmi avviż jirriżulta b’mod ċar li dan l-avviż jiddefinixxi l-qafas li fil-kuntest tiegħu jistgħu jiġu kkumpensati, minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew li kienu msieħba f’akkordji sigrieti b’impatt fuq l-Unjoni. B’hekk jirriżulta li l-impriżi jistgħu, bħala prinċipju, jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-kooperazzjoni biss meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi avviż (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II‑7953, punti 270 u 271).

416    B’hekk, pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tirriżerva l-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 għall-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipprovdilha informazzjoni li permezz tagħha tkun tista’ testendi l-investigazzjoni tagħha u tieħu l-passi neċessarji sabiex tistabbilixxi ksur iktar gravi jew ksur b’iktar tul (ara, b’analoġija, is-sentenza Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, punt 415 iktar ’il fuq, punt 272, u l-ġurisprudenza ċċitata).

417    Il-kawża preżenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, li tipprovdi, fil-punt 1 tiegħu, il-każ tal-akkordji sigrieti bejn impriżi li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, inkluż fosthom it-tbagħbis fis-sejħiet għal offerti. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament sostniet li l-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, kellha, f’każ bħal dan tkun eċċezzjonali.

418    Issa, il-Qorti Ġenerali ssostni li Saint-Gobain, la fl-investigazzjoni li wasslet għal adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fil-kuntest tar-rikors preżenti, ma esponiet kif, l-unika ċirkustanza li hija ma kinitx ikkontestat il-materjalità ta’ ċerti fatti, issodisfat tali kundizzjoni.

419    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti bħala ċirkustanza attenwanti tista’ tipperikola t-tibdil tal-politika tagħha ta’ klemenza li seħħ permezz tal-adozzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002, peress li dan huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li ċirkustanza ta’ din in-natura ma tiġġustifikax iktar, bħala prinċipju, tnaqqis tal-ammont tal-multa (ara l-punt 410 iktar ’il fuq).

420    Fit-tieni lok, anki f’kawżi li għalihom japplika l-Avviż fuq il-klemenza tal-1996, diġà ġie deċiż li, meta impriża kulma tagħmel, abbażi tal-kooperazzjoni, huwa li tikkonferma, u dan b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà fornuta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni mogħtija minn din l-impriża, għalkemm jista’ ma jkunx nieqes minn ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma jkunx ikkunsidrat bħala komparabbli ma’ dak mogħti mill-ewwel impriża li forniet l-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, dikjarazzjoni li sempliċement tikkonferma, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, ma tiffaċilitax b’mod sinjifikattiv ix-xogħol ta’ din tal-aħħar u hija, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 455).

421    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi użati mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju kontenzjuż u l-funzjonament tagħha huma essenzjalment magħmula minn dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni fl-ispezzjonijiet li hija wettqet fl-uffiċċji ta’ impriżi differenti implikati, fi Frar u f’Marzu 2005, kif ukoll dikjarazzjonijiet imwettqa mill-applikanti għal klemenza, sostnuti minn dokumenti kontemporanji tal-fatti. In-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti minn Saint-Gobain, hekk kif jidher fil-premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, intużat mill-Kummissjoni sabiex tikkorrobora ċerti konstatazzjonijiet konklużi minn provi oħra fil-pussess tagħha (ara f’dan ir‑rigward, b’mod partikolari, l-premessi 127, 146 sa 148, 165, 187, 218, 255 sa 277, 297 sa 299, 312, 313, 316, 317, 328, 329, 337, 338 u 388 tad-deċiżjoni kkontestata).

422    B’hekk jirriżulta li ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ Saint-Gobain fejn hija ssostni li, permezz tal-assenza tagħha ta’ kontestazzjoni tal-fatti, hija tat lill-Kummissjoni valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-provi li din diġà kellha fil-pussess tagħha.

423    B’hekk, ma jintlaqax l-ilment ta’ Saint-Gobain li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-livell tagħha ta’ kooperazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti barra mill-kuntest ġuridiku tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002.

424    Din il-konklużjoni ma tkunx ikkontestata minn eventwali prassi deċiżjonali preċedenti. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, f’kawżi oħra, li ċerti provi jammontaw għal ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, ma jimplikax li hija tkun obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri, peress li tali prattika ma sservix, fiha nnifisha, ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 245 iktar ’il fuq u s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 395).

425    Huwa irrilevanti wkoll li multi ta’ livell globalment inferjuri setgħu jiġu imposti abbażi tal-linji gwida preċedenti fuq il-kooperazzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fil-fatt teħtieġ li l-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe mument, tadatta l-livell ta’ multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika, b’mod li l-impriżi implikati fi proċeduri amministrattivi li jistgħu jagħtu lok għal multa ma jiksbux aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ma teċċedix il-livell tal-multi applikati preċedentement, u lanqas f’metodu ta’ kalkolu ta’ dawn tal-aħħar (ara l-punti 276 u 277 iktar ’il fuq).

426    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma turix iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi mifhum għaliex Saint-Gobain ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, ma jistax jirnexxi.

427    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni meta hija indikat, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur imwettaq, mingħajr ma kienet obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew tindika ċ-ċifri relatati mal-mod ta’ kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 66). In-natura suffiċjenti ta’ tali motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Il-Benelux vs Il‑Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, imma wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 146 iktar ’il fuq, punt 63).

428    F’din il-kawża, Saint-Gobain, wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma talbietx lill-Kummissjoni sabiex tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija setgħet timponi fuqha minħabba eventwali kooperazzjoni abbażi tar-raba inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006. Barra minn hekk, Saint-Gobain ma setgħetx tinjora, minn naħa, li ċ-ċirkustanza attenwanti prevista fir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, hekk kif jirriżulta minn kliemha, tapplika biss barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tan-natura tal-akkordju kontenzjuż, din tal-aħħar taqa’ sew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi avviż. Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 56 sa 59 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li Saint-Gobain setgħet tifhem li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjonijiet tal-applikanta għal klemenza, sabiex tistabbilixxi l-ksur inkwistjoni u li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu saru qabel ma ntbagħtet ir-risposta ta’ Saint-Gobain għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha.

429    B’hekk jirriżulta li Saint-Gobain, fil-qari tad-deċiżjoni kkontestata, kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx tathom tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ġie impost fuqha abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 u li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ivvizzjata b’insuffiċjenza jew b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

430    B’hekk, it-tielet parti tal-motiv ma huwiex fondat.

431    Fir-rigward tal-eżami tal-motiv kollu, hemm lok li jiġi deċiż li dan huwa bbażat fuq il-miżura biss li tirrigwarda l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) sabiex tistabbilixxi ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Compagnie u tas-Saint-Gobain.

B –  Kawża T‑73/09

432    Preliminarjament, jeħtieġ li jingħad li diġà sar eżami, fil-kuntest tal-analiżi tar-rikors fil-kawża T‑56/09, ta’ varji motivi u argumenti mqajma minn Compagnie fil-kuntest tal-Kawża T‑73/09. Dan b’hekk jirriżulta, l-ewwel nett mill-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, it-tieni nett, mill-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni minħabba l-attribuzzjoni lil Compagnie ta’ ksur li twettaq minn waħda mis-sussidjarji tagħha, it-tielet nett, mill-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nonretroattività tal-pieni u tal-aspettattivi leġittimi u fl-aħħar nett, mill-motiv ibbażat fuq applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti u ta’ ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

433    L-iżviluppi segwenti b’hekk jirrigwardaw biss fuq il-motiv, essenzjalment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-Kummissjoni tkun wettqet żball fl-evalwazzjoni tad-dħul mill-bejgħ li għandu jservi ta’ referenza fid-dawl tal-kalkolu tal-limitu tal-multa, kif ukoll ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

434    Permezz ta’ dan il-motiv, Compagnie tikkritika lill-Kummissjoni li ma fittxitx, fid-deċiżjoni kkontestata, elementi li juru li d-dħul mill-bejgħ kollu tal-grupp Saint-Gobain seta’ jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-limitu tal-multa stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, hekk kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni, ma tippermettix l-impożizzjoni ta’ multa superjuri għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, definita bħala entità ekonomika waħda. Issa, skont Compagnie, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar tirrigwarda biss il-prattiki li jirrigwardaw ċerti attivitajiet tal-grupp Saint-Gobain li jaqgħu fil-qasam “Twieqi” tagħha u mhux l-attivitajiet l-oħra tal-grupp, li jikkostitwixxu impriżi distinti.

435    B’hekk, skont Compagnie jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tikkalkola l-limitu tal-multa billi tillimita ruħha għad-dħul mill-bejgħ tad-diviżjoni “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain. Kieku dan kien il-każ, il-multa ma kinitx taqbeż, fi kwalunkwe każ, ammont ta’ EUR 560 miljun. Compagnie tikkonkludi li l-multa li ġiet imposta fuqha, in solidum ma’ Saint-Gobain, kienet eċċessiva u sproporzjonata.

436    Peress li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar tkun b’hekk ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

437    Fl-istadju tar-replika, Compagnie ssostni wkoll li, peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tindika li l-kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ kollu tal-grupp Saint-Gobain kienet ġustifikata mill-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ influwenza determinanti minn naħa tagħha fuq is-sussidjarji kollha tagħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni iktar li tibbenefika aktar mid-drittijiet tagħha f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni kienet aġixxiet bi ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

438    Il-Kummissjoni tikkontesta din il-kritika. Hija l-ewwel nett issostni li hija kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Saint-Gobain biss, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet li tiddetermina jekk kienx hemm lok li jiġi applikat il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija barra minn hekk tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi limitu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika unika li wettqet il-ksur tal-Artikolu 81 KE, li dan id-dħul mill-bejgħ waħdu jagħti indikazzjoni tal-importanza u tal-influwenza tal-impriża inkwistjoni fis-suq. Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-kumpannija parent li tikkontrolla l-impriża li kienet ipparteċipat fil-ksur fil-kalkolu tal-imsemmi limitu. Din iċ-ċifra tinkludi d-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji varji tal-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi attribwita formalment ir-responsabbiltà tal-ksur lill-impriżi kollha li jagħmlu parti minnu.

439    Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti li Compagnie teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha u li, konsegwentement, dawn il-kumpanniji differenti jiffurmaw flimkien impriża. B’hekk, il-kalkolu tal-limitu previst fil-punt preċedenti kellu jitwettaq b’referenza għad-dħul mill-bejgħ konsolidat tal-grupp Saint-Gobain kollu. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li Compagnie tikseb dħul mill-bejgħ imnaqqas, peress li d-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Saint-Gobain jidher fir-rapporti annwali tagħha. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 10 %, la japplika għad-dħul mill-bejgħ miksub mill-attività kkonċernata direttament mill-ksur, la għall-vantaġġi miksuba fil-ksur, u lanqas għad-dħul mill-bejgħ miksub mill-parti biss tal-grupp Saint-Gobain li lilha kienu jappartjenu s-sussidjarji direttament responsabbli mill-ksur fis-sena ta’ qabel id-deċiżjoni.

440    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-limitu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni topponi dan. Hija ssostni li l-imsemmi limitu jirreferi għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża prevista minn deċiżjoni ta’ sanzjoni meħuda abbażi ta’ dan ir-regolament. B’hekk, Compagnie, fil-kwalità tagħha ta’ destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, kienet f’pożizzjoni li tivverifika li l-multa, li kienet ġiet imposta fuqha, ma kinitx teċċedi l-imsemmi limitu.

441    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, imqajma fir-replika, il-Kummissjoni tqis li dan huwa motiv ġdid u li, b’hekk, huwa inammissibbli. F’kull każ, hija ssostni li d-drittijiet tad-difiża ta’ Compagnie ma ġewx injorati f’din il-kawża, peress li hija ma kinitx obbligata tikkomunika lil din tal-aħħar indikazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw il-livell tal-multi li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuqha jew id-dħul mill-bejgħ li tkun użat bil-għan li tiġi vverifikata l-assenza ta’ qabża tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni żżid li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, hija indikat, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kwalità li fiha kienet qed tikkritika lil Compagnie bil-fatti allegati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

442    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, bir-referenza li hija tagħmel għall-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha, insostenn tal-motiv preżenti, Compagnie ma ssostni l-ebda motiv jew ilment ġdid fir-rigward tal-mezzi u lmenti li hija semmiet fir-rikors tagħha. B’hekk jirriżulta li dan l-argument huwa ammissibbli, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 301 iktar ’il fuq.

443    Imbagħad, fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti 206 sa 247 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament attribwiet lil Compagnie f’din il-kawża, l-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain.

444    Il-motiv preżenti jqajjem madankollu l-kwistjoni tas-sens li għandu jingħata lill-kunċett tad-dħul mill-bejgħ tal-“impriża” parteċipanti fil-ksur, li saret referenza għaliha fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, f’sitwazzjoni li fiha, minn naħa, il-Kummissjoni ġustament tattribwixxi lil kumpannija parent ir-responsabbiltà ta’ aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha jew iktar, attivi f’settur ekonomiku partikolari u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija kumpannija parent għandha sussidjarji attivi oħra f’setturi differenti u li fir-rigward tagħhom, l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent ma ġietx stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif issostni Compagnie, mill-approċċ li seħħ fuq dan il-punt tiddependi, f’din il-kawża, il-konstatazzjoni ta’ qbiż eventwali tal-limitu tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Saint-Gobain.

445    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-ilment ta’ Compagnie bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni bħala referenza sabiex jiġi vverifikat li l-multa li hija imponiet fuq l-impriża komposta minn Compagnie u minn Saint-Gobain ma teċċedix il-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

446    Fil-fatt, sa fejn il-limitu inkwistjoni jipprevedi d-dħul mill-bejgħ tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li wettqet il-ksur, li hija destinatarja tad-deċiżjoni, din l-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi hija, ipotetikament, f’pożizzjoni li tivverifika l-osservanza ta’ dan il-limitu. Fil-fatt, din l-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi hija mhux biss preżunta li taf bil-limitu legali inkwistjoni, iżda wkoll mistennija li taf l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Hija b’hekk f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-limitu ta’ 10 % inqabiżx jew le mill-multa li ġiet imposta fuqha, minkejja n-nuqqas ta’ xi spjegazzjoni fuq dan il-punt fid-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta s-sanzjoni. B’hekk jirriżulta li l-ebda motivazzjoni speċifika ma hija meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-imsemmi limitu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punti 237 u 238).

447    F’kull każ, għandu jingħad li, fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li d-dħul mill-bejgħ totali konsolidat tal‑grupp Saint-Gobain kien tela’, fl-2007, għal EUR 43.4 biljun u li d-dħul mill-bejgħ miksub minn Saint-Gobain, fl-istess sena finanzjarja, kien ta’ EUR 5.611 biljun. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessi 593 sa 623 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, attribwiet il-ksur imwettaq minn Saint-Gobain lil Compagnie, fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod partikolari, fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-varji sussidjarji tal-grupp Saint-Gobain implikati fil-ksur kienu jiffurmaw impriża waħda ma’ Compagnie. Il-Kummissjoni barra minn hekk fakkret, fil-premessa 710 tad-deċiżjoni kkontestata, li, b’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-multa ma setgħetx teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali miksub fis-sena finanzjarja preċedenti minn kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Fl-aħħar nett, mill-premessi 710 sa 712 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta għall-inqas impliċitament li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, ikkunsidrat li l-multa imposta in solidum fuq Saint-Gobain u fuq Compagnie ma kinitx teċċedi l-imsemmi limitu.

448    B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Compagnie kienet f’pożizzjoni li tifhem, fil-qari tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa b’referenza għad-dħul mill-bejgħ konsolidat tal-grupp Saint-Gobain u minħabba l-influwenza determinanti eżerċitata minn Compagnie fuq il-politika kummerċjali ta’ Saint-Gobain li l-Kummissjoni vverifikat li l-multa imposta fuq din l-impriża ma kinitx teċċedi l-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

449    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq qabża tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-limitu superjuri tal-ammont tal-multa ffissat f’din id-dispożizzjoni għandu l-għan li jevita li jkunu imposti multi li huwa prevedibbli li ma jkunux jistgħu jitħallsu mill-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom, hekk kif determinat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, minkejja b’mod approssimattiv u imperfett. B’hekk huwa limitu, uniformement applikabbli għall-impriżi kollha u aġġustat abbażi tad-daqs ta’ kull wieħed minnhom, bil-għan li jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 280 u 281; ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 452). B’hekk, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprojbixxi biss lill-Kummissjoni milli timponi multa li teċċedi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, liema limitu huwa stabbilit fir-rigward tas-sena finanzjarja ta’ qabel id-data tad-deċiżjoni (sentenzi Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 85, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 593).

450    Dan il-limitu ta’ 10 % għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 528 u 529; tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 90, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni, T‑79/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 107). B’hekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma twettaqx żball meta tieħu bħala referenza għall-kalkolu tal-limitu tal-multa d-dħul mill-bejgħ konsolidat tal-kumpannija holding ikkonċernata, fl-assenza ta’ tibdil tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata minn din fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja jew sussidjarji implikati fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 91; ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 288; tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra p. II‑6831, punt 129, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑41/05, Ġabra p. II‑7101, punt 166).

451    Barra minn hekk u hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu għan distint u awtonomu fir-rigward ta’ dak li jirriżulta mill-kriterji ta’ gravità u tat-tul tal-ksur (sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq, punt 452). B’hekk, l-evalwazzjoni tal-imsemmi limitu għandha ssir b’referenza għad-daqs u għas-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, peress li dan il-limitu għandu l-għan li jevita li ma tkunx imposta multa fejn huwa prevedibbli li l-impriża inkwistjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tħallasha.

452    Issa, id-dħul mill-bejgħ konsolidat tal-grupp Saint-Gobain huwa iktar ta’ natura li jirrefletti d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża prevista bid-deċiżjoni kkontestata milli l-porzjoni waħedha tal-imsemmi dħul mill-bejgħ imwettaq mill-qasam “Twieqi” ta’ dan il-grupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 5040, u s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 450 iktar ’il fuq, punt 529). F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li Compagnie eżerċitat influwenza determinanti fil-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha kollha.

453    B’hekk jirriżulta li l-unika ċirkustanza fejn il-grupp Saint-Gobain huwa attiv f’setturi industrijali differenti, bħat-twieqi, il-materjali innovattivi, il-prodotti għall-kostruzzjoni jew inkella għall-imballaġġ, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika li dħul mill-bejgħ iktar imnaqqas mid-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-imsemmi grupp ikun ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu tal-multa, u dan anki jekk il-ksur previst mid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss wieħed minn dawn is-setturi.

454    Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 443 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li Compagnie tifforma, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, unità ekonomika waħda mal-qasam “Twieqi” tal-grupp Saint-Gobain. F’tali każ, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, huwa leġittimu għall-Kummissjoni li tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent sabiex tiffissa l-multa għal livell suffiċjentement dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 445). Issa, ikun ippreġudikat dan l-għan jekk, hekk kif issuġġeriet essenzjalment Compagnie, id-dħul mill-bejgħ biss tal-kumpanniji li ipparteċipaw direttament fil-ksur setgħu jservu ta’ referenza fid-dawl tal-kalkolu tal-limitu tal-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni, T‑26/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 115).

455    Din il-konklużjoni ma hijiex inkompatibbli mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet li tistabbilixxi jekk id-dħul mill-bejgħ dinji mill-kumpanniji kollha tal-grupp Knauf seta’ jservi ta’ referenza għall-kalkolu tal-limitu tal-multa, eżaminat, minn naħa, jekk il-grupp Knauf kienx jammonta għal unità ekonomika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti skont il-liġi li Knauf Gips AG, rikorrenti f’din il-kawża, kienet il-persuna ġuridika li, fit-tmexxija tal-grupp Knauf, kienet responsabbli mill-koordinazzjoni tal-azzjoni ta’ din (sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq, punt 339). Madankollu, dan l-approċċ kien ġustifikat f’dan il-każ mill-fatt li, fid-deċiżjoni fejn l-annullament kien mitlub f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika persuna ġuridika li kienet tmexxi l-grupp ta’ kumpanniji li jiffurmaw l-impriża responsabbli mill-ksur u li setgħu jiġu attribwiti lilha l-ksur imwettqa mill-kumpanniji diversi li jiffurmawha (sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq, punt 337). B’kuntrast, il-Kummissjoni ġustament setgħet, fil-kawża preżenti, tattribwixxi l-aġir ta’ Saint-Gobain lil Compagnie, kumpannija holding tal-grupp Saint-Gobain.

456    Fir-rigward fl-aħħar nett tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni ma poġġietx lil Compagnie, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’pożizzjoni li turi li hija ma teżerċitax influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji kollha tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, anki f’każ fejn kien ammissibbli b’mod li kien invokat biss fl-istadju tar-replika, huwa f’kull każ infondat. Fil-fatt, hekk kif intqal fil-punt 452 iktar ’il fuq, il-kalkolu tal-limitu tal-multa impost fuq Compagnie u fuq Saint-Gobain b’referenza għad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp Saint-Gobain ma huwiex ikkundizzjonat mill-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ Compagnie fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji kollha tagħha.

457    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ konsolidat tal-grupp Saint‑Gobain sabiex jiġi ddeterminat il-limitu tal-multa li seta’ jiġi impost f’din il-kawża fuq Compagnie u s-Saint-Gobain. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-multa ta’ EUR 880 miljun imposta fuq Compagnie u s-Saint-Gobain flimkien hija iktar baxxa mil-limitu b’hekk ikkalkolat.

458    B’hekk, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –  Talba fuq iż-żewġ rikorsi fir-rigward tat-talbiet tagħha għall-annullament

459    Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet għall-annullament ippreżentati minn Compagnie u minn Saint-Gobain biss sa fejn huma għandhom l-għan li jikkonstataw li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat id-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) għall-finijiet li tistabbilixxi ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward tagħhom.

III –  Fuq it-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha

460    Saint-Gobain u Compagnie jitolbu wkoll lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha f’din il-kawża u li tnaqqas l-ammont tal-multa li huwa impost fuqha.

461    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-ġurisdizzjoni llimitata li ngħatatilha fil-qasam tal-kompetizzjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 taħt l-Artikolu 229 KE, tagħtiha s-setgħa, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tippermetti biss iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament jew li tannulla l-att ikkontestat, li tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas tal-annullament, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt, bit-tibdil b’mod partikolari tal-multa imposta fil-kwistjoni tal-ammont ta’ din u suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 692, u s-sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 265).

462    F’din il-kawża, għandu jiġi eżaminat suċċessivament, fl-ewwel lok, l-argument ta’ Saint-Gobain li skont dan, hemm lok li jitnaqqsu mill-bażi ta’ kalkolu tal-multa, iċ-ċifri ta’ bejgħ li hija tallega li seħħ barra miż-ŻEE, fit-tieni lok, l-argument ta’ Saint-Gobain li skont dan iċ-ċifri ta’ bejgħ li hija kisbet fl-1999 ma jkunux użati għas-sena 1998 bil-għan tal-kalkolu tal-multa, fit-tielet lok, il-konsegwenzi li hemm lok li jiġu dedotti, f’dan il-każ, mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) għall-finijiet li tiġi stabbilita r-reċidiva fir-rigward ta’ Compagnie u ta’ Saint-Gobain u, fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-motiv ġdid imqajjem fis-seduta minn Compagnie, ibbażat fuq skadenza tat-terminu raġonevoli.

A –  Fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ allegatament miksuba minn Saint-Gobain barra miż-ŻEE

463    Saint-Gobain issostni li l-bejgħ li hija wettqet barra miż-ŻEE għandu jitnaqqas mill-bażi ta’ kalkolu tal-multa, indipendentement mill-assenza ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, li skont dan id-dħul mill-bejgħ biss imwettaq ġewwa t-territorju taż-ŻEE huwa kkunsidrat għall-kalkolu tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

464    Fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-portata ġeografika tas-suq ikkonċernat mill-akkordju kontenzjuż tikkorrispondi maż-ŻEE kollu kemm hi.

465    F’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2008, bħala risposta għal talba għal informazzjoni ta’ din tal-aħħar tal-10 ta’ Diċembru 2007, Saint-Gobain irreferiet għal ammont ta’ dħul mill-bejgħ annwali, għas-snin finanzjarji 2001 sa 2004, li jikkorrispondu b’mod partikolari għal bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE. F’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2008 bħala risposta għal talba ġdida għal informazzjoni ta’ din tal-aħħar tal-25 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain ikkompletat din l-informazzjoni billi għamlet referenza għal parti mill-ammont tad-dħul mill-bejgħ annwali, għas-snin finanzjarji 1999 u 2000, li jikkorrispondu wkoll għall-bejgħ imwettqa, skont din l-impriża, barra miż-ŻEE.

466    Il-Kummissjoni tqis madankollu li ma hemmx lok li jitnaqqsu l-ammonti totali ta’ dħul mill-bejgħ li ġew ikkomunikati lilha minn Saint-Gobain tal-bejgħ allegatament imwettqa barra miż-ŻEE.

467    Il-Qorti Ġenerali, permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Saint-Gobain tikkomunika kull dokument ta’ natura li jissostanzja r-realtà tad-dħul mill-bejgħ allegatament imwettaq barra miż-ŻEE, inkluż li tressaq kuntratti ta’ bejgħ, u li tispeċifika lil liema produtturi jirrelataw il-bejgħ li għalihom jikkorrispondu dawn iċ-ċifri. Saint-Gobain ukoll ġiet mistiedna tirrispondi għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha sabiex topponi li ċ-ċifri inkwistjoni jitnaqqsu mill-bażi ta’ kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha.

468    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-ewwel nett, f’dan ir-rigward, li l-allegazzjoni ta’ Saint-Gobain ma għandhiex tintlaqa’ peress li ssostni li ċ-ċirkustanza li skont din l-argumenti previsti fil-punti 167 u 168 iktar ’il fuq tressqu mill-Kummissjoni biss fl-istadju tal-kontroreplika tissuġġerixxi li huwa bi żball li din inkludiet il-bejgħ li sar barra miż-ŻEE fil-bażi ta’ kalkolu tal-multa.

469    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li dawn id-dettalji tressqu mill-Kummissjoni fl-istadju tal-kontroreplika bħala risposta għal motiv ġdid ippreżentat fir-replika tagħha minn Saint-Gobain u li tirreferi speċifikament fuq dan l-allegat żball. Min-naħa l-oħra, fit-talbiet tagħha għal informazzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2007 u tal-25 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni kienet talbet lil Saint-Gobain li hija tikkomunikalha d-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fi ħdan iż-ŻEE matul varji snin finanzjarji suċċessivi. F’kull waħda minn dawn it-talbiet, hija stiednet lil Saint-Gobain tforniha, jekk possibbli, b’ċifri ċċertifikati u sabiex tiddistingwi d-dħul mill-bejgħ imwettaq għal kull produttur tal-vetturi kkonċernat. Issa, fl-investigazzjoni, Saint-Gobain ma ppreżentat l-ebda prova ta’ natura li turi li l-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ li hija riedet li jitnaqqsu miċ-ċifri li hija kienet preċedentement ikkomunikat lill-Kummissjoni jikkorrispondu għall-bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE.

470    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ssostni li Saint-Gobain ippreżentat serje ta’ fatturi jew ta’ listi ta’ fatturi li jirrigwardaw il-bejgħ imwettqa barra miż-ŻEE bejn l-1999 u l-2003. Mit-tabella li tidher fil-punt 11 tal-ittra mibgħuta minn Saint-Gobain lill-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2012, jirriżulta li l-produtturi kkonċernati huma [kunfidenzjali]. Il-prodotti tat-twieqi li jirrigwardaw dawn il-fatturi jikkonċernaw siti ta’ produzzjoni li kienu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, jinstabu barra miż-ŻEE ([kunfidenzjali]).

471    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jingħad li l-fatturi u l-listi ta’ fatturi mressqa minn Saint-Gobain ma kinux jippermettu li jissostanzjaw li parti biss miċ-ċifri ta’ bejgħ twettqu minn din l-impriża barra miż-ŻEE fil-perijodu ta’ ksur. B’hekk, Saint-Gobain ressqet biss fatturi jew listi ta’ fatturi dwar is-snin 2002 u 2003 fir-rigward tal-bejgħ tat-twieqi lil [kunfidenzjali] u lil [kunfidenzjali]. F’ċerti każijiet, dwar b’mod partikolari l-bejgħ lill-[kunfidenzjali], ma tressqet l-ebda fattura.

472    Saint-Gobain tipprova tiġġustifika l-lakuni tad-dokumenti tal-fajl tagħha billi tqajjem b’mod partikolari l-mogħdija ta’ perijodu twil wara l-fatti, fejn jirriżulta li bosta dokumenti ta’ verifika, ta’ kontabbiltà jew oħrajn, sparixxew. Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat. Fil-fatt, Saint-Gobain setgħet tipprova tikkomunika dokumenti ta’ prova lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni, ħaġa li hija rrinunċat speċifikament milli tagħmel kemm minħabba l-“ammont relattivament baxx” tal-bejgħ ikkonċernat kif ukoll tad-“diffikultajiet kbar li kellha tegħleb sabiex tiġbed mill-[bank tad-data kummerċjali internazzjonali ta’ Saint-Gobain] id-dħul mill-bejgħ dwar dawn il-bejgħ barra miż-[ŻEE]”. Fuq dan il-punt hemm lok li jingħad li, kuntrarjament għal dak li ssostni Saint-Gobain, id-domandi li l-Kummissjoni indirizzawlha bosta drabi fl-investigazzjoni kienu suffiċjentement preċiżi sabiex hija tifhem in-neċessità li tforni provi ta’ natura li ssostni r-realtà taċ-ċifri ta’ bejgħ barra miż-ŻEE li għalihom din l-impriża tirreferi. L-allegazzjoni ta’ Saint-Gobain ma tintlaqax fejn hija ssostni li l-Kummissjoni ma ġibditx l-attenzjoni tagħha b’mod suffiċjenti fuq l-importanza ta’ analiżi tad-dħul mill-bejgħ skont il-produttur. Din l-allegazzjoni hija fil-fatt żmentita mill-kliem tal-kwestjonarji indirizzati lil Saint-Gobain mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Diċembru 2007 u fil-25 ta’ Lulju 2008.

473    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata, il-produtturi ċċitati fil-punt 470 iktar ’il fuq kollha kienu s-suġġett ta’ kollużjonijiet minn naħa tal-membri tal-“club”. Jekk Saint-Gobain tammetti, fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, li dawn il-bejgħ seħħew parzjalment fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali ikbar irregolata minn kuntratt qafas konkluż ma’ entità tal-produttur li tinstab fi ħdan iż-ŻEE, hija ssostni madankollu li l-bejgħ inkwistjoni kien ir-riżultat ta’ sejħiet għal kunsinni li saru minn sussidjarji li jinsabu barra miż-ŻEE u li t-twieqi ġew ikkunsinnjati f’siti ta’ produzzjoni li jinsabu barra miż-ŻEE. Fis-seduta, Saint-Gobain sostniet ukoll li ċ-ċentrali ta’ xiri tal-gruppi tal-vetturi fi ħdan iż-ŻEE ma kinux sistematikament responsabbli tan-negozjar tal-kuntratti ta’ provvista.

474    Madankollu, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li Saint-Gobain ma ressqet, suġġett biss għal kuntratt qafas konkluż ma’ [kunfidenzjali], eżaminat fil-punt 475 iktar ’il quddiem, ebda dettalji fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fit-tabella li tidher fil-punt 10 tar-risposta tagħha bil-miktub għad-domandi tal-Qorti Ġenerali u li ma kinux twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali ikbar irregolata minn kuntratt qafas konkluż ma’ produttur tal-vetturi fiż-ŻEE. Il-Qorti Ġenerali min-naħa l-oħra ssostni, f’dan ir-rigward, li ċerti dokumenti stess ippreżentati minn Saint-Gobain fi tweġiba għad-domandi tal-Qorti Ġenerali juru l-mudell kummerċjali ta’ ċentralizzazzjoni tax-xiri fil-livell tal-produtturi tal-vetturi fiż-ŻEE. Jeħtieġ li ssir referenza, fuq dan il-punt, għas-sejħa għal offerti li tnediet minn [kunfidenzjali] bil-għan b’mod partikolari tal-provvista ta’ windscreens destinati għas-sit ta’ produzzjoni ta’ dan il-produttur lil [kunfidenzjali] kif ukoll għall-kuntratt bejn Saint-Gobain u [kunfidenzjali], dwar il-provvista tat-twieqi għall-fabbrika [kunfidenzjali].

475    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratt qafas konkluż bejn Saint-Gobain u [kunfidenzjali], dan ċertament wera li d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Saint-Gobain f’dan il-kuntest ma kienx relatat ma’ kuntratt qafas konkluż ma’ produttur stabbilit fi ħdan ż-ŻEE. Il-Qorti Ġenerali madankollu ssostni li kien l-uniku dokument imressaq minn Saint-Gobain għall-finijiet li ssostni d-dħul mill-bejgħ imsemmi fit-tabella li tidher fil-punt 10 tat-tweġiba tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw il-kunsinni ta’ dan il-produttur f’[kunfidenzjali] fil-perijodu ta’ ksur. Fin-nuqqas ta’ kull prova oħra, bħal fatturi jew dokumenti tal-kontabbiltà, il-Qorti Ġenerali b’hekk ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika r-realtà taċ-ċifri mressqa. Tant huwa hekk li l-kuntratt konkluż bejn Saint-Gobain u [kunfidenzjali] ma jagħti l-ebda indikazzjonijiet kwantitattivi la dwar il-prezzijiet applikati u lanqas dwar il-volumi tat-twieqi li għalihom ta lok l-imsemmi kuntratt.

476    Fl-aħħar nett hemm lok li jingħad li l-bejgħ li Saint-Gobain tallega li wettqet barra miż-ŻEE jirrigwarda siti ta’ produzzjoni ta’ produtturi tal-vetturi f’pajjiżi tal-fruntiera taż-ŻEE, li l-parti l-kbira minnhom issieħbu fl-Unjoni wara li waqaf il-ksur. Issa, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, ma hemm l-ebda dubju li għall-inqas parti mill-vetturi prodotti f’dawn is-siti u mgħammra bi prodotti tat-twieqi li għalihom Saint-Gobain tirreferi fit-tabella msemmija iktar ’il fuq ġew ikkummerċjalizzati fiż-ŻEE. B’hekk huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li teżisti rabta mill-qrib bejn tali bejgħ u s-suq intern.

477    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa minn Saint-Gobain sabiex jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-fatt li parti mid-dħul mill-bejgħ tagħha inkiseb barra miż-ŻEE ma jintlaqgħux.

B –  Fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ li għandhom jiġu kkunsidrati għas-sena 1998

478    Fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li għandhom jiġu kkunsidrati għas-sena 1998, għandu jitfakkar li Saint-Gobain, fl-investigazzjoni, ma kkomunikatx dħul mill-bejgħ imqassam skont il-produttur li jirrigwarda dik is-sena. B’hekk, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 138 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, għas-sena 1998, ċifri ta’ bejgħ skont il-produttur li kienu ġew fornuti minn Saint-Gobain għas-sena l-iktar qrib koperta mill-perijodu ta’ ksur, jiġifieri l-1999.

479    Saint-Gobain madankollu ssostni li s-suq tal-ħġieġ tal-vetturi kellu tkabbir bejn l-1998 u l-1999 u li, b’hekk, il-kunsiderazzjoni taċ-ċifri ta’ bejgħ li effettivament inkiseb fl-1998, għall-iffissar tal-bażi ta’ kalkolu tal-multi, kienet iktar favorevoli għaliha mill-kunsiderazzjoni taċ-ċifri ta’ bejgħ tal-1999 għas-sena 1998.

480    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Saint-Gobain huma vagi u li, barra minn hekk, ma huma sostnuti minn ebda prova. Barra minn hekk, Saint-Gobain, kemm fl-investigazzjoni kif ukoll fil-kitbiet tagħha, indikat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tforni dħul mill-bejgħ ppreċiżati mill-produttur, għas-sena 1998.

481    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li f’din il-kawża jintuża approċċ differenti minn dak li ntuża mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-multa u ma hemmx lok li ssir referenza, sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tas-sena 1998, għal ċifri oħra ta’ bejgħ minn dawk miksuba minn Saint-Gobain fl-1999.

C –  Fuq il-konsegwenzi tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) għall-finijiet li tiġi stabbilita r-reċidiva

482    Għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-konsegwenzi tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) bil-għan li tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie.

483    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali ssostni li l-motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirrigwardaw ir-reċidiva tqajjem kemm minn Saint-Gobain kif ukoll minn Compagnie u li dan il-motiv intlaqa’ parzjalment fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati minn din (ara l-punti 308 sa 321 iktar ’il fuq).

484    Barra minn hekk għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 461 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni llimitata tagħha, tista’, jekk hija tqis dan neċessarju, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa, b’hekk inkluż fil‑konsegwenzi li jeħtieġ li jiġu dedotti mill-konstatazzjoni li impriża għandha tendenza li ma tissodisfax ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

485    Il-livell taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva huwa meqjus li jirrefletti l-gravità marbuta mar-repetizzjoni ta’ aġir kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Skont id-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda ta’ 60 % tal-ammont bażiku tal-multa kienet ġustifikata kemm fir-rigward tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (il-Benelux) kif ukoll tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja). Hekk kif jirriżulta mill-fatt li biss l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tista’ tiġi meqjusa għall-finijiet li tiġi stabbilita r-reċidiva u li, barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet l-iktar ’il bogħod fiż-żmien minn meta beda l-ksur previst mid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-repetizzjoni tal-aġir ta’ ksur ta’ Saint-Gobain u ta’ Compagnie hija inqas serja minn dik kkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

486    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-perċentwal ta’ żieda minħabba r-reċidiva għandu jitnaqqas għal 30 % u, b’hekk, il-multa imposta in solidum fuq Saint-Gobain u fuq Compagnie tiġi stabbilita għal ammont ta’ EUR 715 miljun.

D –  Fuq il-motiv ġdid imqajjem minn Compagnie fis-seduta, ibbażat fuq skadenza tat-terminu raġonevoli

487    Compagnie qajmet fis-seduta motiv ġdid, ibbażat fuq skadenza tat-terminu raġonevoli fi-rigward tat-tul eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Compagnie ssostni f’dan ir-rigward, li għaddew iktar minn seba’ snin bejn il-mument meta l-Kummissjoni adottat l-ewwel miżura ta’ investigazzjoni f’din il-kawża u dak meta seħħet is-seduta, data li fiha Compagnie kienet għadha qed tistenna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Il-mogħdija ta’ dan iż-żmien kellu konsegwenzi kbar fuq Compagnie minħabba l-garanzija bankarja li ġiet mitluba minnha mill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi evitat il-ħlas immedjat tal-multa li ġie impost fuqha. Compagnie b’hekk titlob lill-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkunsidra dan it-tul eċċessiv u tal-ispejjeż li hija sofriet minħabba dan id-dewmien.

488    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn għandu l-għan li jikkunsidra t-tul tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, dan il-perijodu kien magħruf mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha u b’hekk f’dan l-istadju, setgħet tikkontesta l-karattru irraġonevoli tiegħu. F’kull każ, il-Kummissjoni ssostni li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma jkunx ikkunsidrat eċċessiv. Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li eventwali terminu eċċessiv tal-proċeduri ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, bla ħsara madankollu għal azzjoni għal kumpens għad-danni.

489    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ssostni li skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kull persuna hija intitolata għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn Qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa mil-liġi, li tiddeċiedi kemm kwistjonijiet fuq drittijiet u obbligi ta’ karattru ċivili, kif ukoll fuq il-mertu ta’ kull akkuża kriminali kontra tagħha.

490    Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tali dritt japplika fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ġie affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jirreferi għal prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punti 178 u 179, u l-ġurisprudenza ċċitata).

491    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli jammonta wkoll għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala tali, dan il-prinċipju ġie kkonfermat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

492    L-Artikolu 41(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’hekk jinkludu żewġ referenzi għal prinċipju wieħed ta’ natura proċedurali, jiġifieri dak li permezz tiegħu, l-individwi jistgħu jistennew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 285).

493    Fil-kawża ineżami, filwaqt li ssostni l-ksur ta’ dan il-prinċipju, Compagnie ma tallegax li t-tul tal-proċedura kellu xi tip ta’ impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew li dan it-tul jista’ jaffettwa s-soluzzjoni ta’ din il-kawża. B’mod partikolari, hija ma tallegax li dan it-tul kellu xi tip ta’ effett fuq il-possibbiltajiet tagħha sabiex tipprepara d-difiża tagħha, la waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas matul il-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, hija lanqas ma qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-ksur allegat. Min-naħa l-oħra, Compagnie titlob lill-Qorti Ġenerali li tbiddel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni konsegwentement għall-imsemmi ksur.

494    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi deċiż li, anki f’każ li l-ilment ibbażat fuq skadenza tat-terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva ikun ammissibbli b’mod li ma kienx preżenti fir-rikors, it-tul tal-imsemmija proċedura ma tkunx, f’kull każ, ikkunsidrata bħala eċċessiva fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Din il-proċedura, li bdiet fi Frar 2005 permezz ta’ spezzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni f’ċerti uffiċċji tal-kumpanniji tal-grupp Saint-Gobain, intemmet permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tat-12 ta’ Novembru 2008, jiġifieri wara terminu ta’ ċirka tliet snin u disa’ xhur. Issa, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda akkordju partikolarment kumpless, li affettwa gradwalment kważi l-produtturi kollha tal-vetturi fl-Unjoni u wassal għal ħafna kuntatti u laqgħat. It-trattament ta’ din il-kawża mill-Kummissjoni ħtieġ l-eżami ta’ numru kbir ta’ domandi ta’ fatt u ta’ dritt, kif jirriżulta mill-volum tad-deċiżjoni kkontestata, li hija magħmula minn 731 punt u 221 paġna. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-proċedura mill-Kummissjoni fil-premessi 39 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati perijodi ta’ inattività mhux ġustifikati.

495    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tul tal-proċedura ġudizzjarja li wasslet għall-għoti tas-sentenza preżenti, għandu jingħad li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), jirriżulta li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, tali rikors jammonta għal rimedju effettiv u ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jintalab u jiġi ssanzjonat tali ksur (sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 82 u 83).

496    B’hekk jirriżulta li r-rikors ippreżentat f’din il-kawża minn Compagnie, li għandu bħala għan biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija imposta fuqha u fl-ebda każ ma tkun assimilata ma’ rikors għad-danni, ma jammontax għal qafas xieraq għall-finijiet li jissanzjona ksur eventwali mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli fil-kawża preżenti.

497    B’mod iktar sussidjarju, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha min-naħa l-oħra d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Din il-garanzija, li tifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, hija wkoll inkluża fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

498    Skont il-ġurisprudenza, il-garanzija ta’ imparzjalità tkopri żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali għandha tkun suġġettivament imparzjali, jiġifieri li ebda wieħed mill-membri tagħha ma għandu juri li qed ixaqleb lejn jew jieħu pożizzjoni fuq bażi personali, peress li l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm tingħata prova kuntrarja. Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti għandha tkun oġġettivament imparzjali, li tfisser li għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 54; ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Piersack vs Il-Belġju tal-1 ta’ Ottubru 1982, serje A n 53, § 30; De Cubber vs Il-Belġju tas-26 ta’ Ottubru 1984, serje A n 86, § 24 sa 30, u Findlay vs Ir-Renju Unit tal-25 ta’ Frar 1997, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet, 1997‑I, § 73).

499    F’din il-kawża, billi tqajjem ilment ibbażat fuq tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja fil-kawża preżenti, Compagnie tistieden lill-Awla tal-Qorti Ġenerali li tkun qed tittratta din il-kawża li tevalwa jekk hija stess wettqet irregolarità proċedurali meta akkumulat dewmien inġustifikat fit-trattament ta’ din. Tali evalwazzjoni b’hekk twassal lill-qorti preżenti tiddetermina mhux biss jekk tistax tiġi attribwita lilha dewmien żejjed, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, jekk dan għandux jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv.

500    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki f’każ li r-rikors għal annullament ammonta għal qafas xieraq sabiex jiġi ssanzjonat ksur tal-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli, il-formazzjoni preżenti tal-qorti ma setgħetx, f’kull każ, toffri lil Compagnie garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kull dubju leġittimi fir-rigward tal-fatt li hija teżamina l-ilment ibbażat fuq terminu eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja b’mod imparzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, punt 495 iktar ’il fuq, punt 90).

501    B’hekk jirriżulta li l-motiv preżenti, imqajjem minn Compagnie insostenn tat-talbiet tagħha għal reforma, għandu jiġi miċħud bħala inparti infondat u in parti inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

502    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

503    Fil-kawża preżenti, it-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati biss parzjalment fondati. Madankollu, hekk kif Saint-Gobain ġustament sostniet fis-seduta, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rinunzja minn din tal-aħħar ta’ waħda mill-ilmenti tagħha bbażata fuq żball tal-kalkolu tal-multa seħħet wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika fi stadju avvanzat tal-proċeduri, jiġifieri wara s-seduta.

504    Barra minn hekk, il-Kunsill illimita l-intervent tiegħu fil-kawża T‑56/09 għas-sostenn biss tat-talbiet tal-Kummissjoni bil-għan taċ-ċaħda tal-ewwel motiv imqajjem minn Saint-Gobain, ibbażat fuq l-invalidità tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, dan il-motiv ġie miċħud bħala infondat.

505    Il-Qorti Ġenerali b’hekk tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti tbagħti l-ispejjeż tagħha, bl-eċċezzjoni tal-Kunsill, li l-ispejjeż tiegħu jitħallsu minn Saint-Gobain.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kawżi T‑56/09 u T‑73/09 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      L-ammont tal-multa impost in solidum fuq Saint-Gobain Glass France SA, Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG, Saint-Gobain Sekurit France SAS u fuq Compagnie de Saint-Gobain SA, fl-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, u permezz tad-Deċiżjoni C (2013) 1118 finali, tat-28 ta’ Frar 2013, huwa stabbilit għal EUR 715 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikorsi huma miċħuda.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, bl-eċċezzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li l-ispejjeż tiegħu għandhom jitħallsu minn Saint-Gobain Glass France, Saint-Gobain Sekurit Deutschland u Saint-Gobain Sekurit France.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Marzu 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq is-suġġett tar-rikors

II –  Fuq it-talbiet imqajma prinċipalment u intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Kawża T‑56/09

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tar-Regolament Nru 1/2003

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-injorar tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq żball fil-kalkolu tal-multa

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq żball fil-kalkolu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat, fuq żball fl-attribuzzjoni tar-responsabbiltŕ tal-aġir tal-ksur ta’ Saint-Gobain f’Compagnie, fuq ksur tal-prinċipji tal-individwalitŕ tal-pieni u fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv hekk kif imqajjem minn Saint-Gobain

Fuq il-mertu

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ tal-pieni u tal-aspettattivi leġittimi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq karattru eċċessiv tal-multa

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tar-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, ta’ ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalitŕ u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u esposti minn Compagnie fis-sottomissjonijiet kumplimentari tagħha

–  Fuq il-mertu

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalitŕ tal-fatti minn Saint-Gobain, kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Kawża T‑73/09

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Talba fuq iż-żewġ rikorsi fir-rigward tat-talbiet tagħha għall-annullament

III –  Fuq it-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni llimitata tagħha

A –  Fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ allegatament miksuba minn Saint-Gobain barra miż-ŻEE

B –  Fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ li għandhom jiġu kkunsidrati għas-sena 1998

C –  Fuq il-konsegwenzi tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Ħġieġ ċatt (l-Italja) għall-finijiet li tiġi stabbilita r-reċidiva

D –  Fuq il-motiv ġdid imqajjem minn Compagnie fis-seduta, ibbażat fuq skadenza tat-terminu raġonevoli

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.