Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-12 ta’ April 2024 – Pegazus Busz Fuvarozó Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-262/24, Pegazus Busz)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pegazus Busz Fuvarozó Kft.

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Hija konformi mal-Artikolu 167, mal-Artikolu 168(a) u mal-Artikolu 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll mad-dritt għal proċess imparzjali sanċit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’rabta mal-prinċipji fundamentali ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali fejn:

minkejja r-rikonoxximent li t-tranżazzjoni ekonomika riflessa fil-fattura seħħet, id-dritt għat-tnaqqis tal-persuna taxxabbli jiġi miċħud mill-amministrazzjoni fiskali minħabba li tallega li; kemm miċ-ċirkustanzi kollha li hija tqis rilevanti, bħalma huma l-użu ta’ sottokuntratturi, ir-rabtiet personali, organizzattivi u ta’ proprjetà żvelati, l-imġiba fil-konfront tal-impjegati tal-persuna li ġiet indikata, fil-kuntratt prinċipali konkluż bejn il-klijent u r-rikorrenti, bħala l-persuna inkarigata li żżomm il-kuntatt ta’ kuljum; kif ukoll mill-fatt li ma kienx hemm bdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati mas-sottokuntratturi suċċessivi, jista’ jiġi dedott li l-imġiba tar-rikorrenti tmur kontra r-rekwiżit li d-dritt jiġi eżerċitat b’mod konformi mal-għan tiegħu, u li għalhekk tqis li l-attività ekonomika hija artifiċjali u li ġiet stabbilita biss bil-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-VAT, anki meta ċ-ċirkustanzi kkontestati jirriżultaw neċessarjament kemm mil-libertà kuntrattwali fid-dritt privat, kif ukoll mir-regoli tad-dritt ċivili, tad-dritt industrijali u tad-dritt fiskali li jirregolaw dawn il-kuntratti, u ma għandhom l-ebda rabta kawżali mad-dritt, tal-persuna taxxabbli, għat-tnaqqis tal-VAT?

l-amministrazzjoni fiskali tqis bħala evitar tat-taxxa ċ-ċirkustanza li l-persuna li toħroġ il-fattura hija tardiva fil-ħlas tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet iddikjarati, anki jekk l-istess amministrazzjoni tagħtih il-possibbiltà li jqassam il-ħlas f’partijiet biex jirregolarizza tali sitwazzjoni u anki jekk, fl-aħħar mill-aħħar, tiġbor l-ammont dovut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-konfront tas-sottokuntrattur, b’tali mod li t-teżor pubbliku ma jsofri ebda dannu, jew huwa biss il-fatt li t-taxxa tinħeba, minn għajnejn l-amministrazzjoni fiskali, jiġifieri l-fatt li t-taxxa la tiġi ddikjarata u lanqas ma titħallas, li jikkostitwixxi mġiba frawdolenti?

l-amministrazzjoni fiskali, filwaqt li tinvoka s-sigriet fiskali, ma tgħarrafx lill-persuna taxxabbli, matul il-proċedura, bl-aġir li allegatament jikkostitwixxi evitar tat-taxxa; jiġifieri dwar in-natura tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet; u, għalhekk, is-sottokuntrattur speċifikament affettwat min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu la jiġi informat dwar it-tip ta’ taxxa (jew kontribuzzjoni) u lanqas ma jiġi informat dwar il-portata u l-perijodu tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda l-amministrazzjoni fiskali tagħmel biss riferimenti ġeneriċi f’dan ir-rigward?

bħala rekwiżit għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis, l-amministrazzjoni fiskali, filwaqt li tallega sempliċement l-eżistenza ta’ rabtiet personali u organizzattivi bejn il-persuna taxxabbli u s-sottokuntrattur, mhux biss talli timponi fuq il-persuna taxxabbli obbligu ta’ verifika (tad-dejn fiskali tas-sottokuntrattur tiegħu), obbligu li l-persuna taxxabbli la hija obbligata u lanqas ma hija awtorizzata li twettaq, iżda talli, biss abbażi ta’ din iċ-ċirkustanza, tippreżumi li l-persuna taxxabbli hija konxja mid-dejn fiskali tas-sottokuntrattur, mingħajr ma twettaq eżami fuq il-mertu tal-element relatat mal-għarfien tal-persuna taxxabbli u dwar jekk dan l-għarfien jistax jinkiseb b’mod leġittimu (meqjus is-sigriet fiskali), fiżiku u loġiku? Il-fatt li r-rabtiet personali u organizzattivi ġew stabbiliti minn individwi huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk dan l-għarfien ġiex ipprovat?

l-awtorità fiskali, mingħajr ma teżamina b’mod eżawrjenti l-bażi legali korrispondenti, tiddetermina min hija l-persuna li timpjega li magħha l-impjegat għandu relazzjoni ta’ impjieg mhux billi tibbaża ruħha fuq il-kuntratt ta’ impjieg li bih tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ impjieg, jew fuq l-identità tal-persuna li tirreġistra r-relazzjonijiet ta’ impjieg, jew saħansitra fuq id-dikjarazzjoni konkordanti tal-persuni li jimpjegaw u tal-impjegati, li tikkonferma d-dokumenti, iżda fuq dikjarazzjoni li tgħid mod ieħor ta’ żewġ ħaddiema (attwalment wieħed biss), fuq iċ-ċirkustanzi li fihom ġew stabbiliti r-relazzjonijiet ta’ impjieg mas-sottokuntratturi preċedenti, fuq ix-xebh tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq l-imġiba tal-amministratur tal-ewwel persuna li timpjega, li fl-istess ħin hija l-persuna ta’ kuntatt skont il-kuntratt prinċipali?

l-imsemmija amministrazzjoni fiskali tapplika letteralment għal perijodi sussegwenti l-konklużjonijiet tagħha relatati ma’ perijodi preċedenti, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet li seħħew fil-fatti rilevanti f’kull perijodu, b’mod partikolari l-għajbien tar-rabtiet personali u organizzattivi, u, minkejja l-imsemmija bidliet fattwali, ma teżaminax l-effett li dawn kellhom, fil-perijodu inkwistjoni, fuq l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali dwar l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, dwar in-natura artifiċjali tal-attività ekonomika, dwar l-eżistenza ta’ mġiba frawdolenti jew dwar l-għarfien li l-persuna taxxabbli kellha f’dan ir-rigward?

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda preċedenti, id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju stabbilita permezz tal-ġurisprudenza li tgħid li, meta tista’ tiġi kkonfermata rabta personali bejn ir-rikorrenti u l-emittenti tal-fatturi li tista’ taffettwa wkoll l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ekonomika ffatturata, jista’ jiġi konkluż, mingħajr eżami addizzjonali tal-għarfien tal-persuna taxxabbli, li din tal-aħħar hija konxja mill-evitar tat-taxxa prodott b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa, tmur kontra l-imsemmija artikoli tad-Direttiva dwar il-VAT u, b’mod partikolari, kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali?

Kollox ma kollox, l-aġir tal-amministrazzjoni fiskali espost iktar ’il fuq huwa konformi mal-obbligu li l-imsemmija amministrazzjoni għandha li tipprova, suffiċjentement skont il-liġi, iċ-ċirkustanzi oġġettivi, f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-VAT, jew inkella dan jikkostitwixxi evalwazzjoni bbażata fuq preżunzjonijiet u suspetti, anki fid-dawl tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li r-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova ma għandhomx jippreġudikaw l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni?

Imorru kontra l-Artikolu 267 TFUE, kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u kontra d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal proċess imparzjali sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta:

il-fatt li l-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, filwaqt li tallega li jeżistu differenzi fiċ-ċirkustanzi fattwali, ma tapplikax sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex tqis li s-suġġett tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza huwa kunsinna ta’ oġġetti, filwaqt li s-suġġett tal-kawża mressqa quddiema huwa provvista ta’ servizzi, jew għaliex tqis li ċ-ċirkustanza oġġettiva invokata fil-kawża mressqa quddiema hija biss waħda miċ-ċirkustanzi oġġettivi evalwati fis-sentenza applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, hija biss parti minn din is-sentenza li tista’, l-iktar l-iktar, titqies li hija rrilevanti?

il-fatt li l-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, ma tapplikax is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kawża inkwistjoni b’konsegwenza ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u tadotta sentenza li tmur kontriha mingħajr ma tressaq talba għal deċiżjoni preliminari rispettiva, minkejja l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni enfasizzati fid-deċiżjoni tagħha?

Meqjusa n-neċessità li jiġu osservati d-drittijiet u l-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti u li d-dritt nazzjonali li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġix applikat, qorti ta’ Stat Membru li tiġi ordnata, mill-qorti tal-aħħar istanza, tiddeċiedi mill-ġdid il-kawża tista’, f’din it-tieni kawża, titbiegħed mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tal-aħħar istanza, mingħajr ma tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari, jekk tqis li dawn l-indikazzjonijiet imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, jew jekk, wara l-ordni li tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat deċiżjoni, dwar l-istess kwistjoni ġuridika u f’kawża li l-fatti tagħha huma simili, li tmur kontra l-interpretazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat l-obbligu li terġa’ tisma’ l-kawża, jew inkella li l-qorti nazzjonali ordnata li tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid tista’ tiġi eżentata mill-obbligu impost mill-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u tapplika d-deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest tal-kawża l-ġdida?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.