Language of document : ECLI:EU:C:2021:798

Kawża C487/19

W.Ż.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba cywilna))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas6 ta’ Ottubru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Prinċipji ta’ impediment ta’ tneħħija u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Trasferiment mingħajr kunsens ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja – Rikors – Digriet ta’ inammissibbiltà adottat minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi), il-Polonja) – Imħallef maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ riżoluzzjoni mogħtija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura minkejja deċiżjoni ġudizzjarja li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni sakemm tingħata sentenza dwar deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja – Imħallef li ma jikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Possibbiltà li tali digriet ta’ inammissibbiltà jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli”

1.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipji ta’ impediment ta’ tneħħija u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Sistema applikabbli għat-trasferimenti mingħajr kunsens tal-imħallfin – Miżuri ta’ trasferiment li għandhom jiġu adottati biss għal raġunijiet leġittimi, bħal tqassim tar-riżorsi disponibbli – Possibbiltà effettiva ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja tal-imsemmija miżuri

(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47, 48 u 51(1))

(ara l-punti 102 sa 118)

2.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stabbiliment fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi – Livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Karta li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-imsemmija konvenzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u Artikolu 52(3))

(ara l-punt 123)

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

(ara l-punti 126 sa 130, 147, 148)

4.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Supremazija – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Rikors ta’ mħallef li jippresjedi f’qorti li tista’ tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni kontra deciżjoni li biha huwa ġie ttrasferit mingħajr kunsens – Talba għal rikuża bbażata fuq tali rikors – Digriet ta’ istanza li tiddieċiedi fl-aħħar istanza u f’formazzjoni ta’ imħallef uniku li jiċħad l-imsemmi rikors – Ħatra tal-imħallef uniku mwettqa bi ksur manifest tar-regoli fundamentali li jirregolaw is-sistema ġudizzjarja kkonċernata – Kundizzjonijiet tal-ħatra li ħolqu dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef uniku kkonċernat – Digriet meqjus li huwa ineżistenti

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 138 sa 146, 149 sa 161, u d-dispożittiv)

Sunt

F’Awwissu 2018, l-Imħallef W.Ż., li jippresjedi f’qorti reġjonali fil-Polonja, ġie ttrasferit mingħajr il-kunsens tiegħu mid-diviżjoni tal-qorti li lilha kien assenjat lejn diviżjoni oħra tal-istess qorti. Huwa ppreżenta, quddiem il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KNM”), rikors kontra dan it-trasferiment, li wassal għal riżoluzzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. F’Novembru 2018, W.Ż. ikkontesta din ir-riżoluzzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), fejn talab ukoll ir-rikuża tal-imħallfin kollha li jifformaw l-awla adita bir-rikors tiegħu, jiġifieri l-l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ”). Huwa qies li, fid-dawl tal-modalitajiet tal-ħatra tagħhom, il-membri ta’ din l-awla ma kinux joffru l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa.

F’dan ir-rigward, is-Sąd Najwyższy (Izba cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili), il-Polonja), li hija mitluba tiddeċiedi dwar din it-talba għal rikuża, tindika, fid-digriet tar-rinviju tagħha, li ġew ippreżentati rikorsi quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) kontra r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM, li tipproponi lill-President tar-Repubblika l-lista tal-imħallfin ġodda tal-Awla ta’ Stħarriġ. Madankollu, minkejja s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni ordnata minn din l-aħħar qorti, il-President tar-Repubblika ħatar għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ din l-Awla ta’ Stħarriġ uħud mill-kandidati ppreżentati f’din ir-riżoluzzjoni.

F’Marzu 2019, filwaqt li, minn naħa, l-imsemmija proċedura quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema kienet għadha pendenti u li, min-naħa l-oħra, din il-qorti tal-aħħar kienet adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar riżoluzzjoni oħra tal-KNM li tipproponi lill-President tar-Repubblika lista ta’ kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Suprema (1), inħatar imħallef ġdid tal-Awla ta’ Stħarriġ (iktar ’il quddiem l-“imħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ”) abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018. Fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li ngħatat fil-formazzjoni ta’ mħallef uniku, mingħajr ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-atti tal-proċess u mingħajr is-smigħ ta’ W.Ż., dan l-imħallef il-ġdid adotta digriet (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”) li jiċħad bħala inammissibbli r-rikors ta’ dan tal-aħħar kontra r-riżoluzzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-KNM.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk imħallef maħtur f’tali ċirkustanzi jikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (2), u talbitha tippreċiża l-implikazzjonijiet tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ tali klassifikazzjoni għad-digriet kontenzjuż.

Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti nazzjonali sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza, fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef, ta’ irregolaritajiet ta’ natura li jipprekludu li dan jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll dwar il-konsegwenzi li, f’tali każ, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jinvolvi għal deċiżjoni bħad-digriet kontenzjuż, adottata minn tali imħallef.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata qabelxejn li qorti ordinarja bħal qorti reġjonali Pollakka taqa’ taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Sabiex tali qorti tkun tista’ tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, il-ħarsien tal-indipendenza tagħha hija primordjali. Issa, trasferiment ta’ mħallef mingħajr kunsens jista’ potenzjalment ikun ta’ natura li jippreġudika l-prinċipji ta’ impediment ta’ tneħħija u ta’ indipendenza tal-imħallfin. Fil-fatt, dan jista’ jaffettwa l-portata tas-setgħat tal-maġistrat ikkonċernat u l-ipproċessar tal-fajls fdati lilu, kif ukoll ikollu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħajja u l-karriera tiegħu; dan jista, għalhekk, jikkostitwixxi mezz sabiex jiġi eżerċitat kontroll fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u jkollu effetti analogi għal dawk ta’ sanzjoni dixxiplinari. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin jeżiġi li s-sistema applikabbli għat-trasferimenti mingħajr kunsens tagħhom joffri l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li din l-indipendenza tiġi pperikolata permezz ta’ interventi esterni diretti jew indiretti. Tali miżuri ta’ trasferiment, li jistgħu jiġu deċiżi biss għal raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari mat-tqassim tar-riżorsi disponibbli, għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiġu kkontestati b’mod ġudizzjarju, skont proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata sussegwentement li l-ħatra tal-imħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ bi ksur tad-deċiżjoni finali tal-Qorti Amministrattiva Suprema li ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM, u mingħajr ma stenniet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A. B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikors), ippreġudikat l-effettività tas-sistema tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, meta seħħet din il-ħatra, ir-risposta mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża setgħet twassal lill-Qorti Amministrattiva Suprema sabiex, jekk ikun il-każ, tannulla r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM fl-intier tagħha.

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi l-oħra li fihom seħħet il-ħatra tal-imħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li hija reċentement iddeċidiet li wħud miċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju, dwar emendi reċenti li affettaw il-kompożizzjoni tal-KNM, setgħu joħolqu dubji leġittimi f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-indipendenza tiegħu (3). Barra minn hekk, din il-ħatra u d-digriet kontenzjuż seħħew meta l-qorti tar-rinviju kienet adita b’talba għal rikuża diretta kontra l-imħallfin kollha fil-kariga dak iż-żmien fl-Awla ta’ Stħarriġ.

Ikkunsidrati flimkien, iċ-ċirkustanzi ċċitati iktar ’il fuq huma, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat saret bi ksur manifest tar-regoli fundamentali li jirregolaw il-ħatra tal-Imħallfin għall-Qorti Suprema. Dawn l-istess ċirkustanzi jistgħu wkoll iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonkludi li ċ-ċirkustanzi li fihom saret din il-ħatra pperikolaw l-integrità tar-riżultat li wassal għalih l-imsemmi proċess ta’ ħatra, billi jikkontribwixxu għall-ħolqien, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, ta’ dubji leġittimi u assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali adita b’talba għal rikuża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tqis bħala ineżistenti digriet bħad-digriet kontenzjuż, jekk jirriżulta mill-kundizzjonijiet u miċ-ċirkustanzi kollha li fihom żvolġa l-proċess ta’ ħatra tal-imħallef li adotta dan id-digriet, li huwa ma jikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.


1      Jiġifieri, il-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikors) (C-824/18, EU:C:2021:153) F’din il-kawża, ippreżentata f’Novembru 2018, il-Qorti Amministrattiva Suprema kienet qegħda ssaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ċerti emendi li saru għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-KNM f’dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ rimedji ġudizzjarji disponibbli kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KNM dwar il-ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema.


2      Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”


3      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema Dixxiplinari għal Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104 sa 108.